Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0001

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014.
Cartier parfums – lunettes SAS u Axa Corporate Solutions assurances SA vs Ziegler France SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 27(2) — Lis pendens — Artikolu 24 — Estensjoni tal-ġurisdizzjoni — Stabbiliment tal-kompetenza tal-ewwel qorti adita minħabba d-dehra mingħajr oġġezzjoni tal-partijiet jew minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva.
Kawża C‑1/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:109

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 27(2) — Lis pendens — Artikolu 24 — Estensjoni tal-ġurisdizzjoni — Stabbiliment tal-kompetenza tal-ewwel qorti adita minħabba d-dehra mingħajr oġġezzjoni tal-partijiet jew minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva”

Fil-Kawża C‑1/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Cartier parfums – lunettes SAS,

Axa Corporate Solutions assurances SA

vs

Ziegler France SA,

Montgomery Transports SARL,

Inko Trade s. r. o.,

Jaroslav Matěja,

Groupama Transport,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cartier parfums – lunettes SAS, minn A.‑F. Roger u A. Sevaux, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Jametti, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Lejeune u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cartier parfums – lunettes SAS (iktar ’il quddiem “Cartier”) u Axa Corporate Solutions assurances SA (iktar ’il quddiem “Axa assurances”) u l-kumpanniji Ziegler France SA (iktar ’il quddiem “Ziegler France”), Montgomery Transports SARL (iktar ’il quddiem “Montgomery Transports”), Inko Trade s. r. o. (iktar ’il quddiem “Inko Trade”), Jaroslav Matěja u Groupama Transport, dwar il-kumpens għad-dannu sostnut minn Cartier u Axa minħabba s-serq ta’ merkanzija waqt trasport internazzjonali fit-triq.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 tgħid li “[ċ]erti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali”.

4

Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tipprovdi: “Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu”.

5

L-Artikolu 24 tal-imsemmi dokument, li jinsab taħt is-Sezzjoni 7, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, tal-Kapitolu II tiegħu, dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, jipprovdi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

6

L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jidher fis-Sezzjoni 8 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, tal-istess Kapitolu II, huwa fformulat kif ġej:

“Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

7

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 9 tal-Kapitolu II ta’ dan, intitolat “Lis pendens – azzjonijiet relatati” jipprovdi:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata tiġi stabbilita, kwalunkwe qorti minbarra l-qorti invokata l-ewwel għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

8

Ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija konvenzjoni, li kien jinsab taħt it-Taqsima 6 tagħha, intitolat, “Proroga ta’ ġurisdizzjoni”:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ din il-konvenzjoni, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 16.”

9

L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-formulazzjoni oriġinali tiegħu, li kien jinsab taħt it-Taqsima 8 tagħha, intitolat “Lis pendens u azzjonijiet relatati” kien jipprovdi:

“Meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti mill-ewwel qorti li tkun invokata l-ewwel għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti tagħha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

Il-qorti li tkun meħtieġa tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tista’ twaqqaf il-proċeduri tagħha jekk tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Cartier kienet fdat lil Ziegler France it-trasport bit-triq ta’ prodotti kożmetiċi bejn Genas (Franza) u Wickford (ir-Renju Unit). Ziegler France tat subappalt għat-trasport ta’ din il-merkanzija lil Montgomery Transports, li hi stess tat subappalt għal dan is-servizz lil Inko Trade, li min-naħa tagħha ssostitwiet lil Jaroslav Matěja.

11

Jaroslav Matěja għabbiet il-merkanzija fl-imħażen tal-kumpannija Saflog f’Genas, fil-25 ta’ Settembru 2007. Fil-lejl ta’ bejn is-26 u s-27 ta’ Settembru 2007, fin-00:30, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fuq it-tul ta’ żmien ta’ sewqan, ix-xufier waqaf f’żona ta’ parkeġġ fir-Renju Unit sabiex jistrieħ. L-għada filgħodu, huwa nduna li parti mill-merkanzija kienet insterqet. Id-dannu ġie evalwat mill-kumpannija tal-assigurazzjoni ta’ Cartier, Axa assurances, għal EUR 145 176.08. Axa assurances ikkumpensat lil Cartier is-somma ta’ EUR 144 176.08.

12

Fl-24 ta’ Settembru 2008, Cartier u Axa assurances ressqu quddiem il-qorti tal-kummerċ ta’ Roubaix-Tourcoing (Franza) rikors għal dannu in solidum kontra Ziegler France, Montgomery Transports, Inko Trade u Jaroslav Matěja sabiex jiksbu l-kundanna ta’ dawn għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 145 176.08.

13

Sussegwentement, l-istess qorti ġiet adita minn diversi rikorsi għal garanzija ppreżentati wieħed wara l-ieħor mit-trasportaturi u fejn intervjenew l-assiguraturi rispettivi.

14

Il-qorti tal-kummerċ ta’ Roubaix-Tourcoing ordnat li l-proċeduri kollha jingħaqdu flimkien.

15

Matul is-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010, Ziegler France qajmet eċċezzjoni ta’ lis pendens abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba li hija kienet preliminarjament bdiet azzjoni fir-Renju Unit quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (London Mercantile Court), permezz ta’ att tas-16 ta’ Settembru 2008. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja, Ziegler France iddepożitat fil-qorti tar-Renju Unit “claim form” irreġistrata kontra Cartier, il-kumpannija Saflog u Wright Kerr Tyson Ltd, kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż, sabiex tevalwa r-responsabbiltajiet inkorsi u sabiex tiċċifra d-dannu eventwali sostnut minn Cartier minħabba s-serq inkwistjoni.

16

Cartier u Axa assurances invokaw l-inammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni, minħabba li din ma kinitx tqajmet in limine litis. Fil-fatt, Ziegler France kienet iddepożitat, qabel is-seduta quddiem il-qorti tal-kummerċ ta’ Roubaix-Tourcoing, talbiet bil-miktub relatati mal-mertu tal-kawża meta, skont l-Artikolu 74 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Franċiż, l-eċċezzjonijiet ta’ proċedura għandhom jitqajmu qabel kull difiża fil-mertu, taħt piena ta’ inammissibbiltà.

17

Cartier u Axa assurances sostnew ukoll, minbarra l-inammissibbiltà, li l-eċċezzjoni ta’ lis pendens kienet infondata peress li l-ġurisdizzjoni tal- High Court of Justice, li kienet l-ewwel waħda li ġiet adita, ma kinitx għadha ġiet stabbilita, fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, u li ż-żewġ kawżi la kienu jikkonċernaw l-istess suġġett u lanqas l-istess partijiet.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2011, il-qorti tal-kummerċ ta’ Roubaix-Tourcoing iddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ lis pendens imqajma minn Ziegler France kienet fondata, b’mod partikolari minħabba li l-Artikolu 871 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Franċiż jippermetti li jiġu invokati oralment l-eċċezzjonijiet ta’ proċedura.

19

F’dan ir-rigward, din il-qorti tal-kummerċ ikkonstatat li l-High Court of Justice, kienet ġiet adita l-ewwel u li l-ġurisdizzjoni tagħha ma kinitx ġiet ikkontestata. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-kawża bejn Cartier et Axa assurances u Ziegler France, l-imsemmija qorti tal-kummerċ irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001, favur il-qorti tal-Renju Unit. F’dak li jikkonċerna l-partijiet l-oħra, il-qorti tal-kummerċ ta’ Roubaix-Tourcoing iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm il-High Court of Justice tagħti d-deċiżjoni tagħha.

20

Il-qorti tal-appell ta’ Douai (Franza), fis-sentenza tal-14 ta’ April 2011, ikkonfermat is-sentenza tal-qorti tal-kummerċ ta’ Roubaix-Tourcoing, billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li fil-kawża bejn Cartier u Axa assurances u Ziegler France, il-kundizzjonijiet ta’ lis pendens kienu sodisfatti u li l-imsemmija qorti kienet irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha favur il-High Court of Justice, skont il-liġi. Il-qorti tal-appell ta’ Douai fil-fatt iddeċidiet li mill-att promotur quddiem il-qorti tar-Renju Unit, ippreżentat qabel il-preżentazzjoni tar-rikors fi Franza, kien jirriżulta mingħajr dubju li dan kien l-istess trasport, li sar bi tluq minn imħażen tal-kumpannija Saflog f’isem Cartier u li, għalkemm kien hemm biss identità parzjali tal-partijiet fiż-żewġ istanzi pendenti, kien paċifiku li l-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ Ziegler France dibattuta quddiem il-High Court of Justice kellha riperkussjonijiet fuq Montgomery Transports, Groupama Transport, Inko Trade, Jaroslav Matěja u Groupama Transport.

21

Cartier u Axa assurances appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn il-partijiet sostnew, b’mod partikolari, li l-qorti tal-appell ta’ Douai ma kinitx osservat is-sens u l-portata tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 billi ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tal-High Court of Justice kienet “stabbilita” skont l-imsemmi artikolu peress li din il-ġurisdizzjoni ma kinitx ġiet ikkontestata. Fil-fatt, skont dawn il-kumpanniji, il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tista’ tiġi stabbilita biss b’deċiżjoni ta’ din il-qorti li tiċħad espliċitament in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha jew permezz tal-użu tal-mezzi kollha ta’ appell li jistgħu jiġu eżerċitati kontra d-deċiżjoni tagħha ta’ ġurisdizzjoni.

22

Kif jirriżulta mill-proċess nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tqis li ma ġiex ikkonstatat li l-qorti tar-Renju Unit ġiet adita fl-ewwel lok u li l-kundizzjonijiet relatati mal-identità tal-partijiet u mas-suġġett tal-kawżi ġew sodisfatti f’dan il-każ. Madankollu, ikkonfrontata b’opinjonijiet ta’ duttrina differenti fi Franza, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-portata tal-espressjoni “tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata”, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza tal-qorti li l-ewwel tkun ħadet konjizzjoni hija stabbilita, ladarba, jew l-ebda parti ma tkun qajmet in-nuqqas ta’ kompetenza tagħha, jew inkella din il-qorti żammet il-kompetenza tagħha permezz ta’ deċiżjoni irrevokabbli għal kwalunkwe raġuni, b’mod partikolari għall-fatt li ntużaw il-mezzi ġudizzjarji kollha?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja l-fatt li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ każ ta’ lis pendens fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ġiet dibattuta fil-kuntest tal-kawża prinċipali quddiem il-qrati fil-mertu u tal-appell, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament biss.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar, C‑184/12, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ebda element tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma juri li l-proċedura fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar l-ipoteżi fejn it-tieni qorti adita jkollha tali ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et, C-351/89, Ġabra p. I-3317, punt 20).

27

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tiġi stabbilita, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-ebda parti ma tkun eċċepiet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha jew ikun meħtieġ li l-qorti tkun impliċitament jew espliċitament irrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tagħha permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva.

28

F’dan ir-rigward, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-qorti adita l-ewwel ma rrifjutatx ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha u li Cartier dehret quddiem din tal-aħħar sabiex tikkontesta t-talbiet ta’ Ziegler France fil-mertu, mingħajr ma eċċepiet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

29

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, qabel xejn, li, skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, f’każ ta’ lis pendens quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti adita għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha ex officio sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita.

30

Barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tiġi stabbilita, it-tieni qorti adita għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni favur l-ewwel waħda.

31

Sussegwentement, għandu jiġi osservat, kif ġustament irrilevaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea, li r-Regolament Nru 44/2001 ma jippreċiżax f’liema ċirkustanzi l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita għandha titqies li hija “stabbilita”, fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament.

32

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, meta jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għaldaqstant, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda magħmula, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ekonomija ġenerali kif ukoll il-finalità tar-Regolament Nru 44/2001.

34

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-ekonomija ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tiegħu tipprovdi regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut għall-kawżi kollha fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tkunx tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tapplika inkluż fil-każ fejn il-qorti tkun ġiet adita bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u timplika li d-dehra tal-konvenut tista’ titqies li hija konferma taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għalhekk bħala estensjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C-111/09, Ġabra p. I-4545, punt 21).

35

It-tieni sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali. Hija tistabbilixxi li ma jkunx hemm estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti li quddiemha titressaq il-kawża jekk il-konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, kif ukoll jesprimi l-volontà tiegħu li ma jaċċettax il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, jew fil-każ ta’ kawżi li għalihom l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jipprovdi regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva (sentenza ČPP Vienna Insurance Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-għan tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni, jekk ma ssirx qabel kwalunkwe difiża fil-mertu, ma tistax fi kwalunkwe każ, issir wara l-mument ta’ teħid ta’ pożizzjoni kkunsidrat, mid-dritt proċedurali nazzjonali, bħala l-ewwel difiża indirizzata lill-qorti adita (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh, 150/80, Ġabra p. 1671, punt 16, u tat-13 ta’ Ġunju 2013, Goldbet Sportwetten, C‑144/12, punt 37).

37

Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika wkoll f’dak fejn il-konvenut jirrispondi kemm fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita kif ukoll fuq il-mertu. Għaldaqstant, il-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni jista’ jkollha l-effett li jassenjalha dan l-Artikolu 18 biss jekk ir-rikorrenti u l-qorti adita jkunu f’pożizzjoni li jifhmu, sa mill-ewwel difiża tal-konvenut, li din hija intiża sabiex tostakola l-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elefanten Schuh, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15).

38

Minn dan jirriżulta li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, kif jirriżulta mill-Artikolu 24 u 27 tagħha, ġiet ikkonċepita sabiex jiġi evitat li titwal is-sospensjoni tal-proċeduri mit-tieni qorti adita, meta fil-verità l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

39

Issa, tali riskju huwa ineżistenti meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-ewwel qorti adita ma tkunx irrinunzjat ex officio għall-ġurisdizzjoni tagħha u li l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestata qabel jew sal-mument tat-teħid tal-pożizzjoni li skont id-dritt proċedurali nazzjonali titqies li hija l-ewwel difiża.

40

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-għan stess tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-premessa 15 tiegħu, huwa li titnaqqas għall-massimu possibbli l-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet opposti meta diversi qrati jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-istess kawża. Huwa għal dan il-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex isolvi l-każijiet ta’ lis pendens. Minn dan jirriżulta li, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2011, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa (sentenza Overseas Union Insurance et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

41

Issa, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-imsemmi regolament skont liema, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li din il-qorti tkun impliċitament jew espliċitament irrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tagħha permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva, filwaqt li jiżdied ir-riskju ta’ proċeduri paralleli, iċċaħħad mill-effettività tagħhom ir-regoli stabbiliti minn dan ir-regolament sabiex jiġu solvuti s-sitwazzjonijiet ta’ lis pendens.

42

Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, magħmul minn M. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1) u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 21 ta’ din il-konvenzjoni, dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, l-għan tar-regola ta’ lis pendens huwa wkoll li jiġu evitati l-kunflitti negattivi ta’ ġurisdizzjoni. Fil-fatt, din ir-regola ġiet introdotta sabiex il-partijiet ma jkunux obbligati li jibdew proċeduri ġodda jekk, pereżempju, l-ewwel qorti adita tiddikjara lilha nfisha li ma għandhiex ġurisdizzjoni (ara, is-sentenza Overseas Union Insurance et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

43

Issa, meta l-ewwel qorti adita ma tkunx ċaħdet ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha u meta ma tkun tqajmet l-ebda eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, ir-rinunzja tat-tieni qorti adita ma jistax ikollha bħala konsegwenza kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, peress li l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata.

44

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li kemm mill-ekonomija ġenerali kif ukoll mill-għan tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, sabiex il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tiġi stabbilita fis-sens tal-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament, huwa biżżejjed, meta t-tieni qorti adita ma jkollhiex ġurisdizzjoni esklużiva skont l-imsemmi regolament, li l-ewwel qorti adita ma tkunx ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha u li l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestatha qabel jew sal-mument ta’ teħid ta’ pożizzjoni li skont id-dritt proċedurali nazzjonali titqies li hija l-ewwel difiża.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt ir-riżerva tal-ipoteżi fejn it-tieni qorti adita jkollha ġurisdizzjoni esklużiva skont dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita għandha titqies li hija stabbilita, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm din il-qorti ma tkunx ċaħdet ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha u l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestatha qabel jew sal-mument tat-teħid ta’ pożizzjoni li skont id-dritt proċedurali nazzjonali titqies li hija l-ewwel difiża fil-mertu ppreżentata quddiem l-imsemmija qorti.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt ir-riżerva tal-ipoteżi fejn it-tieni qorti adita jkollha ġurisdizzjoni esklużiva skont dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita għandha titqies li hija stabbilita, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm din il-qorti ma tkunx ċaħdet ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha u l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestatha qabel jew sal-mument tat-teħid ta’ pożizzjoni li skont id-dritt proċedurali nazzjonali titqies li hija l-ewwel difiża fil-mertu ppreżentata quddiem l-imsemmija qorti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top