Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0031

    Kawża T-31/13: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Jannar 2013 minn Vincent Bouillez mis-sentenza mogħtija fl- 14 ta’ Novembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-75/11, Bouillez vs Il-Kunsill

    ĠU C 86, 23.3.2013, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 86/22


    Appell ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2013 minn Vincent Bouillez mis-sentenza mogħtija fl-14 ta’ Novembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-75/11, Bouillez vs Il-Kunsill

    (Kawża T-31/13)

    2013/C 86/35

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellant: Vincent Bouillez (Overijse, il-Belġju) (rappreżentanti: D. Abreu Caldas, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla), tal-14 ta’ Novembru 2012, fil-Kawża F-75/11, Vincent Bouillez vs Il-Kunsill;

    tannulla d-deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

    (1)

    L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, mingħajr effettivament ma stħarreġ, li d-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza kienet konformi mal-prinċipju ta’ obbligu ta’ motivazzjoni filwaqt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma talabx lill-Kunsill jipproduċi xi prova dwar l-applikazzjoni konkreta tal-kriterji tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea matul l-eżami komparattiv tal-merti tar-rikorrent ma dawk ta’ uffiċjali oħra li jistgħu jiġu promossi.

    (2)

    It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuq sempliċi dikjarazzjonijiet tal-Kunsill, li jgħidu li l-livell ta’ responsabbiltajiet kien tabilħaqq ittieħed inkunsiderazzjoni matul l-eżami komparattiv tal-merti, sabiex jiddeċiedi li r-rikorrent ma kienx wera mod ieħor minkejja l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazjoni tal-proċedura, li minnhom kien jirriżulta li diversi uffiċjali promossi la għandhom livell ta’ responsabbiltà u lanqas marka armonizzata daqstant għolja daqs dawk tar-rikorrent, u lanqas ma għandhom numru ikbar ta’ lingwi użati (fir-rigward tal-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata).

    (3)

    It-tielet aggravju bbażat fuq raġunament kontradittorju sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax minn naħa jiddikjara li l-Kunsill kien iġġustifikat meta ddeċieda li jwettaq eżami komparattiv ġdid tal-merti tal-uffiċjali kollha fil-grad AST 6 li jistgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2007, u min-naħa l-oħra jiddikjara li l-Kunsill ma kienx obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-merti ta’ uffiċjal partikolari diġà promoss abbażi tal-istess proċedura u li l-promozzjoni tiegħu kienet saret definittiva (dwar il-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata).

    Barra minn hekk ir-rikorrent isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ma kklassifikax il-fatti, abbażi tal-atti tal-proċess, bħala li jikkostitwixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni.


    Top