Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CA0026

    Kawża C-26/11: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal- 31 ta’ Jannar 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Grondwettelijk Hof — il-Belġju) — Belgische Petroleum Unie VZW et vs Belgische Staat (Direttiva 98/70/KE — Kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diesel — Artikoli 3 sa 5 — Speċifikazzjonijiet ambjentali applikabbli għall-karburanti — Direttiva 98/34/KE — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regoli u leġiżlazzjonijiet tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Artikoli 1 u 8 — Kunċett ta’ “regolament tekniku” — Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq kumpanniji taż-żejt li jipprovdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diesel li jipprovdu wkoll fis-suq, fl-istess sena kalendarja, kwantità partikolari ta’ bijokarburanti)

    ĠU C 86, 23.3.2013, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 86/2


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-31 ta’ Jannar 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Grondwettelijk Hof — il-Belġju) — Belgische Petroleum Unie VZW et vs Belgische Staat

    (Kawża C-26/11) (1)

    (Direttiva 98/70/KE - Kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diesel - Artikoli 3 sa 5 - Speċifikazzjonijiet ambjentali applikabbli għall-karburanti - Direttiva 98/34/KE - Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regoli u leġiżlazzjonijiet tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni - Artikoli 1 u 8 - Kunċett ta’ “regolament tekniku” - Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolamenti tekniċi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq kumpanniji taż-żejt li jipprovdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diesel li jipprovdu wkoll fis-suq, fl-istess sena kalendarja, kwantità partikolari ta’ bijokarburanti)

    2013/C 86/03

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Grondwettelijk Hof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Belgische Petroleum Unie VZW, Continental Tanking Company NV, Belgische Olie Maatschappij NV, Octa NV, Van Der Sluijs Group Belgium NV, Belgomazout Liège NV, Martens Energie NV, Transcor Oil Services NV, Mabanaft BV, Belgomine NV, Van Raak Distributie NV, Bouts NV, Gabriels & Co NV, Joassin René NV, Orion Trading Group NV, Petrus NV, Argosoil Belgium NV

    Konvenut: Belgische Staat

    fil-preżenza ta’: Belgian Bioethanol Association VZW, Belgian Biodiesel Board VZW

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Grondwettelijk Hof — Interpretazzjoni tal-Artikoli 4(3) TUE, tal-Artikoli 26(2), 28, 34, 35 u 36 TFUE, tal-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182) u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq kumpanniji taż-żejt li jipprovdu karburant għall-konsum, l-obbligu li fl-istess sena kalendarja jipprovdu wkoll kwantità ta’ bio-ethanol għall-konsum, pur jew fil-forma ta’ bio-ETBE, u ta’ aċidu grass methyl ester (FAME)

    Dispożittiv

    (1)

    L-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, b’konformità mal-għan ta’ promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport, mogħti lill-Istati Membri permezz tad-Direttivi 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport, 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE u 2009/30, timponi fuq il-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal-petrol u/jew tad-diesel, l-obbligu li jqiegħdu fis-suq ukoll, matul l-istess sena kalendarja, billi jħaltuha ma’ dawk il-prodotti, kwantità ta’ bijokarburanti, meta din il-kwantità tiġi kkalkulata b’perċentwali tal-kwanitità totali tal-imsemmija prodotti li huma jikkummerċjalizzaw annwalment, u li dawn il-perċentwali jkunu konformi mal-ammonti tal-limiti massimi stabbiliti mid-Direttiva 98/70, kif emendata bid-Direttiva 2009/30.

    (2)

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, moqri flimkien mal-aħħar inċiż tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix notifika ta’ abbozz ta’ liġi nazzjonali li tobbliga lill-kumpanniji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq karburanti tal petrol u/jew tad-diesel, li jqiegħdu fis-suq ukoll, matul l-istess sena kalendarja, kwantità ta’ bijokarburanti, meta, wara li jkun ġie nnotifikat skont l-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), dan l-abbozz ikun ġie emendat bil-għan li jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan tal-aħħar u li l-abbozz hekk emendat ikun ġie kkomunikat lilha.


    (1)  ĠU C 113, 09.04.2011


    Top