IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.7.2021
COM(2021) 411 final
ANNESS
għal
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ġibiltà
ANNESS
DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM MAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ FIR-RIGWARD TA’ ĠIBILTÀ
I. IL-KUNTEST ĠENERALI
1.
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom).
2.
L-arranġamenti għall-ħruġ huma stabbiliti fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) inkluż Protokoll dwar l-arranġamenti speċifiċi fir-rigward tat-Territorju Brittaniku extra-Ewropew ta’ Ġibiltà (minn hawn’ il quddiem “Ġibiltà”). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020 u preveda perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu, id-dritt tal-Unjoni applika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Dan il-perjodu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. L-arranġamenti tranżizzjonali kienu applikabbli għal Ġibiltà skont l-Artikolu 3 1 b ) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
3.
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Euratom, minn naħa waħda, u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra, innegozjaw Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni (TCA), li ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u li ġie konkluż mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. F’konformità mad-dikjarazzjoni għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018 dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, l-Artikolu 774(3) tat-TCA jipprevedi li t-TCA la tapplika u lanqas ma għandha effetti f’Ġibiltà. F’konformità wkoll mad-dikjarazzjoni msemmija , il-ftehim previst “ ser jeħtieġ ftehim minn qabel mar-Renju ta’ Spanja” .
4.
Il-Euratom u r-Renju Unit ikkonkludew Ftehim għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari, li kien applikabbli proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Dan il-ftehim ma japplikax għal Ġibiltà.
5.
Fid-dikjarazzjoni tagħha mehmuża mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Euratom u r-Renju Unit, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta li teżamina kwalunkwe talba minn Spanja, bi qbil mar-Renju Unit, biex tibda l-proċedura għan-negozjar ta’ ftehim separat dwar Ġibiltà sakemm dan ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u l-interessi tal-Unjoni.
6.
Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar qafas possibbli għal ftehim dwar Ġibiltà u fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja stieden lill-Kummissjoni biex tibda, abbażi ta’ dan il-fehim, in-negozjati ta’ tali ftehim fil-livell tal-Unjoni.
GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM PREVIST
7.
L-għan tan-negozjati huwa li jiġi stabbilit ftehim wiesa’ u bbilanċjat bejn l-Unjoni u l-Euratom, minn naħa waħda, u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà, min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika partikolari ta’ Ġibiltà, b’kont meħud tal-istatus tagħha skont id-dritt internazzjonali, u fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ Ġibiltà u r-relazzjoni speċjali tagħha ma’ Spanja.
8.
Il-Ftehim maħsub għandu jkollu l-għan li jikseb żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat ta’ Ġibiltà u taż-żona tal-madwar, b’mod partikolari t-territorju tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw il-Mancomunidad de Municipios del Campo de Gibraltar fir-Renju ta’ Spanja.
9.
Il-Ftehim previst għandu jiżgura bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi, u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li ser jibqgħu validi matul iż-żmien. Dan il-bilanċ għandu jiżgura l-awtonomija tal-ordni legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jkun konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.
III. KONTENUT TAL-FTEHIM PREVIST
PRINĊIPJI ĠENERALI
10.
Jenħtieġ li l-ftehim previst bejn l-Unjoni u r-Renju Unit ikun mingħajr preġudizzju għall-kwistjonijiet ta’ sovranità u ġurisdizzjoni. Din ma għandhiex taffettwa l-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ Ġibiltà.
11.
Jenħtieġ li l-ftehim previst bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jiġi nnegozjat b’rispett sħiħ tal-integrità territorjali tal-Istati Membri tiegħu kif garantit mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
12.
Jenħtieġ li l-ftehim previst ma jipprevjenix il-konklużjoni ta’ arranġamenti amministrattivi bejn Spanja u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-ftehim sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu kompatibbli ma’ dawk tal-ftehim u mad-dritt tal-Unjoni.
BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI
13.
Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u s-salvagwardja tagħhom, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt inkluż l-impenn kontinwu tar-Renju Unit li jirrispetta l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-appoġġ għan-nonproliferazzjoni jenħtieġ li jikkostitwixxu elementi essenzjali għar-relazzjoni prevista. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif elaborata fil-proċess tal-UNFCCC u b’mod partikolari fil-Ftehim ta’ Pariġi għandha tikkostitwixxi wkoll element essenzjali tar-relazzjoni. Bl-istess mod, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, bl-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv trasversali. Ir-relazzjoni għandha tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Partijiet li jippromwovu multilateraliżmu effettiv u bbażat fuq ir-regoli.
14.
Fid-dawl tal-importanza tal-flussi tad-data, jenħtieġ li l-ftehim previst jafferma l-impenn tal-Partijiet li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, u li jirrispettaw bis-sħiħ, fuq bażi dinamika sħiħa ta’ allinjament, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u d-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u l-interpretazzjoni u s-superviżjoni tagħha mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
ĊIRKOLAZZJONI TA’ PERSUNI
15.
Il-ftehim previst għandu jkollu l-għan li jneħħi l-ostakoli fiżiċi attwali kollha bejn Ġibiltà u ż-żona Schengen għaċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni. Jenħtieġ li l-ftehim ma jipprevedix il-parteċipazzjoni ta’ Ġibiltà fl-acquis ta’ Schengen jew għall-assoċjazzjoni tagħha mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tiegħu. L-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jenħtieġ li ma jkollhomx aċċess għall-bażijiet tad-data riżervati skont id-dritt tal-Unjoni għal Stati Membri jew pajjiżi assoċjati mal-acquis ta’ Schengen jew ta’ Dublin.
16.
Il-Ftehim previst għandu jipprevedi li Spanja għandha twettaq kontrolli fil-fruntieri f’konformità sħiħa mal-acquis ta’ Schengen; tali kontrolli fil-fruntieri jenħtieġ li jikkonsistu fit-twettiq minn Spanja ta’ verifiki fuq il-fruntiera mad-dħul u mal-ħruġ f’Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera li għadhom kif ġew stabbiliti fl-ajruport u fil-port ta’ Ġibiltà u t-twettiq ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera fl-ilmijiet kontigwi.
17.
Il-ftehim previst għandu jipprevedi li l-gwardji tal-fruntiera Spanjoli jkollhom is-setgħat u l-obbligi kollha meħtieġa biex iwettqu l-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntieri, inkluż fir-rigward taċ-ċaħda tad-dħul, ir-riċeviment ta’ talbiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-arrest ta’ persuna u s-sekwestru ta’ proprjetà u l-applikazzjoni u l-użu ta’ sistemi tal-IT, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni. F’każ li jkun jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet ta’ segwitu, jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi obbligu fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà biex jassistu u jiffaċilitaw it-trasferiment tal-persuna jew tal-oġġett ikkonċernat lill-awtoritajiet ta’ Spanja.
18.
Il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi li ż-żmien imqatta’ f’Ġibiltà jingħadd bħala ħin imqatta’ fiż-żona Schengen għall-fini tal-kalkolu tas-soġġorn awtorizzat.
19.
It-tneħħija tal-ostakli fiżiċi, inkluż kwalunkwe infrastruttura fiżika u verifiki u kontrolli relatati għall-persuni, bejn it-territorju ta’ Ġibiltà u ż-żona Schengen, teħtieġ, bħala kundizzjoni, salvagwardji komprensivi sabiex jiġu protetti s-sigurtà u l-integrità taż-żona Schengen.
20.
Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu mill-inqas:
[Regoli speċjali għar-residenti ta’ Ġibiltà]
a)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi li l-persuni li huma legalment residenti f’Ġibiltà , ikollhom aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen għal massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. Il-passaporti tagħhom mhux se jiġu ttimbrati mad-dħul fiż-żona Schengen jew mal-ħruġ minnha u se jkunu eżentati mir-rekwiżiti skont ir-Regolamenti dwar l-EES u l-ETIAS.
b)Il-Ftehim għandu jipprevedi li persuni li huma legalment residenti f’Ġibiltà ma jistgħux jiġu mċaħħda milli jidħlu fit-territorju ta’ Ġibiltà.
c)Il-Ftehim għandu jipprevedi li, l-akkwist u ż-żamma tad-dritt ta’ residenza f’Ġibiltà jkunu kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni reali ma’ Ġibiltà li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-preżenza fiżika attwali u regolari matul perijodu xieraq ta’ żmien u ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli oħra bl-esklużjoni tal-investiment fl-ekonomija u l-proprjetà immobbli ta’ Ġibiltà, jew ta’ pagamenti finanzjarji determinati minn qabel lill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà; jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li ċ-ċittadini tar-Renju Unit għajr dawk legalment residenti f’Ġibiltà fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim għandhom jiġu ttrattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini tal-applikazzjoni għal u l-kisba ta’ residenza f’Ġibiltà wara l-iffirmar tal-ftehim.
d)Ċittadini tar-Renju Unit għajr ċittadini tar-Renju Unit residenti legalment f’Ġibiltà fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim għandhom jiġu ttrattati bħal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor għall-finijiet ta’ dħul u soġġorn f’Ġibiltà.
[Responsabbiltà għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (Dublin u Eurodac)]
e)Regoli li jistabbilixxu li Spanja, f’kooperazzjoni mar-Renju Unit, tkun responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’Ġibiltà f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jkollhom jassistu u jiffaċilitaw lill-awtoritajiet Spanjoli fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, inkluż fir-rigward tat-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u dawk maqbuda waqt li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera b’mod irregolari għall-fini tas-sistema Eurodac . Bħala konsegwenza ta’ din l-istruttura, il-moviment tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn it-territorju tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ta’ Dublin, minn naħa waħda, u Ġibiltà, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma jirriżultax f’waqfien tar-responsabbiltà skont ir-Regolament ta’ Dublin.
[Ritorn/migrazzjoni irregolari]
f)Regoli li jistabbilixxu obbligu għal Spanja, f’kooperazzjoni mar-Renju Unit, biex tirritorna ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali mit-territorju ta’ Ġibiltà, inkluż fil-fruntiera, u biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tinforza tali ritorn f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jkollhom jassistu lill-awtoritajiet Spanjoli fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom.
g)Regoli li jiżguraw li t-traffikar tal-migranti jkun punibbli mil-liġi ta’ Ġibiltà bħala reat kriminali.
[Responsabbiltà tat-trasportaturi]
h)Regoli li jiżguraw l-applikazzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera fil-port u fl-ajruport ta’ Ġibiltà tal-liġi tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi [l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva 2001/51/KE] għat-trasport lejn Ġibiltà bil-baħar jew bl-ajru minn pajjiż terz ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fiż-żona Schengen u dwar l-obbligu ta’ tali trasportaturi li jirritornaw dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-pajjiż tat-tluq tagħhom; il-Ftehim jenħtieġ li jispeċifika wkoll li Ġibiltà ma titqiesx bħala territorju ta’ pajjiż terz għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli msemmija hawn fuq dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi mill-Istati Membri tal-Unjoni.
[Informazzjoni antiċipata dwar il-Passiġġieri]
i)Regoli li jiżguraw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) f’Ġibiltà [l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva 2004/82/KE]; ir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà għandu jipprevedi li, għal titjiriet li joriġinaw barra miż-żona Schengen u li jaslu fl-ajruport ta’ Ġibiltà, l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) tiġi trażmessa lill-awtoritajiet Spanjoli li jwettqu verifiki fuq il-fruntiera.
[Viża u permessi ta’ residenza]
j)Il-Ftehim previst għandu jipprevedi li Spanja tkun esklussivament kompetenti għall-ħruġ, abbażi tal-liġi tal-Unjoni, ta’ viżi għal soġġorn qasir fir-rigward ta’ Ġibiltà.
k)Regoli li jipprevedu li Spanja tkun l-unika kompetenti biex toħroġ jew iġġedded viżi għal soġġorn twil validi għal Ġibiltà. Tali viżi għal soġġorn twil jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu biss fejn il-kondizzjonijiet rilevanti taħt il-liġi applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà huma sodisfatti, li għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà; Spanja tista’ tirrifjuta li toħroġ jew iġġedded viża abbażi ta’ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; il-ftehim ikun jipprevedi li l-ħruġ ta’ viża għal soġġorn fit-tul valida għal Ġibiltà jenħtieġ li ma jobbligax lil Stat Membru jirtira allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
l)Regoli li jipprevedu li Spanja tkun kompetenti biex toħroġ jew iġġedded permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi validi għal Ġibiltà wara talba mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà għal persuni li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-liġi applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà u dment li r-regoli bbażati fuq il-punt 20 c) jiġu ssodisfati. Spanja tista’ tirrifjuta li toħroġ permess tar-residenza abbażi ta’ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; il-ftehim ikun jipprevedi li l-ħruġ jew tiġdid ta’ permess ta' residenza validu għal Ġibiltà jenħtieġ li ma jobbligax lil Stat Membru jirtira allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Il-Ftehim għandu jispeċifika li l-permessi ta’ residenza huma mmarkati b’mod ċar bħala validi għal Ġibiltà. L-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jistgħu jiġu awtorizzati joħorġu dawn il-permessi ta’ residenza taħt ċerti kondizzjonijiet.
m)Regoli li jeħtieġu permessi ta’ residenza u viżi għal soġġorn twil diġà maħruġa minn Ġibiltà lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti f’Ġibiltà fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim li għandhom jiġu sostitwiti b’permessi ta’ residenza maħruġa skont il-Ftehim fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Ftehim għandu jipprevedi li l-permessi ta’ residenza eżistenti jiġu nnotifikati lil Spanja, li tista’ twettaq kontrolli fil-bażijiet tad-data rilevanti u tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà biex jirtiraw dawn il-permessi għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà interna.
[Sigurtà]
n)Regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u l-Istati Membri, inkluża informazzjoni dwar rekords kriminali u informazzjoni dwar persuni u oġġetti mfittxija u nieqsa, kemm fuq talba kif ukoll spontanjament, fejn dan ikun rilevanti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati serji f’Ġibiltà jew fl-Istati Membri, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ordni ta’ detenzjoni, is-salvagwardja kontra, u l-prevenzjoni ta’, theddid għas-sikurezza pubblika; L-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà m’għandux ikollhom aċċess għall-bażijiet ta’ data stabbiliti abbażi tal-liġi tal-Unjoni.
o)Regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u l-Europol u l-Eurojust f’konformità mal-arranġamenti għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni inklużi regoli dwar l-iskambju ta’ data personali bejn dawn l-Aġenziji u l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.
p)Regoli li jipprevedu l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera, bħall-possibbiltà ta’ sorveljanza transkonfinali, “insegwiment transkonfini” ta’ persuni suspettati f’atti kriminali, l-organizzazzjoni ta’ rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħra.
q)Regoli li jobbligaw lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jirrikjedi li d-data tal-PNR fir-rigward tat-titjiriet kollha lejn l-ajruport ta’ Ġibiltà tkun disponibbli għall-awtoritajiet Spanjoli f’konformità mad-Direttiva dwar il-PNR [Direttiva (UE) 2016/681]; għal dan il-għan, il-ftehim għandu jipprevedi li għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR, Ġibiltà ma titqiesx bħala territorju ta’ pajjiż terz.
r)Regoli li jirrikjedu t-twettiq ta’ kontrolli msaħħa tal-pulizija fiż-żoni qrib il-fruntiera tal-art bejn Spanja u t-territorju ta’ Ġibiltà, kemm għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll għal dawk tal-migrazzjoni.
s)Regoli li jipprevedu l-applikazzjoni f’Ġibiltà tar-regoli tal-Unjoni dwar l-armi tan-nar [Id-Direttiva (UE) 2021/555 dwar l-Armi tan-Nar]; il-Ftehim għandu jipprevedi li l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jistabbilixxu awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni, u miżuri ta’ importazzjoni u transitu li jimplimentaw l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-manifattura illeċita u t-traffikar tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-munizzjon, li jissupplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali.
t)Regoli li jipprevedu l-applikazzjoni f’Ġibiltà ta’ regoli tal-Unjoni dwar prekursuri tal-isplussivi [Regolament (UE) Nru 2019/1148].
u)Regoli li jiżguraw li t-traffikar tad-drogi illeċiti li jista’ jiġi kkastigat skont il-liġi tal-Unjoni huwa punibbli wkoll skont il-liġi ta’ Ġibiltà bħala reat kriminali u regoli relatati mad-drogi Narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi.
v)Regola li tirrikjedi lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jiżgura li persuni li altrimenti jiġu miċħuda d-dħul fiż-żona Schengen, inter alia minħabba li jitqiesu bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, jiġu impediti u pprojbiti milli jitilqu mit-territorju ta’ Ġibiltà u jidħlu fiż-żona Schengen; fid-dawl ta’ dan, il-ftehim jistabbilixxi skema ta’ prenotifika jew preawtorizzazzjoni minn qabel għar-residenti ta’ Ġibiltà sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen.
[Qafas legali għal kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali f’oqsma ewlenin]
w)Il-ftehim għandu jiżgura li jkun hemm qafas legali fis-seħħ li jippermetti kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali f’oqsma ewlenin, li għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
-Dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estradizzjoni u tal-Protokolli Addizzjonali tagħha għal Ġibiltà;
-Dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assistenza legali reċiproka u tal-Protokolli Addizzjonali tagħhom għal Ġibiltà;
-Dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi għal Ġibiltà.
21.
Skont il-ftehim previst, il-partijiet għandhom jiżguraw li l-liġijiet tagħhom jippermettu l-qsim bejn l-Unjoni u Ġibiltà mingħajr kontrolli f’punt ta’ qsim tal-fruntiera.
22.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-iżviluppi rilevanti futuri tad-dritt tal-Unjoni — fejn meħtieġ — jiġu riflessi fl-adattamenti għall-ftehim; il-ftehim għandu jinkludi wkoll dispożizzjoni li skontha l-parti tal-ftehim relatata maċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni ser tintemm mill-Unjoni f’każ li l-adattament ma jiġix effettwat.
23.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi obbligu li jiġu ammessi kwalunkwe attivitajiet relatati mal-evalwazzjoni ta’ Schengen tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fit-territorju ta’ Ġibiltà.
24.
F’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tas-salvagwardji stabbiliti, jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi l-possibbiltà li l-Unjoni tissospendi unilateralment id-dispożizzjonijiet kollha relatati maċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni bejn l-Unjoni u Ġibiltà.
25.
Il-ftehim previst għandu jipprevedi mekkaniżmu biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din il-parti tal-ftehim. Wara l-ewwel erba’ snin ta’ implimentazzjoni, u mingħajr preġudizzju għall-punt 57, il-ftehim għandu jipprovdi l-possibbiltà li kull parti tieħu deċiżjoni dwar jekk tkomplix jew titterminax il-ftehim.
EKONOMIJA U KUMMERĊ
KUNDIZZJONIJIET EKWI
26.
Minħabba l-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika tal-Unjoni u ta’ Ġibiltà, jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura kompetizzjoni miftuħa u ġusta, li tinkludi impenji robusti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli. Dawn l-impenji għandhom iqisu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-profondità tal-ftehim previst, ir-relazzjoni globali u r-rabta ekonomika. Il-Ftehim previst għandu jżomm standards għoljin maż-żmien, bl-istandards tal-Unjoni u l-istandards internazzjonali applikati fl-UE bħala punt ta’ referenza, b’mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna mill-Istat, l-istandards tax-xogħol u soċjali, l-ambjent u l-klima, il-kwistjonijiet tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u miżuri u prattiki regolatorji oħra f’dawk l-oqsma. Il-Ftehim previst għandu jiżgura li l-port ta’ Ġibiltà jikkompeti b’ mod ġust ma’ portijiet Ewropej oħra, b’mod partikolari l-port ta’ Algeciras, inkluż, inter alia, fir-rigward tas-servizzi ta’ bunkering.
27.
Mingħajr preġudizzju għall-punti 62 u 65, dan għandu jinkludi mekkaniżmi adegwati biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, l-infurzar u s-soluzzjoni tat-tilwim effettivi, inklużi rimedji xierqa. Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi wkoll miżuri awtonomi biex jirreaġixxi malajr għal interruzzjonijiet tal-kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni f’oqsma rilevanti mal-istandards tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza.
28.
Il-korp ta’ tmexxija għandu jingħata s-setgħa li jindirizza l-evoluzzjoni tal-livelli ta’ protezzjoni u li jimmodifika l-impenji ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni sabiex jinkludi oqsma addizzjonali jew jistabbilixxi standards ogħla matul iż-żmien.
Għajnuna mill-Istat
29.
Dwar l-għajnuna mill-Istat, il-ftehim previst għandu jiżgura l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal u f’Ġibiltà abbażi tar-regoli tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza u għandu jipprevedi mekkaniżmi li jindirizzaw l-evoluzzjoni ta’ tali regoli maż-żmien sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kummerċ jew tal-kompetizzjoni. L-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom ukoll għal infurzar effettiv, inkluż permezz ta’ proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji, kif ukoll rimedji effettivi.
Standards tax-xogħol u soċjali
30.
Fir-rigward tal-istandards tax-xogħol u soċjali, jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura li l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jżommu l-livelli għoljin ta’ protezzjoni tagħhom maż-żmien, bl-istandards tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza, fir-rigward tal-inqas tal-oqsma li ġejjin: id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol; standards okkupazzjonali tas-saħħa u s-sikurezza; il-kundizzjonijiet ġusti fuq ix-xogħol u l-istandards tal-impjieg; drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-livell tal-kumpanija; u r-ristrutturar tal-impriżi. Għandha tiżgura wkoll infurzar domestiku effettiv.
L-Ambjent u l-Klima
31.
Dwar l-ambjent u l-klima, il-ftehim previst għandu jiżgura li l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jżommu livelli għoljin ta’ protezzjoni matul iż-żmien, bl-istandards tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza, fir-rigward tal-inqas taż-żoni li ġejjin li huma rilevanti għall-kuntest ġeografiku ta’ Ġibiltà::
l-aċċess għal informazzjoni ambjentali; il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali; il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-valutazzjoni ambjentali strateġika; l-emissjonijiet fl-arja u l-kwalità tal-arja; il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità; il-ġestjoni tal-iskart inkluż fil-port ta’ Ġibiltà; emmissjonijiet tal-ħsejjes, il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent akkwatiku u tal-baħar, inkluż fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet fil-port ta’ Ġibiltà; il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-produzzjoni, l-użu u r-rilaxx u r-rimi ta’ sustanzi kimiċi; u t-tibdil fil-klima b’mod partikolari l-emissjonijiet u t-tneħħija tal-gassijiet serra, inklużi s-sistemi effettivi tal-ipprezzar tal-karbonju.
32.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura li l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jirrispettaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipji li jenħtieġ li tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali jenħtieġ li bħala prijorità tissewwa fis-sors, il-prinċipju li l-protezzjoni ambjentali jenħtieġ li tiġi integrata fit-tfassil tal-politiki, u li min iniġġes jenħtieġ li jħallas. Għandha tiżgura wkoll infurzar domestiku effettiv.
Tassazzjoni diretta
33.
Dwar it-tassazzjoni diretta, il-ftehim previst għandu jirrikonoxxi u jimpenja lill-Unjoni u lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni, inklużi l-istandards globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, it-tassazzjoni ġusta, u l-istandards tal-OECD kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). Jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura li Ġibiltà tapplika maż-żmien l-istandards ewlenin rilevanti tat-tassazzjoni applikabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, spontanjament, u awtomatikament. Jenħtieġ li tiżgura wkoll li Ġibiltà tapplika l-istandards applikabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-prattiki tal-evitar tat-taxxa, tar-rapportar pubbliku pajjiż b’pajjiż minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment. Jenħtieġ li l-ftehim previst jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni u tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jrażżnu miżuri tat-taxxa dannużi, b’kont meħud tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-BEPS tal-G20-OECD u jiżguraw li r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jimpenja ruħu għall-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi.
strumenti oħra għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli
34.
Il-ftehim previst għandu jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-kummerċ u l-investiment b’kont meħud tal-approċċ l-aktar reċenti tal-UE, filwaqt li jkun proporzjonat mar-relazzjoni mar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.
Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu
35.
Il-ftehim previst għandu jinkludi impenji biex jiġu appoġġati l-isforzi internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex jiġi żgurat li r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà japplika l-istandards dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu applikabbli fl-Unjoni.
KUMMERĊ F'MERKANZIJA
36.
Jenħtieġ li l-ftehim previst ikollu l-għan li jneħħi l-ostakli fiżiċi bejn Ġibiltà u l-Unjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija. It-tneħħija tal-ostakli fiżiċi, inkluż kwalunkwe infrastruttura fiżika jew post ta’ kontroll u verifiki u kontrolli relatati għall-merkanzija, bejn Ġibiltà u l-Unjoni, teħtieġ, bħala kundizzjoni, arranġamenti komprensivi sabiex tiġi protetta l-integrità tas-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
37.
Jenħtieġ għalhekk li l-ftehim previst ikollu l-għan li jipprevedi unjoni doganali f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u jenħtieġ li jkun fih arranġamenti biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-merkanzija, japplikaw għal u f’Ġibiltà, inkluż:
-il-leġiżlazzjoni doganali kif definita fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, inklużi l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet, il-miżuri ta’ sigurtà u l-kontrolli fuq movimenti fiżiċi ta’ flus kontanti, bl-eċċezzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-Unjoni;
-it-Tariffa Esterna Komuni tal-Unjoni, id-dazji u l-miżuri tal-politika kummerċjali, inklużi l-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju (TDI) u l-istatistika tal-Kummerċ;
-il-leġiżlazzjoni dwar is-Sisa u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), inkluż dwar is-servizzi, sabiex Ġibiltà tiddaħħal fit-territorju tal-VAT u tas-sisa tal-Unjoni;
-il-leġiżlazzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-Istati Membri tal-Unjoni inkluż fi kwistjonijiet fiskali u doganali u għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi u dazji;
-sistemi ta’ liċenzjar rilevanti għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet; kif ukoll
-rekwiżiti u standards tal-prodotti applikabbli fis-Suq Uniku, inkluż dwar it-tabakk u prodotti relatati, u miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS).
38.
L-arranġamenti jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni doganali u fiskali u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kuntrabandu, b’mod partikolari ta’ prodotti soġġetti għal dazji tas-sisa jew taxxi speċjali bħal prodotti tat-tabakk, u t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-armi tan-nar u tal-prekursuri tal-isplussivi, inklużi l-movimenti ta’ flus kontanti u l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward tagħhom. Il-kooperazzjoni doganali għandha tinkludi wkoll koordinazzjoni fil-kontrolli doganali, kollaborazzjoni fuq operazzjonijiet konġunti kif ukoll forom speċjali ta’ kooperazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni.
39.
Fejn id-dritt tal-Unjoni applikabbli f’Ġibiltà jipprovdi ċerta diskrezzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni, ir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jenħtieġ li jallinja mal-miżuri adottati minn Spanja meta teżerċita dik id-diskrezzjoni, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ tassazzjoni tal-merkanzija. B’mod partikolari, il-ftehim previst għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni f’Ġibiltà ta’ sistema ta’ tassazzjoni fuq l-oġġetti, allinjata mas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Spanja. Dak l-allinjament jimminimizza d-differenzjali tal-prezzijiet bl-imnut ma’ Spanja għal prodotti soġġetti għal dazji tas-sisa jew taxxi speċjali, b’mod partikolari għall-alkoħol, il-fjuwil u l-prodotti tat-tabakk, sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-kummerċ jew il-kuntrabandu.
40.
Jenħtieġ li l-ftehim previst ikun fih arranġamenti li jiżguraw li l-ebda oġġett ma jkun jista’ jidħol fit-territorju tal-Unjoni Doganali minn Ġibiltà mingħajr ma jkun ġie ddikjarat preċedentement u soġġett għall-verifiki u l-kontrolli meħtieġa li huma obbligatorji fi kwalunkwe punt ta’ dħul ieħor tal-Unjoni Doganali abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li saru applikabbli għal u f’Ġibiltà. Il-verifiki u l-kontrolli meħtieġa jistgħu jitwettqu f’Ġibiltà jew f’punti oħra ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni Doganali fejn teżisti l-infrastruttura xierqa. Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li kwalunkwe kontroll doganali, SPS u kwalunkwe kontroll u verifiki oħra fil-postijiet fuq il-fruntiera jew fl-uffiċċji doganali f’Ġibiltà jitwettqu mill-awtoritajiet Spanjoli, jew b’mod konġunt mill-awtoritajiet Spanjoli u l-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà. Għall-verifiki u l-kontrolli, il-Postijiet ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera (BCP) u l-uffiċċji doganali jkollhom jiġu stabbiliti fil-port u fl-ajruport ta’ Ġibiltà u l-użu b’mod partikolari tas-sistema TRACES ikun obbligatorju. L-awtoritajiet Spanjoli għandu jkollhom aċċess elettroniku sħiħ u kontinwu, fuq bażi f’ħin reali, għas-sistemi tal-IT doganali/SPS/taxxi indiretti rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà għall-finijiet ta’ kontroll u verifiki.
41.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-monitoraġġ ta’ kwalunkwe attività oħra tal-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà, b’mod partikolari l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, relatati mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jsiru applikabbli mill-ftehim previst, inkluż bi dritt għar-rappreżentanti tal-Unjoni li jkunu preżenti f’Ġibiltà u li jkollhom aċċess għas-sistemi tal-IT rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà.
42.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi wkoll il-possibbiltà li l-Unjoni tieħu miżuri xierqa unilateralment, inkluż ir-reintegrazzjoni tal-infrastruttura fiżika li tkun tneħħiet u l-verifiki u l-kontrolli relatati għall-prodotti, u l-irtirar ta’ kwalunkwe preferenza kummerċjali li tkun ingħatat, f’każ ta’ applikazzjoni insuffiċjenti jew difettuża tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, ta’ żbalji, amministrazzjoni ħażina jew abbużi mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà, ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, irregolaritajiet jew frodi, jew ta’ diffikultajiet ekonomiċi, soċjetali jew ambjentali serji jew devjazzjoni tal-kummerċ.
43.
Il-Ftehim previst għandu jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu żviluppi futuri rilevanti tal-liġi tal-Unjoni bħal dwar Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri jistgħu — fejn meħtieġ — jiġu riflessi f’adattamenti għall-ftehim, u jipprevedu miżuri xierqa f’każ li ma jsirx l-adattament meħtieġ.
44.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi wkoll attribuzzjoni adegwata għall-baġit tal-Unjoni tad-dazji doganali miġbura f’Ġibiltà jew f’isem l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà. Jenħtieġ li l-ftehim previst ikun fih ukoll arranġamenti għall-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.
TRASPORT
45.
Suġġett għall-fehim minn qabel bejn Spanja u r-Renju Unit dwar l-ajruport ta’ Ġibiltà, il-ftehim previst għandu
a) jiżgura li s-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn Ġibiltà u l-punti fit-territorju tal-Unjoni jiġu pprovduti biss mit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni; kif ukoll
(b) jinkludu dispożizzjonijiet adegwati dwar l-operat sikur, sigur u ambjentalment korrett tal-ajruport ta’ Ġibiltà u fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq bażi ġusta bejn l-ajruport ta’ Ġibiltà u l-ajruporti tal-Unjoni.
46.
Il-Ftehim previst għandu jippermetti l-ġarr ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq bejn il-partijiet sakemm dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport ikunu limitati għaż-żona tal-fruntiera kontigwa.
OQSMA SPEĊIFIĊI TA’ KOOPERAZZJONI
AMBJENT
47.
It-tqassim previst għandu jistabbilixxi arranġamenti għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ambjent, inkluż il-faċilitazzjoni tar-riċerka xjentifika fl-ambjent tal-baħar. Il-Ftehim għandu jipprevedi livell ta’ protezzjoni ambjentali ekwivalenti għall-istandards tal-Unjoni. Tista’ tiġi operazzjonalizzata permezz ta’ arranġamenti amministrattivi bejn Spanja u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà, fl-oqsma rilevanti kollha inkluża r-reklamazzjoni tal-art.
DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA (inkluża l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali)
48.
Il-Ftehim previst għandu jiżgura li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fi Spanja u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment f’Ġibiltà, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jiksbu dritt ta’ residenza wara l-iffirmar tal-ftehim maħsub skont il-punti 20(c) u 20(m), igawdu rispettivament f’Ġibiltà u fi Spanja d-dritt li jibdew attività bħala persuna impjegata u li jeżerċitaw tali attività skont ir-regoli applikabbli għaċ-ċittadini tar-Renju Unit f’Ġibiltà u għaċ-ċittadini tal-UE fi Spanja. Biex jingħata effett sħiħ lil dan id-dritt, jenħtieġ li huma jgawdu wkoll id-drittijiet korollarji kollha li l-liġi tal-UE tagħti lill-ħaddiema mobbli, inkluż id-dritt li jidħlu u jitilqu minn Ġibiltà u Spanja, jirrisjedu hemmhekk matul xogħolhom, jiksbu dritt ta’ residenza permanenti u jkunu jistgħu jagħmlu użu minn salvagwardji fejn ir-Renju Unit jew Spanja jfittxu li jirrestrinġu d-drittijiet tagħhom f’Ġibiltà u fi Spanja rispettivament.
49.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità f’Ġibiltà u fi Spanja fir-rigward tal-benefiċjarji tal-Ftehim, kif stabbilit fl-acquis rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, tal-impjieg u tax-xogħol.
50.
Jenħtieġ li d-drittijiet korrispondenti jingħataw ukoll lill-membri tal-familja tal-benefiċjarji tal-Ftehim, kif stabbilit fir-regoli rilevanti tal-Unjoni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.
51.
Peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali hija essenzjali biex tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tax-xogħol transkonfinali, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fil-ftehim previst għandhom jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-Ftehim jenħtieġ li jiżgura, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tiegħu li jaħdmu jew li ħadmu f’Ġibiltà jgawdu minn livell għoli ta’ protezzjoni tas-sigurtà soċjali u jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali.
52.
Il-benefiċjarji tal-ftehim involuti bħala ħaddiema stazzjonati fil-provvista ta’ servizzi skont il-mod 4 għandhom igawdu d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 48 sa 51, fejn rilevanti għalihom, fir-rigward biss ta’ servizzi li huma kemm prodotti lokalment kif ukoll ikkonsmati fiż-żona tal-fruntiera kontigwa.
KWISTJONIJIET TAL-EURATOM
53.
It-tqassim previst jista’ jkopri kwistjonijiet rilevanti regolati taħt it-Trattat Euratom u l-leġislazzjoni sekondarja tiegħu, b’mod partikolari, iżda mhux limitat għal, dispożizzjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza, is-suq komuni nukleari u s-salvagwardji nukleari.
MEKKANIŻMU FINANZJARJU
54.
Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu finanzjarju biex jippromwovi l-koeżjoni bejn Ġibiltà u l-Campo de Gibraltar, pereżempju dwar kwistjonijiet ta’ taħriġ u impjiegi. Iż-żewġ Partijiet għandhom jipprovdu finanzjament għal dan il-mekkaniżmu. Il-mekkaniżmu għandu jinkludi miżuri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u attivitajiet illegali u irregolaritajiet oħra.
DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI
STRUTTURA
55.
It-tqassim previst għandu jkun inkorporat f’qafas ta’ governanza ġenerali li jkopri l-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni u, kif xieraq, ftehimiet u arranġamenti li jissupplimentaw il-ftehim previst.
56.
Il-ftehim previst għandu jippermetti r-reviżjoni perjodika tiegħu.
57.
Il-ftehim previst għandu jiġi stabbilit għal perijodu ta’ żmien indefinit u jista’ jiġi tterminat fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, avviż minn qabel lill-Parti l-oħra ta’ tliet xhur.
GOVERNANZA
58.
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ftehim previst, huwa għandu jistabbilixxi arranġamenti effiċjenti u effettivi għall-ġestjoni, is-superviżjoni, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tiegħu, u għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-infurzar, b’rispett sħiħ tal-awtonomija tal-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tal-Partijiet.
59.
Il-ftehim previst għandu jipprevedi l-possibbiltà ta’ miżuri awtonomi, inkluża s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-ftehim, kif ukoll kwalunkwe ftehim supplimentari, b’mod sħiħ jew parzjali fil-każ ta’ ksur ta’ elementi essenzjali.
60.
Il-ftehim previst għandu jistabbilixxi korp governattiv responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tal-ftehim previst, li jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li huwa jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet rigward l-evoluzzjoni tiegħu. L-Istati Membri, inkluża Spanja, għandhom ikunu parti mid-delegazzjoni li tirrappreżenta lill-Unjoni fil-korp governattiv.
61.
Jenħtieġ li l-korp ta’ tmexxija jkun jinkorpora r-rappreżentanti tal-Partijiet f’livell xieraq, li jasal għal deċiżjonijiet b’kunsens reċiproku u li jiltaqa’ skont kemm ikun hemm bżonn biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Jekk ikun neċessarju, il-korp jista’ jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati biex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.
62.
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li saru applikabbli għal Ġibiltà, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, fir-rigward tar-Renju Unit (Ġibiltà) u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fit-territorju ta’ Ġibiltà, ikollhom is-setgħat kif konferiti lilhom mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni prevista fit-Trattati f’dak ir-rigward.
63.
Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi arranġamenti xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim minn bord indipendenti ta’ arbitraġġ li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet u l-infurzar, inklużi dispożizzjonijiet għal soluzzjoni rapida tal-problemi.
64.
F’każ li tilwima tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiġi indikata wkoll minn Parti jew l-oħra, il-bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jirreferi l-kwistjoni lill-QĠUE bħala l-uniku arbitru tad-dritt tal-Unjoni għal deċiżjoni vinkolanti. Il-bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jieħu deċiżjoni dwar it-tilwim f’konformità mad-deċiżjoni mogħtija mill-QĠUE.
65.
Meta Parti tonqos milli tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-soluzzjoni vinkolanti ta’ tilwima f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Parti l-oħra tkun intitolata titlob kumpens finanzjarju jew tieħu miżuri proporzjonati u temporanji, inkluża s-sospensjoni tal-obbligi tagħha fl-ambitu tal-ftehim previst.
66.
F’każ ta’ allegat nuqqas minn Parti waħda milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-ftehim, il-Parti l-oħra tkun intitolata għal miżuri interim ta’ rimedju, inkluża s-sospensjoni ta’ parti mill-ftehim jew tal-ftehim kollu, li jkunu proporzjonati man-nuqqas allegat u mal-impatt ekonomiku u soċjetali tiegħu, u diment li din il-Parti tibda proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim rigward l-allegat ksur.
EĊĊEZZJONIJIET U SALVAGWARDJI
67.
Il-Ftehim previst għandu jipprevedi eċċezzjonijiet xierqa. Jenħtieġ li dawn jinkludu l-iżvelar ta’ informazzjoni marbuta mal-interessi ta’ sigurtà tal-Partijiet.
IL-LINGWA AWTENTIKA
68.
Is-sħubija prevista, li jenħtieġ li tkun awtentika indaqs fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, jenħtieġ li tinkludi klawżola dwar il-lingwi f’dan is-sens.