Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0243

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2014.
FLS Plast A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-boroż industrijali tal-plastik — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja — Proporzjonalità — Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni.
Kawża C‑243/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2006

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-boroż industrijali tal-plastik — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja — Proporzjonalità — Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑243/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2012,

FLS Plast A/S, stabbilita fi Valby (id-Danimarka), irrappreżentata minn M. Thill‑Tayara u Y. Anselin, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, FLS Plast A/S (iktar ’il quddiem “FLS Plast”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea FLS Plast vs Il‑Kummissjoni (T‑64/06, EU:T:2012:102, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż, b’mod prinċipali, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha permezz ta’ dik id-deċiżjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

2

FLS Plast, li kienet Nyborg Plast International A/S, hija destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-kwalità tagħha ta’ ex kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim SA (li kienet Silvallac SA, iktar ’il quddiem “Trioplast Wittenheim”), produttriċi ta’ boroż industrijali, ta’ linings u ta’ ducting tal-plastik f’Wittenheim (Franza). FLS Plast hija sussidjarja tal-grupp ikkontrollat minn FLSmidth & Co. A/S (iktar ’il quddiem “FLSmidth”).

3

Matul ix-xahar ta’ Diċembru 1990, FLS Plast akkwistat 60 % tal-azzjonijiet ta’ Trioplast Wittenheim. Ir-rimanenti 40 % ġew akkwistati minn FLS Plast fix-xahar ta’ Diċembru 1991. Il-bejjiegħa kienet Cellulose du Pin, kumpannija Franċiża, membru tal-grupp miżmum minn Compagnie de Saint‑Gobain SA (iktar ’il quddiem “Saint‑Gobain”).

4

Min-naħa tagħha, FLS Plast biegħet il-kumpannija Trioplast Wittenheim, matul is-sena 1999, lil Trioplanex France SA, sussidjarja Franċiża ta’ Trioplast Industrier AB (iktar ’il quddiem “Trioplast Industrier”), il-kumpannija parent tal-grupp Trioplast. Dan it-trasferiment daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999.

5

Fix-xahar ta’ Novembru 2001, British Polythene Industries informat lill-Kummissjoni Ewropea bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-boroż industrijali tal-plastik.

6

Wara li wettqet xi verifiki, matul is-sena 2002, fil-bini, b’mod partikolari, ta’ Trioplast Wittenheim, il-Kummissjoni bagħtet, matul is-snin 2002 u 2003, lill-kumpanniji kkonċernati, li fosthom kien hemm inkluża Trioplast Wittenheim, talbiet għal informazzjoni. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2002, ikkompletata permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2003, Trioplast Wittenheim indikat li riedet tikkoopera fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-klemenza”).

7

Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Mill-Artikolu 1(1)(h) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li din l-istituzzjoni ddeċidiet, b’mod partikolari, li FLSmidth u FLS Plast, mill-31 ta’ Diċembru 1990 sad-19 ta’ Jannar 1999, kienu kisru l-Artikolu 81 KE meta pparteċipaw f’numru ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata.

8

Skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet fuq Trioplast Wittenheim multa ta’ EUR 17.85 miljun, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni tnaqqis ta’ 30 % mogħti skont l-avviż dwar il-klemenza. Fuq dan l-ammont, FLSmidth u FLS Plast inżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 15.30 miljun u Trioplast Industrier inżammet responsabbli għall-ammont ta’ EUR 7.73 miljun.

Is-sentenza appellata

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2006, FLS Plast bdiet azzjoni kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Din kienet intiża, essenzjalment, għall-annullament tal-Artikolu 1(1)(h) u tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn dawn kienu jikkonċernawha jew, sussidjarjament, għall-bdil ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha u li għall-ħlas tagħha kienet miżmuma responsabbli in solidum.

10

Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, FLS Plast invokat ħames motivi. L-ewwel motiv tagħha kien ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Kummissjoni allegatament kienet wettqet fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multa. It-tieni motiv, ifformulat f’erba’ partijiet, kien jikkonċerna l-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ FLS Plast fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim. Permezz tat-tielet motiv tagħha, maqsum fi tliet partijiet, FLS Plast ikkontestat l-ammont tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim. Ir-raba’ motiv kien jikkonċerna l-assenza ta’ applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ fil-każ ta’ FLS Plast. Il-ħames motiv, li jinkludi ħames partijiet, kellu bħala għan il-kontestazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuqha u li għall-ħlas tagħha kienet miżmuma responsabbli in solidum.

11

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-tieni motiv ta’ FLS Plast, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-kumpannija kienet eżerċitat kontroll effettiv fuq Trioplast Wittenheim matul is-sena 1991. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tirrigwarda l-imputabbiltà tal-ksur fuq FLS Plast għall-perijodu ta’ mill-31 ta’ Diċembru 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1991. Barra minn hekk, bħala konsegwenza, il-Qorti Ġenerali naqqset għal EUR 14.45 miljun l-ammont tal-multa li għaliha FLS Plast kienet miżmuma responsabbli in solidum skont l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

12

FLS Plast titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u l-Artikoli 1(h) u 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dawn japplikaw għal FLS Plast;

sussidjarjament, temenda l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża u tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha d-deċiżjoni kontenzjuża tiddikjara lil FLS Plast bħala responsabbli in solidum;

fi kwalunkwe każ, tagħti lil FLS Plast tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha d-deċiżjoni kontenzjuża tiddikjaraha responsabbli, il-Qorti Ġenerali ma wasslitx għas-sentenza tagħha f’terminu raġonevoli; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad it-talba għal annullament diretta kontra d-deċiżjoni kontenzjuża; u

tikkundanna lil FLS Plast għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

14

Insostenn tat-talbiet tagħha, FLS Plast tinvoka ħames aggravji, iżda t-tielet u l-ħames aggravji huma invokati sussidjarjament.

15

FLS Plast titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess, wara li tkun annullat is-sentenza appellata, fuq l-aggravji mqajma kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ kriterju legali żbaljat għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent

L-argumenti tal-partijiet

16

FLS Plast issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta laqgħet il-kriterju legali applikat mill-Kummissjoni u meta kkonkludiet li hija ma kkonfutatx il-preżunzjoni, li tirriżulta mill-fatt li hija kienet iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, li skontha hija eżerċitat influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

17

Fil-fatt, dan il-kriterju jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni stretta li tgħid li l-kumpannija parent hija responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, u għaldaqstant, dan huwa kontra l-preżunzjoni ta’ innoċenza msemmija fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

18

Skont FLS Plast, l-applikazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel ta’ din il-preżunzjoni tagħtiha, fil-fatt, natura inkonfutabbli sa fejn din timponi fuq il-kumpannija parent ikkonċernata sabiex tipproduċi l-prova negattiva li tgħid li hija ma tat ebda struzzjoni lis-sussidjarja tagħha. Sussidjarjament, FLS Plast issostni li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Kummissjoni ma siltu l-konklużjoni legali korretta li kienet neċessarja fir-rigward tal-argumenti u tal-provi li hija pprovdiet, u li juru li Trioplast Wittenheim kienet aġixxiet b’mod indipendenti fis-suq.

19

Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Skont din l-istituzzjoni, peress li ma tressaqx quddiem il-Qorti Ġenerali, dan huwa motiv ġdid li, għaldaqstant, huwa inammissibbli. Barra minn hekk, l-imsemmi motiv għandu natura purament astratta u FLS Plast ma indikatx il-punti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball.

20

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tal-kapital kollu ma hijiex kuntrarja għad-drittijiet fundamentali u li, fi kwalunkwe każ, hija setgħet tibbaża ruħha fuq indizji oħra li jappoġġjaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn FLS Plast fuq Trioplast Wittenheim.

21

Fir-replika tagħha, FLS Plast tikkontesta l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju billi ssostni li l-kontestazzjoni tal-validità tal-preżunzjoni inkwistjoni għandha titqies li hija l-iżvilupp tal-motiv li jikkontesta l-eżistenza ta’ influwenza determinati li tikkonċernaha fir-rigward tas-sussidjarja tagħha, li ġie invokat quddiem il-Qorti Ġenerali.

22

Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB ma ġiex invokat fl-ewwel istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

23

F’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li FLS Plast ma sostnietx quddiem il-Qorti Ġenerali li r-regola, imfassla mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li kumpannija parent li żżomm direttament jew indirettament it-totalità tal-kapital ta’ sussidjarja hija preżunta li eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq din tal-aħħar, tikser l-Artikolu 48 tal-Karta u l-Artikolu 6(2) tal-KEDB.

24

Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li FLS Plast, permezz tat-tieni motiv invokat insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kienet sostniet li “id-deċiżjoni [kontenzjuża] hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi u ta’ fatt f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà ta’ FLS Plast” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punti 51 sa 99 ta’ dan ir-rikors, hija kienet ipprovdiet preżentazzjoni dettaljata intiża li tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt timputa fuqha r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim. B’mod partikolari, fil-punt 56 tal-imsemmi rikors, FLS Plast kienet sostniet li, “[f]’dak li jikkonċerna s-sussidjarji miżmuma totalment, huwa għaldaqstant prinċipju stabbilit li jgħid li lanqas żamma ta’ kapital ta’ 100 % ma hija biżżejjed fiha nfisha sabiex tiġġustifika li tintlaqa’ r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent, sa fejn kulma tagħmel iż-żamma tal-kapital huwa li toħloq preżunzjoni konfutabbli”.

25

Min-naħa l-oħra, billi sostniet, essenzjalment, fl-istadju tal-appell, li l-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjoni inkonfutabbli, kuntrarja għall-preżunzjoni ta’ innoċenza msemmija fl-Artikolu 48 tal-Karta u fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, FLS Plast tikkritika raġuni invokata mill-Qorti Ġenerali insostenn tas-sentenza appellata, li ma tistax tiġi sostnuta bis-sempliċi raġuni li din ma kinitx qajmet dan l-ilment, b’mod espress, matul il-proċedura li wasslet għal dik is-sentenza (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, EU:C:2011:372, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, l-ewwel aggravju ta’ FLS Plast insostenn tal-azzjoni tagħha huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

27

Fir-rigward, qabelxejn, tal-allegata illegalità tal-preżunzjoni, applikata fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta kumpannija żżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu ta’ kumpannija oħra, b’mod li teżerċita influwenza determinati fuq din l-aħħar kumpannija, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fondatezza ta’ din il-preżunzjoni tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza The Dow Chemical Company vs Il‑Kummissjoni, C‑179/12 P, EU:C:2013:605, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hekk kif barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni ma tikkostitwixxi ebda ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta u fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tan-natura konfutabbli tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ FLS Plast, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta, fil-punti 25 et seq tas-sentenza appellata, fakkret il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-kumpannija parent ta’ sussidjarja, bħal FLS Plast, tista’ tinżamm responsabbli għall-aġir antikompetittiv imputat fuq din is-sussidjarja, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq Trioplast Wittenheim.

29

Konsegwentement, abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, huwa wkoll ġustament li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi li FLS Plast kienet eżerċitat, matul il-perijodu li jkopri s-snin 1992 sa 1998, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Trioplast Wittenheim, peress li FLS Plast kienet żammet, matul dan il-perijodu, 100 % tal-kapital tal-imsemmija kumpannija.

30

Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-ilment li jgħid li l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-preżunzjoni mill-Kummissjoni u kif ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, irrendietha inkonfutabbli, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 30 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk FLS Plast irnexxilhiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, billi stabbilixxiet li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq, u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sempliċi fatt li jkun diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni ma jfissirx, fih innifsu, li din hija effettivament inkonfutabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eni vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:289, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Kummissjoni ma siltu l-konklużjoni legali korretta li kienet neċessarja fir-rigward tal-argumenti u tal-provi pprovduti minn FLS Plast, li kienu ta’ natura li jistabbilixxu li Trioplast Wittenheim kienet aġixxiet b’mod indipendenti fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li FLS Plast, sabiex tappoġġja din l-affermazzjoni, sempliċement tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-ispjegazzjonijiet tagħha dwar it-tieni aggravju.

32

Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li FLS Plast, permezz ta’ din l-argumentazzjoni, fil-verità titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi pprovduti, mingħajr madankollu ma ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-fatti u dawn il-provi. Issa, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-appell huwa limitat biss għall-kwistjonijiet ta’ liġi, tali evalwazzjoni ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill, C‑601/12 P, EU:C:2014:115, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-argumenti mressqa minn FLS Plast f’dan il-kuntest huma, konsegwentement, inammissibbli.

33

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma qajmitx ex officio motiv ibbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha

L-argumenti tal-partijiet

34

FLS Plast tikkritika lill-Qorti Ġenerali li din, minkejja li kienet irrilevat diversi lakuni fir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma qajmitx ex officio ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta din l-istituzzjoni ċaħdet il-provi pprovduti minn FLS Plast bl-għan li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.

35

F’dan ir-rigward, FLS Plast issostni li, fid-data li fiha hija rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, kienu għadhom jeżistu inċertezzi serji dwar il-portata tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva fuq is-sussidjarji, li l-Kummissjoni stess kienet taf bihom. B’differenza mill-parti l-kbira tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, FLS Plast kienet l-unika kumpannija parent li dan id-dokument intbagħtilha għas-sempliċi raġuni li fil-passat hija kienet iżżomm lil Trioplast Wittenheim. Għal kważi l-kumpanniji parent kollha l-oħra li bagħtitilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi addizzjonali. Barra minn hekk, FLS Plast ma kienet involuta f’ebda stadju tal-proċedura prekontenzjuża preċedenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

36

FLS Plast issostni wkoll li l-Kummissjoni kienet obbligata tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha mill-mument li ntbagħtitilha d-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, f’din il-kawża, huwa biss matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ibbażat ruħha fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti f’dak li jikkonċerna biss il-perijodu li matulu FLS Plast żammet il-kapital kollu ta’ Trioplast Wittenheim.

37

Issa, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, FLS Plast ressqet numru kbir ta’ argumenti, sostnuti minn provi, li juru li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Trioplast Wittenheim. Skont FLS Plast, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tal-inqas tanalizza l-provi li “jistgħu” jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni u li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-konklużjonijiet li hija siltet minn dan, xi ħaġa li hija ma għamlitx.

38

B’hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għaliex il-provi pprovduti minn FLS Plast, u b’mod partikolari l-elementi li juru n-natura purament passiva tar-rwol ta’ H. u T., ma kinux ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti effettiva fuq is-sussidjarji. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest jirrendi l-preżunzjoni inkwistjoni inkonfutabbli kull darba li tiġi stabbilita “amministrazzjoni komuni” għall-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha.

39

Il-Kummissjoni tqajjem, qabelxejn, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni aggravju ta’ FLS Plast minħabba li, l-ewwel nett, dan huwa aggravju ġdid ippreżentat minn FLS Plast, li l-iktar l-iktar tqajjem matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, u, it-tieni nett, fil-verità dan l-aggravju huwa intiż li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni, filwaqt li twarrab dik imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza appellata, mingħajr ma madankollu FLS Plast issostni l-eżistenza ta’ żnaturament tal-provi.

40

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha biżżejjed sabiex tippermetti lil FLS Plast tifhem ir-ratio tagħha, u dan il-Qorti Ġenerali tal-inqas ikkonfermatu b’mod impliċitu. Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux iqajmu, ex officio, motivi dwar il-motivazzjoni ta’ miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet.

41

Barra minn hekk, l-affermazzjoni ta’ FLS Plast li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtitilha għas-sempliċi raġuni li fil-passat hija kienet żammet il-kapital ta’ Trioplast Wittenheim ma hijiex eżatta. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li hija bbażat ruħha espressament fuq diversi elementi addizzjonali bħal, b’mod partikolari, il-fatt li H., chairman ta’ Trioplast Wittenheim bejn is-snin 1990 sa 1994, kien ukoll direttur ta’ FLS Plast.

42

Fir-replika tagħha, dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, FLS Plast twieġeb li tabilħaqq hija sostniet, matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li FLS Plast ma kinitx ikkonfutat il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Trioplast Wittenheim. Barra minn hekk, skont prinċipju stabbilit sew tad-dritt tal-Unjoni, in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

43

Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, ittenni l-argument li FLS Plast ma kinitx invokat nuqqas ta’ motivazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda obbligu li tqajjem tali motiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ FLS Plast, li hija sostniet matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu mill-proċedura.

45

Issa, għandu jiġi kkonstatat li FLS Plast, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ma allegatx li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni sa fejn timputa r-responsabbiltà in solidum tal-ksur inkwistjoni. Minkejja li FLS Plast, fil-punt 9 tar-replika tagħha, issostni li din il-konklużjoni hija ineżatta “peress li [...] dan il-motiv fil-fatt tqajjem [...] quddiem il-Qorti Ġenerali”, hija ma ssemmi xejn dwar il-fatt li hija qajmet dan il-motiv biss matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas biss tipprova tikkonfuta l-konstatazzjoni li tali motiv ma kienx jinstab fir-rikors promotur.

46

Barra minn hekk, FLS Plast ma tispjegax ir-raġuni għaliex il-produzzjoni ta’ dan il-motiv ġdid matul dik is-seduta kienet ammissibbli minkejja l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, hija ma ssostnix l-eżistenza ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ġiet rilevata matul il-proċedura u li setgħet tiġġustifika l-produzzjoni tardiva ta’ tali motiv.

47

Minn dan isegwi li, permezz tal-preżenti aggravju, FLS Plast tibbaża ruħha fuq argument ġdid, li jikkonsisti fil-kontestazzjoni tan-natura suffiċjenti fid-dritt tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din timputalha r-responsabbiltà in solidum tal-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim.

48

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li parti għandha dritt tippreżenta appell billi ssostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, motivi li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il-Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, it-tieni aggravju, sa fejn dan jirrigwarda, essenzjalment, l-ommissjoni mill-Qorti Ġenerali li tqajjem ex officio lment dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża, joriġina mis-sentenza appellata stess. Dan l-aggravju huwa, għaldaqstant, ammissibbli.

49

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argument ta’ FLS Plast li l-Qorti Ġenerali, adita bl-annullament ta’ miżura adottata minn korp tal-Unjoni, hija obbligata tqajjem ex officio lment dwar motivazzjoni insuffiċjenti, fid-dritt, ta’ din il-miżura, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’xi difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni żammet lil FLS Plast responsabbli għall-ksur ikkonstatat għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1992 u d-19 ta’ Jannar 1999 jirriżultaw b’mod ċar mill-punti 715 sa 732 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fil-kuntest tagħhom din l-istituzzjoni tippreċiża li hija bbażat ruħha kemm fuq il-fatt li FLS Plast kienet iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha Trioplast Wittenheim kif ukoll fuq indizji oħra li jikkorroboraw l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ FLS Plast fuq din l-aħħar kumpannija.

51

Fir-rigward tal-elementi invokati minn FLS Plast fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, minkejja li l-Kummissjoni ma jidhirx li indirizzat dawn l-elementi kollha wieħed wieħed, madankollu hija pprovdiet lil FLS Plast, fil-punti 718 sa 731 tad-deċiżjoni kontenzjuża, indikazzjoni suffiċjenti kemm sabiex tippermettilha tiddetermina jekk din id-deċiżjoni, fl-opinjoni tagħha, hijiex fondata jew jekk din hijiex possibbilment ivvizzjata b’difett li jagħti lok għal kontestazzjoni tal-validità tagħha, kif ukoll sabiex tippermetti li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 462, kif ukoll Eni vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:289, punt 72).

52

Barra minn hekk, FLS Plast ma tallegax li hija ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Għall-kuntrarju, l-eżami ddettaljat li sar mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 sa 61 u 77 sa 82 tas-sentenza appellata, tal-argumenti ta’ FLS Plast bil-għan li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti pjuttost juri li FLS Plast setgħet tiddefendi b’mot utli d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq id-deċiżjoni kkontestata.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-avviż dwar il-klemenza

L-argumenti tal-partijiet

54

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, FLS Plast issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta hija applikat l-avviż dwar il-klemenza.

55

FLS Plast tfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont it-tieni inċiż tal-punt 2 tat-Titolu D tal-avviż dwar il-klemenza, impriża li tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom din l-istituzzjoni tibbaża l-akkużi tagħha tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa, sakemm din id-dikjarazzjoni tkun espliċita, ċara, inekwivoka u tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni.

56

Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, FLS Plast iddikjarat espressament li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-fatti inkriminati. Għaldaqstant hija ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni billi naqqset l-oneru tal-prova tagħha. L-argumenti ta’ difiża tagħha ma affettwawx is-sisien tal-ksur, billi FLS Plast la kkontestat il-parteċipazzjoni diretta ta’ Trioplast Wittenheim f’laqgħat antikompetittivi, la t-tul totali tal-ksur, la l-gravità tiegħu u lanqas il-kobor tal-portata ġeografika li fuqha huwa twettaq.

57

FLS Plast konsegwentement tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tirrifjuta li tagħtiha tnaqqis tal-multa tagħha fuq din il-bażi, u sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tagħtiha tnaqqis ta’ 50 % tal-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kontenzjuża.

58

It-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ multa mogħtija, barra minn hekk, lil Bonar Technical Fabrics NV (iktar ’il quddiem “Bonar”) u fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

59

Fil-fatt, skont FLS Plast, Bonar biss kisbet tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha, filwaqt li t-tnejn li huma kienu talbu tali tnaqqis. Issa, il-kooperazzjoni ta’ Bonar mal-Kummissjoni, bħal dik ta’ FLS Plast, kienet limitata għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, f’termini ġenerali. Bl-istess mod, Bonar kif ukoll FLS Plast it-tnejn li huma ammettew il-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja tagħhom fil-ksur u ppruvaw jiċħdu r-responsabbiltà tagħhom bħala kumpanniji parent. Dawn iż-żewġ impriżi għaldaqstant sabu ruħhom f’sitwazzjoni identika u kellhom jiksbu l-istess tnaqqis. Barra minn hekk, Bonar ikkontestat il-parteċipazzjoni tal-ex sussidjarja tagħha f’tal-inqas waħda mil-laqgħat tal-akkordju u b’mod iktar ġenerali hija llimitat in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti tagħha għar-rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha f’“ċerti laqgħat”.

60

Issa, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li ssostni li, “kuntrarjament għal dak li kien il-każ għal [Bonar]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-kontestazzjoni ta’ FLS Plast affettwat il-bażi stess tal-ksur, mingħajr ma ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha b’mod iktar preċiż.

61

B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkonkludietx li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Barra minn hekk, billi ma wettqitx paragun korrett tad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti ta’ Bonar u ta’ FLS Plast rispettivament, il-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha.

62

It-tielet parti tat-tielet aggravju ta’ FLS Plast hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tnaqqis ta’ multa imposta fuq Trioplast Industrier.

63

FLS Plast tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li kien impossibbli li FLS Plast tingħata l-vantaġġ ta’ tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa, bħal dak mogħti lil Trioplast Industrier, minħabba li dan it-tnaqqis ingħata lil Trioplast Industrier b’mod illegali.

64

Skont FLS Plast, sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-benefiċċju tat-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa, miksub minn Trioplast Wittenheim li magħha hija fformat entità ekonomika għal tmien snin matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, għandu jingħatalha. Konsegwentement, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn din tirrifjuta li tagħti lil FLS Plast tnaqqis tal-multa tagħha għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tagħtiha tnaqqis tal-multa ta’ 50 % jew, tal-inqas, ta’ 30 %.

65

Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni partijiet ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, dawn huma intiżi, mingħajr ma FLS Plast tinvoka żnaturament tal-fatti, li jiksbu eżami mill-ġdid tal-fatti, minn naħa, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-valur tad-dikjarazzjonijiet ifformulati minn FLS Plast matul l-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-mertu tad-deċiżjoni tagħha li tagħti lil Bonar tnaqqis ta’ 10 % tal-multa.

66

Sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-elementi ppreżentati minn FLS Plast fit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kontenzjuża huma biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti minn FLS Plast ma kinitx tissodisfa l-kriterji meħtieġa fil-punt 2 tat-Titolu D tal-avviż dwar il-klemenza.

67

F’dak li jikkonċerna t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, dwar ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn Bonar, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza appellata, moqrija flimkien mad-deċiżjoni kontenzjuża u r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Qorti Ġenerali tista’ titqies li wettqet tqabbil suffiċjenti bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. Barra minn hekk, ftit li xejn jimporta li l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ FLS Plast kien, fil-fatt, paragunabbli ma’ dak ta’ Bonar, peress li, fi kwalunkwe każ, il-kooperazzjoni ta’ FLS Plast ma ssodisfatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-avviż dwar il-klemenza.

68

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt, peress li l-argument imressaq minn FLS Plast huwa evidentement irrilevanti.

69

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li minkejja li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li FLS Plast ma kellhiex dritt tibbenefika minn tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa, hija bbażat din id-deċiżjoni fuq raġunijiet żbaljati. Fil-fatt, f’dak il-mument tal-perijodu li jikkostitwixxi ksur, FLS Plast ma kinitx għadha tikkostitwixxi entità ekonomika ma’ Trioplast Wittenheim, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, u huwa għal din ir-raġuni li estensjoni tal-imsemmi tnaqqis ta’ 30 % għal FLS Plast ġiet eskluża. Konsegwentement, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-punti 172 sa 176 tas-sentenza kkontestata u sabiex timmotivahom b’mod ieħor.

70

Fir-replika tagħha, FLS Plast tirribatti billi tgħid li l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet aggravju insostenn tal-appell tagħha ma humiex intiżi li jiksbu eżami mill-ġdid tal-fatti, iżda li jikkontestaw il-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet mill-fatti analizzati fis-sentenza appellata. F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti, hija indikat, fil-punti 68 sa 75 tal-appell tagħha, provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, din ukoll tirrigwarda l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet mill-fatti ppreżentati quddiemha. Barra minn hekk, ġie invokat żnaturament tal-fatti anki fil-punt 82 tal-appell.

71

Il-Kummissjoni, fir-replika tagħha, ittenn l-argument li jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-appell sabiex twettaq l-eżami li FLS Plast qiegħda titlobha. Hija ġurisprudenza stabbilita li żnaturament għandu joħroġ b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ġdida, u dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet aggravju

72

Permezz tal-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, FLS Plast essenzjalment issostni, minn naħa, li hija ma kinitx ikkontestat il-materjalità tal-fatti li ġiet ikkritikata bihom mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ffaċilita, għal din l-istituzzjoni, il-kompitu li tagħti prova tal-ksur inkwistjoni, u li kellu jissarraf għaliha, abbażi tal-avviż dwar il-klemenza, fi tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li normalment kellu jiġi impost fuqha. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kellha tapplika fir-rigward tagħha dan it-tnaqqis ta’ 10 % b’mod partikolari minħabba li Bonar, li bbenefikat minnha, kienet ikkooperat mal-Kummissjoni b’mod essenzjalment identiku għall-mod li FLS Plast kienet tat prova tiegħu. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement motivata dwar dan il-punt.

73

Fir-rigward tal-ewwel ilment invokat, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 164 tas-sentenza appellata li “[i]l-Kummissjoni tgawdi [...] minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra” u li hija “ma tistax, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

74

Barra minn hekk, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-pożizzjoni ta’ [FLS Plast] matul il-proċedura amministrattiva kienet inekwivoka” u li, minkejja li din tal-aħħar “[kienet] ħabbret li l-kontestazzjoni tagħha kienet limitata għall-fatti li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex timputalha r-responsabbiltà in solidum tal-ksur [,] il-kontestazzjoni ta’ [FLS Plast] kienet taffettwa s-sisien stess [tagħha]”, u dan “kuntrarjament għal dak li kien il-każ għal [Bonar]”. Fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li FLS Plast “b’mod partikolari kkontestat il-parteċipazzjoni ta’ H. fil-laqgħa [...] tal-21 ta’ Diċembru 1993” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

75

Barra minn hekk, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li FLS Plast “ma [kienet] ressqet ebda argument li jippermetti li jiġi stabbilit li l-kooperazzjoni tagħha ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni, kif [kien] meħtieġ mill-ġurisprudenza” sabiex, fl-aħħar nett, tiddeċiedi, fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, li “[f’]dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tat [lil Bonar] tnaqqis ta’ 10 % għall-assenza ta’ kontestazzjoni tal-fatti u meta rrifjutat tali tnaqqis lir-rikorrenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

76

Issa, sabiex tikkontesta, fl-istadju tal-appell, din l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, FLS Plast, skont ġurisprudenza stabbilita, kellha tinvoka żnaturament, minnha, tal-fatti jew ta’ provi, xi ħaġa li hija ma għamlitx. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem FLS Plast fil-kuntest tar-replika tagħha, mill-punti 68 sa 75 u 82 tal-appell bl-ebda mod ma jirriżulta li din tal-aħħar tinvoka żnaturament ta’ fatti jew ta’ provi mill-Qorti Ġenerali.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li l-imsemmi lment, invokat fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni partijiet tat-tielet aggravju ta’ FLS Plast, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

78

Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ġie diġà espost fil-punti 73 sa 77 tas-sentenza preżenti, sabiex tkun tista’ tqabbel l-aġir ta’ FLS Plast, minn naħa, u dak ta’ Bonar, min-naħa l-oħra, ikun neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali b’dik tagħha, li ma taqax f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja adita b’appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti jew tal-provi li kienu ġew suġġetti għal eżami minnha. Issa, tali żnaturament la ġie invokat, f’ħin xieraq, u lanqas, a fortiori, ma ntwera minn FLS Plast. Għaldaqstant, dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

79

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ motivazzjoni invokat f’dan il-kuntest minn FLS Plast, diġà tfakkar, fil-punti 73 sa 75 tas-sentenza preżenti, li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 88), qieset li huma insuffiċjenti l-elementi mressqa minn FLS Plast sabiex tistabbilixxi li l-allegata nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħha tal-materjalità tal-fatti kienet għenet lil din l-istituzzjoni jew li dan in-nuqqas ta’ kontestazzjoni kien tal-inqas paragunabbli ma’ dak ta’ Bonar. Ir-raġunament ipprovdut mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward jippermetti, evidentement, lil FLS Plast li tifhem ir-raġunijiet għaliex din ċaħdet l-argument ikkonċernat kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Dan l-argument ta’ FLS Plast għaldaqstant huwa infondat.

80

Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet aggravju jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

– Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju

81

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet aggravju ta’ FLS Plast insostenn tal-appell tagħha, ibbażata fuq li l-Kummissjoni żbaljat meta ma tathiex tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 30 %, filwaqt li hija kienet tikkostitwixxi entità ekonomika ma’ Trioplast Wittenheim, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, ċaħdet dan l-argument billi qieset “[l]i kienet il-Kummissjoni li kellha tevalwa l-kooperazzjoni taż-żewġ kumpanniji fl-investigazzjoni b’mod individwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82

F’dan ir-rigward, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “Trioplaist Wittenheim, Trioplast Industrier u [FLS Plast] ingħataw, ġustament, ammonti inizjali individwali, li sussegwentement ġew aġġustati skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull waħda minnhom”. Madankollu, fil-punt 173 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “la mid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżulta li [Trioplast Industrier] ipprovdiet informazzjoni li tiġġustifika tnaqqis ta’ 30 % [tal-multa]”, u, fil-punt 174 tal-imsemmija sentenza, li, “[billi] ebda waħda mill-kumpanniji parent suċċessivi ma offriet informazzjoni utli għall-Kummissjoni, din ittrattat żewġ sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti”. Il-Qorti Ġenerali madankollu ddeċidiet, skont il-punti 175 u 176 tal-istess sentenza, li, billi ħadd ma seta’ jinvoka, fir-rigward tagħha, illegalità mwettqa favur ħaddieħor, FLS Plast “ma tistax tinvoka l-fatt li l-Kummissjoni estendiet, bi żball, il-benefiċċju tal-kooperazzjoni offruta minn Trioplast Wittenheim lil Trioplast industrier” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

83

Għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li ddeċidiet ġustament li FLS Plast ma kellhiex dritt tikseb it-tnaqqis tal-ammont tal-multa bi 30 %, mogħti, barra minn hekk, lil Trioplast Industrier skont l-avviż dwar il-klemenza, din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq motivazzjoni żbaljata fid-dritt.

84

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv jidher fondat fuq motivi ta’ dritt oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara s-sentenza Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, EU:C:2011:372, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li l-impriża li kkooperat mal-Kummissjoni abbażi tal-avviż dwar il-klemenza biss tista’ tingħata, skont dan l-avviż, tnaqqis tal-multa li, mingħajr din il-kooperazzjoni, kienet tiġi imposta fuqha. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mill-perijodu li jikkostitwixxi ksur, hija għamlet parti mill-entità ekonomika magħmula minn din l-ewwel impriża, iżda ma kinitx għadha tagħmel parti minnha fil-mument fejn din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni.

86

Interpretazzjoni kuntrarja, bħal dik sostnuta minn FLS Plast, tkun tfisser ġeneralment li fil-każijiet ta’ suċċessjoni ta’ impriża, kumpannija li inizjalment tkun ipparteċipat fi ksur, bħala kumpannija parent ta’ sussidjarja involuta direttament fih, u li sussegwentement tittrasferixxi lil din is-sussidjarja lil impriża oħra, tibbenefika, jekk ikun il-każ, minn tnaqqis ta’ multa mogħtija lil din l-aħħar impriża għall-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, minkejja li l-imsemmija kumpannija la tkun ikkontribwixxiet hija stess għall-iżvelar tal-ksur inkwistjoni u lanqas ma tkun eżerċitat influwenza determinanti, fil-mument tal-kooperazzjoni, fuq l-ex sussidjarja tagħha.

87

Konsegwentement, fid-dawl tal-għan intiż bl-avviż dwar il-klemenza, li jikkonsisti f’li jiġi inkoraġġut l-iżvelar ta’ aġir kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, u bl-għan li jiggarantixxi applikazzjoni effettiva ta’ din id-dispożizzjoni, xejn ma jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis ta’ multa mogħtija lil impriża għall-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni li, filwaqt li fil-passat kienet ikkontrollat lis-sussidjarja involuta fil-ksur inkwistjoni, hija stess ma kkontribwixxietx għall-iżvelar tiegħu.

88

F’dan il-każ għandu jitfakkar li, fil-mument meta Trioplast Wittenheim ikkooperat mal-Kummissjoni, jiġifieri sa mix-xahar ta’ Diċembru 2002, din il-kumpannija ma kinitx għadha tifforma entità ekonomika ma’ FLS Plast. Minn dan isegwi li din tal-aħħar ma tistax tibbenefika, b’estensjoni, mit-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa, bħal dak li ngħata lil Trioplast Industrier fid-dawl tal-fatt li hija kienet tifforma entità ekonomika ma’ Trioplast Wittenheim, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ din tal-aħħar.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija barra minn hekk irrilevanti l-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa mogħtija lil Trioplast Industrier ingħatax b’mod ġust, peress li, fi kwalunkwe każ, dan it-tnaqqis ma setax jiġi estiż għal FLS Plast abbażi tal-ugwaljanza fit-trattament, peress li din l-aħħar kumpannija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ Trioplast Industrier.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-aggravju mqajjem minn FLS Plast huwa, f’din il-parti, dirett kontra motivi tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-punti 84 sa 88 tas-sentenza preżenti, issostitwixxiethom bil-motivi tagħha stess, liema motivi huma ta’ natura li jiġġustifikaw, fid-dritt, id-deċiżjoni li l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa ta’ 30 % favur Trioplast Industrier ma setax jiġi estiż għal FLS Plast.

91

Minn dan jirriżulta li t-tielet parti tal-aggravju mqajjem minn FLS Plast insostenn tal-appell tagħha, diretta kontra dawn il-motivi ssostitwiti, hija, għaldaqstant, infondata.

92

Billi l-partijiet kollha tat-tielet aggravju ġew miċħuda, hemm lok li t-tielet aggravju ta’ FLS Plast jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva l-kalkolu tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

93

Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq FLS Plast, din tfakkar li tliet impriżi differenti pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni, bħala kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim, matul tliet perijodi suċċessivi. Trioplast Wittenheim hija l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża li kienet ikkontrollata minn kull waħda mit-tliet impriżi li wettqu l-ksur matul it-tul sħiħ tal-ksur. Peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni tal-multi kien għadda fir-rigward ta’ Saint‑Gobain, Trioplast Wittenheim biss setgħet tiġi ddikjarata responsabbli għall-ksur għall-perijodu ta’ qabel is-sena 1992.

94

Issa, il-multa imposta fuq FLS Plast hija, wara l-adozzjoni tas-sentenza appellata, ta’ EUR 14.45 miljun, li jikkorrispondi għal iktar minn 80 % tal-multa totali imposta fuq Trioplast Wittenheim sabiex tissanzjona 20 sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Madankollu, FLS Plast kienet involuta fil-ksur, u dan b’mod indirett, għal seba’ snin biss, jiġifieri 35 % tat-tul totali tal-ksur. Dan l-approċċ huwa manifestament sproporzjonat. Tal-inqas, ir-responsabbiltà in solidum imposta fuq kumpannija parent għandu jkollha rabta raġonevoli mal-perijodu li matulu hija fformat entità ekonomika mas-sussidjarja tagħha.

95

Skont FLS Plast, il-kumpannija parent ma għandhiex titqies li hija persuna li twettaq il-ksur separata, iżda pjuttost bħala l-garanti tal-multa effettivament imposta fuq is-sussidjarja tagħha li pparteċipat fl-akkordju. Il-Kummissjoni ma tistax tiġbor mingħand il-kumpanniji parent ammont ogħla mill-ammont inizjali impost fuq is-sussidjarja. Il-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju billi talbet lil FLS Plast ammont li jikkorrispondi għal 80 % tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim għat-tul totali tal-ksur.

96

Fil-fatt, skont FLS Plast, billi Trioplast Wittenheim ipparteċipat fil-ksur għal perijodu totali ta’ 20 sena, u billi FLS Plast kienet tagħmel parti mill-istess entità ekonomika ma’ dik il-kumpannija għal seba’ snin, il-multa imposta fuq FLS Plast, bħala prinċipju, ma għandhiex taqbeż seba’ partijiet minn għoxrin (7/20) tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim, jiġifieri EUR 6.25 miljun.

97

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, FLS Plast issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn difett ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan il-kuntest.

98

Fil-fatt, skont FLS Plast, ir-risposta tal-Qorti Ġenerali għall-argumenti tagħha hija limitata biss għall-punt 100 tas-sentenza appellata. Kulma għamlet il-Qorti Ġenerali kien li vverifikat jekk il-Kummissjoni kkonformatx ruħha mal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Madankollu, applikazzjoni mekkanika tal-linji gwida ma tistax tiggarantixxi l-proporzjonalità tal-multa li tirriżulta minnhom f’kull każ individwali.

99

Prinċipalment, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju huma inammissibbli. Fil-fatt, dawn jikkostitwixxu sempliċi talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa u FLS Plast ma rrilevat ebda żball ta’ liġi ieħor imwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest. Skont il-Kummissjoni, l-argumenti ta’ FLS Plast huma intiżi jiksbu eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża fiha nfisha u ma humiex ifformulati bħala lmenti serji kontra s-sentenza appellata. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli.

100

Sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta li t-tqassim tar-responsabbiltà bejn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess entità ekonomika f’mumenti differenti għandu jkun proporzjonat mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull kumpannija fil-ksur jew mat-tul taż-żamma ta’ sussidjarja li wettqet il-ksur inkwistjoni. Sa fejn l-ammont inizjali għall-kalkolu ta’ multa huwa fiss u ma jiddependix mit-tul tal-ksur, iżda jirrifletti biss il-gravità tiegħu, iż-żieda ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa għal kull sena ta’ parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur għat-tul jagħti lok għal impożizzjoni ta’ multi li ma jkunux strettament proporzjonali mat-tul tal-ksur.

101

F’dak li jikkonċerna t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 92 sa 105 tas-sentenza appellata, irrispondiet b’mod speċifiku għall-argument ta’ FLS Plast dwar l-assenza ta’ proporzjonalità tal-multa imposta fuqha.

102

Fir-replika tagħha, FLS Plast tirribatti li, billi sostniet li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-ammont impost fuqha fid-deċiżjoni kontenzjuża kien sproporzjonat meta mqabbel mat-tul tal-involviment indirett tagħha fil-ksur, hija qajmet, b’mod ċar, ilmenti serji bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza appellata.

103

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, FLS Plast issostni li l-fatt li, fl-appell tagħha, hija ma għandhiex l-intenzjoni li tittratta l-lakuni kollha tas-sentenza appellata, bl-ebda mod ma jaffettwa n-natura serja tar-raba’ aggravju li hija tqajjem insostenn tiegħu.

104

Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, ittenni l-argument li FLS Plast, peress li ma setgħet tidentifika ebda lakuna fis-sentenza appellata, qiegħda tfittex li tikseb eżami ġenerali mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża fiha nfisha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

105

F’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tar-raba’ aggravju ta’ FLS Plast, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ilmenti fformulati minn din il-kumpannija kontra s-sentenza appellata, ibbażata, minn naħa, fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, fuq li l-Qorti Ġenerali approvat il-kalkolu tal-multa tal-Kummissjoni, li wassal għall-impożizzjoni ta’ multa sproporzjonati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-imsemmi aggravju, fuq li l-Qorti Ġenerali mmotivat din id-deċiżjoni biss permezz ta’ riferiment għal-linji gwida, li jikkostitwixxi difett ta’ motivazzjoni, jirriżultaw b’mod biżżejjed ċar mill-punti 99 sa 123 tal-appell tagħha u jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, iż-żewġ partijiet tar-raba’ aggravju mqajjem minn FLS Plast insostenn tal-appell tagħha huma ammissibbli.

– Fuq il-mertu

106

F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-multa, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq minn FLS Plast li, minn naħa, din għandha titqies li hija l-garanti tal-multa effettivament imposta fuq is-sussidjarja tagħha li pparteċipat fl-akkordju u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tirkupra mingħand il-kumpanniji parent ammont ogħla mill-multa “inizjali” imposta fuq is-sussidjarja tagħha.

107

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-relazzjoni in solidum li teżisti bejn żewġ kumpanniji li jikkostitwixxu entità ekonomika ma tistax tiġi ristretta għal forma ta’ garanzija pprovduta mill-kumpannija parent sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, u li argument li din il-kumpannija parent ma setgħetx tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont ogħla minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha għaldaqstant huwa infondat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punti 56 u 58). Din il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet jeħtieġ li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[KE] u 82[KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), l-ammont tal-multa li għandu jitħallas in solidum għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur li l-impriża kkonċernata hija kkritikata bih u t-tul tiegħu (sentenza Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mat-tul tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li FLS Plast tibqa’ ma turiehx.

109

Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali ċertament riedet tiżgura li l-kalkolu tal-ammont ta’ multa imposta fuq impriża għall-involviment tagħha fi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni jieħu debitament inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-parteċipazzjoni fih. Madankollu, it-tul ta’ ksur la huwa l-uniku element u lanqas neċessarjament l-element l-iktar importanti li l-Kummissjoni jew il-Qorti Ġenerali għandhom jieħdu kont tiegħu għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din il-multa.

110

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-multi imposti fuq FLS Plast u fuq il-kumpanniji l-oħra involuti fl-akkordju inkwistjoni ma ġewx ikkalkolati biss skont it-tul rispettiv tal-involviment ta’ dawn il-kumpanniji. Għalhekk, fir-rigward ta FLS Plast, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha ma kellux ikun neċessarjament strettament proporzjonali, u lanqas “raġonevolment” proporzjonali, mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-ksur inkwistjoni, iżda kellu jirrifletti b’mod xieraq il-gravità tal-ksur imwettaq.

111

Issa, f’dak li jikkonċerna l-gravità ta’ dan il-ksur, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar kien jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’numru ta’ ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkonċernaw sitt Stati Membri u li huwa kien jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni kklassifikat dan il-ksur, ġustament, bħala “serju ħafna” fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din il-klassifikazzjoni ma ġietx ikkontestata minn FLS Plast fl-appell tagħha.

112

F’dawn iċ-ċirkustanzi ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali, meta din stabbilixxiet il-multa li għall-ħlas tagħha FLS Plast inżammet responsabbli in solidum, skont l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża, għal EUR 14.45 miljun, jiġifieri ammont ferm inqas mill-ammont minimu ta’ EUR 20 miljun ġeneralment previst mill-Kummissjoni bħala ammont inizjali għall-kalkolu tal-multi għall-ksur “serju ħafna” u previst fit-tielet inċiż tal-punt 1A tal-Linji gwida, waslet għal multa imposta, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sproporzjonata.

113

Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

114

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet l-argument li l-Kummissjoni, matul l-iffissar tal-multa imposta fuq FLS Plast, kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta mqabbel mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur, hemm lok li jiġi kkonstatat li lanqas din il-parti ma tista’ tintlaqa’.

115

Il-Qorti Ġenerali eżaminat dan l-argument fil-punt 100 tas-sentenza appellata, fejn hija kkonstatat li “l-ilment li r-responsabbiltà ta’ [FLS Plast] hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-perijodu li matulu hija kellha azzjonijiet ta’ Trioplast Wittenheim ma huwiex fondat. Ebda regola jew ebda prinċipju ta’ liġi ma jipprevedi li hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura tali proporzjonalità. Ċertament, il-Kummissjoni għandha, skont il-linji gwida, tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur. F’dan il-każ, madankollu, ġie stabbilit [...] li, fil-każ ta’ [FLS Plast], il-Kummissjoni kienet żiedet l-ammont inizjali li hija kienet attribwixxiet lil [FLS Plast] b’10 % għal kull sena li matulha [din] kienet involuta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

116

Issa, din il-motivazzjoni, li ċertament hija qasira, tippermetti li wieħed jifhem ir-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument żviluppat minn FLS Plast f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, l-imsemmija motivazzjoni għandha tinqara flimkien mal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punti 92 sa 105 tas-sentenza appellata li wkoll jirrigwardaw il-kalkolu tal-multa skont it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ FLS Plast fil-ksur, b’mod partikolari bi tqabbil mat-tul fil-ksur ta’ Trioplast Industrier u ta’ Saint-Gobain.

117

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod partikolari, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li “wieħed ma jistax jilqa’ l-affermazzjoni li l-Kummissjoni kellha taqsam l-ammont inizjali qabel ma temendah skont elementi oħra minħabba li Trioplast Wittenheim kienet suċċessivament tappartjeni lill-grupp Saint‑Gobain, lil [FLS Plast] u lil Trioplast Industrier. Minn naħa, ebda regola jew ebda prinċipju ta’ liġi li jimponi obbligu f’dan is-sens ma tressaq minn [FLS Plast]. Min-naħa l-oħra, l-approċċ li jikkonsisti f’li l-kumpannija parent tiġi attribwita l-istess ammont inizjali bħal dak deċiż fir-rigward tas-sussidjarja li pparteċipat direttament fl-akkordju, mingħajr id-diviżjoni, fil-każ ta’ suċċessjoni ratione temporis ta’ diversi kumpanniji parent, ta’ dan l-ammont, ma jistax jitqies li huwa intrinsikament mhux xieraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

118

Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 100 ta’ dik is-sentenza hija manifestament suffiċjenti sabiex tippermetti lil FLS Plast li tkun taf ir-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha f’dan il-kuntest, kif ukoll għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq l-istħarriġ tagħha. Konsegwentement, dwar dan il-punt ma jistax jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni.

119

Billi ż-żewġ partijiet tar-raba’ aggravju ġew miċħuda, dan għandu jiġi ddikjarat infondat fl-intier tiegħu.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

120

Permezz tal-ħames aggravju, FLS Plast tilmenta li s-sentenza appellata ngħatat mill-Qorti Ġenerali fi tmiem proċedura li t-tul tagħha kien eċċessiv, peress li bejn il-preżentata tar-rikors u l-għoti tas-sentenza appellata għaddew sitt snin. Il-Qorti Ġenerali, skont FLS Plast, konsegwentement kisret id-drittijiet li hija tista’ tinvoka skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

121

F’dan ir-rigward, FLS Plast tosserva li l-Qorti Ġenerali baqgħet inattiva matul perijodu ta’ erba’ snin u erba’ xhur bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, fl-20 ta’ Frar 2007, u d-data tas-seduta, fit-22 ta’ Ġunju 2011, mingħajr ma din l-inerzja mtawla setgħet tiġi ġġustifikata bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżuri ta’ investigazzjoni. L-unika azzjoni tal-Qorti Ġenerali matul dan il-perijodu kien l-indirizzar, lill-partijiet, ta’ kwestjonarju kompost minn erba’ domandi qabel is-seduta.

122

Skont FLS Plast, id-deċiżjoni kontenzjuża u l-argumenti mqajma minnha ma għandhomx livell ta’ kumplessità ta’ natura li xxekkel lill-Qorti Ġenerali milli tipprepara l-proċedura orali f’terminu ta’ inqas minn erba’ snin u erba’ xhur.

123

FLS Plast tenfasizza li l-Qorti Ġenerali setgħet tagħti l-ewwel sentenzi tagħha li jikkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża fit-13 ta’ Settembru 2010. Għalhekk, fix-xahar ta’ Settembru 2010, il-Qorti Ġenerali kienet diġà tista’ tagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ dawn is-sentenzi l-oħra, peress li kienet wettqet l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kollha u l-investigazzjonijiet fattwali neċessarji għal dan l-għan. Barra minn hekk, l-imsemmija sentenzi kienu jikkonċernaw lil Trioplast Industrier (sentenza tal-Qorti Ġenerali Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑40/06, EU:T:2010:388) kif ukoll Trioplast Wittenheim (sentenza tal-Qorti Ġenerali Trioplast Wittenheim vs Il-Kummissjoni, T‑26/06, EU:T:2010:387). Issa, il-fatti kollha rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża huma identiċi għal dawk ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza Trioplast Wittenheim vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2010:387). Għaldaqstant, xejn ma jiġġustifika t-tul ta’ sena u ħames xhur li għaddew bejn l-għoti ta’ din l-aħħar sentenza mill-Qorti Ġenerali u l-għoti tas-sentenza appellata.

124

Fl-aħħar nett, l-aġir ta’ FLS Plast quddiem il-Qorti Ġenerali ma wassalx għad-dewmien tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

125

Il-Kummissjoni tqajjem, b’mod prinċipali, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Din l-istituzzjoni ssostni li meta parti tqis li t-tul ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kien tul eċċessiv, din għandha tikkumpensa għad-dannu li hija ssostni li ġarrbet b’dan il-mod permezz ta’ azzjoni għad-danni. Barra minn hekk, tali tul eċċessiv fih innifsu ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-multa, kif sostnut minn FLS Plast, għaliex dan ikun ekwivalenti għal bidla tad-deċiżjoni kontenzjuża.

126

Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fil-każ ineżami, u b’mod partikolari tar-riskju għall-impriża, tal-kumplessità u tal-aġir, it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali huwa raġonevoli. Fir-rigward ta’ dan, il-Kummissjoni tenfasizza li kważi l-fatti kollha invokati insostenn tad-deċiżjoni kontenzjuża ġew ikkontestati minn FLS Plast u li, għaldaqstant, kellhom jiġu vverifikati. Sa fejn uħud minn dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, ittieħdu ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni sabiex jippermettu li dawn il-kawżi kollha jiġu eżaminati u jiġu deċiżi. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li FLS Plast kienet ippreżentat rikors kumpless ħafna, li jinkludi diversi motivi u sottomotivi. L-erbatax-il rikorrent l-ieħor ipproduċew atti proċedurali daqstantieħor iddettaljati.

127

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fl-eventwalità fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li hemm ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli u tqis neċessarju li tnaqqas il-multa, tali tnaqqis għandu jkun limitat ħafna jew simboliku biss.

128

Fir-replika tagħha, FLS Plast issostni li l-Kummissjoni ma tiċċitax bażi legali insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija qajmet.

129

Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, tenfasizza li l-aggravji mqajma fil-kuntest ta’ appell jistgħu jikkonċernaw biss żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Il-ħames aggravju mqajjem minn FLS Plast insostenn tal-appell tagħha ma huwiex ibbażat fuq tali żball.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130

Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, fil-kuntest ta’ appell, li tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx irregolaritajiet proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 176).

131

F’dak li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, invokat minn FLS Plast, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, dan l-artikolu huwa marbut mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, EU:C:2009:456, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132

B’hekk, tali dritt, li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet irrikonoxxuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2009:456, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133

Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, sa fejn jikkostitwixxi irregolarità proċedurali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali, għandu jintitola lill-parti kkonċernata għal rimedju effettiv li permezz tiegħu tkun tista’ tikseb kumpens adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Kudła c., Nru 30210/96, § 156 u 157, KEDB 2000‑XI).

134

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, li appellanti tikkontesta l-ammont ta’ multa imposta fuqha, meta jkunu ġew miċħuda l-aggravji kollha mressqa kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammont ta’ din il-multa u tal-aġir issanzjonat minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ azzjoni għad-danni ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li tali azzjoni tikkostitwixxi rimedju effettiv. Minn dan isegwi li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:770, punti 83 u 84).

136

Konsegwentement hija l-Qorti Ġenerali, billi tiddeċiedi b’formazzjoni differenti minn dik li ddeċidiet dwar il-kawża li wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha huwa kkontestat, li għandha tevalwa kemm il-materjalità tad-dannu invokat kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża, u dan billi teżamina l-provi prodotti għal dan il-għan (ara, b’mod partikolari, f’dan il-każ, is-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:770, punti 88 u 90).

137

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li wasslet għas-sentenza appellata, li kien ta’ iktar minn sitt snin, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża.

138

B’mod partikolari, jirriżulta li l-perijodu ta’ bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, li huwa ddefinit bil-preżentata, fi Frar 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, u l-ftuħ, matul Ġunju 2011, tal-proċedura orali, kien ta’ madwar erba’ snin u erba’ xhur. It-tul ta’ dan il-perijodu ma jistax jiġi spjegat miċ-ċirkustanzi tal-kawża biss, u dan la mill-kumplessità tat-tilwima, la mill-aġir tal-partijiet u lanqas mill-okkorrenza ta’ kwistjonijiet proċedurali.

139

Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, mill-eżami tar-rikors ippreżentat minn FLS Plast, kif deskritt fil-qosor fil-punti 9 u 10 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, għalkemm kienu jeħtieġu eżami ddettaljat, il-motivi invokati ma kinux jippreżentaw livell ta’ diffikultà partikolarment għoli. Għalkemm huwa minnu li madwar ħmistax mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentaw rikors għall-annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-fatt ma setax iwaqqaf lil din il-qorti milli tissintesizza l-proċess u milli tipprepara l-proċedura orali f’perijodu ta’ żmien iqsar minn erba’ snin u erba’ xhur.

140

F’dak li jikkonċerna l-aġir tal-partijiet, xejn fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li, permezz tal-aġir tagħha, FLS Plast ikkontribwixxiet sabiex ikun hemm dewmien fit-trattament tal-kawża.

141

Fl-aħħar nett, minn dan il-proċess lanqas ma jirriżulta li l-proċedura ġiet interrotta jew imdewma bl-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali li jistgħu jiġġustifikaw id-dewmien tagħha.

142

Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni u dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bergarderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42).

143

Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 134 sa 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ħames aggravju mressaq minn FLS Plast insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

144

Minn dan isegwi li, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati minn FLS Plast insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

145

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

146

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li FLS Plast tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

FLS Plast A/S hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top