Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0243

Kawża C-243/13: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ April 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

ĠU C 189, 29.6.2013, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/12


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ April 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

(Kawża C-243/13)

2013/C 189/23

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u S. Petrova)

Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li l-Isvezja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE meta ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-607/10;

tikkundanna lill-Isvezja sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 14 912 għal kull jum li fih hija ma tkunx adottat il-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-607/10, mill-jum meta l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fil-każ ineżami sal-jum meta tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-607/10;

tikkundanna lill-Isvezja sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fl-istess kont, somma f’daqqa ta’ EUR 4 893 għal kull jum li fih hija ma tkunx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-607/10, mill-jum meta ngħatat l-imsemmija sentenza u sal-jum meta l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fil-każ ineżami, jew sal-jum meta l-Isvezja tadotta l-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-607/10 jekk din id-data tiġi qabel;

tikkundanna lill-Isvezja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja (C-607/10), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat dan li ġej: “1) Billi ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw, permezz ta’ permessi mogħtija skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (verżjoni kkodifikata), jew, b’mod xieraq, permezz tal-eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, jekk ikun il-każ, l-aġġornament tagħhom, li l-installazzjonijiet kollha eżistenti joperaw skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 3, 7, 9, 10, 13, 14(a) u (b), u 15(2) ta’ din id-direttiva, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva”.

Ir-Renju tal-Isvezja għadu ma adottax il-miżuri sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-607/10. Konsegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat rikors taħt l-Artikolu 260(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi kkonkludiet li r-Renju tal-Isvezja għandu jiġi kkundannat għal sanzjonijiet pekunjarji.


Top