Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0021

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
Simon, Evers & Co. GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dazji antidumping — Regolament (KE) Nru 499/2009 — Validità — Importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina — Importazzjoni tal-istess prodotti mibgħuta mit-Tajlandja — Evażjoni — Prova — Rifjut ta’ kooperazzjoni.
Kawża C‑21/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2154

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dazji antidumping — Regolament (KE) Nru 499/2009 — Validità — Importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina — Importazzjoni tal-istess prodotti mibgħuta mit-Tajlandja — Evażjoni — Prova — Rifjut ta’ kooperazzjoni”

Fil-Kawża C‑21/13,

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Simon, Evers, & Co. GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Simon, Evers, & Co. GmbH, minn H. Henninger, avukat,

għall-Gvern Grieg, minn M. Tassopoulou u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn A. Coutinho da Silva u L. Inez Fernandes, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita minn A. Polcyn, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 151, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Simon, Evers & Co. GmbH (iktar ’il quddiem “Simon, Evers”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen (uffiċċju prinċipali doganali tal-port ta’ Hamburg) (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”), dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi fuq Simon, Evers il-ħlas ta’ dazji antidumping.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea, li kienu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

4

L-Artikolu 13 tar-regolament bażiku, intitolat “Evażjoni”, kien jipprovdi:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, [...], meta jkun qed isir ħelsien mir-restrizzjonijiet [meta jkun hemm evazjoni] tal-miżuri fis-seħħ. [...] Ħelsien mir-restrizzjonijiet għandu jiġi mfisser bħala [Evażjoni tfisser] bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xiedha ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xiedha ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

[...]

2.   Operazzjoni ta’ assembleġġ fil-Komunità jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi il-miżuri fis-seħħ meta:

a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra l-bejgħ taħt il-prezz [antidumping] u l-partijiet konċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri;

[...]

u

ċ)

l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati [jkunu kompromessi] fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz [dumping] fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata [kkonċernata] fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. [...]

[...]”

5

Skont l-Artikolu 14(6) tar-regolament bażiku:

“L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar, bil-kummerċ ta’ l-importazzjoni fil-prodotti soġġetti għal investigazzjoni u għal miżuri, u dwar l-ammont ta’ dazji miġbura skond dan id-Regolament.”

6

L-Artikolu 18(1) u (6) tar-regolament bażiku kienu fformulati kif ġej:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata [ikkonċernata] tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja f[...]il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. [...] Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas [rifjut] ta’ koperazzjoni.

[...]

6.   Jekk parti interessata [ikkonċernata] ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

7

Wara investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ April 2003 u l-31 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni inizjali”), l-Unjoni adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005, tat-18 ta’ Lulju 2005, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 334 M 2008, p. 64), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008, tas-17 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 192, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1174/2005”).

8

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1174/2005:

“Dazju antidumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-ħajdroliks, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex84279000 u ex84312000 (kodiċi TARIC 8427900010 u 8431200010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. [...]”

9

Kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 923/2008, tat-12 ta’ Settembru 2008, li jagħti bidu għal investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008, dwar importazzjonijiet ta’ trakkijiet tal-palits tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ trakkijiet tal-palits tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom kkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u kemm jekk le u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 252, p. 3), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni fuq l-evażjoni”) abbażi ta’ provi suffiċjenti li, fl-opinjoni tagħha, kienu prima facie jindikaw li l-miżuri antidumping applikati fuq l-importazzjoni ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina kienu qed jiġu evitati permezz ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal-prodott inkwistjoni fit-Tajlandja. Għal dan il-għan il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 923/2008.

10

Mill-premessa 10 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-investigazzjoni dwar l-evażjoni kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2007 u l-31 ta’ Awwissu 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”).

11

Skont il-premessa 6 tar-regolament ikkontestat, “[i]l-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u tat-Tajlandja, lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ u fit-Tajlandja, l-importaturi fil-Komunità magħrufin li huma kkonċernati u l-industrija tal-Komunità bil-bidu tal-investigazzjoni [fuq l-evażjoni]. Il-kwestjonarji ntbagħtu lill-produtturi/esportaturi magħrufin fir-RPĊ u fit-Tajlandja kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità magħrufin mill-Kummissjoni mill-investigazzjoni oriġinali u lill-partijiet li kienu ppreżentaw rwieħhom fi żmien l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 923/2008]. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat [f’dan ir-regolament]. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u li s-sejbiet isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli”.

12

Mill-premessa 7 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li ma ntbagħtet ebda risposta għall-kwestjonarji mill-esportaturi/produtturi fit-Tajlandja u l-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti mill-awtoritajiet Tajlandiżi.

13

Il-premessa 8 tar-regolament ikkontestat tindika li “[p]roduttur esportatur wieħed Ċiniż irrisponda għall-kwestjonarju billi ddikjara l-bejgħ tiegħu fl-esportazzjoni lejn il-KE u ammont żgħir ħafna ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn it-Tajlandja. L-awtoritajiet Ċiniżi ma bagħtu l-ebda kumment”.

14

Barra minn hekk, mill-premessa 9 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li “disa’ importaturi mill-Komunità bagħtu r-risposti għall-kwestjonarju fejn irrappurtaw l-importazzjonijiet tagħhom miċ-Ċina u t-Tajlandja. Mir-risposti tagħhom, b’mod ġenerali, ġie konkluż li kien hemm żieda fl-importazzjoni mit-Tajlandja u tnaqqis f’daqqa fl-importazzjoni mir-RPĊ fl-2006, li kienet is-sena wara li daħal fis-seħħ id-dazju definittiv anti-dumping. Fis-snin ta’ wara, l-importazzjoni mir-RPĊ reġgħet żdiedet, u fl-istess ħin naqset daqsxejn l-importazzjoni mit-Tajlandja imma baqgħet f’livelli sew ogħla milli kienet fl-2005”.

15

F’dak li jirrigwarda l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni, il-premessi 16 sa 21 tar-regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(16)

Minħabba li ebda kumpanija Tajlandiża ma kkooperat, il-volum u l-valur tal-esportazzjoni Tajlandiża tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità kienu ddeterminati skont l-informazzjoni disponibbli, li f’dan il-każ kienet id-dejta statistika miġbura mill-Istati Membri u kkompilata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, u dejta tal-Eurostat [...].

(17)

Wara li ġew imposti l-miżuri anti-dumping, l-importazzjoni tal-[pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] mit-Tajlandja żdiedet minn 7458 truck fl-2005 għal 6 4706 truck fl-2007, u naqset għal 42056 truck matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni].

(18)

L-importazzjoni tal-[pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] miċ-Ċina lejn il-KE żdiedet minn 240639 truck fl-2005 għal 538271 fl-2007 u 584786 matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni]. Skont l-informazzjoni disponibbli, din iż-żieda hija prinċipalment attribwita għaż-żieda fl-esportazzjoni mill-uniku esportatur produttur li għandu r-rata ta’ dazju anti-dumping l-iżjed baxxa. Infatti, l-esportazzjoni miċ-Ċina minn din il-parti speċifika tirrappreżenta perċentaġġ kbir taż-żieda fl-importazzjoni ta’ [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] fil-KE mir-RPĊ bejn l-2005 u t-tmiem tal-[perijodu ta’ investigazzjoni].

(19)

B’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni msemmija hawn fuq, ġie konkluż li saret bidla fir-rutina tal-kummerċ bejn il-KE, ir-RPĊ u t-Tajlandja. L-importazzjoni mir-RPĊ baqgħet tiżdied imma dan huwa attribwit direttament għall-esportazzjoni mingħand wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali u ngħatatlu l-inqas rata ta’ dazju anti-dumping. Min-naħa l-oħra, l-importazzjoni mit-Tajlandja żdiedet b’868 % bejn l-2005 u l-2007 u stabbiliżżat ruħa matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni] għal żieda ta’ 564 % fir-rigward tal-2005.

(20)

B’kollox, instab li minkejja li x-xejra tal-kummerċ wriet esportazzjoni persistenti mir-RPĊ, kien hemm ukoll żieda sinifikanti fl-esportazzjoni mit-Tajlandja. Din il-persistenza, jew iż-żieda kontinwa, minkejja li kienet ħafna iżgħar bejn l-2007 u l-[perijodu ta’ investigazzjoni] minn dik li nstabet għall-esportazzjoni mir-RPĊ fl-investigazzjoni oriġinali [inizjali], tispjega ruħa mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni hija mill-kumpanija Ċiniża li għandha l-iżjed rata baxxa ta’ dazju anti-dumping. Ix-xejra tal-kummerċ fir-rigward tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra, tista’ biss tkun spjegata bħala riżultat ta’ azzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-evażjoni tal-miżuri.

(21)

L-importazzjoni lejn il-Komunità mit-Tajlandja bdiet tiżdied matul iż-żmien tal-ewwel investigazzjoni [inizjali] mmexxija mill-Komunità. Huwa mfakkar li l-awtoritajiet fit-Tajlandja kif ukoll il-produtturi/esportaturi Tajlandiżi potenzjali kienu ġew infurmati bl-investigazzjoni li hi għaddejja. Iżda ma waslet ebda evidenza li tispjega din iż-żieda sinifikanti, u l-ebda kumpanija Tajlandiża ma kkooperat fl-investigazzjoni billi rrispondiet għad-domandi tal-kwestjonarju. F’dan ir-rigward għandu jkun enfasizzat li, kif intqal fil-premessa (7) l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien il-bidu tal-investigazzjoni tat ħjiel li hemm numru sinifikanti ta’ attivitajiet tal-immuntar ta’ [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] fit-Tajlandja. Min-naħa l-oħra, ma waslet ebda evidenza li tindika li kienet qed issir produzzjoni ġenwina fit-Tajlandja tal-[pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom]. Għalhekk ġie konkluż, fuq bażi tal-informazzjoni disponibbli, li fl-assenza ta’ xi kawża oħra adekwata jew xi ġustifikazzjoni ekonomika fl-ambitu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-bidla fir-rutina tal-kummerċ kienet ġejja minħabba l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping fuq l-[pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] li joriġinaw [fiċ-Ċina].”

16

Wara l-investigazzjoni fuq l-evażjoni, ġie adottat ir-regolament ikkontestat.

17

L‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi:

“1.   Id-dazju definittiv anti-dumping li japplika għall-‘kumpaniji l-oħrajn kollha’ impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjoni ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażis u l-ħajdroliks, kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 1174/2005], li joriġinaw [miċ-Ċina], huwa b’dan estiż għall-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażis u l-ħajdroliks, kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 1174/2005] u li huma kklassifikati skont il-kodiċi NM ex84279000 u ex84312000 (kodiċi TARIC 8427900011 u 8431200011), li jkunu kkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mit-Tajlandja, kemm jekk le.

2.   Id-dazji estiżi permezz tal-paragrafu 1 għandhom jinġabru fuq importazzjonijiet irreġistrati b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 923/2008 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament [bażiku].

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Fis-6 ta’ Ottubru 2008, Simon, Evers importat pallet trucks tal-idejn mit-Tajlandja

19

Fit-12 ta’ Awwissu, permezz ta’ kont li jistabbilixxi d-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni, il-Hauptzollamt, billi bbaża ruħu fuq ir-regolament ikkontestat, talab lil Simon, Evers il-ħlas ta’ dazju antidumping ta’ EUR 9 666.90.

20

Peress li permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2001, il-Hauptzollamt ċaħad bħala infondat ir-rikors ippreżentat kontra dan il-kont, Simon, Evers ressqet kawża quddiem il-Finanzgericht Hamburg.

21

Din il-qorti għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku dwar id-determinazzjoni ta’ evażjoni ta’ dazji antidumping humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali. B’mod iktar partikolari hija tistaqsi jekk bdil fil-volum ta’ esportazzjonijiet mill-pajjiżi terzi inkwistjoni jistax jippermetti, waħdu, li tiġi stabbilita rabta bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping u dawk li joriġinaw mill-pajjiż li fir-rigward tiegħu għandu jiġi estiż id-dazju antidumping. F’dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja, il-Finanzgericht Hamburg tosserva li dawn, wara li żdiedu b’mod kunsiderevoli matul is-sena 2007, naqsu b’mod sinjifikattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

22

Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar il-fatt li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni tistax tkun attribwita għall-introduzzjoni tad-dazji antidumping fuq il-pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina minkejja li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet miċ-Ċina wkoll żdiedu kunsiderevolment. Issa, fin-nuqqas ta’ provi li jippermettu, minn-naħa, li tiġi spjegata ż-żieda netta fl-esportazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja u, min-naħa l-oħra, li tiġi stabbilita l-assenza ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni veritjiera ta’ pallet trucks tal-idejn fit-Tajlandja fir-rigward, jidher li huwa minn tal-inqas dubjuż li jsta’ jiġi deċiż li fl-assenza ta’ kull raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta mill-istabbiliment tad-dazju antidumping fuq il-pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Hamburg ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-[r]egolament [ikkontestat] huwa invalidu minħabba li l-Kummissjoni, billi naqset milli tosserva l-kundizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-evażjoni tal-miżuri antidumping, hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 13 tar-[re]golament [bażiku], ikkonkludiet li hemm evażjoni għas-sempliċi raġuni li l-volum tal-esportazzjonijiet korrispondenti mit-Tajlandja żdied b’mod kunsiderevoli wara l-introduzzjoni tal-miżuri, filwaqt li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda konstatazzjoni oħra konkreta fl-assenza ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi Tajlandiżi?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

24

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma stabbilixxewx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza ta’ “evażjoni”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, minħabba li naqsu milli juru, minn naħa, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ prattiki, proċessi jew ħidma, li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping, fl-assenza ta’ kooperazzjoni tal-esportaturi Tajlandiżi.

25

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Simon, Evers eċċepixxa raġuni oħra ta’ invalidità tar-regolament ikkontestat ibbażata fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma stabbilixxewx li l-effetti ta’ rimedju tad-dazju antidumping kienu ġew kompromessi f’termini ta’ prezz u/jew ta’ kwantitajiet ta’ prodotti simili.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 59).

27

Minn ġurisprudenza stabbilita ferm jirriżulta wkoll li l-Artikolu 267 TFUE ma jikkostitwixxix mezz ta’ rikors miftuħ għall-partijiet fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi obbligata tevalwa l-validità tad-dritt tal-Unjoni għas-sempliċi raġuni li din il-kwistjoni tqajmet quddiemha minn waħda mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara s-sentenza MSD Sharp & Dohme, C‑316/09, EU:C:2011:275, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-eżami tal-validità tar-regolament ikkontestat jiġi estiż fir-rigward ta’ motivi mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju (ara s-sentenza Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 44).

Fuq il-validità tar-regolament ikkontestat

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Il‑Kunsill u l-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-evażjoni tal-miżuri antidumping, l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku jipprovdi li tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili.

31

Skont l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, hija l-Kummissjoni li għandha tibda investigazzjoni abbażi tal-provi li minnhom jirriżulta, prima facie, li hemm prattiki ta’ evażjoni. Jekk il-fatti stabbiliti matul din l-investigazzjoni jippermettu li jiġi konkluż li tali evażjoni teżisti, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jestendi l-miżuri antidumping.

32

Madankollu, ebda dispożizzjoni tar-regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fuq l-eżistenza ta’ evażjoni, is-setgħa li ġġiegħel lill-produtturi jew lill-esportaturi kkonċernati minn ilment jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, hija biss tributarja tal-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja.

33

Huwa għal din ir-raġuni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, li meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għal, jew inkella ma tagħtix, l-informazzjoni neċessarja jew meta timpedixxi b’mod sinjifikattiv l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

34

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(6) tal-istess regolament jispeċifika li, jekk parti kkonċernata ma tikkooperax, jew tikkoopera biss parzjalment, u meta, minħabba f’hekk, tinżamm xi informazzjoni rilevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

35

Għalkemm huwa minnu li r-regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu, jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-oneru li jippruvaw evażjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, billi jipprovdi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw il-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evażjoni fuq id-data disponibbli u li hemm ir-riskju li l-partijiet li ma kkoperawx fl-investigazzjoni jsibu ruħhom f’sitwazzjoni inqas favorevoli, l-Artikolu 18(1) u (6) tar-regolament bażiku huwa intiż sabiex iħaffef dan l-oneru.

36

Huwa minnu li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 18 tar-regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati tiġi dedotta direttament l-eżistenza ta’ evażjoni u, għalhekk, jeħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull obbligu ta’ prova. Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tad-data disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kienet ikkooperat, huwa daqstant evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji konkordanti li tippermetti li jiġi deċiż li kienet teżisti evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

37

Kull soluzzjoni oħra tkun tinvolvi r-riskju li l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni tiġi kompromessa kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu affaċjati b’rifjut ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni.

38

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-kwistjoni tal-validità tar-regolament ikkontestat.

39

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, fil-każ inkwistjoni, il-produtturi-esportaturi Tajlandiżi u l-awtoritajiet Tajlandiżi ma kkooperawx fl-investigazzjoni fuq l-evażjoni. Barra minn hekk, produttur-esportatur wieħed Ċiniż biss iddikjara l-bejgħ tiegħu fl-esportazzjoni lejn l-Unjoni u ammont żgħir ħafna ta’ esportazzjonijiet lejn it-Tajlandja u l-awtoritajiet Ċiniżi ma bagħtu l-ebda kumment.

40

Issa, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet nazzjonali Ċiniżi u Tajlandiżi, lill-produtturi-esportaturi u lill-importaturi Komunitarji kkonċernati kif ukoll lill-industrija kummerċjali dwar il-bidu tal-investigazzjoni fuq l-evażjoni. Barra minn hekk, peress li ntbagħtu kwestjonarji lill-imsemmija produtturi-esportaturi u importaturi Komunitarji, dawn tal-aħħar kellhom għalhekk il-possibbiltà li jesponu l-opinjoni tagħhom u li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

41

Minħabba r-rifjut ta’ kooperazzjoni tal-imsemmija partijiet ikkonċernati, il-volum u l-valur tal-esportazzjonijiet Tajlandiża u Ċiniżi tal-pallet trucks tal-idejn lejn l-Unjoni kienu ddeterminati mill-Kunsill biss abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jiġifieri d-dejta statistika miġbura mill-Istati Membri u kkompilata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-regolament bażiku, u d-dejta tal-Eurostat.

42

Din l-informazzjoni ppermettiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiddeċiedu li, wara l-introduzzjoni tal-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina, l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn li joriġinaw mit-Tajlandja kienu żdiedu minn 7458 fl-2005 għal 64706 fl-2007 qabel ma reġgħu naqsu għal 42056 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 868 % bejn l-2005 u l-2007 u, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, żieda ta’ 564 % meta mqabbla mal-2005.

43

F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ pallet trucks tal-idejn miċ-Ċina, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni osservaw li dawn żdiedu minn 240639 fl-2005 għal 538271 fl-2007 u għal 584786 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Abbażi tal-informazzjoni li kellhom dawn l-istituzzjonijiet, din iż-żieda hija prinċipalment dovuta għal żieda fl-esportazzjoni mill-uniku esportatur-produttur Ċiniż li fir-rigward tiegħu kienet tapplika l-iktar rata baxxa ta’ dazju antidumping, jiġifieri 7.6 %, filwaqt li l-produtturi-esportaturi Ċiniżi l-oħra kienu suġġetti għal dazju antidumping ta’ bejn 28.5 % u 46.7 %.

44

Minn dawn l-elementi jirriżulta, l-ewwel nett, li l-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja żdiedu b’mod kunsiderevoli mis-sena 2005, jiġifieri b’effett mill-applikazzjoni tad-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, it-tieni nett, li kien hemm raġuni ekonomika plawżibbli li tiġġustifika ż-żieda ta’ dawn l-aħħar importazzjonijiet mill-2005 u, it-tielet nett, li din iż-żieda kienet, proporzjonalment, nettament iżgħar minn dik tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja.

45

Simon, Evers madankollu ssostni li x-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni ma nbidlitx b’mod sinjifikattiv, peress li bidla fix-xejra tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku hija kkaratterizzata mill-fatt li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping għandhom jonqsu wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri antidumping, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw mill-allegat pajjiż ta’ evażjoni għandhom jiżdiedu.

46

Issa, tali rekwiżit ma huwiex sodisfatt fil-kawża prinċipali.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit dwar is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping bl-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż ta’ evażjoni, bħala rekwiżit neċessarju għall-eżistenza ta’ evażjoni, ma jinsabx fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

48

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni ta’ “evażjoni” hija fformulata fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku f’termini ġenerali ħafna li jħallu marġni ta’ manuvrar wiesa’ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li ma tingħata l-ebda preċiżjoni fir-rigward tan-natura u tal-modalitajiet “tal-bidla tax-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u [l-Unjoni]”.

49

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina , it-Tajlandja u l-Unjoni.

50

It-tieni nett, anki d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità tar-regolament ikkontestat huma bbażati fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma pproduċewx il-prova li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi kkonċernati u l-Unjoni hija r-riżultat tal-evażjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina.

51

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, l-eżistenza ta’ evażjoni teżiġi li jkun stabbilit li ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping għall-prattiki, proċessi jew ħidma li huma responsabbli għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni.

52

F’dan il-każ, mir-regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji konkordanti sabiex jiddeċiedu li kienet teżisti tali evażjoni. Huma kkonstataw li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn it-Tajlandja u l-Unjoni bdiet eżattament wara l-impożizzjoni tad-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina. Din il-koinċidenza fiż-żminijiet tikkostitwixxi indizju importanti li jippermetti li tiġi stabbilita konnessjoni loġika u raġonevoli bejn iż-żieda kunsiderevoli tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja u l-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

53

Barra minn hekk, mill-premessa 21 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, fi żmien il-bidu tal-investigazzjoni fuq l-evażjoni, l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha donnha kienet tindika li fit-Tajlandja kienu qed jitwettqu operazzjonijiet kunsiderevoli ta’ assemblaġġ tal-prodott ikkonċernat.

54

Fl-aħħar nett, la l-produtturi-esportaturi Tajlandiżi u Ċiniżi u lanqas il-Gvern Tajlandiż ma pprovdew lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bi provi li jippermettu li tiġi spjegata ż-żieda kunsiderevoli fl-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw mit-Tajlandja. B’mod partikolari, dawn l-istituzzjonijiet ma rċevew l-ebda prova li turi li fit-Tajlandja kienu jeżistu attivitajiet veri u proprji ta’ produzzjoni ta’ pallet trucks tal-idejn.

55

Għalhekk, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-impriżi u tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati matul l-investigazzjoni fuq l-evażjoni pprekluda lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jiddeterminaw b’ċertezza r-raġunijiet għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn it-Tajlandja u l-Unjoni.

56

Issa, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni kkaratterizzata mir-rifjut totali ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni fuq l-evażjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu għalhekk awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq indizji sabiex jiddeċiedu li fit-Tajlandja kienu jeżistu prattiki, proċessi jew ħidmiet li kienu intiżi unikament sabiex jiġi evitat id-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina. F’dawn iċ-ċirkustanzi huma l-partijiet ikkonċernati li għandhom jipproduċu l-prova ta’ raġuni tajba li tiġġustifika dawn l-attivitajiet, minbarra dik li jiġi evitat l-imsemmi dazju antidumping (ara, b’analoġija, is-sentenza Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 29).

57

Minn dan isegwi li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti meta fir-regolament ikkontestat ikkunsidra li kien hemm evażjoni tal-miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar il-fuq, ir-risposta li għandha tingħata għandha tkun li mill-eżami tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-regolament ikkontestat.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Mill-eżami tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top