Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0033

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

COM/2024/33 final

Brussell, 26.1.2024

COM(2024) 33 final

2024/0011(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

{SEC(2024) 38 final} - {SWD(2024) 15 final} - {SWD(2024) 16 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE huma mifruxin fuq aktar minn 42 286 kilometru (km) u huma mezz ewlieni ta’ konnessjoni bejn il-portijiet marittimi, il-bliet u ċ-ċentri industrijali 1 . In-network tal-passaġġi fuq l-ilma interkonnessi ta’ 13 000 km ikopri 13-il Stat Membru 2 u jaqdi aktar minn 250 port intern tat-TEN-T fin-Network TEN-T. F’termini tal-volumi tat-trasport fil-livell tal-UE, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (IWT) jaqdi rwol importanti fis-sistema Ewropea ġenerali tat-trasport minkejja d-daqs relattivament żgħir tiegħu. Fl-2020 inġarru 131,7 biljun tunnellata-kilometru (tkm) ta’ merkanzija fuq l-ilmijiet interni, jiġifieri 4,1% tal-qasma modali mil-lat ta’ merkanzija (il-merkanzija bit-triq tikkostitwixxi 54,9%, bil-baħar 29,1% u bil-ferroviji 11,9%) 3 . Il-merkanzija xotta (il-prodotti agrikoli, il-minerali, il-metalli, il-materjali tal-bini, il-faħam, eċċ.) laħqet id-59,8% tal-volum tal-IWT fl-2020, filwaqt li l-merkanzija likwida (is-sustanzi kimiċi u l-prodotti tal-petroleum) laħqet it-28,1% u l-kontejners laħqu t-12,1% 4 .

L-IWT jieħu ħsieb 0,9% tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet totali skont il-piż fl-UE. Min-natura tiegħu, l-IWT hu network limitat u ffokat ġeografikament, iżda xorta joffri alternattiva importanti minflok it-trasport bit-triq jew bil-ferroviji għar-reġjuni fiż-żoni interni Ewropej li jinsabu l-eqreb lejn il-passaġġi fuq l-ilma interni. Għalhekk, fil-biċċa l-kbira, l-IWT jikkompeti l-aktar – u ħafna drabi kklassifikat flimkien – mal-mezzi tat-trasport fuq l-art 5 , u jkopri biss 6% tat-traffiku tal-merkanzija fuq l-art u 0,01% tat-traffiku intern tal-passiġġieri. L-iżvilupp tal-attività fil-passaġġi fuq l-ilma interni jiddependi ħafna fuq: (i) il-ġeografija (il-lokazzjoni tax-xmajjar); (ii) it-tipi ta’ merkanzija trasportata jew li tista’ tiġi trasportata; (ii) il-lokazzjoni tas-siti tal-produzzjoni u tal-konsum meta mqabbla mal-lokazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni; u (iv) id-disponibbiltà tal-infrastruttura tat-trażbord.

Is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) huma servizzi u funzjonalitajiet avvanzati li jirreferu l-aktar għal aspetti relatati mat-traffiku jew relatati mat-trasport. Is-servizzi relatati mat-traffiku huma s-Servizz tal-Informazzjoni dwar il-Kanali Navigabbli, l-Informazzjoni dwar it-Traffiku, il-Ġestjoni tat-Traffiku, u l-Monitoraġġ tat-Traffiku u t-Tnaqqis tad-Diżastri; filwaqt li s-servizzi relatati mat-trasport huma l-ippjanar tal-vjaġġi, il-ġestjoni tal-portijiet u tat-terminals, il-ġestjoni tal-merkanzija u tal-flotot, l-istatistika, u l-imposti tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

Ir-RIS jappoġġaw il-ġestjoni tat-traffiku u tat-trasport fin-navigazzjoni interna. Dawn għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal: (i) proċess tat-trasport sikur u effiċjenti; u (ii) l-aktar użu possibbli tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-proċess leġiżlattiv għar-regolamentazzjoni tar-RIS fil-livell tal-UE beda fl-2005 bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-RIS (id-Direttiva 2005/44/KE). Id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-varar u l-użu ta’ RIS armonizzati, interoperabbli u miftuħa biex jiżdiedu s-sikurezza, l-effiċjenza u l-kompatibbiltà ambjentali tal-IWT fl-UE. Fl-istess ħin, id-Direttiva kellha l-ħsieb li tiffaċilita l-interfaċċi bejn l-IWT u mezzi oħra tat-trasport (jiġifieri t-trasport multimodali). Fil-qafas tal-UE, id-Direttiva tistabbilixxi: (i) ir-rekwiżiti ġenerali għal kif l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu r-RIS; (ii) l-oqsma li għalihom jeħtieġ jiġu żviluppati standards; u (iii) il-prinċipji li jridu jitħaddmu. Il-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi attwali tiżviluppahom il-Kummissjoni u jiġu adottati b’leġiżlazzjoni sekondarja.

Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 6 li wriet li din ħalli impatt pożittiv mil-lat ta’ armonizzazzjoni tar-RIS. Madankollu, l-evalwazzjoni sabet ukoll li għad hemm lok għal titjib. Dan għax, meta tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni tad-Direttiva: (i) mhux it-teknoloġiji kollha tar-RIS kisbu l-istess livell ta’ implimentazzjoni u maturità; u (ii) mhux it-teknoloġiji kollha tar-RIS ntużaw bis-sħiħ bl-istess mod fil-pajjiżi u l-kurituri tax-xmajjar kollha. Barra minn hekk, l-aġġornament bil-mod tal-istandards kellu rwol sinifikanti fl-iżvilupp bil-mod tar-RIS. Dan għax, fil-kuntest attwali, l-iżvilupp tal-istandards hu bbażat fuq il-kontribut tal-esperti tal-Istati Membri li l-koordinazzjoni tiegħu hi laxka u qed jgħaddi ħafna żmien qabel ma titlesta verżjoni ġdida biex tiġi adottata b’att ta’ implimentazzjoni. L-esperjenza turi li hemm bżonn bejn 5 snin u 12-il sena biex jitħejjew l-istandards u jiddaħħlu fis-settur. Dan, min-naħa tiegħu, inaqqas l-effiċjenza tal-operaturi tal-IWT li jispiċċaw jużaw standards u teknoloġija antiki. Ir-rapport tad-DINA (2017) stħarreġ għadd ta’ fatturi relatati mad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività tas-settur meta mqabbla ma’ mezzi oħra tat-trasport, u identifika r-RIS bħala dawk li potenzjalment jaqdu rwol importanti fl-IWT. Għalhekk, jekk ma jiġu varati sew, ir-RIS jistgħu jfixklu l-potenzjal tal-kompetittività tas-settur tal-IWT.

Barra minn hekk, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jeżiġi li kull mezz tat-trasport, inkluż l-IWT, jikkontribwixxu għall-għan tal-UE li ssir ekonomija newtrali għall-klima u li tipproteġi l-ambjent. Għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, dan jissarraf ukoll f’integrazzjoni aħjar mal-mezzi differenti ta’ trasport f’katina loġistika intermodali mingħajr skossi. Diġà saru żviluppi f’mezzi oħrajn fis-settur tat-trasport. Pereżempju, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet legali għall-għodod diġitali relatati mal-merkanzija li ġew introdotti fl-2019 għall-EMSWe u fl-2020 għall-eFTI. Iżda s’issa, id-Direttiva dwar ir-RIS iffokat fuq is-sikurezza tan-navigazzjoni, filwaqt li ma xprunatx l-integrazzjoni tal-IWT fil-ktajjen tal-provvista multimodali. Barra minn hekk, l-iskambju effiċjenti tal-informazzjoni bejn il-fruntieri bejn l-awtoritajiet hu importanti għal sistema tat-trasport effiċjenti. Minkejja li maż-żmien tjiebet il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, mhux ir-rapporti kollha użati fl-IWT huma diġitalizzati. U anke meta jkunu diġitalizzati, l-Istati Membri jużaw applikazzjonijiet tar-rappurtar differenti li mhumiex kompatibbli ma’ xulxin. Għaldaqstant, fl-aħħar snin ma kien hemm l-ebda tnaqqis sostanzjali fl-għadd tar-risottomissjonijiet tar-rapporti elettroniċi tal-bastimenti fil-fruntieri. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar ir-RIS bħalissa ma tipprevedi l-ebda obbligu ta’ skambju tad-data personali permezz tar-RIS. Iżda xi partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari minn fost l-operaturi tal-bastimenti, urew tħassib dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti, u għalhekk l-Istati Membri sabuha diffiċli jikkondividu l-informazzjoni tar-RIS. Dan l-eżempju juri li l-Istati Membri u anki l-partijiet ikkonċernati jidher li mhumiex konxji ta’ kemm – u għalfejn – id-data personali tiġi jew tista’ tiġi skambjata legalment permezz tar-RIS. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni (parzjalment affettwata minn nuqqas sinifikanti ta’ data disponibbli) ma setgħetx tidentifika impatt tar-RIS fuq is-sostenibbiltà jew fuq xi bidla modali lejn is-settur.

Għalhekk, il-problema ewlenija hi l-varar bil-mod u frammentat tar-RIS, li jxekkel il-kompetittività u s-sikurezza tas-settur, u jżomm lura l-kontribut tiegħu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Billi l-IWT hu kkonċentrat fuq il-passaġġi fuq l-ilma navigabbli, il-problemi stabbiliti fil-paragrafi preċedenti qed jinqalgħu fil-passaġġi fuq l-ilma fejn ġew introdotti u applikati r-RIS. Għalhekk dawn il-problemi huma ffokati ġeografikament u speċjalizzati ħafna. Meta jitqies id-daqs tas-settur, il-kobor tal-problemi se jkun bilfors limitat f’kull paragun mal-bqija tas-settur tat-trasport.

Għalhekk, l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-problemi identifikati. L-objettiv ġenerali tal-emendar tad-Direttiva hu biex din tipprovdi qafas effiċjenti għall-varar u l-użu tar-RIS. L-objettivi speċifiċi huma li:

ikunu żgurati d-disponibbiltà tad-data tar-RIS u standards armonizzati;

tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-IWT fil-katina multimodali; u

ikunu żgurati adozzjoni u interoperabbiltà akbar tas-soluzzjonijiet diġitali, u jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-raġuni għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-RIS hi marbuta mill-qrib mal-objettivi ewlenin tal-politika attwali tal-UE, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 7 . Bħala segwitu għall-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, li tistabbilixxi objettiv intermedju biex it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra jiżdied b’25% sal-2030, u b’50% sal-2050, ’'Ġunju 2021 il-Kummissjoni Ewropea ressqet pjan ta’ azzjoni NAIADES III b’35 punt biex iżżid ir-rwol tal-IWT fis-sistemi tal-mobbiltà u loġistisċi tagħna. L-objettivi ewlenin huma li: (i) tiżdied il-merkanzija trasportata fuq ix-xmajjar u l-kanali tal-Ewropa; u (ii) tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal barkuni b’emissjonijiet żero sal-2050. Dan hu konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jirrakkomanda li parti sostanzjali mill-merkanzija interna li llum qed tinġarr bit-triq jenħtieġ li tinqaleb għat-trasport bil-ferroviji u bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-Komunikazzjoni NAIADES III tindika li r-RIS jenħtieġ li jaqdu rwol importanti f’din il-politika bħala sors tad-data li tikkontribwixxi għall-ispazju Ewropew futur tad-data dwar il-mobbiltà, ħalli tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-IWT fil-mobbiltà multimodali u fil-ktajjen tal-loġistika.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti ma’ – u tikkumplimenta – l-atti leġiżlattivi eżistenti fil-qasam tal-IWT u atti legali dwar it-trasport b’mod ġenerali. Fil-livell strateġiku, hi konsistenti mar-Regolament dwar it-TEN-T 8 li, fost il-prijoritajiet tiegħu, jittratta: (i) it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (bħall-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-IT, inkluż ir-RIS); u (ii) aspetti multimodali, bħall-konnessjoni tal-infrastruttura tal-portijiet interni mal-infrastruttura tat-trasport tal-merkanzija bil-ferroviji u bit-triq. Barra minn hekk, il-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, permezz tat-TEN-T, qed jipprovdi fondi għall-iżvilupp tar-RIS. L-approċċ użat f’kull alternattiva ta’ politika f’dan ir-rigward mhuwiex li għall-mezzi u l-funzjonalitajiet tat-trasport jiġu dduplikati l-għodod diġitali jew żviluppati għodod diġitali li jkunu jirrepetu lil xulxin, iżda pjuttost li jiġu permessi u jissaħħu r-rabtiet mal-għodod eżistenti (bl-iskambju tal-informazzjoni xierqa) ħalli s-sistemi eżistenti jintużaw bl-aqwa mod.

Ir-Regolament dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI) 9   stabbilixxa qafas legali li jippermetti lin-negozji jikkondividu l-informazzjoni b’format elettroniku mal-awtoritajiet tal-infurzar (jiġifieri għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, bil-ferroviji, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u bl-ajru fl-Unjoni Ewropea). L-operaturi mhumiex obbligati jagħmlu l-informazzjoni regolatorja disponibbli b’mod elettroniku għall-awtorità kompetenti. Iżda meta jagħżlu li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli b’mod elettroniku, dawn iridu jimxu mas-sett tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament dwar l-eFTI. Għalkemm il-pjattaformi tal-eFTI għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-merkanzija meħtieġa mir-RIS jipprovdu l-potenzjal ta’ bosta sinerġiji, l-interazzjoni attwali bejn ir-RIS u l-eFTI hi limitata.

Ir-Regolament il-ġdid dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIR) 10 jintroduċi miri għal provvista tal-enerġija mix-xatt fil-portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Biex jinkiseb dan, l-Istati Membri jridu wkoll ifasslu oqfsa tal-politika nazzjonali li jieħdu inizjattivi ppjanati għall-varar tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-IWT, bħall-idroġenu u l-elettriku. Ir-RIS jistgħu jikkumplimentaw lill-AFIR billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni: (i) bejn il-bastimenti interni u l-portijiet attrezzati għal dawn il-fjuwils alternattivi; u b’mod partikolari (ii) dwar id-disponibbiltà fil-ħin reali tal-infrastruttura. Dan imbagħad jista’ jappoġġa l-użu ta’ dawn il-fjuwils mis-settur tal-IWT.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi ġuridika għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-politika komuni tat-trasport. F’dan il-qafas legali, l-UE tipprevedi varar ikkoordinat u armonizzat ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni li jgħinu biex jiżdiedu s-sikurezza u l-effiċjenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni minflok ma jistrieħu fuq l-azzjoni mhux ikkoordinata tal-Istati Membri individwali biss.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE kienet ġiet rikonoxxuta meta ġiet adottata d-Direttiva dwar ir-RIS, meta r-RIS kienu qed jiġu żviluppati b’rati differenti, b’teknoloġiji u applikazzjonijiet differenti madwar l-Ewropa, u b’hekk kienu qed ixekklu l-vjaġġi transfruntieri. Għaldaqstant, jekk l-UE ma tiħux azzjoni, aktarx kien ikun hemm differenzi fil-livell u fin-natura tal-forniment tar-RIS bejn l-Istati Membri, jew fl-approċċi tal-inizjattivi fil-livell reġjonali jew tax-xmajjar (jiġifieri fil-livell tal-Kummissjoni tax-Xmajjar). Dan imbagħad aktarx joħloq frammentazzjoni reġjonali, għax kull Kummissjoni tax-Xmajjar tkun qed tiffoka fuq l-applikazzjoni tas-soluzzjonijiet tagħha stess, u b’hekk toħloq ostakli għas-suq komuni u ddgħajjef l-armonizzazzjoni fil-livell tal-kurituri.

L-Istati Membri affettwati direttament huma dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u b’mod aktar speċifiku dawk li għandhom passaġġi fuq l-ilma navigabbli ta’ importanza għat-TEN-T.

Proporzjonalità

Il-proposta tħejjiet biex tindirizza r-riżultati tal-eżerċizzju tal-evalwazzjoni msemmi hawn taħt. Il-Kummissjoni għamlet ukoll valutazzjoni tal-impatt biex tidentifika, tivvaluta u tevalwa miżuri alternattivi li jilħqu l-istess objettivi.

L-objettiv tal-proposta hu li taġġorna l-qafas għall-forniment tar-RIS. Dan se jintlaħaq billi: (i) titjieb l-armonizzazzjoni u jiddaħħlu speċifikazzjonijiet tekniċi; (ii) jeħfief u jitwessa’ l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-RIS bejn l-utenti; u (iii) l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiffoka fuq il-passaġġi fuq l-ilma navigabbli ta’ importanza għat-TEN-T. Ma nħoloq l-ebda kost għan-negozji, filwaqt li l-kostijiet addizzjonali għall-amministrazzjonijiet nazzjonali jidhru limitati, speċjalment meta mqabbla mal-benefiċċji talli naqsu l-piżijiet għall-operaturi tal-bastimenti, u l-impatti pożittivi tal-bidla modali mistennija.

Għażla tal-istrument

Billi l-proposta teħtieġ biss li jsiru diversi emendi fid-Direttiva 2004/44/KE, l-aktar strument legali xieraq hu Direttiva emendatorja.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post ħmistax-il sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE dwar ir-RIS armonizzati fuq passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni. Dik l-evalwazzjoni ex post kellha l-għan li tappoġġa kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri relatata mal-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv f’dan il-qasam ta’ politika, inkluż reviżjoni possibbli tad-Direttiva attwali. L-aktar sejbiet importanti tal-evalwazzjoni kienu relatati mal-grad tal-armonizzazzjoni, li jvarja bejn it-teknoloġiji tar-RIS, għax dawn mhumiex jintużawx bl-istess mod fil-pajjiżi u l-kurituri tax-xmajjar kollha. L-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kienet qed issir xi bidla modali lejn in-navigazzjoni interna bis-saħħa tad-Direttiva dwar ir-RIS. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni wriet li d-Direttiva dwar ir-RIS u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha kienu għadhom rilevanti, iżda li l-enfasi primarja tad-Direttiva fuq is-sikurezza tan-navigazzjoni ma baqgħetx allinjata biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-settur. B’mod aktar speċifiku, l-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva dwar ir-RIS ma tindirizzax il-bżonn li titjieb l-effiċjenza tal-IWT u li dan jiġi integrat fil-ktajjen tal-provvista multimodali. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva dwar ir-RIS ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi teknoloġiċi ġodda u d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-settur. Dawn is-sejbiet ġew ikkunsidrati u indirizzati lkoll fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Għall-valutazzjoni tal-impatt, il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati nġabar b’diversi modi, inkluż valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, konsultazzjoni pubblika miftuħa (OPC) u konsultazzjonijiet immirati, minn kuntrattur estern bi kwestjonarji online, stħarriġiet immirati, intervisti, laqgħat u sessjonijiet ta’ ħidma. Intalbu kontribut kwalitattiv (opinjonijiet, fehmiet, suġġerimenti) u anki informazzjoni kwantitattiva (data u statistika).

Fost il-partijiet ikkonċernati kien hemm: parteċipanti mill-awtoritajiet nazzjonali; utenti tar-RIS; manifatturi tat-tagħmir tar-RIS; SMEs; organizzazzjonijiet internazzjonali; assoċjazzjonijiet settorjali; assoċjazzjonijiet professjonali fil-livell Ewropew; awtoritajiet tal-Istati Membri; u kaptani (jiġifieri l-gruppi rilevanti kollha bi dritt akkwiżit fir-RIS).

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni għamlet studju ta’ evalwazzjoni (evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2005/44/KE dwar servizzi armonizzati tal-informazzjoni dwar ix-xmajjar fuq passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni) biex tappoġġa l-evalwazzjoni u l-ħolqien ta’ dokument ta’ ħidma tal-persunal 11 . Din il-ħidma bdiet f’Jannar 2019 u ntemmet f’Jannar 2020.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija bbażata fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni tal-impatt li ġiet infurmata bi studju ta’ sostenn li għamel konsulent estern b’għarfien speċifiku f’dan il-qasam.

Tfasslu u ġew ivvalutati tliet alternattivi ta’ politika biex jindirizzaw il-problemi u l-fatturi ewlenin tal-problemi identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-impatt. It-tliet alternattivi ta’ politika lkoll fihom diversi miżuri maħsuba biex jgħinu ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva, iżda kull waħda għandha livell differenti ta’ effettività u effiċjenza.

L-Alternattiva ta’ Politika A tintroduċi aġġornament limitat tad-Direttiva, mingħajr ma tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u billi timmira li tindirizza n-nuqqasijiet bażiċi identifikati tad-Direttiva. L-istruttura ġenerali bażika tar-RIS, fir-rigward tal-elementi tat-teknoloġija u anki tal-mod kif tiġi skambjata l-informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, tibqa’ prinċipalment l-istess f’din l-alternattiva. Il-linji gwida interpretattivi dwar l-istandards u l-applikazzjoni tagħhom mill-Istati Membri jaqdu rwol ċentrali, bħala miżura nonregolatorja f’din l-alternattiva ta’ politika, biex titjieb l-armonizzazzjoni. Element ġdid importanti introdott b’din l-alternattiva hu d-deċiżjoni li l-kumitat Ewropew għat-tfassil tal-istandards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) jingħata rwol fl-iżvilupp tal-istandards. Biex tiżdied il-kwalità tad-data bażika tar-RIS, l-Istati Membri jeħtieġ iżidu l-frekwenza tal-aġġornamenti lis-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tad-Data ta’ Referenza (ERDMS). L-Istati Membri jeħtieġ jistabbilixxu wkoll mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti għall-utenti tar-RIS biex jirrapportaw diffikultajiet bl-implimentazzjoni tar-RIS (u min-naħa tagħhom l-Istati Membri se jkollhom jirrapportaw kull sena dwar dan il-mekkaniżmu lill-Kummissjoni Ewropea). Fl-aħħar nett, l-Istati Membri se jkollhom jivvalutaw il-punt sa fejn hi kkonċernata d-data personali u jiżguraw li din id-data tiġi pproċessata b’mod xieraq.

L-Alternattiva ta’ Politika B iżżomm diversi miżuri tal-Alternattiva ta’ Politika A, bħall-mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti, ir-rekwiżit tal-aġġornamenti tad-data tal-ERDMS, l-involviment tas-CESNI, u l-kjarifika rigward id-data personali. Madankollu, l-Alternattiva ta’ Politika B tmur lil hinn fl-appoġġ għall-iżvilupp tar-RIS billi ġġib bidla importanti fl-arkitettura tar-RIS, peress li din l-alternattiva toħloq nodu ċentrali għall-iskambju tal-informazzjoni u l-forniment tas-servizzi (il-pjattaforma RIS). Għalhekk, l-informazzjoni issa ma tibqax tiġi skambjata direttament bejn l-utenti differenti (bħall-operatur tal-bastiment b’portijiet interni), iżda minflok tiġi skambjata fuq il-pjattaformi u l-funzjonalitajiet tal-pjattaforma RIS. Din l-alternattiva ddaħħal standards ġodda għan-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi, li bħalissa huma neqsin, u dawn jipprovdu informazzjoni addizzjonali lill-operaturi tal-bastimenti. L-iskambju tal-informazzjoni jibda jaqdi rwol aktar prominenti f’din l-alternattiva. F’din l-alternattiva, ir-rapportar tal-informazzjoni dwar il-merkanzija permezz tal-eFTI isir obbligatorju għall-operaturi tal-bastimenti, li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jiskambjaw informazzjoni operattiva b’mod elettroniku mal-portijiet interni. Ikunu jistgħu wkoll jiskambjaw informazzjoni operattiva ma’ mezzi oħra tat-trasport. Barra minn hekk, ir-RIS tkun iffokata fuq l-aktar passaġġi fuq l-ilma importanti, għax il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkun jaqbel ma’ dak tal-passaġġi fuq l-ilma tat-TEN-T.

L-Alternattiva ta’ Politika Ċ hija l-aktar ambizzjuża għax twessa’ l-alternattiva preċedenti b’żewġ miżuri obbligatorji, jiġifieri: (i) ir-rekwiżit li l-operaturi tal-bastimenti jirrapportaw b’mod elettroniku l-pjanijiet tal-vjaġġi tagħhom; u (ii) ir-rekwiżit li tiġi skambjata data mal-portijiet interni, u b’hekk jiġi introdott qafas ġdid għall-ġestjoni tat-traffiku u għall-iżviluppi tekniċi bħad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni.

L-Alternattiva ta’ Politika B hi l-alternattiva ta’ politika ppreferuta għax issib l-aqwa bilanċ bejn l-objettivi li jridu jintlaħqu, il-grad tal-proporzjonalità tal-intervent, il-kostijiet u l-benefiċċji ġġenerati, u l-faċilità tal-implimentazzjoni. Għalkemm l-Alternattiva ta’ Politika Ċ turi l-akbar benefiċċji netti, fl-istess din ħin tinvolvi l-akbar kostijiet. Il-kostijiet totali tal-Alternattiva ta’ Politika Ċ huma 434% akbar minn tal-Alternattiva ta’ Politika B, filwaqt li l-benefiċċji totali huma biss 107% akbar għall-Alternattiva Ċ meta mqabbla mal-Alternattiva B. Barra minn hekk, l-Alternattiva B tiżgura li l-objettivi speċifiċi jiġu indirizzati b’mod aktar progressiv u effiċjenti, u għalhekk il-proporzjon tal-kostijiet u l-benefiċċji jkun akbar mill-Alternattiva B (4,8 kontra 1,9), u tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla skossi għall-awtoritajiet u l-operaturi (minħabba inqas miżuri obbligatorji).

Il-benefiċċji totali stmati tal-alternattiva ta’ politika ppreferuta huma EUR 450,4 miljun, espressi bħala valur attwali għall-perjodu totali 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi. Mistennija wkoll toħloq benefiċċji indiretti għas-soċjetà, bi ffrankar fil-kostijiet esterni, stmati għal EUR 311-il miljun espressi bħala valur attwal għall-perjodu 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi. Dawn il-benefiċċji huma xprunati għax jiżdied l-użu tal-IWT u bit-tranżizzjoni ’l bogħod mit-trasport bit-triq. Rigward il-kostijiet, il-benefiċċji netti tal-alternattiva ta’ politika ppreferuta huma stmati għal EUR 356,7 miljun, espressi bħala valur attwali għall-perjodu 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi.

Ma’ din il-proposta qed jinhemeż rapport tal-valutazzjoni tal-impatt 12 , abbozz sottomess lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) f’Awwissu 2023. L-RSB ta opinjoni pożittiva, u r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rivedut skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-RSB. Il-kummenti tal-RSB huma indirizzati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż ma’ din il-proposta leġiżlattiva.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva hija parti mill-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023 skont l-Anness II (inizjattivi REFIT), fl-intestatura “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali”. Għandha dimensjoni tar-REFIT mil-lat ta’ simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni permezz tar-RIS. L-inizjattiva se tnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi tal-bastimenti billi tnaqqas il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid tal-informazzjoni dwar il-merkanzija, u l-ħtieġa li l-informazzjoni dwar il-merkanzija tiġi rrapportata lill-portijiet. Billi ttejjeb l-armonizzazzjoni – u tiffaċilita l-iskambju – tal-informazzjoni tar-RIS, hu stmat li l-alternattiva ta’ politika ppreferuta se tikseb iffrankar tal-kostijiet amministrattivi għall-operaturi tal-bastimenti ta’ EUR 28,5 miljun, espressi bħala valur attwali għall-perjodu totali 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi. Barra minn hekk, billi tnaqqas l-isforz meħtieġ mill-operaturi tal-bastimenti biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-ippjanar tal-vjaġġi u tan-navigazzjoni, anki l-kostijiet tal-aġġustament mistennija jonqsu għall-operaturi tal-bastimenti bi EUR 72,1 miljun espressi valur attwali għall-perjodu totali 2025-2050, meta mqabbel max-xenarju bażi. Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi tas-software tar-RIS jiksbu aċċess għal aktar data u data ta’ kwalità, u ffrankar tal-kostijiet tal-aġġustament stmat għal EUR 8,1 miljun, espress bħala valur attwali għall-perjodu 2025-2050 meta mqabbel max-xenarju bażi.

Drittijiet fundamentali

L-alternattivi ta’ politika ġew ivvalutati biex jinstab jekk iħallux impatt fuq id-drittijiet fundamentali u/jew fuq it-trattament ugwali taċ-ċittadini tal-UE. Il-punt tat-tluq għall-valutazzjoni tad-drittijiet fundamentali hu l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 13 . L-alternattivi ta’ politika kollha ġew ivvalutati fir-rigward tal-istrument rilevanti tal-UE, u ġie konkluż li t-tliet alternattivi lkoll jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, u li l-ebda alternattiva ma tħalli xi impatt negattiv fuqhom. Dan jikkonforma għalkollox mal-leġiżlazzjoni applikabbli, u b’hekk tiżdied iċ-ċarezza legali għall-utenti tas-servizzi tar-RIS.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ġew identifikati arranġamenti xierqa ta’ monitoraġġ u rappurtar. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti introdott fil-livell tal-Istati Membri se jippermetti l-identifikazzjoni “minn isfel għal fuq” u bikrija tal-isfidi possibbli fl-applikazzjoni tad-Direttiva. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena billi jipprovdu informazzjoni dwar l-oqsma tal-lmenti u miżuri ta’ rettifika. Barra minn hekk, bil-pjattaforma RIS, bħala għodda diġitali għall-iskambji tar-RIS, se tkun tista’ tinġabar statistika biex imbagħad ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-użu tar-RIS. Se jiġu żviluppati indikaturi speċifiċi li jridu jiġu monitorjati flimkien mal-iżvilupp ulterjuri tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-pjattaforma. Barra minn hekk, l-informazzjoni mingħand sorsi diġà disponibbli għall-pubbliku (il-Eurostat) – minn stħarriġ ad hoc u konsultazzjonijiet ma’ esperti tas-settur – se tipprovdi informazzjoni dwar l-impatti operattivi u tas-suq tad-Direttiva.

Billi l-inizjattiva tiddependi fuq l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja (standards tekniċi), hu importanti li jitħalla perjodu taż-żmien biżżejjed għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni sekondarja. Għalhekk, seba’ (7) snin wara tmiem id-data tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni biex tivverifika sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni mhumiex meħtieġa għax il-proposta maħsuba biex tissimplifika u tiċċara r-reġim eżistenti.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tad-Direttiva emendatorja jifforma l-parti ewlenija tagħha u fih emendi għal bosta dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/44/KE.

Il-bidliet sostantivi fid-Direttiva huma stabbiliti hawn taħt.

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Fil-punt 1, l-Artikolu 1 huwa sostitwit biex jitneħħew ir-referenzi skaduti. Fil-punt 2, l-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa emendat biex jadatta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u jiffokah fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Istati Membri li huma parti min-Network Trans-Ewropew tat-Trasport.

Definizzjonijiet

Il-punt 3 jintroduċi definizzjonijiet li jirriflettu elementi ġodda introdotti b’din id-Direttiva, u b’mod partikolari relatati mas-sistemi u l-pjattaformi elettroniċi użati fis-settur tat-trasport.

Noħolqu r-RIS u linji gwida u speċifikazzjonijiet tekniċi

Il-punt 4 jissostitwixxi l-Artikolu 4 biex jaġġorna il-mod kif se jingħataw is-servizzi bir-RIS, kif ukoll it-tip tas-servizzi mogħtija. Skont il-paragrafu 3, qed jissaħħaħ u jiġi rfinut ir-rekwiżit li l-Istati Membri jipprovdu data dwar in-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi, u qed jiddaħħal rekwiżit ġdid biex tingħata informazzjoni lill-ERDMS ħalli jitjiebu l-kwalità ġenerali u t-tempestività tal-informazzjoni pprovduta lill-utenti tar-RIS. Barra minn hekk, biex jittejbu l-iskambju tal-informazzjoni u l-multimodalità tal-IWT, qed jiġu introdotti rekwiżiti għall-iskambju tal-informazzjoni ma’ sistemi u pjattaformi oħra użati fis-settur tat-trasport (inkluż l-EMSWe, l-eFTI, is-sistemi komunitarji tal-portijiet u s-sistemi intelliġenti tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni).

Barra minn hekk, il-paragrafu 6 jistabbilixxi l-istruttura għall-arkitettura diġitali tar-RIS, billi jistabbilixxi pjattaforma diġitali unika (il-pjattaforma RIS) bħala s-sinsla diġitali ewlenija għall-forniment tar-RIS, li biha jenħtieġ li jiġu żviluppati u pprovduti r-RIS kollha. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tal-pjattaforma RIS permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Il-punt 5 jissostitwixxi l-Artikolu 5 billi jneħħi l-elementi skaduti u jintroduċi speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda li l-Istati Membri jeħtieġ japplikaw biex jiżguraw il-forniment tas-servizzi kif jeżiġi l-Artikolu 4.

Awtoritajiet kompetenti u trattament tal-ilmenti

Il-punt 6 jissostitwixxi l-Artikolu 8 biex jintroduċi awtoritajiet kompetenti għat-tħaddim tal-pjattaforma RIS u għat-trattament tal-ilmenti. Il-punt 7 jintroduċi Artikolu 8(a) ġdid li jiddeskrivi r-rwol u l-elementi ewlenin tal-proċedura li jenħtieġ jiġu segwiti fit-trattament tal-ilmenti. L-Istati Membri huma responsabbli għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura, u jeħtieġ jirrapportaw regolarment dwar il-prestazzjoni tagħha lill-Kummissjoni Ewropea. Dan jipprevedi monitoraġġ aħjar u trattament aktar malajr tad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni

Il-punt 8 jissostitwixxi l-Artikolu 9 biex jaġġorna r-rekwiżiti dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni. Il-punt 8 ineħħi wkoll id-dispożizzjonijiet skaduti.

Proċedura emendatorja u eżerċitar ta’ delega

Il-punt 9 jissostitwixxi l-Artikolu 10 dwar il-proċedura emendatorja, u fil-paragrafu 1 jipprevedi att delegat li jaġġorna r-rekwiżiti minimi tad-data fl-Anness I. Il-paragrafu 2 jipprevedi li l-Kummissjoni temenda l-Anness III biex tintroduċi l-aktar verżjoni riċenti tal-ES-RIS permezz ta’ att delegat hekk kif l-istandards meħtieġa għar-RIS issa jsiru parti integrali – iżda mhux essenzjali – mid-Direttiva, soġġetti għal xi kundizzjonijiet. Il-paragrafu 3 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Anness III permezz ta’ att delegat jekk ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet.

Il-punti 10 u 11 jissostitwixxu l-paragrafi 2 u 6 tal-Artikolu 10(a) biex jaġġornaw l-elementi skaduti.

Il-punt 12 jissostitwixxi l-Artikolu 11, billi jneħħi d-dispożizzjonijiet skaduti u jistabbilixxi l-Kumitat għat-Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni bħala l-kumitat rilevanti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Il-punt 13 iħassar il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 12 għax dawn fihom dispożizzjonijiet speċifiċi tat-traspożizzjoni skaduti, peress li issa hemm biżżejjed esperjenza bl-implimentazzjoni tar-RIS u issa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva emendatorja hu fuq l-aktar passaġġi fuq l-ilma importanti.

Il-punt 14 idaħħal l-Artikolu 12a li jintroduċi dispożizzjonijiet tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Il-punt 15 jissostitwixxi l-Anness I tad-Direttiva 2005/44/KE, inkluż aġġornamenti għar-rekwiżiti minimi tad-data.

Il-punt 16 jissostitwixxi l-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE billi jaġġorna u jissimplifika l-prinċipji tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-RIS.

Il-punt 17 iżid l-Anness III ġdid li fih ir-referenza għall-ES-RIS.

Dispożizzjonijiet oħra

L-Artikolu 2 tad-Direttiva emendatorja jistabbilixxi l-obbligu għat-traspożizzjoni.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva emendatorja jistabbilixxi d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva emendatorja jistabbilixxi d-destinatarji.

Annessi

L-Anness I jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi tad-data trid tingħata għan-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi. L-Anness II jistabbilixxi l-prinċipji għall-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-RIS. L-Anness III jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għar-RIS.

2024/0011 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew 14 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 15 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 tistabbilixxi qafas għall-varar u l-użu tas-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”) fl-Unjoni. Il-varar tar-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni jappoġġa s-sikurezza u l-effiċjenza tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, u fuq kollox is-sostenibbiltà tiegħu, billi jżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet fil-passaġġi fuq l-ilma interni.

(2)Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/44/KE, is-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni bbenefika mill-forniment ta’ RIS armonizzati. Iżda l-livell tal-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri jvarja, u l-proċess biex jiddaħħlu l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa jidher li ħa ħafna żmien. Fl-istess ħin, il-Patt Ekoloġiku Ewropew 17 qed jitlob biex tkompli tinħoloq mobbiltà multimodali awtomatizzata u konnessa, u li r-RIS jenħtieġ li jiġu adattati biex ikunu jindirizzaw dawk l-isfidi l-ġodda. Barra minn hekk, l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti 18 tipproponi r-reviżjoni tad-Direttiva 2005/44/KE fost il-miżuri tagħha biex jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-ħolqien ta’ sistema tat-trasport verament intelliġenti, allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità u ġestjoni tat-traffiku. Il-pjan ta’ azzjoni NAIADES III 19 jindika li biex jiġi appoġġat l-objettiv li l-passaġġi fuq l-ilma interni jkunu parti minn sistema bla skossi ta’ RIS armonizzati sal-2030, ir-reviżjonijiet tal-qafas legali dwar ir-RIS ikollhom l-għan li jgħinu biex jixxejnu l-lakuni eżistenti fl-armonizzazzjoni u l-interoperabbiltà ma’ mezzi oħra tat-trasport, u biex jiżdiedu d-disponibbiltà, l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tad-data tas-sistemi diġitali, f’konformità mal-Istrateġija Ewropea għad-Data 20 . Dawk il-bidliet u l-iżviluppi, kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE, jenħtieġ li jitqiesu meta jiġu adattati r-RIS.

(3)Fl-interess tal-adozzjoni ta’ approċċ koerenti għall-interoperabbiltà fis-settur tas-servizz pubbliku, meta tiġi implimentata l-pjattaforma RIS u soluzzjonijiet oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att, jenħtieġ li jitħaddmu l-prinċipji stabbiliti fl-aħħar Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) 21 , kif awtorizzat bl-Artikolu 6 tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal interoperabbiltà ta’ livell għoli fis-settur pubbliku madwar l-Unjoni kollha 22 (l-Att dwar Ewropa Interoperabbli).

(4)Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 23 jistabbilixxi rekwiżiti għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (“TEN-T”) 24 biex jinkiseb il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u maħsuba biex jiżgura li l-istess servizzi ta’ kwalità għolja jkunu disponibbli u kompatibbli mas-sistemi ta’ mezzi oħra tat-trasport tul dan in-network.

(5)Peress li l-maġġoranza tal-vjaġġi tal-bastimenti interni għandhom natura internazzjonali, ir-RIS jenħtieġ li jiffokaw fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni li huma parti mit-TEN-T u li allura għandhom importanza kbira għall-Unjoni, u mhux biss dawk li jappartjenu għal network interkonness. L-Istati Membri jenħtieġ li minn jeddhom ikunu jistgħu jibqgħu jwessgħu r-rekwiżiti tar-RIS għal partijiet min-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom, ħlief għal dawk inklużi fit-TEN-T, biex iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

(6)L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE uriet l-importanza li jissaħħu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-forniment tad-data dwar in-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi, biex jittejbu l-kwalità u t-tempestività tal-informazzjoni pprovduta lill-utenti tar-RIS. Is-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tad-Data ta’ Referenza (“ERDMS”) fiha l-informazzjoni meħtieġa għall-funzjonament xieraq tar-RIS, u twaqqfet u qed titħaddem mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw it-tħaddim tal-ERDMS billi jipprovdu d-data kollha meħtieġa fil-ħin u jirreveduha u jaġġornawha kif meħtieġ mill-inqas kull sena.

(7)Id-disponibbiltà għall-utenti tar-RIS, waqt in-navigazzjoni, ta’ informazzjoni aġġornata u preċiża rigward il-kundizzjoni tal-kanali navigabbli u ta’ punti speċifiċi bħal pontijiet, imgħalaq u portijiet interni, jenħtieġ li ttejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Għalhekk, ir-RIS jenħtieġ li jkunu jinkludu skambji aġġornati tad-data b’ġestjoni parzjalment u kompletament awtomatizzata tas-sistemi infrastrutturali tal-imgħalaq u l-pontijiet mobbli kif ukoll ma’ sistemi komunitarji tal-port tal-portijiet interni.

(8)Biex ir-RIS jippermettu interkonnessjoni mal-katina loġistika, hu importanti li l-informazzjoni tiġi kondiviża mhux biss mal-utenti tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, iżda anki mas-sistemi u l-applikazzjonijiet ta’ mezzi oħra tat-trasport. Jenħtieġ li s-Single Windows Nazzjonali Marittimi (“MNSW”) fl-ambjent tas-Single Window Marittima Ewropea (“EMSWe”) 25 jippermettu r-rappurtar armonizzat tal-bastimenti madwar l-Unjoni kollha. L-iskambju tal-informazzjoni relatata mat-traffiku, bħall-ħinijiet tal-wasla u tat-tluq, jiżgura l-interoperabbiltà, il-multimodalità u l-integrazzjoni bla skossi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni mal-katina loġistika ġenerali. Jenħtieġ li l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (“eFTI”) tifforma l-bażi għall-iskambju tal- informazzjoni dwar il-merkanzija bejn l-utenti tar-RIS, fejn meħtieġ. Meta jkun meħtieġ, ir-RIS jenħtieġ li joħolqu rabtiet u jiskambjaw informazzjoni mas-sistemi u l-pjattaformi ta’ mezzi oħra tat-trasport.

(9)L-iskambju tal-informazzjoni bejn il-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni, pereżempju dwar id-disponibbiltà tal-installazzjonijiet tal-port, il-ħinijiet operatorji, jew informazzjoni dwar il-bastimenti u l-merkanzija mhux dejjem ottimali, u dan jimpatta l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-IWT. L-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet għandha importanza partikolari fil-promozzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tas-settur. Biex jiġi ssimplifikat u razzjonalizzat l-iskambju ta’ din l-informazzjoni u tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-settur, hu importanti li dawn l-iskambji jsiru parti mir-RIS u li jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa.

(10)L-użu ta’ pjattaforma diġitali unika għar-RIS jenħtieġ li jissimplifika d-dispożizzjonijiet tar-RIS, itejjeb l-effiċjenza fl-operazzjonijiet tal-IWT u jnaqqas il-piż għall-fornituri u l-utenti tar-RIS. Dik il-pjattaforma (“il-Pjattaforma RIS”) jenħtieġ li tappoġġa s-servizzi rilevanti, tkun punt ċentrali għall-iskambju tal-informazzjoni tar-RIS fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll ma’ mezzi oħra tat-trasport, u għalhekk issir is-sinsla diġitali ewlenija għall-forniment tar-RIS fl-Unjoni. L-Istati Membri jJenħtieġ li jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għat-tħaddim tal-Pjattaforma RIS. Dawn l-awtoritajiet huma kontrolluri bl-iskop li jħaddmu l-Pjattaforma RIS.

(11)Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-introduzzjoni tal-Pjattaforma RIS, l-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-qafas għall-iżvilupp u għall-funzjonament tal-pjattaforma. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 .

(12)Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa u effettiva tad-Direttiva 2005/44/KE, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ proċedura effettiva għat-trattament tal-ilmenti. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw bejniethom meta jkunu qed jittrattaw ilmenti li jinvolvu elementi transfruntieri (pereżempju standards inkompatibbli fir-rapportar tal-informazzjoni dwar il-bastimenti), peress li 75% tal-operazzjonijiet fil-passaġġi fuq l-ilma interni jinkludu vjaġġi internazzjonali. B’analiżi tas-suġġett tal-ilmenti, kif ukoll tal-frekwenza tagħhom u tal-mod u t-tempestività tar-riżoluzzjoni tagħhom, jista’ jkun possibbli jingħaraf xi kemm qed jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’hekk jiġi appoġġat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni billi jiġi indikat fejn tista’ titjieb fl-implimentazzjoni. Għalhekk, hu importanti li din l-informazzjoni tinġabar u tiġi rrapportata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni kull sena. Kull trattament tal-ilmenti skont din id-Direttiva jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji skont il-liġijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 27 u r-Regolament (UE) 2018/1725 28 .

(13)L-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġ li jimxu ma’ sett ta’ prinċipji (b’mod partikolari, dawk inklużi fl-Anness II) biex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u armonizzata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/44/KE. Dawk il-prinċipji jenħtieġ li jiddeskrivu l-elementi ewlenin li kull komponent tar-RIS irid jinkludi.

(14)Ir-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-finijiet tar-RIS jenħtieġ li jkunu jiżguraw b’mod partikolari li d-data kollha tar-RIS tkun tista’ tiġi pproċessata biss f’konformità ma’ sistema komprensiva tal-kontroll tal-aċċess ibbażata fuq id-drittijiet li tipprovdi funzjonalitajiet assenjati, li l-awtoritajiet kompetenti kollha jkun jista’ jkollhom aċċess immedjat għal dik id-data skont il-kompetenzi regolatorji rispettivi tagħhom, li jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex ikun żgurat li l-ipproċessar b’mezzi elettroniċi tad-data personali jkun jista’ jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 u mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 , inkluż għall-protezzjoni mill-ksur tad-data personali, u li l-ipproċessar tal-informazzjoni kummerċjali sensittiva jkun jista’ jsir b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni.

(15)Biex tkun żgurata n-navigazzjoni sikura u ottimali tal-bastimenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jafu l-pożizzjoni tal-bastimenti kollha fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż permezz tad-data tas-sistemi tal-identifikazzjoni awtomatika (“AIS”). L-Istati Membri jenħtieġ li jiskambjaw ukoll informazzjoni relatata mar-RIS biex iżidu l-effiċjenza tar-RIS u jnaqqsu r-rekwiżiti tar-rappurtar. Meta t-trażmissjoni u l-iskambju tal-informazzjoni relatata mar-RIS għal dawn il-finijiet ma jkunux jistgħu jsiru mingħajr l-ipproċessar tad-data personali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-legalità tal-ipproċessar ta’ dik id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

(16)Biex ikun żgurat li l-utenti tar-RIS ikollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar in-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi, u filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE biex temenda r-rekwiżiti minimi tad-data stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2005/44/KE.

(17)Meta jkun debitament ġustifikat b’analiżi xierqa, u meta jkunx hemm standards internazzjonali pertinenti u aġġornati li jiżguraw is-sikurezza tan-navigazzjoni, jew meta xi bidliet fil-proċess jew l-eżitu tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumitat Ewropew għat-tfassil tal-istandards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) ikunu jikkompromettu l-interessi tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-emenda tal-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE biex tipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa għar-RIS skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE biex tħares l-interessi tal-Unjoni.

(18)L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE turi li l-perjodu għall-introduzzjoni u l-aġġornament tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kien twil, u dan affettwa l-prestazzjoni tas-settur. Għalhekk, hu importanti li jinbidel il-proċess kif jiddaħħlu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(19)Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 introduċiet dak il-proċess abbażi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mis-CESNI. Filwaqt li jaġixxi fl-awspiċi tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) u filwaqt li jibqa’ miftuħ għal esperti mill-Istati Membri kollha, is-CESNI 32 hu responsabbli għat-tfassil tal-istandards tekniċi fil-qasam tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. L-esperjenza turi li s-CESNI żviluppa u aġġorna r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna b’mod organizzat u fil-ħin. Filwaqt li jitqiesu l-għarfien espert tas-CESNI u l-esperjenza bl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629, jenħtieġ li jiġi applikat approċċ simili għad-Direttiva 2005/44/KE.

(20)Biex ikun żgurat livell għoli ta’ sikurezza u effiċjenza fin-navigazzjoni interna, ikun żgurat il-forniment tar-RIS u jitqiesu l-progress tekniku u xjentifiku u żviluppi oħra fis-settur, ir-referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (ES-RIS), diment li tkun konformi mal-prinċipji tal-Anness II, jenħtieġ li tkun tifforma parti integrali iżda mhux essenzjali mid-Direttiva 2005/44/KE, u tinżamm aġġornata. Għalhekk, is-setgħa li jiġu adottati atti li jemendaw l-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE fid-dawl tal-aġġornament tar-referenza għall-aktar verżjoni riċenti tal-istandard ES-RIS u l-iffissar tad-data tal-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE.

(21)Meta tadotta atti delegati, hu partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 33 . B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(22)Il-Kumitat dwar iċ-ċertifikati tal-kaptani għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fil-passaġġ fuq l-ilma intern imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/44/KE tneħħa. Minfloku, il-Kumitat għat-Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni li għandu għarfien espert fl-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni hu rilevanti biex jassisti lill-Kummissjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 fir-rigward tar-RIS. Barra minn hekk, din id-Direttiva tintroduċi emendi għall-Artikolu 5 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/44/KE relatati mal-Proċedura ta’ Kumitat li jeħtieġ jiġu riflessi f’artikolu aġġornat. Għalhekk, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/44/KE jenħtieġ li jiġi emendat biex ikun jirrifletti dawn il-bidliet.

(23)Għall-finijiet ta’ regolamentazzjoni u simplifikazzjoni aħjar, id-Direttiva 2005/44/KE jenħtieġ li tkun tista’ tirreferi għall-istandards internazzjonali mingħajr ma tidduplikahom fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni.

(24)Ir-RIS ilhom stabbiliti fl-Unjoni mill-2005 u għalhekk l-Istati Membri kisbu esperjenza konsiderevoli fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-funzjonament tar-RIS jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jitħassar l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2005/44/KE. Barra minn hekk, billi jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE ħalli tiffoka fuq it-TEN-T, ir-rekwiżit li jiġu implimentati r-RIS hu applikabbli għall-aktar passaġġi fuq l-ilma importanti, u b’hekk jinħoloq network tat-trasport affidabbli. Bħala tali, jenħtieġ li jitħassar l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2005/44/KE.

(25)F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, biex jintlaħaq l-objettiv bażiku, jeħtieġ u jixraq jiġi stabbilit qafas għall-forniment tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fl-Unjoni, li jistabbilixxi regoli dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-RIS. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi segwiti f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(26)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni nhar [XX XX 2024] 35 .

(27)Għalhekk, id-Direttiva 2005/44/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2005/44/KE

Id-Direttiva 2005/44/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

1.Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-varar u l-użu tas-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS) fl-Unjoni biex jappoġġa t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ħalli jiżdiedu s-sikurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tiegħu u biex jiġu ffaċilitati l-interfaċċi ma’ mezzi oħra tat-trasport.

2.Din id-Direttiva tipprovdi qafas għall-istabbiliment u l-iżvilupp ulterjuri ta’ rekwiżiti tekniċi, speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jiżguraw RIS armonizzati, interoperabbli u miftuħa fil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni, u li jiżguraw il-kontinwità ma’ servizzi oħra tal-ġestjoni tat-traffiku modali, b’mod partikolari l-ġestjoni tat-traffiku tal-bastimenti marittimi u s-servizzi tal-informazzjoni.”

(2)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.Din id-Direttiva tapplika għall-implimentazzjoni u t-tħaddim tar-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni u fil-portijiet interni kollha tal-Istati Membri li huma parti min-network trans-Ewropew tat-trasport, kif speċifikat u elenkat fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 .”

(3)fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-punti (ha) sa (hi) li ġejjin:

“(ha)“network trans-Ewropew tat-trasport” (TEN-T) tfisser passaġġi fuq l-ilma interni kif definit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

(hb)“informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija” (eFTI) tfisser informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija kif definita fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 ;

(hc)“ambjent tas-Single Window Marittima Ewropea” (“EMSWe”) tfisser sistema tas-Single Window Marittima Ewropea kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 ;

(hd)“Single Window Nazzjonali marittima” tfisser Single Window Nazzjonali marittima kif definita fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2019/1239;

(he)“Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tad-Data ta’ Referenza” (ERDMS) tfisser repożitorju (librerija) b’punt tal-aċċess uniku ta’ data ta’ referenza u listi tal-kodiċijiet li jintużaw mill-applikazzjonijiet tal-IT fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni operati mill-Kummissjoni;

(hf)“Sistema Komunitarja tal-Port” tfisser pjattaforma elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati biex ikunu żgurati proċessi portwarji u loġistiċi bla skossi;

(hfg)“sistema intelliġenti tal-infrastruttura fil-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser pjattaforma elettronika li tappoġġa l-ġestjoni parzjalment u kompletament awtomatizzata tal-infrastruttura tal-IWT fl-imgħalaq u l-pontijiet mobbli tat-TEN-T, imħaddma mill-awtoritajiet pubbliċi tal-ġestjoni tal-passaġġi fuq l-ilma;

(hh)“Pjattaforma RIS” tfisser pjattaforma elettronika b’punt tal-aċċess uniku, mibnija fuq informazzjoni nazzjonali tar-RIS, u li tipprovdi Servizzi tal-Informazzjoni tal-Kanali Navigabbli, tal-Infrastruttura, tat-Traffiku tat-Trasport, inkluż ippjanar tar-rotta u tat-trasport, għall-utenti tar-RIS u li sservi għar-rapportar elettroniku skont il-prinċipju ta’ “darba biss”;

(hi)“Portijiet interni” tfisser port tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T jew tan-network komprensiv TEN-T, kif elenkat u kkategorizzat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.”

(4)L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Noħolqu r-RIS

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw ir-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ir-RIS b’tali mod li l-applikazzjoni tar-RIS tkun effiċjenti, espandibbli u interoperabbli biex tinteraġixxi ma’ applikazzjonijiet oħra tar-RIS u ma’ sistemi għal mezzi oħra tat-trasport, filwaqt li tipprovdi wkoll interfaċċi għas-sistemi tal-ġestjoni tat-trasport u għall-attivitajiet kummerċjali.

3.Biex jinħolqu r-RIS, l-Istati Membri għandhom:

(a)jiżguraw li l-utenti tar-RIS jingħataw id-data rilevanti kollha dwar in-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni. Din id-data, kif definita fl-Anness I, għandha tkun aġġornata u tingħata mill-inqas b’format elettroniku komuni aċċessibbli;

(b)jiżguraw li għall-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tagħhom tat-TEN-T, apparti d-data msemmija fil-punt (a), l-utenti tar-RIS ikollhom disponibbli mapep elettroniċi tan-navigazzjoni adattati għal finijiet ta’ navigazzjoni;

(c)jippermettu li, sa fejn ir-rappurtaġġ tal-bastimenti jkun meħtieġ skont regolamenti nazzjonali jew internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jirċievu rapporti elettroniċi tal-bastimenti bid-data meħtieġa mingħand il-bastimenti. Fit-trasport transfruntier, din l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ġar u kull trażmissjoni bħal din għandha ssir qabel il-wasla tal-bastimenti fil-fruntiera;

(d)jiżguraw li l-avviżi lill-kaptani, inkluż ir-rapporti dwar il-livell tal-ilma (jew l-għoli massimu permess) u s-silġ tal-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom, jingħataw bħala messaġġi standardizzati, kodifikati u li jistgħu jitniżżlu. Il-messaġġ standardizzat għandu mqar ikun fih l-informazzjoni meħtieġa għal navigazzjoni sikura. L-avviżi lill-kaptani għandhom ikunu aġġornati u jingħataw imqar b’format elettroniku komuni aċċessibbli;

(e)jiżguraw li l-ERDMS tinżamm aġġornata billi tingħata d-data kollha meħtieġa mingħajr dewmien u tiġi riveduta mill-inqas darba fis-sena;

(f)jiżguraw li mill-inqas tiġi skambjata informazzjoni relatata mat-traffiku bejn ir-RIS u l-ambjenti tal-iskambju tal-informazzjoni elettronika stabbiliti mil-liġijiet tal-Unjoni u użati f’mezzi oħra tat-trasport, inkluż permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima fl-EMSWe;

(g)jiżguraw li l-informazzjoni relatata mal-oġġetti perikolużi kif jeżiġi l-Kapitolu 5.4 tal-Parti 5 tar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali tal-Oġġetti Perikolużi fil-Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), konkluż f’Ġinevra fis-26 ta’ Mejju 2000, kif imsemmi fit-Taqsima III.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq pjattaforma eFTI, b’link elettroniku uniku tal-identifikazzjoni kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2020/1056;

(h)jiżguraw li tiġi skambjata informazzjoni bejn ir-RIS u s-sistemi komunitarji tal-port tal-portijiet interni, inkluż fost l-oħrajn id-disponibbiltà aġġornata tal-irmiġġi, u tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, u b’mod partikolari dawk l-installazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 ;

(i)jiżguraw li tiġi skambjata informazzjoni bejn ir-RIS u sistemi intelliġenti oħra tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni għall-fini tal-ġestjoni tat-traffiku tax-xmajjar.

L-obbligi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu ssodisfati f’konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji stabbiliti fl-Annessi I u II.

4.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentri tar-RIS skont il-ħtiġijiet reġjonali.

5.L-Istati Membri għandhom joħolqu, iħaddmu, jużaw u jżommu Pjattaforma RIS unika li tipprovdi data relatata mal-kanali navigabbli, l-infrastruttura, it-traffiku u t-trasport. Il-Pjattaforma RIS għandha tkun aċċessibbli għall-utenti kollha tar-RIS u għandha tkun il-pjattaforma ewlenija għall-iskambju tal-informazzjoni relatata mar-RIS. Għandu jkun fiha interfaċċi għal konnessjonijiet mas-sistemi ta’ mezzi oħra tat-trasport u portijiet interni. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għat-tħaddim tal-Pjattaforma RIS.

6.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-karatteristiċi operattivi, ir-rwoli u l-proċeduri għall-Pjattaforma RIS u li jidentifikaw l-entità operattiva tagħha, abbażi tal-prinċipji għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-RIS stabbiliti fil-punt 7 tal-Anness II, biex tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

7.Għall-użu tas-sistemi tal-identifikazzjoni awtomatika (“AIS”), għandu japplika l-arranġament reġjonali dwar is-servizz radjutelefoniku fil-passaġġi fuq l-ilma interni konkluż f’Basel fis-6 ta’ April 2000 fil-qafas tar-regolamenti tar-radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT).

8.L-Istati Membri, jekk ikun xieraq b’kooperazzjoni mal-Unjoni, għandhom jinkoraġġixxu lill-kaptani, lill-operaturi, lill-aġenti jew lis-sidien tal-bastimenti li jinnavigaw fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom u lit-trasportaturi jew lis-sidien tal-merkanzija li tinġarr abbord tali bastimenti biex japprofittaw bis-sħiħ mis-servizzi li jsiru disponibbli skont din id-Direttiva.

9.Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tivverifika l-interoperabbiltà, l-affidabbiltà u s-sikurezza tar-RIS.”

(5)L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Speċifikazzjonijiet tekniċi

1.Biex jiġu appoġġati r-RIS u tkun żgurata l-interoperabbiltà ta’ dawk is-servizzi kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2), għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif imsemmija fl-Anness III f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II u dawn għandhom ikopru b’mod partikolari l-oqsma li ġejjin:

(a)is-sistema elettronika tal-viżwalizzazzjoni tal-mapep u tal-informazzjoni għan-navigazzjoni interna (l-ECDIS interna);

(b)ir-rappurtar elettroniku tal-bastimenti;

(c)l-avviżi lill-kaptani;

(d)is-sistemi tat-trekkjar u tat-traċċar tal-bastimenti;

(e)il-kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu tar-RIS;

(f)it-tħaddim tal-Pjattaforma RIS;

(g)l-interkonnessjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-bażijiet tad-data tal-Unjoni (ERDMS);

(h)l-interkonnessjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-pjattaformi tal-IT ta’ mezzi oħra tat-trasport, inkluż mill-inqas eFTI u EMSWe;

(i)l-interkonnessjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mas-sistemi tal-estjoni tal-portijiet u mas-sistemi tal-infrastruttura intelliġenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

(j)id-dispożizzjonijiet għan-navigazzjoni, u l-ippjanar tal-vjaġġi.”

(6)L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti għall-applikazzjoni tar-RIS, għall-iskambju internazzjonali tad-data, għat-tħaddim tal-Pjattaforma RIS, u għat-trattament tal-ilmenti mill-utenti tar-RIS. Dawn l-awtoritajiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sa... [one year after the date of entry into force of this Directive].”

(7)Jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

“Artikolu 8a

Trattament tal-ilmenti

1.Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkollu proċedura effettiva li tittratta l-ilmenti li jsiru minħabba l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.It-trattament tal-ilmenti għandu jsir b’mod li jevita l-kunflitti tal-interess, u li jkun funzjonalment indipendenti minn kull awtorità kompetenti għall-applikazzjoni tar-RIS, għall-iskambju internazzjonali tad-data u għat-tħaddim tal-Pjattaforma RIS. It-trattament tal-ilmenti għandu jkun imparzjali u trasparenti u għandu jirrispetta kif xieraq id-dritt li n-negozju jitwettaq liberament.

3.L-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati fl-Istat Membru li r-raġuni għall-ilment tkun oriġinat mill-passaġġi fuq l-ilma jew fil-portijiet interni tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tar-RIS u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra jiġu infurmati dwar fejn u kif isir l-ilment u liema awtoritajiet huma responsabbli għat-trattament tal-ilmenti.

4.L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandhom jikkooperaw għall-finijiet tal-ilmenti ta’ natura transfruntiera.

5.L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandu jkollhom is-setgħa, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti għall-applikazzjoni tar-RIS, għall-iskambju internazzjonali tad-data, lill-fornituri tas- servizzi tar-RIS, lill-maniġers tal-infrastruttura u l-portijiet interni biex jipprovdulhom informazzjoni rilevanti għal ilment.

6.L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandu jkollhom is-setgħa, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jieħdu deċiżjonijiet b’effett vinkolanti, soġġetti għal rimedju ġudizzjarju, meta applikabbli.

7.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-proċedura għat-trattament tal-ilmenti sa... [one year after the date of entry into force] u, sussegwentement, b’kull bidla f’dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment dik l-informazzjoni fuq is-sit web tagħha.

8.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-għadd u t-tip tal-ilmenti li jirċievu l-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti, l-għadd ta’ azzjonijiet korrettivi meħuda, u ż-żmien meħtieġ biex jissolvew l-ilmenti.”

(8)L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Regoli dwar il-privatezza u s-sigurtà tal-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzazzjonali meħtieġa f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u mal-liġijiet nazzjonali applikabbli biex jipproteġu l-informazzjoni u r-rekords tar-RIS kontra avvenimenti mhux mixtieqa jew użu ħażin, inkluż kontra l-aċċess mhux xieraq, bidla jew telf u biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u ta’ informazzjoni sensittiva oħra skambjata skont din id-Direttiva.”

(9)L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Proċedura emendatorja

1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a biex temenda l-Anness I, billi taġġorna u tirrevedi r-rekwiżiti minimi tad-data, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u l-progress tekniku fl-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tar-RIS.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a biex temenda l-Anness III billi taġġorna, jekk ikun xieraq fid-dawl tal-kriterji definiti fil-paragrafu 3, u f’konformità mal-prinċipji tal-Anness II, ir-referenza għall-aktar verżjoni riċenti tal-ES-RIS u tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tagħha.

3.Fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi pertinenti u aġġornati, jew meta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mis-CESNI ma jikkonformawx ma’ xi rekwiżit applikabbli stabbilit fl-Anness II jew meta bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CESNI jew f’elementi oħra tal-istandard ikunu jikkompromettu l-interessi tal-Unjoni u meta jkun debitament ġustifikat minn analiżi xierqa, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a biex temenda l-Anness III ħalli tipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II.”

(10)Fl-Artikolu 10a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin m[id-data tad-dħul fis-seħħ]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa fi żmien sa disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi identiċi, ħlief meta l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal din l-estensjoni fi żmien sa tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.”

(11)Fl-Artikolu 10a, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.Att delegat adottat skont dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew.”

(12)L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Proċedura ta’ Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għat-Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 .

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

(13)fl-Artikolu 12, jitħassru l-paragrafi 2 u 3.

(14)Jiddaħħal l-Artikolu 12a li ġej:

“Artikolu 12a

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-twaqqif tar-RIS fl-Unjoni u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa... [5 years after the date of entry into force].”

(15)L-Anness I tad-Direttiva 2005/44/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

(16)L-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Direttiva.

(17)It-test stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness III.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn … [one year after the entry into force]. Dawn għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih.

2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri li għandhom passaġġi fuq l-ilma interni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/44/KE.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Sors: il-pocketbook statistiku tal-2022 (europa.eu).
(2)    L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja.
(3)    Sors: Ċifri dwar it-trasport fl-UE.  https://transport.ec.europa.eu/facts-funding/studies-data/eu-transport-figures-statistical-pocketbook/statistical-pocketbook-2022_en
(4)    CCNR (2022). Thematic report an assessment of new market opportunities for inland waterway transport. Jinsab fuq: https://inland-navigation-market.org/wp-content/uploads/2022/03/Thematic-report_20212022_EN_BD.pdf .  
(5)

   Il-Kummissjoni Ewropea (2016), Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, Evalwazzjoni ex post tar-REFIT tad-Direttiva 92/106/KEE dwar it-Trasport Ikkombinat, ir-Rapport Finali (SWD(2016) 140 final).

(6)    SWD(2021) 0050 final.
(7)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1588580774040&uri=CELEX%3A52019DC0640 .
(8)    Ir-Regolament (UE) 1315/2013.
(9)    Ir-Regolament (UE) 2020/1056.
(10)    Ir-Regolament (UE) 2020/1056.
(11)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=SWD%3A2021%3A50%3AFIN .
(12)    SWD […] 2023.
(13)    ĠU C 326 of 26.10.2012, p. 2.
(14)    ĠU C , , p. .
(15)    ĠU C , , p. .
(16)    Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/44/oj ).
(17)    COM/2019/640 final.
(18)    COM/2020/789 final.
(19)    COM/2021/324 final.
(20)    COM/2020/66 final.
(21)    COM/2017/134 final.
(22)    COM/2022/720 final.
(23)    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1315/oj ).
(24)    Il-politika tal-UE dwar in-network trans-Ewropew tat-trasport, il-politika tat-TEN-T, hi strument ewlieni għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-trasport koerenti, effiċjenti, multimodali u ta’ kwalità għolja madwar l-UE. Dan jinkludi l-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, ir-rotot tat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra u t-toroq li jgħaqqdu n-nodi urbani, il-portijiet tal-baħar u interni, l-ajruporti u t-terminals.
(25)    Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj .
(26)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj ).
(27)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(28)    ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
(29)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj ).
(30)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj ).
(31)    Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/1629/oj ).
(32)    Is-CESNI hu stabbilit skont ir-riżoluzzjoni tas-CCNR 2015-i-3.
(33)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj .
(34)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj ).
(35)    ĠU C […], […], p. […].
(36)    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1315/oj ).
(37)    Ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1056/oj ).
(38)    Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj ).
(39)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/68/oj ).
(40)    Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj ).
(41)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj ).
Top

Brussell, 26.1.2024

COM(2024) 33 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi armonizzati ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

{SEC(2024) 38 final} - {SWD(2024) 15 final} - {SWD(2024) 16 final}


ANNESS I

ANNESS I

REKWIŻITI MINIMI TAD-DATA 

Kif jissemma fl-Artikolu 4(3)(a), għandha tingħata b’mod partikolari din id-data li ġejja:

·l-assi tal-passaġġ tal-ilma b’indikazzjoni kilometrika;

·ir-restrizzjonijiet għall-bastimenti jew għall-konvoj mil-lat ta’ tul, wisa’, fundar jew kurrenti tal-arja;

·Il-ħinijiet operatorji tal-istrutturi restrittivi, b’mod partikolari tal-imgħalaq u tal-pontijiet;

·il-ħinijiet tal-istennija attwali u mistennija fil-pontijiet, fl-imgħalaq u fil-portijiet interni;

·il-lokazzjoni tal-portijiet u tas-siti tat-trażbord;

·id-data ta’ referenza għall-ġejġijiet tal-livell tal-ilma rilevanti għan-navigazzjoni.

L-informazzjoni mogħtija għandha tkun aġġornata u tirrifletti s-sitwazzjoni fil-ħin reali.”

Top

Brussell, 26.1.2024

COM(2024) 33 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi armonizzati ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

{SEC(2024) 38 final} - {SWD(2024) 15 final} - {SWD(2024) 16 final}


ANNESS II

ANNESS II

PRINĊIPJI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAR-RIS

1.Prinċipji ġenerali

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-RIS għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)l-indikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operattiv tas-servizzi u s-sistemi relatati;

(b)l-arkitettura u l-organizzazzjoni tar-RIS;

(c)ir-rakkomandazzjonijiet għall-bastimenti biex jipparteċipaw fir-RIS, għal servizzi individwali u għall-iżvilupp gradwali tar-RIS.

2.ECDIS Interna

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jridu jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5 għas-sistema elettronika li turi l-mapep u l-informazzjoni (ECDIS Interna) għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)il-kompatibbiltà mal-ECDIS marittima biex ikun faċilitat it-traffiku tal-bastimenti interni f’żoni tat-traffiku mħallat bi traffiku estwarju u traffiku bejn il-baħar u x-xmajjar;

(b)id-definizzjoni ta’ rekwiżiti minimi għat-tagħmir tal-ECDIS Interna, u l-kontenut minimu tal-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni, bil-għan tas-sikurezza fin-navigazzjoni, b’mod partikolari:

(a)livell għoli ta’ affidabbiltà u aċċessibbiltà tat-tagħmir tal-ECDIS Interna użat;

(b)ir-robustezza tat-tagħmir tal-ECDIS Interna biex ikun jiflaħ għall-kundizzjonijiet ambjentali tipiċi abbord il-bastimenti, bla ma jitnaqqru l-kwalità jew l-affidabbiltà;

(c)il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi kull tip ta’ oġġetti ġeografiċi (eż. il-konfini tal-kanali navigabbli, il-binjiet mal-linji tal-kosta, is-sinjali markaturi) tant meħtieġa għal navigazzjoni sikura;

(d)il-monitoraġġ tal-mappa elettronika b’immaġni sovrapposta tar-radar meta tintuża għat-treġija tal-bastiment;

(c)il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi informazzjoni aġġornata dwar il-fond fil-kanal navigabbli u din tintwera għal livell tal-ilma predefinit jew attwali;

(d)il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi ċertu informazzjoni addizzjonali (eż. dwar partijiet oħrajn li mhumiex l-awtoritajiet kompetenti) u din tintwera fl-ECDIS Interna mingħajr ma tintmess l-informazzjoni meħtieġa għal navigazzjoni sikura;

(e)il-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni jkunu disponibbli għall-utenti tar-RIS;

(f)id-data tal-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni tkun disponibbli għall-manifatturi kollha tal-applikazzjonijiet, meta xieraq bi ħlas raġonevoli skont il-kost;

(g)il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi ċertu informazzjoni aġġornata dwar il-ħinijiet tal-istennija fl-imgħalaq, fil-pontijiet u fil-portijiet interni, u din tintwera fl-ECDIS Interna mingħajr ma tintmess l-informazzjoni meħtieġa għal navigazzjoni sikura.

3.Rappurtar elettroniku tal-bastimenti

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-rappurtar elettroniku tal-bastimenti involuti fin-navigazzjoni interna f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)jeħfief l-iskambju tad-data elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bejn il-parteċipanti fin-navigazzjoni interna u marittima u fit-trasport multimodali li jinvolvi n-navigazzjoni interna;

(b)sistema standardizzata tal-messaġġ ta’ notifika tat-trasport għall-messaġġi bejn il-bastimenti u l-awtoritajiet, bejn l-awtoritajiet u l-bastimenti, u bejn l-awtoritajiet biex tinkiseb il-kompatibbiltà man-navigazzjoni marittima;

(c)listi ta’ kodiċi u klassifikazzjonijiet aċċettati internazzjonalment, possibbilment miżjuda biex ikunu jgħoddu għal ħtiġijiet addizzjonali tan-navigazzjoni interna;

(d)numru tal-identifikazzjoni uniku għall-bastimenti Ewropej.

4.Avviżi lill-kaptani

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-avviżi lill-kaptani f’konformità mal-Artikolu 5, b’mod partikolari b’rabta mal-informazzjoni tal-kanali navigabbli, l-informazzjoni u l-amministrazzjoni tat-traffiku, u l-ippjanar tal-vjaġġi, għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)struttura standardizzata tad-data li tuża moduli predefiniti tat-test u kodifikati f’livell għoli biex tkun tista’ ssir it-traduzzjoni awtomatika tal-aktar kontenut importanti għal lingwi oħra u biex teħfief l-integrazzjoni tal-avviżi lill-kaptani fis-sistemi tal-ippjanar tal-vjaġġi;

(b)kompatibbiltà tal-istruttura standardizzata tad-data mal-istruttura tad-data tal-ECDIS Interna biex teħfief l-integrazzjoni tal-avviżi lill-kaptani fl-ECDIS Interna.

(c)allinjament mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għan-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi biex tkun żgurata l-koerenza tal-informazzjoni mogħtija.

5.Sistemi tat-traċċar u r-rintraċċar tal-bastimenti

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi tat-traċċar u r-rintraċċar tal-bastimenti f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)id-definizzjoni tar-rekwiżiti dwar is-sistemi u tal-messaġġi standard, u tal-proċeduri biex ikunu jistgħu jingħataw b’mod awtomatiku;

(b)id-divrenzjar bejn is-sistemi adegwati għar-rekwiżiti tal-informazzjoni tattika tat-traffiku u s-sistemi adegwati għar-rekwiżiti tal-informazzjoni strateġika tat-traffiku, fir-rigward tal-preċiżjoni fil-pożizzjonament u fir-rigward tar-rata tal-aġġornament meħtieġa;

(c)id-deskrizzjoni tas-sistemi tekniċi rilevanti għat-traċċar u r-rintraċċar tal-bastimenti, bħall-AIS Interna (sistema interna tal-identifikazzjoni awtomatika);

(d)il-kompatibbiltà tal-formati tad-data mas-sistema marittima tal-AIS.

6.Operazzjoni tal-Pjattaforma tar-RIS

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Pjattaforma tar-RIS f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)tkun tieqa diġitali unika għan-navigazzjoni interna;

(b)punt uniku u armonizzat tal-aċċess għal informazzjoni aġġornata, jekk possibbli fil-ħin reali, dwar il-kundizzjonijiet fil-kanali navigabbli għal navigazzjoni, ippjanar u operazzjonijiet portwarji sikuri u sostenibbli tul it-TEN-T;

(c)tippermetti li jitħaddmu ktajjen tat-trasport multimodali, filwaqt li tilħaq livell xieraq tal-protezzjoni tad-data;

(d)livell għoli ta’ preċiżjoni tad-data għal skambju bla xkiel tad-data fost l-utenti rilevanti tar-RIS tul it-TEN-T (fl-Unjoni u barra minnha);

(e)interfaċċa faċli għall-utenti b’funzjonalitajiet utli u prattiċi li jistgħu jittejbu, fosthom il-possibbiltà tissejvja u taħżen il-profili;

(f)punt uniku u armonizzat tar-rappurtar f’konformità mal-prinċipju ta’ “darba biss”, anki għal vjaġġi internazzjonali;

(g)rabta ma’ sistemi oħra li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tal-pożizzjonament/lokalizzazzjoni biex jimmaniġġjaw l-infrastruttura, il-mobbiltà u t-traffiku fuq it-TEN-T b’mod effettiv u biex jingħataw servizzi tal-valur miżjud liċ-ċittadini u lill-operaturi, inkluż sistemi biex in-network jintuża b’mod sigur, mingħajr perikli, favur l-ambjent u b’effiċjenza tal-kapaċitajiet;

(h)tkun tiġbor u tirrapporta data anonimizzata u aggregata dwar l-użu li tista’ tintuża għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-RIS, inkluż imqar l-għadd ta’ utenti tar-RIS, id-disponibbiltà tad-data fil-pjattaforma tar-RIS, il-konnessjoni u l-għadd ta’ skambji ma’ sistemi oħra (eż. l-eFTI, l-EMSWe, is-sistemi tal-komunità tal-port).

7.Skambju tad-data ma’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju tad-data ma’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra, inkluż l-EMSWe, l-eFTI, l-ERDMS, is-sistemi tal-komunità tal-port fil-portijiet interni, u s-sistema tal-infrastruttura intelliġenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni, f’konformità mal-Artikolu 5, għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)jibni fuq il-funzjonalitajiet tal-Pjattaforma tar-RIS;

(b)jiffaċilita l-iskambju elettroniku tad-data bejn it-teknoloġiji tar-RIS u l-bażijiet tad-data u s-sistemi li jintużaw minn modi oħra tat-trasport, b’konnessjonijiet u interfażijiet xierqa tad-data;

(c)id-definizzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tas-sistemi u fir-rigward tal-proċeduri għall-iskambju awtomatizzat tad-data;

(d)skambju tal-informazzjoni fil-ħin reali b’mod partikolari għad-data kritika fil-ħin;

(e)jiżgura l-iskambju sigur tal-informazzjoni f’konformità ma’ sistema komprensiva b’kontroll tal-aċċess ibbażat fuq id-drittijiet;

(f)jantiċipa sistema qafas ta’ skambju li jkunu jistgħu jsirulha żviluppi futuri u li tintrabat ma’ sistemi addizzjonali kif meħtieġ, inkluż skambji mal-Ispazju Ewropew futur tad-Data dwar il-Mobbiltà u ma’ kull sistema oħra maħsuba biex tippromwovi l-innovazzjonijiet fit-trasport multimodali.

8.Skambju tad-data ma’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju tad-data ma’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra, inkluż l-EMSWe, l-eFTI, l-ERDMS, is-sistemi tal-komunità tal-port fil-portijiet interni, u s-sistema tal-infrastruttura intelliġenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni, f’konformità mal-Artikolu 5, għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)jibni fuq il-funzjonalitajiet tal-Pjattaforma tar-RIS;

(b)jiffaċilita l-iskambju elettroniku tad-data bejn it-teknoloġiji tar-RIS u l-bażijiet tad-data u s-sistemi li jintużaw minn modi oħra tat-trasport, b’konnessjonijiet u interfażijiet xierqa tad-data;

(c)id-definizzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tas-sistemi u fir-rigward tal-proċeduri għall-iskambju awtomatizzat tad-data;

(d)skambju tal-informazzjoni fil-ħin reali b’mod partikolari għad-data kritika fil-ħin;

(e)ikun jiżgura l-iskambju sigur tal-informazzjoni f’konformità ma’ sistema komprensiva b’kontroll tal-aċċess ibbażat fuq id-drittijiet;

(f)jantiċipa sistema qafas ta’ skambju li jkunu jistgħu jsirulha żviluppi futuri u li tintrabat ma’ sistemi addizzjonali kif meħtieġ, inkluż skambji mal-Ispazju Ewropew futur tad-Data dwar il-Mobbiltà u ma’ kull sistema oħra maħsuba biex tippromwovi l-innovazzjonijiet fit-trasport multimodali.

9.Navigazzjoni u ppjanar tal-vjaġġi

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi tan-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)jagħtu informazzjoni aġġornata f’intervalli regolari u mill-inqas meta jsiru bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni fil-kanal navigabbli li jistgħu jimpattaw in-navigazzjoni;

(b)ikopru mqar l-informazzjoni li ġejja:

(a)il-ħinijiet tal-istennija fl-imgħalaq, fil-pontijiet (mobbli) u fil-portijiet interni;

(b)il-livell tal-ilma, l-inqas fond imkejjel, il-fond ħieles, l-istat tal-milqgħa, l-iskariku, ir-reġim, il-livell previst tal-ilma, l-inqas fond imkejjel imbassar jew l-iskariku previst;

(c)is-sitwazzjoni tas-silġ u n-navigabbiltà relatata;

(d) il-ħinijiet operatorji tal-imgħalaq, tal-pontijiet (mobbli) u tal-portijiet interni;

(e)informazzjoni dwar it-temp.

(c)jingħataw fuq l-ECDIS Interna, l-Avviżi lill-Kaptani u l-Pjattaforma tar-RIS kif xieraq.”

Top

Brussell, 26.1.2024

COM(2024) 33 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi armonizzati ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

{SEC(2024) 38 final} - {SWD(2024) 15 final} - {SWD(2024) 16 final}


ANNESS III

ANNESS III

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAR-RIS

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għar-RIS għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-ES-RIS 2023/1.”

Top