Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CO0152

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-25 ta' Lulju 2008.
    Real Sociedad de Fútbol SAD u Nihat Kahveci vs Consejo Superior de Deportes u Real Federación Española de Fútbol.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Superior de Justicia de Madrid - Spanja.
    Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali - Effett dirett - Kundizzjonijiet tax-xogħol - Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni - Futbol - Limitazzjoni tan-numru ta’ plejers professjonali li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jintgħażlu f’kull tim f’kompetizzjoni nazzjonali.
    Kawża C-152/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-06291

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:450

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    25 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    Fil-Kawża C-152/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2008, fil-proċedura

    Real Sociedad de Fútbol SAD,

    Nihat Kahveci

    vs

    Consejo Superior de Deportes,

    Real Federación Española de Fútbol,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: R. Grass,

    peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u ffirmat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), mehmuż mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija”).

    2

    Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Real Sociedad de Futbol SAD u N. Kahveci quddiem il-Consejo Superior de Deportes kif ukoll quddiem ir-Real Federación Española de Fútbol (federazzjoni Spanjola tal-futbol, iktar ’il quddiem il-“FSF”) dwar regola sportiva li tillimita n-numru ta’ plejers minn pajjiżi terzi li jistgħu jintgħażlu f’kompetizzjonijiet nazzjonali.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-ftehim għandu bħala għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti. Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinvolvi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (Artikolu 3), fażi tranżitorja, li matulha għandu jiġi assigurat l-istabbiliment progressiv ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (Artikolu 4), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (Artikolu 5).

    4

    L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa fformulat kif ġej:

    “Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-iżvilupp progressiv tar-reġim ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti jingħaqdu fi ħdan il-Kunsill ta’ assoċjazzjoni li jaġixxi fil-limiti tar-responsabbilitajiet li jingħata skond il-Ftehim”.

    5

    L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi:

    “Il-Partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikulari li jistgħu jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 8, kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità hija pprojbita skond il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità”.

    6

    Il-Protokoll Addizzjonali li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu ta’ implementazzjoni tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim.

    7

    Skont l-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali:

    “Kull Stat Membru japplika għall-ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka impjegati fil-Komunità reġim karatterizzat min-nuqqas ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla ma’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundidzzjonijiet ta’ xogħol u mal-ħlas.”

    8

    L-Artikolu 39(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwa fformulat kif ġej:

    “Qabel it-tmiem ta’ l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll, il-Kunsill ta’ assoċjazzjoni jistipula dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali favur il-ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u l-familja tagħhom residenti ġewwa l-Komunità”.

    9

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, fl-Artikolu 10(1) tipprovdi li:

    “L-Istati Membri tal-Komunità għandhom jagħtu lill-ħaddiema Torok, li huma parti mis-suq ta’ l-impjiegi legali tagħhom, trattament ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla mal-ħaddiema Komunitarji għal dak li jikkonċerna r-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    N. Kahveci huwa ċittadin Tork li joqgħod fi Spanja, fejn għandu permess ta’ residenza u permess ta’ xogħol. Peress li jaħdem bħala plejer tal-futbol professjonali skont kuntratt ta’ impieg konkluż ma’ Real Sociedad de Fútbol SAD, klabb tal-futbol, huwa ngħata liċenzja federali bħala plejer mhux Komunitarju.

    11

    N. Kahveci, permezz tal-imsemmi klabb, ippreżenta talba lill-FSF sabiex din tal-aħħar tibdel il-liċenzja li għandu b’permess ta’ plejer professjonali identiku għal dak li għandhom il-plejers Komunitarji. Insostenn ta’ din id-domanda, huwa invoka l-Ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali.

    12

    Skont l-Artikolu 129 tar-Regoli ġenerali tal-FSF, liċenzja ta’ plejer professjonali hija titolu mogħti minn din il-Federazzjoni, li jippermetti li wieħed jipprattika dan l-isport bħala plejer irreġistrat magħha kif ukoll li jiġi magħżul f’logħbiet u f’kompetizzjonijiet uffiċjali bħala plejer li huwa parti minn tim partikolari.

    13

    L-Artikolu 173 ta’ dawn ir-Regoli ġenerali jipprovdi:

    “Il-plejers tal-futbol għandu jkollhom nazzjonalità Spanjola jew ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jiġu rreġistrati u jingħataw il-liċenzja ta’ plejer professjonali, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti f’dawn ir-Regoli.”

    14

    L-Artikolu 176(1) tal-imsemmija Regoli ġenerali jipprovdi:

    “1.   It-timijiet li huma parti mill-kompetizzjonijiet uffiċjali organizzati fuq livell nazzjonali u ta’ natura professjonali jistgħu jirreġistraw plejers barranin li ma humiex ċittadini komunitarji, li n-numru tagħhom huwa stabbilit fil-Ftehim konkluż f’dan ir-rigward bejn il-FSF, il-lega nazzjonali tal-futbol professjonali u l-assoċjazzjoni tal-plejers tal-futbol Spanjoli, ftehim li jirregolaw fost l-oħrajn in-numru ta’ plejers ta’ din il-kategorija li jistgħu jintgħażlu simultanjament.

    […]”

    15

    Skont il-Ftehim konkluż fit-28 ta’ Mejju 1999 bejn il-FSF u l-lega nazzjonali tal-futbol professjonali, in-numru ta’ plejers li ma humiex ċittadini tal-Istati Membri li jistgħu jintgħażlu simultanjament fl-ewwel diviżjoni huwa limitat għal tlieta għall-istaġuni 2000/2001 sa 2004/2005 u, fit-tieni diviżjoni, għal tlieta għall-istaġuni 2000/2001 u 2001/2002 u għal tnejn għat-tliet staġuni segwenti.

    16

    B’deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2002, il-FSF ċaħdet l-imsemmija talba ta’ N. Kahveci. Huwa ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Consejo Superior de Deportes.

    17

    Peress li dan ir-rikors ġie miċħud b’deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2002, N. Kahveci kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 37 [tal-Protokoll Addizzjonali jipprekludi] federazzjoni sportiva milli tapplika fil-konfront ta’ atleta professjonali ta’ nazzjonalità Torka, impjegat legalment ma’ klabb tal-futbol Spanjol, bħal dak fil-kawża prinċipali, regola li bis-saħħa tagħha l-klabbs jistgħu jużaw fil-kompetizzjonijiet nazzjonali numru limitat biss ta’ plejers li joriġinaw minn Stati terzi li ma humiex parti miż-Żona Ekonomika Ewropea?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li t-tweġiba għal domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, li jkun fih referenza għall-ġurisprudenza kkonċernata.

    20

    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema Torok li huma parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Istati Membri rigward il-ħlas u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol, kif stabbilit fl-Artikoli 37 tal-Protokoll Addizzjonali, kif ukoll 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi l-applikazzjoni fil-konfront ta’ atleta professjonali ta’ nazzjonalità Torka, impjegat legalment minn klabb imwaqqaf fi Stat Membru, ta’ regola stabbilita minn federazzjoni sportiva tal-istess Stat, li biha l-klabbs mhumiex awtorizzati jagħżlu, fil-kompetizzjonijiet ta’ livell nazzjonali, numru limitat biss ta’ plejers oriġinarji minn Stati terzi li ma humiex parti mill-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    21

    Din id-domanda hija analoga għal dik magħmula lill-Qorti fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C-438/00, Ġabra p. I-4135) u tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C-265/03, Ġabra p. I-2579).

    22

    Fis-sentenza Deutscher Hanballbund, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet illi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim Ewropew li jistabilixxi assoċjazzjoni bejn, min-naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Slovakka, iffirmat fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Ottubru 1993 u approvat f’isem il-Komunitajiet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/909/KE, KEFA KEEA, tad-19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 359, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Komunitajiet-Slovakkja”), kellu jiġi interpretat fis-sens illi jipprekludi l-applikazzjoni fil-konfront ta’ atleta professjonali ta’ nazzjonalità Slovakka, impjegat b’mod legali minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta’ regola adottata minn federazzjoni sportiva tal-istess Stat, li tgħid li l-klabbs ma jkunux awtorizzati jagħżlu, waqt partiti tal-kampjonat jew tat-tazza, numru limitat biss ta’ plejers li joriġinaw minn pajjiżi terzi li ma humiex parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    23

    Fis-sentenza Simutenkov, iċċitata, li fiha kienu inkawża l-istess dispożizzjonijiet tar-Regoli ġenerali tal-FSF u tal-Ftehim tat-28 ta’ Mejju 1999 imsemmi fil-punt 15 ta’ dan id-digriet bħal dawk li huma suġġett tal-kawża prinċipali, il-Qorti qatgħet u ddeċidiet illi l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u l-Federazzjoni tar-Russja min-naħa l-oħra, iffirmat f’Korfù fl-24 ta’ Ġunju 1994 u approvat f’isem il-Komunitajiet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 97/800/KE, KEFA, KEEA tat-30 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 327, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ sħubija Komunitajiet-Russja”) kellu jiġi interpretat fis-sens illi jipprekludi l-applikazzjoni fil-konfront ta’ atleta professjonali ta’ nazzjonalità Russa, impjegat legalment minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta’ regola adottata minn federazzjoni sportiva tal-istess Stat, li biha l-klabbs ma jkunux awtorizzati jagħżlu, fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq livell nazzjonali, numru limitat biss ta’ plejers li joriġinaw minn Stati terzi li ma humiex parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    24

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet li regola li tillimita n-numru ta’ plejers professjonali li huma ċittadini tal-Istat terz ikkonċernat li jkunu jistgħu jintgħażlu fil-kompetizzjoni nazzjonali hija relatata mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, safejn għandha effett dirett fuq il-parteċipazzjoni fil-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni ta’ plejer professjonali tal-imsemmi Stat li huwa impjegat legalment fl-Istat Membru ospitanti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Deutscher Handballbund, punti 44 sa 46, kif ukoll Simutenkov, punti 32, 36 u 37).

    25

    Issa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali hija viċina ħafna għal dik tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Komunitajiet-Slovakkja, kif ukoll dik tal-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta’ sħubija Komunitajiet-Russja.

    26

    Fil-fatt, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Komunitajiet-Slovakkja huwa fformulat kif ġej:

    “Bla ħsara għall-kondizzjonijiet u modalitajiet applikabbli f’kull Stat Membru […] il-ħaddiema ta’ nazzjonalità Slovakka impjegati b’mod legali f’territorju ta’ Stat Membru m’għandhomx ikunu suġġetti ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, ta’ remunerazzjoni jew ta’ tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ l-imsemmi Stat Membru”.

    27

    L-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta’ sħubija Komunitajiet-Russja jipprovdi:

    “Bla ħsara għal-liġijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli f’kull Stat Membru, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini Russi legalment impjegati fuq it-territorju ta’ Stat Membru ma jkunux suġġetti għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, ta’ remunerazzjoni jew ta’ tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ l-imsemmi Stat Membru”.

    28

    Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, tali dispożizzjonijiet jistipolaw, fi kliem ċar, preċiż u inkundizzjonali, il-projbizzjoni għal kull Stat Membru li jittratta b’mod diskriminatorju, minħabba n-nazzjonalità tagħhom, il-ħaddiema tal-Istat terz ikkonċernat meta mqabbla ma’ ċittadini tal-imsemmi Stat Membru, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, ta’ remunerazzjoni u ta’ tkeċċija. Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qrati tal-Istati Membri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Deutscher Handballbund, punti 28 sa 30, u Simutenkov, punti 22 sa 24).

    29

    Din il-konstatazzjoni għandha tiġi trasposta għall-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali, minħabba li ma hemm l-ebda differenza essenzjali bejn il-formulazzjoni tiegħu u dik tal-Artikoli 38(1) tal-Ftehim ta’ Assocjazzjoni Komunitajiet-Slovakkja u 23(1) tal-Ftehim ta’ sħubija Komunitajiet-Russja. Barra minn hekk, il-Qorti diġà kellha okkażjoni tikkonstata li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jirriproduċi r-regola stipulata fl-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali, jistipola fi kliem ċar, preċiż u inkundizzjonali l-projbizzjoni għall-Istati Membri li jiddiskriminaw, fuq bażi ta’ nazzjonalità, għad-detriment tal-ħaddiema immigrati Torok li huma parti mis-suq tax-xogħol legali ta’ dawn l-Istati f’dak li għandu x’jaqsam mar-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam, C-171/01, Ġabra p. I-4301, punt 57).

    30

    Fl-aħħar, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-konstatazzjoni li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, għal raġuni tan-nazzjonalità, ta’ ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li huma parti mis-suq tax-xogħol legali tal-Istati Membri fir-rigward tar-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol għandha effett dirett hija konformi mal-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, dan għandu bħala għan li joħloq assoċjazzjoni ddestinata li tippromwovi l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż il-twettieq progressiv ta’ moviment liberu tal-ħaddiema. Tali għan jippermetti r-rikonoxximent mill-Komunità tal-effett dirett tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim li jistabilixxi prinċipji preċiżi u inkundizzjonali biżżejjed sabiex jiġu applikati minn qorti nazzjonali (sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62, 65 u 66).

    31

    Jiiriżulta b’mod ċar minn dan kollu illi l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati Deutscher Hanballbund u Simutenkov hija wkoll applikabbli fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni konkluż mar-Repubblika tat-Turkija.

    32

    Ir-risposta li għaldaqstant għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-projbizzjoni ta’ kull disrkiminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema Torok li huma parti mis-suq tax-xogħol legali tal-Istati Membri fir-rigward tar-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, kif stipulat fl-Artikoli 37 tal-Protokoll Addizzjonali kif ukoll 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandha tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi l-applikazzjoni fil-konfront ta’ atleta professjonali ta’ nazzjonalità Torka, impjegat legalment minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta’ regola adottata minn federazzjoni sportiva tal-istess Stat, li biha l-klabbs ma jkunux awtorizzati jagħżlu, fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq livell nazzjonali, numru limitat biss ta’ plejers li joriġinaw minn Stati terzi li ma humiex parti mill-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.

    Fuq l-ispejjeż

    33

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-projbizzjoni li ssir kull disrkiminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema Torok li huma parti mis-suq tax-xogħol legali tal-Istati Membri rigward ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u ffirmat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, anness mal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara, minn-naħa, mir-Repubblika tat-Turkija, u minn-naħa l-oħra mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, kif ukoll fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi l-applikazzjoni fil-konfront ta’ atleta professjonali ta’ nazzjonalità Torka, impjegat legalment minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta’ regola adottata minn federazzjoni sportiva tal-istess Stat, li biha l-klabbs ma jkunux awtorizzati jagħżlu, fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq livell nazzjonali, numru limitat biss ta’ plejers li joriġinaw minn Stati terzi li mhumiex parti mill-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top