Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0260

    Kawża C-260/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (ir-Rumanija) fit- 30 ta’ Mejju 2014 – Județul Neamț vs Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice

    ĠU C 292, 1.9.2014, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 292/15


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Mejju 2014 – Județul Neamț vs Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice

    (Kawża C-260/14)

    2014/C 292/19

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Qorti tar-rinviju

    Curtea de Apel Bacău

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Județul Neamț

    Konvenut: Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice

    Domandi preliminari

    1)

    Il-fatt li awtorità kontraenti, li tibbenefika minn għajnuna għal Fondi Strutturali, ma tosservax id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ valur stmat li huwa inqas mill-valur limitu massimu previst fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva [2004/18/KE] (1), fl-għoti ta’ kuntratt li għandu bħala għan it-twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 (2) jew “irregolarità” fis-sens tal-[Artikolu 2(7)] tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (3)?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn kienu applikati għan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma miżuri amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 jew penali amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 5(ċ) ta’ dan ir-regolament?

    3)

    Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda hija fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri huma penali amministrattivi, il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ penali inqas severa prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 ma japplikax?

    4)

    Meta jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji għan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, fid-dawl ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, jipprekludu l-fatt li Stat Membru japplika korrezzjonijiet finanzjarji rregolati minn att normattiv nazzjonali li daħal fis-seħħ wara li l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkun seħħ?


    (1)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25).


    Top