Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0469

    Kawża C-469/15 P: Appell ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2015 minn FSL Holdings, Firma Léon Van Parys, Pacific Fruit Company Italy SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-16 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-655/11, FSL Holdings et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 389, 23.11.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/18


    Appell ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2015 minn FSL Holdings, Firma Léon Van Parys, Pacific Fruit Company Italy SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-16 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-655/11, FSL Holdings et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-469/15 P)

    (2015/C 389/20)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: FSL Holdings, Firma Léon Van Parys, Pacific Fruit Company Italy SpA (rappreżentanti: P. Vlaemminck, C Verdonck, B. Van Vooren, J. Auwerx, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali minħabba l-użu ta’ provi miksuba bi ksur totali tal-proċedura prevista għall-istabbiliment tagħhom u minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011 fl-intier tagħha;

    sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju sħiħ tal-multa imposta fuq l-appellanti u, konsegwentement, tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-multa imposta fuq l-appellanti permezz tas-sentenza appellata;

    iktar sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx validament li l-ksur kellu bħala għan jew effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u għaldaqstant, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti jibbażaw l-appell tagħhom fuq erba’ aggravji:

    Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, kif ukoll il-forom proċedurali sostanzjali, meta ċaħdet l-ilment tagħhom ibbażat fuq l-illegalità tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ dokumenti miġbura mill-awtoritajiet fiskali Taljani f’investigazzjoni fiskali nazzjonali, u l-konsegwenzi ta’ din l-illegalità. Fl-ewwl lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu distint skont id-dritt tal-Unjoni li tevita li d-drittijiet fundamentali tad-difiża jkunu jistgħu jiġu irrimedjabbilment ippreġudikati matul il-fażi amministrattiva ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat il-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, kif ukoll tal-forom proċedurali sostanzjali kif riflessi fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament 1/2003 (1). Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi żnaturat it-tifsira ċara tal-provi sottomessi lilha, meta qieset li l-illegalità tal-kisba tad-dokumenti użati bħala provi mill-Kummissjoni kienet irrilevanti.

    Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkritikatx lill-Kummissjoni talli tat l-immunità lill-applikant għall-immunità fir-rigward tal-Ewropa tan-nofsinhar u, għaldaqstant, ma applikatx b’mod konsistenti l-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002. B’mod iktar speċifiku, l-appellanti jsostnu li ebda immunità ma kellha tingħata lill-applikant għall-immunità fir-rigward tal-Ewropa tan-nofsinhar u, għaldaqstant, li d-dikjarazzjonijiet orali kollha tal-applikant għall-immunità u l-informazzjoni kollha miksuba wara t-talbiet għal informazzjoni bbażati fuq dawn id-dikjarazzjoni orali kellhom jiġu rtirati mill-proċess tal-każ ineżami.

    Sussidjarjament, permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li hija ma pprovdietx protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra sanzjoni ta’ natura kriminali imposta fuqhom mill-Kummissjoni, u dan minkejja l-ġurisdizzjoni sħiħa imposta fuq il-Qorti Ġenerali bl-Artikolu 31 tar-Regolament 1/2003 u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stipulat fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta. L-appellanti jsostnu wkoll li, billi naqset milli tipprovdihom b’tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali kkalkolat b’mod żbaljat il-multa.

    Iktar sussidjarjament, permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan, li, finalment, wassal għal klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti u għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, Ġabra Uffiċjali, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.


    Top