EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0411

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ġibiltà

COM/2021/411 final

Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 411 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ġibiltà


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

B’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Territorju Brittaniku extra-Ewropew ta’ Ġibiltà, biex jinnomina lill-Kummissjoni bħala negozjatur tal-Unjoni u biex jindirizza direttivi lin-negozjatur [u jaħtar kumitat speċjali li f’konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati].

2.SFOND

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom).

L-arranġamenti għall-ħruġ huma stabbiliti fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) 1 inkluż Protokoll dwar l-arranġamenti speċifiċi fir-rigward tat-Territorju Brittaniku extra-Ewropew ta’ Ġibiltà (minn hawn’ il quddiem “Ġibiltà”). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020 u preveda perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu, id-dritt tal-Unjoni 2 applika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Dan il-perjodu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Ftehim u l-Protokoll kienu applikabbli għal Ġibiltà skont l-Artikolu 3.1.a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. L-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar Ġibiltà kienet sorveljata mill-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Protokoll dwar Ġibiltà fejn Spanja kellha rwol attiv. Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, il-Protokoll waqaf japplika f’Ġibiltà wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Matul dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Unjoni Ewropea, il-Euratom u r-Renju Unit ikkonkludew Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni, li ġie konkluż mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 3 u applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 4 . Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Dan il-Ftehim la japplika u lanqas jipproduċi effett f’Ġibiltà, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu.

Barra minn hekk, il-Euratom u r-Renju Unit ikkonkludew Ftehim għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari, li kien applikabbli proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021 5 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021 6 . Dan il-ftehim mhuwiex applikabbli għal Ġibiltà.

3. IL-FTEHIM BEJN L-UE U R-RENJU UNIT DWAR ĠIBILTÀ

Fid-dikjarazzjonijiet tal-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018, ġiet inkluża d-dikjarazzjoni li ġejja tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni: “Wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, Ġibiltà mhix se tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Madankollu, dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Unjoni u b’rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantit mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dawk il-ftehimiet separati se jirrikjedu qbil minn qabel mir-Renju ta’ Spanja.”

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ġejja ġiet mehmuża mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Euratom u r-Renju Unit: “Wara d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-25 ta’ Novembru 2018, il-ftehim li għandu jiġi ffirmat bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fit-30 ta’ Diċembru 2020 ma jinkludix lil Ġibiltà. Dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà. Il-Kummissjoni tinsab lesta li teżamina kwalunkwe talba minn Spanja, bi qbil mar-Renju Unit, biex tinbeda l-proċedura għan-negozjar ta’ tali ftehimiet separati jekk dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u l-interessi tal-Unjoni.”

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar qafas possibbli għal ftehim dwar Ġibiltà u fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja stieden lill-Kummissjoni biex tibda, abbażi ta’ dan il-fehim, il-proċedura għan-negozjar ta’ tali ftehim fil-livell tal-Unjoni.

F’konformità mad-dikjarazzjoni għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018 dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, il-ftehim previst “ser jeħtieġ ftehim minn qabel tar-Renju ta’ Spanja”. Peress li Spanja, bħala l-Istat Membru ġar u bħala l-Istat Membru li ser jiġi fdat bl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim futur, ser tkun partikolarment affettwata mill-ftehim, il-Kummissjoni ser iżżomm kuntatti mill-qrib mal-awtoritajiet Spanjoli matul in-negozjati u ser tqis il-fehmiet tagħhom kif xieraq.

Il-Ftehim previst għandu jieħu kont taċ-ċirkostanzi politiċi, legali u ġeografiċi speċjali ta’ Ġibiltà skont il-liġi Internazzjonali.

Il-konklużjoni ta’ tali ftehim tkun ta’ benefiċċju fid-dawl tal-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika ta’ Ġibiltà mal-Unjoni.

Il-Ftehim previst għandu l-għan li jistabbilixxi relazzjoni ġdida bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li tneħħi l-ostakoli fiżiċi għaċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni u merkanzija biex tikkontribwixxi għal prosperità kondiviża fir-reġjun.

Fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni, l-għan tal-ftehim huwa li jneħħi l-istrutturi fiżiċi attwali filwaqt li madankollu jsostni li Ġibiltà ma ssirx parti miż-żona Schengen mingħajr kontroll fil-fruntieri interni u lanqas tal-Unjoni Doganali.

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa taż-żona Schengen, il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni jsiru fil-port, l-ajruport u l-ilmijiet ta’ Ġibiltà mwettqa minn Spanja bl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-UE. Il-punti ta’ Qsim tal-Fruntiera li għandhom jiġu stabbiliti fil-port u fl-ajruport jippermettu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE inklużi l-implimentazzjoni u l-użu ta’ bażijiet ta’ data meħtieġa għall-kontrolli fil-fruntieri 7 . Il-gwardji tal-fruntiera Spanjoli jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex iwettqu kontrolli u sorveljanza tal-fruntieri u l-obbligi li jirriżultaw, inkluż fir-rigward ta’ azzjoni dwar allerti fil-bażijiet tad-data (pereżempju biex jirrifjutaw id-dħul). Fil-każ ta’ allert, inkluż rifjut ta’ dħul u arrest, Spanja tieħu azzjonijiet ta’ segwitu u — jekk meħtieġ — l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jassistu u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-allert, bħat-trasferiment tal-persuna jew l-oġġett ikkonċernat lill-awtoritajiet ta’ Spanja.

L-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet minn Spanja jkun soġġett għal verifika regolari fil-forma ta’ evalwazzjonijiet ta’ Schengen.

Il-ħin imqatta’ f’Ġibiltà jiġi kkalkulat bħala ħin imqatta’ fiż-żona Schengen għall-fini tal-kalkolu tas-soġġorn awtorizzat. Iċ-ċittadini tar-Renju Unit għajr dawk residenti f’Ġibiltà fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim jiġu ttrattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ dħul u soġġorn f’Ġibiltà. Persuni residenti f’Ġibiltà xorta waħda jitqiesu bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet tal-liġi tal-Unjoni, iżda jkollhom id-dritt għal aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Dawn ikunu eżenti mill-ittimbrar 8 , is-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ 9 u l-ETIAS 10 . Barra minn hekk, persuni legalment residenti f’Ġibiltà ma jiġux miċħuda d-dħul fit-territorju ta’ Ġibiltà.

Peress li l-maġġoranza l-kbira tal-qsim tal-fruntieri se jkompli jseħħ fuq il-fruntiera esterna fuq l-art, it-twettiq ta’ kontrolli fil-fruntieri u s-sorveljanza minn Spanja jkunu ikkomplementati minn aktar arranġamenti speċifiċi ta’ kooperazzjoni (“miżuri ta’ salvagwardja”) imfassla biex jiżguraw is-sigurtà taż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni b’mod ekwivalenti. Dawn jippermettu l-mitigazzjoni tal-migrazzjoni irregolari u r-riskji għas-sigurtà, inkluż kwalunkwe riskju li jirriżulta minn faċilitazzjonijiet fil-fluss tal-merkanzija jew rilassament tal-proċeduri doganali, u jiżguraw protezzjoni ekwivalenti ta’ dik il-fruntiera esterna fuq l-art u taż-żona Schengen b’mod ġenerali. Il-miżuri ta’ salvagwardja jikkonċernaw, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, il-protezzjoni tad-data, ir-ritorn ta’ migranti irregolari u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, l-arranġamenti dwar ir-responsabbiltà għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, l-allinjament tal-politika dwar il-viżi u l-permessi ta’ residenza.

B’mod aktar speċifiku, il-miżuri ta’ salvagwardja tal-inqas ikunu jikkonsistu f’dan li ġej:

Regoli li jistabbilixxu li Spanja, f’kooperazzjoni mar-Renju Unit, tkun responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati f’Ġibiltà f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni, inkluż l-użu tas-sistema Eurodac għall-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil u dawk maqbuda waqt li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera b’mod irregolari. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jkollhom jassistu u jiffaċilitaw lill-awtoritajiet Spanjoli fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom. Bħala konsegwenza ta’ din l-istruttura, il-moviment tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn it-territorju tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ta’ Dublin, minn naħa waħda, u Ġibiltà, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma jirriżultax f’waqfien tar-responsabbiltà skont ir-Regolament ta’ Dublin 11 .

Regoli li jiżguraw l-obbligu fuq Spanja, f’kooperazzjoni mar-Renju Unit, li tirritorna ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali mit-territorju ta’ Ġibiltà, inkluż fil-fruntiera, u li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tinforza tali ritorni f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jkollhom jassistu u jiffaċilitaw lill-awtoritajiet Spanjoli fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom.

Regoli li jiżguraw li t-traffikar tal-migranti jkun punibbli mil-liġi ta’ Ġibiltà bħala reat kriminali.

Regoli li jiżguraw l-applikazzjoni fl-ajruport ta’ Ġibiltà tal-liġi tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi 12 .

Regoli li jiżguraw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri 13 (API) fil-port u fl-ajruport ta’ Ġibiltà.

Regoli li jipprevedu li Spanja tkun esklussivament kompetenti għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir fir-rigward ta’ Ġibiltà u f’konformità mar-regoli applikabbli tal-UE.

Regoli li jipprevedu li Spanja tkun esklussivament kompetenti għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ Ġibiltà. Filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza jkunu stabbiliti skont il-liġi ta’ Ġibiltà, Spanja toħroġ tali dokumenti billi tapplika d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri rilevanti skont il-liġi tal-UE u fil-format xieraq. Il-permessi ta’ residenza jkunu mmarkati b’mod ċar bħala validi għal Ġibiltà 14 . Spanja twettaq il-kontrolli meħtieġa fil-bażijiet tad-data tal-IT u tista’ tirrifjuta li toħroġ viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza abbażi ta’ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). Stati Membri oħra jew Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen li jkunu daħħlu allerti fis-SIS jiġu kkonsultati minn Spanja u jkollhom id-dritt li jopponu l-ħruġ ta’ viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza. F’każ li tinħareġ viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza, l-Istati Membri jew il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen ma jkunux obbligati jneħħu allerti għal rifjut ta’ dħul mis-SIS.

Regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali rilevanti bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u dawk tal-Istati Membri, inkluża informazzjoni dwar rekords kriminali u informazzjoni dwar persuni u oġġetti mfittxija u nieqsa, kemm fuq talba kif ukoll spontanjament.

Regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u l-Europol u l-Eurojust f’konformità mal-arranġamenti għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

Regoli li jipprevedu l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni operazzjonali transkonfinali tal-pulizija.

Regoli li jobbligaw lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jirrikjedi li d-data tal-PNR fir-rigward tat-titjiriet kollha lejn l-ajruport ta’ Ġibiltà tkun disponibbli għall-awtoritajiet Spanjoli f’konformità mad-Direttiva dwar il-PNR 15 .

Regoli li jirrikjedu t-twettiq ta’ kontrolli msaħħa tal-pulizija fiż-żoni qrib il-fruntiera esterna fuq l-art bejn Spanja u Ġibiltà, kemm għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll għal dawk tal-migrazzjoni.

Regoli dwar l-armi tan-nar, il-prekursuri tal-isplussivi u d-drogi.

Obbligu fuq ir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jiżgura li persuni li altrimenti jiġu miċħuda d-dħul fiż-żona Schengen, inter alia minħabba li jitqiesu bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, jiġu impediti u pprojbiti milli jitilqu mit-territorju ta’ Ġibiltà u jidħlu fiż-żona Schengen. Il-Ftehim jistabbilixxi skema ta’ prenotifika jew ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-residenti ta’ Ġibiltà sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw lil hinn minn Ġibiltà lejn iż-żona Schengen.

Qafas legali li jippermetti kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali f’oqsma ewlenin, li jenħtieġ li jinkludi mill-inqas dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estradizzjoni, l-assistenza legali reċiproka u l-iffriżar u l-konfiska tal-assi u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom, għal Ġibiltà.

Il-Ftehim ikun jinkludi wkoll regoli speċifiċi li jirrikjedu li l-akkwist u ż-żamma tad-dritt ta’ residenza f’Ġibiltà jkunu soġġetti għal konnessjoni reali ma’ Ġibiltà.

Il-Ftehim jipprevedi obbligu għall-partijiet li jiżguraw li l-liġijiet tagħhom jippermettu l-qsim bejn l-Unjoni u Ġibiltà mingħajr kontrolli f’punt ta’ qsim tal-fruntiera. Se jiġi vvalutat fi stadju aktar tard, jekk u jekk iva, sa liema punt, l-Unjoni jista’ jkollha temenda l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni biex tikkonforma ma’ dak l-obbligu jew biex tikseb l-operat tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.

Il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu żviluppi futuri rilevanti tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni jistgħu — fejn meħtieġ — jiġu riflessi fl-adattamenti għall-ftehim. Il-Ftehim għandu jinkludi wkoll dispożizzjoni li skontha l-ftehim jista’ jiġi tterminat mill-Unjoni f’każ li l-adattament ma jiġix effettwat. Dan jipprovdi wkoll għal mekkaniżmu biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-parti dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-persuni tal-ftehim. Meta tapplika dan il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni se tfittex mingħand l-Istati Membri, b’mod partikolari Spanja bħala l-Istat Membru ġar u bħala l-Istat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kontrolli ta’ Schengen, opinjoni dwar il-fattibbiltà tat-tkomplija tal-ftehim. Dawn l-opinjonijiet ser jiġu kkunsidrati kif xieraq. Fl-aħħar nett, il-ftehim jipprevedi mekkaniżmu biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din il-parti tal-ftehim u l-possibbiltà għal kull parti, wara l-ewwel erba’ snin ta’ implimentazzjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ terminazzjoni, li tiddeċiedi jekk tkomplix jew ittemmx il-ftehim.

Fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija, l-għan tal-ftehim previst huwa li jitneħħew l-ostakoli fiżiċi, inkluż kwalunkwe infrastruttura fiżika jew post ta’ kontroll u verifiki u kontrolli relatati għall-merkanzija, bejn Ġibiltà u l-Unjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija. Sabiex tiġi protetta l-integrità tas-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, dan jista’ jinkiseb jekk tiġi stabbilita unjoni doganali, f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994, bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis tal-Unjoni dwar is-suq uniku għal merkanzija lejn u f’Ġibiltà tkun żgurata, flimkien ma’ kooperazzjoni fiskali u doganali, allinjament tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Ġibiltà għal merkanzija mas-sistema doganali ta’ Spanja, kontrolli xierqa u kontrolli f’Ġibiltà, monitoraġġ mill-Unjoni u mill-awtoritajiet Spanjoli tal-attivitajiet relatati tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ Ġibiltà, il-possibbiltà għall-Unjoni li unilateralment tieħu miżuri xierqa, l-attribuzzjoni adegwata għall-baġit tal-Unjoni ta’ dazji doganali u arranġamenti għall-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-Ftehim previst ikun ikopri wkoll l-oqsma tat-trasport, l-ambjent u l-klima, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet taċ-ċittadini sa fejn ikun meħtieġ biex jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ prosperità kondiviża fir-reġjun.

Fl-aħħar nett, il-ftehim previst ikun jinkludi struttura solida ta’ governanza li tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-ftehim u l-awtonomija tal-Unjoni Ewropea, inklużi klawżoli ta’ terminazzjoni u ta’ sospensjoni. Il-ftehim previst għandu jistabbilixxi korp governattiv responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tal-ftehim previst, li jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-korp ta’ tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tiegħu. L-Istati Membri, b’mod partikolari Spanja, għandhom ikunu parti mid-delegazzjoni li tirrappreżenta lill-Unjoni fil-korp governattiv.

Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, inkluż dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni, il-Kummissjoni se tqis kif xieraq il-pożizzjoni speċifika ta’ Spanja, bħala l-Istat Membru ġar u bħala l-Istat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ ċerti partijiet tal-ftehim, fir-rigward tal-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-terminazzjoni tiegħu. F’dan il-kuntest, Spanja u kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tiskatta l-applikazzjoni tal-klawżoli tal-ftehim dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni.

Il-Kummissjoni se tmexxi n-negozjati f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar stabbiliti fl-anness għad-Deċiżjoni u f’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill u f’kuntatt permanenti u dirett mal-Awtoritajiet Spanjoli.

Il-Kummissjoni, fil-ħin dovut, se żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat bis-sħiħ dwar in-negozjati.

4.BAŻI ĠURIDIKA

Il-bażi ġuridika proċedurali għal deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ta’ ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz u li tindirizza direttivi lin-negozjatur hija l-Artikolu 218(3) u (4) TFUE. Barra minn hekk, sa fejn il-ftehim jiġi nnegozjat ukoll f’isem il-Euratom minħabba li l-anness għad-Deċiżjoni jkun fih direttivi ta’ negozjar dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat tal-Euratom, il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni għandha tinkludi l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“KEEA”).

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni rakkomandata għalhekk jenħtieġ li tkun l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE u l-Artikolu 101 tal-KEEA. Il-bażi ġuridika sostantiva għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid tista’ tiġi ddeterminata biss fi tmiem in-negozjati, fid-dawl tal-kontenut tiegħu.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ġibiltà

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) ħareġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”).

(2)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ppreveda l-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit, inkluż Protokoll dwar l-arranġamenti speċifiċi fir-rigward ta’ Ġibiltà. Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni kien japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Protokoll, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1 tiegħu, waqaf japplika f’Ġibiltà wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(3)L-Unjoni Ewropea u l-Euratom, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ikkonkludew Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni, li ġie konkluż mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689u applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021.. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Il-Ftehim la japplika u lanqas jipproduċi effett f’Ġibiltà, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu.

(4)Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018 saret dikjarazzjoni għall-minuti ta’ dik il-laqgħa li tistabbilixxi l-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward ta’ Ġibiltà, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Unjoni u b’rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantit mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u li dawk il-ftehimiet separati ser jeħtieġu l-qbil minn qabel tar-Renju ta’ Spanja.

(5)Fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja esprima x-xewqa tiegħu li l-Unjoni tistabbilixxi arranġament wiesa’ u bbilanċjat fir-rigward ta’ Ġibiltà bbażat fuq il-ftehim milħuq mar-Renju Unit dwar qafas possibbli għal ftehim dwar Ġibiltà.

(6)Jidher li huwa ta’ benefiċċju li jiġi konkluż Ftehim bħal dan fid-dawl tal-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika ta’ Ġibiltà mal-Unjoni.

(7) Għalhekk jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-Euratom, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ġibiltà. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

(8)Il-Ftehim jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kwistjonijiet ta’ sovranità u ġurisdizzjoni u jenħtieġ li ma jaffettwax il-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ Ġibiltà.

(9)Il-Ftehim għandu jirrispetta l-integrità territorjali tal-Istati Membri tiegħu kif garantit mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tat-Territorju Brittaniku Esteru ta’ Ġibiltà.

In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi ta' direttivi ta' negozjati tal-Kunsill li ġew stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Il-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Renju Unit.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan innominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(2)    kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.04.2021, p. 2).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).
(5)    Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(6)    ĠU L 150, 30.4.2021, p. 1. Rettifika ĠU L 178, 20.5.2021
(7)    Bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1986/2006, ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2226, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1240. Ir-regolamenti tal-interoperabbiltà huma rilevanti wkoll (jiġifieri, ir-Regolament (UE) 2019/817 u r-Regolament (UE) 2019/818).
(8)    L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(9)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
(10)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).
(11)    Ir-Regolament (UE) 604/2013
(12)    L-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva 2001/51/KE
(13)    L-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva 2004/82/KE
(14)    Tali permessi ta’ residenza ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul jew id-Direttivi l-oħra tal-UE dwar il-migrazzjoni legali.
(15)    Id-Direttiva (UE) 2016/681.
Top

Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 411 final

ANNESS

għal

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ġibiltà






ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM MAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ FIR-RIGWARD TA’ ĠIBILTÀ

I. IL-KUNTEST ĠENERALI

1.    Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom).

2.    L-arranġamenti għall-ħruġ huma stabbiliti fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) 1 inkluż Protokoll dwar l-arranġamenti speċifiċi fir-rigward tat-Territorju Brittaniku extra-Ewropew ta’ Ġibiltà (minn hawn’ il quddiem “Ġibiltà”). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020 u preveda perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu, id-dritt tal-Unjoni 2 applika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Dan il-perjodu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. L-arranġamenti tranżizzjonali kienu applikabbli għal Ġibiltà skont l-Artikolu 3 1 b ) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

3.    Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Euratom, minn naħa waħda, u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra, innegozjaw Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni (TCA), li ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 3 u li ġie konkluż mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 4 . Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. F’konformità mad-dikjarazzjoni għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018 dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit 5 , l-Artikolu 774(3) tat-TCA jipprevedi li t-TCA la tapplika u lanqas ma għandha effetti f’Ġibiltà. F’konformità wkoll mad-dikjarazzjoni msemmija , il-ftehim previst “ ser jeħtieġ ftehim minn qabel mar-Renju ta’ Spanja” .

4.    Il-Euratom u r-Renju Unit ikkonkludew Ftehim għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari, li kien applikabbli proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021 6 . Dan il-ftehim ma japplikax għal Ġibiltà.

5.    Fid-dikjarazzjoni tagħha mehmuża mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Euratom u r-Renju Unit, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta li teżamina kwalunkwe talba minn Spanja, bi qbil mar-Renju Unit, biex tibda l-proċedura għan-negozjar ta’ ftehim separat dwar Ġibiltà sakemm dan ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u l-interessi tal-Unjoni.

6.    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar qafas possibbli għal ftehim dwar Ġibiltà u fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja stieden lill-Kummissjoni biex tibda, abbażi ta’ dan il-fehim, in-negozjati ta’ tali ftehim fil-livell tal-Unjoni.

GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM PREVIST

7.    L-għan tan-negozjati huwa li jiġi stabbilit ftehim wiesa’ u bbilanċjat bejn l-Unjoni u l-Euratom, minn naħa waħda, u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà, min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika partikolari ta’ Ġibiltà, b’kont meħud tal-istatus tagħha skont id-dritt internazzjonali, u fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ Ġibiltà u r-relazzjoni speċjali tagħha ma’ Spanja.

8.    Il-Ftehim maħsub għandu jkollu l-għan li jikseb żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat ta’ Ġibiltà u taż-żona tal-madwar, b’mod partikolari t-territorju tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw il-Mancomunidad de Municipios del Campo de Gibraltar fir-Renju ta’ Spanja.

9.    Il-Ftehim previst għandu jiżgura bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi, u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li ser jibqgħu validi matul iż-żmien. Dan il-bilanċ għandu jiżgura l-awtonomija tal-ordni legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jkun konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.

III. KONTENUT TAL-FTEHIM PREVIST

PRINĊIPJI ĠENERALI

10.    Jenħtieġ li l-ftehim previst bejn l-Unjoni u r-Renju Unit ikun mingħajr preġudizzju għall-kwistjonijiet ta’ sovranità u ġurisdizzjoni. Din ma għandhiex taffettwa l-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ Ġibiltà.

11.    Jenħtieġ li l-ftehim previst bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jiġi nnegozjat b’rispett sħiħ tal-integrità territorjali tal-Istati Membri tiegħu kif garantit mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

12.    Jenħtieġ li l-ftehim previst ma jipprevjenix il-konklużjoni ta’ arranġamenti amministrattivi bejn Spanja u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-ftehim sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu kompatibbli ma’ dawk tal-ftehim u mad-dritt tal-Unjoni.

BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI

13.    Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u s-salvagwardja tagħhom, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt inkluż l-impenn kontinwu tar-Renju Unit li jirrispetta l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-appoġġ għan-nonproliferazzjoni jenħtieġ li jikkostitwixxu elementi essenzjali għar-relazzjoni prevista. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif elaborata fil-proċess tal-UNFCCC u b’mod partikolari fil-Ftehim ta’ Pariġi għandha tikkostitwixxi wkoll element essenzjali tar-relazzjoni. Bl-istess mod, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, bl-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv trasversali. Ir-relazzjoni għandha tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Partijiet li jippromwovu multilateraliżmu effettiv u bbażat fuq ir-regoli.    

14.    Fid-dawl tal-importanza tal-flussi tad-data, jenħtieġ li l-ftehim previst jafferma l-impenn tal-Partijiet li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, u li jirrispettaw bis-sħiħ, fuq bażi dinamika sħiħa ta’ allinjament, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u d-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u l-interpretazzjoni u s-superviżjoni tagħha mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

ĊIRKOLAZZJONI TA’ PERSUNI

15.    Il-ftehim previst għandu jkollu l-għan li jneħħi l-ostakoli fiżiċi attwali kollha bejn Ġibiltà u ż-żona Schengen għaċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni. Jenħtieġ li l-ftehim ma jipprevedix il-parteċipazzjoni ta’ Ġibiltà fl-acquis ta’ Schengen jew għall-assoċjazzjoni tagħha mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tiegħu. L-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jenħtieġ li ma jkollhomx aċċess għall-bażijiet tad-data riżervati skont id-dritt tal-Unjoni għal Stati Membri jew pajjiżi assoċjati mal-acquis ta’ Schengen jew ta’ Dublin.

16.    Il-Ftehim previst għandu jipprevedi li Spanja għandha twettaq kontrolli fil-fruntieri f’konformità sħiħa mal-acquis ta’ Schengen; tali kontrolli fil-fruntieri jenħtieġ li jikkonsistu fit-twettiq minn Spanja ta’ verifiki fuq il-fruntiera mad-dħul u mal-ħruġ f’Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera li għadhom kif ġew stabbiliti fl-ajruport u fil-port ta’ Ġibiltà u t-twettiq ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera fl-ilmijiet kontigwi.

17.    Il-ftehim previst għandu jipprevedi li l-gwardji tal-fruntiera Spanjoli jkollhom is-setgħat u l-obbligi kollha meħtieġa biex iwettqu l-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntieri, inkluż fir-rigward taċ-ċaħda tad-dħul, ir-riċeviment ta’ talbiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-arrest ta’ persuna u s-sekwestru ta’ proprjetà u l-applikazzjoni u l-użu ta’ sistemi tal-IT, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni. F’każ li jkun jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet ta’ segwitu, jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi obbligu fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà biex jassistu u jiffaċilitaw it-trasferiment tal-persuna jew tal-oġġett ikkonċernat lill-awtoritajiet ta’ Spanja.

18.    Il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi li ż-żmien imqatta’ f’Ġibiltà jingħadd bħala ħin imqatta’ fiż-żona Schengen għall-fini tal-kalkolu tas-soġġorn awtorizzat.

19.    It-tneħħija tal-ostakli fiżiċi, inkluż kwalunkwe infrastruttura fiżika u verifiki u kontrolli relatati għall-persuni, bejn it-territorju ta’ Ġibiltà u ż-żona Schengen, teħtieġ, bħala kundizzjoni, salvagwardji komprensivi sabiex jiġu protetti s-sigurtà u l-integrità taż-żona Schengen.

20.    Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu mill-inqas:

[Regoli speċjali għar-residenti ta’ Ġibiltà]

a)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi li l-persuni li huma legalment residenti f’Ġibiltà , ikollhom aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen għal massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. Il-passaporti tagħhom mhux se jiġu ttimbrati mad-dħul fiż-żona Schengen jew mal-ħruġ minnha u se jkunu eżentati mir-rekwiżiti skont ir-Regolamenti dwar l-EES 7 u l-ETIAS 8 .

b)Il-Ftehim għandu jipprevedi li persuni li huma legalment residenti f’Ġibiltà ma jistgħux jiġu mċaħħda milli jidħlu fit-territorju ta’ Ġibiltà.

c)Il-Ftehim għandu jipprevedi li, l-akkwist u ż-żamma tad-dritt ta’ residenza f’Ġibiltà jkunu kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni reali ma’ Ġibiltà li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-preżenza fiżika attwali u regolari matul perijodu xieraq ta’ żmien u ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli oħra bl-esklużjoni tal-investiment fl-ekonomija u l-proprjetà immobbli ta’ Ġibiltà, jew ta’ pagamenti finanzjarji determinati minn qabel lill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà; jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li ċ-ċittadini tar-Renju Unit għajr dawk legalment residenti f’Ġibiltà fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim għandhom jiġu ttrattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini tal-applikazzjoni għal u l-kisba ta’ residenza f’Ġibiltà wara l-iffirmar tal-ftehim.

d)Ċittadini tar-Renju Unit għajr ċittadini tar-Renju Unit residenti legalment f’Ġibiltà fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim għandhom jiġu ttrattati bħal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor għall-finijiet ta’ dħul u soġġorn f’Ġibiltà.

[Responsabbiltà għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (Dublin u Eurodac)]

e)Regoli li jistabbilixxu li Spanja, f’kooperazzjoni mar-Renju Unit, tkun responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’Ġibiltà f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jkollhom jassistu u jiffaċilitaw lill-awtoritajiet Spanjoli fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, inkluż fir-rigward tat-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u dawk maqbuda waqt li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera b’mod irregolari għall-fini tas-sistema Eurodac . Bħala konsegwenza ta’ din l-istruttura, il-moviment tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn it-territorju tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ta’ Dublin, minn naħa waħda, u Ġibiltà, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma jirriżultax f’waqfien tar-responsabbiltà skont ir-Regolament ta’ Dublin.

[Ritorn/migrazzjoni irregolari]

f)Regoli li jistabbilixxu obbligu għal Spanja, f’kooperazzjoni mar-Renju Unit, biex tirritorna ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali mit-territorju ta’ Ġibiltà, inkluż fil-fruntiera, u biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tinforza tali ritorn f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jkollhom jassistu lill-awtoritajiet Spanjoli fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom.

g)Regoli li jiżguraw li t-traffikar tal-migranti jkun punibbli mil-liġi ta’ Ġibiltà bħala reat kriminali.

[Responsabbiltà tat-trasportaturi]

h)Regoli li jiżguraw l-applikazzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera fil-port u fl-ajruport ta’ Ġibiltà tal-liġi tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi [l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva 2001/51/KE] għat-trasport lejn Ġibiltà bil-baħar jew bl-ajru minn pajjiż terz ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fiż-żona Schengen u dwar l-obbligu ta’ tali trasportaturi li jirritornaw dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-pajjiż tat-tluq tagħhom; il-Ftehim jenħtieġ li jispeċifika wkoll li Ġibiltà ma titqiesx bħala territorju ta’ pajjiż terz għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli msemmija hawn fuq dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi mill-Istati Membri tal-Unjoni.

[Informazzjoni antiċipata dwar il-Passiġġieri]

i)Regoli li jiżguraw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) f’Ġibiltà [l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-Direttiva 2004/82/KE]; ir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà għandu jipprevedi li, għal titjiriet li joriġinaw barra miż-żona Schengen u li jaslu fl-ajruport ta’ Ġibiltà, l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) tiġi trażmessa lill-awtoritajiet Spanjoli li jwettqu verifiki fuq il-fruntiera.

[Viża u permessi ta’ residenza]

j)Il-Ftehim previst għandu jipprevedi li Spanja tkun esklussivament kompetenti għall-ħruġ, abbażi tal-liġi tal-Unjoni, ta’ viżi għal soġġorn qasir fir-rigward ta’ Ġibiltà.

k)Regoli li jipprevedu li Spanja tkun l-unika kompetenti biex toħroġ jew iġġedded viżi għal soġġorn twil validi għal Ġibiltà. Tali viżi għal soġġorn twil jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu biss fejn il-kondizzjonijiet rilevanti taħt il-liġi applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà huma sodisfatti, li għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà; Spanja tista’ tirrifjuta li toħroġ jew iġġedded viża abbażi ta’ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; il-ftehim ikun jipprevedi li l-ħruġ ta’ viża għal soġġorn fit-tul valida għal Ġibiltà jenħtieġ li ma jobbligax lil Stat Membru jirtira allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

l)Regoli li jipprevedu li Spanja tkun kompetenti biex toħroġ jew iġġedded permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi validi għal Ġibiltà wara talba mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà għal persuni li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-liġi applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà u dment li r-regoli bbażati fuq il-punt 20 c) jiġu ssodisfati. Spanja tista’ tirrifjuta li toħroġ permess tar-residenza abbażi ta’ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; il-ftehim ikun jipprevedi li l-ħruġ jew tiġdid ta’ permess ta' residenza validu għal Ġibiltà jenħtieġ li ma jobbligax lil Stat Membru jirtira allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Il-Ftehim għandu jispeċifika li l-permessi ta’ residenza huma mmarkati b’mod ċar bħala validi għal Ġibiltà. L-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jistgħu jiġu awtorizzati joħorġu dawn il-permessi ta’ residenza taħt ċerti kondizzjonijiet.

m)Regoli li jeħtieġu permessi ta’ residenza u viżi għal soġġorn twil diġà maħruġa minn Ġibiltà lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti f’Ġibiltà fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim li għandhom jiġu sostitwiti b’permessi ta’ residenza maħruġa skont il-Ftehim fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Ftehim għandu jipprevedi li l-permessi ta’ residenza eżistenti jiġu nnotifikati lil Spanja, li tista’ twettaq kontrolli fil-bażijiet tad-data rilevanti u tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà biex jirtiraw dawn il-permessi għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà interna.

[Sigurtà]

n)Regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u l-Istati Membri, inkluża informazzjoni dwar rekords kriminali u informazzjoni dwar persuni u oġġetti mfittxija u nieqsa, kemm fuq talba kif ukoll spontanjament, fejn dan ikun rilevanti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati serji f’Ġibiltà jew fl-Istati Membri, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ordni ta’ detenzjoni, is-salvagwardja kontra, u l-prevenzjoni ta’, theddid għas-sikurezza pubblika; L-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà m’għandux ikollhom aċċess għall-bażijiet ta’ data stabbiliti abbażi tal-liġi tal-Unjoni.

o)Regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u l-Europol u l-Eurojust f’konformità mal-arranġamenti għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni inklużi regoli dwar l-iskambju ta’ data personali bejn dawn l-Aġenziji u l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.

p)Regoli li jipprevedu l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera, bħall-possibbiltà ta’ sorveljanza transkonfinali, “insegwiment transkonfini” ta’ persuni suspettati f’atti kriminali, l-organizzazzjoni ta’ rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħra.

q)Regoli li jobbligaw lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jirrikjedi li d-data tal-PNR fir-rigward tat-titjiriet kollha lejn l-ajruport ta’ Ġibiltà tkun disponibbli għall-awtoritajiet Spanjoli f’konformità mad-Direttiva dwar il-PNR [Direttiva (UE) 2016/681]; għal dan il-għan, il-ftehim għandu jipprevedi li għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR, Ġibiltà ma titqiesx bħala territorju ta’ pajjiż terz.

r)Regoli li jirrikjedu t-twettiq ta’ kontrolli msaħħa tal-pulizija fiż-żoni qrib il-fruntiera tal-art bejn Spanja u t-territorju ta’ Ġibiltà, kemm għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll għal dawk tal-migrazzjoni.

s)Regoli li jipprevedu l-applikazzjoni f’Ġibiltà tar-regoli tal-Unjoni dwar l-armi tan-nar [Id-Direttiva (UE) 2021/555 dwar l-Armi tan-Nar]; il-Ftehim għandu jipprevedi li l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jistabbilixxu awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni, u miżuri ta’ importazzjoni u transitu li jimplimentaw l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-manifattura illeċita u t-traffikar tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-munizzjon, li jissupplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali.

t)Regoli li jipprevedu l-applikazzjoni f’Ġibiltà ta’ regoli tal-Unjoni dwar prekursuri tal-isplussivi [Regolament (UE) Nru 2019/1148].

u)Regoli li jiżguraw li t-traffikar tad-drogi illeċiti li jista’ jiġi kkastigat skont il-liġi tal-Unjoni huwa punibbli wkoll skont il-liġi ta’ Ġibiltà bħala reat kriminali u regoli relatati mad-drogi Narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi.

v)Regola li tirrikjedi lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jiżgura li persuni li altrimenti jiġu miċħuda d-dħul fiż-żona Schengen, inter alia minħabba li jitqiesu bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, jiġu impediti u pprojbiti milli jitilqu mit-territorju ta’ Ġibiltà u jidħlu fiż-żona Schengen; fid-dawl ta’ dan, il-ftehim jistabbilixxi skema ta’ prenotifika jew preawtorizzazzjoni minn qabel għar-residenti ta’ Ġibiltà sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen.

[Qafas legali għal kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali f’oqsma ewlenin]

w)Il-ftehim għandu jiżgura li jkun hemm qafas legali fis-seħħ li jippermetti kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali f’oqsma ewlenin, li għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

-Dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estradizzjoni u tal-Protokolli Addizzjonali tagħha għal Ġibiltà;

-Dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assistenza legali reċiproka u tal-Protokolli Addizzjonali tagħhom għal Ġibiltà;

-Dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi għal Ġibiltà.

21.    Skont il-ftehim previst, il-partijiet għandhom jiżguraw li l-liġijiet tagħhom jippermettu l-qsim bejn l-Unjoni u Ġibiltà mingħajr kontrolli f’punt ta’ qsim tal-fruntiera.

22.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-iżviluppi rilevanti futuri tad-dritt tal-Unjoni — fejn meħtieġ — jiġu riflessi fl-adattamenti għall-ftehim; il-ftehim għandu jinkludi wkoll dispożizzjoni li skontha l-parti tal-ftehim relatata maċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni ser tintemm mill-Unjoni f’każ li l-adattament ma jiġix effettwat.

23.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi obbligu li jiġu ammessi kwalunkwe attivitajiet relatati mal-evalwazzjoni ta’ Schengen tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fit-territorju ta’ Ġibiltà.

24.    F’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tas-salvagwardji stabbiliti, jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi l-possibbiltà li l-Unjoni tissospendi unilateralment id-dispożizzjonijiet kollha relatati maċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni bejn l-Unjoni u Ġibiltà.

25.    Il-ftehim previst għandu jipprevedi mekkaniżmu biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din il-parti tal-ftehim. Wara l-ewwel erba’ snin ta’ implimentazzjoni, u mingħajr preġudizzju għall-punt 57, il-ftehim għandu jipprovdi l-possibbiltà li kull parti tieħu deċiżjoni dwar jekk tkomplix jew titterminax il-ftehim.

EKONOMIJA U KUMMERĊ

KUNDIZZJONIJIET EKWI    

26.    Minħabba l-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika tal-Unjoni u ta’ Ġibiltà, jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura kompetizzjoni miftuħa u ġusta, li tinkludi impenji robusti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli. Dawn l-impenji għandhom iqisu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-profondità tal-ftehim previst, ir-relazzjoni globali u r-rabta ekonomika. Il-Ftehim previst għandu jżomm standards għoljin maż-żmien, bl-istandards tal-Unjoni u l-istandards internazzjonali applikati fl-UE 9   bħala punt ta’ referenza, b’mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna mill-Istat, l-istandards tax-xogħol u soċjali, l-ambjent u l-klima, il-kwistjonijiet tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u miżuri u prattiki regolatorji oħra f’dawk l-oqsma. Il-Ftehim previst għandu jiżgura li l-port ta’ Ġibiltà jikkompeti b’ mod ġust ma’ portijiet Ewropej oħra, b’mod partikolari l-port ta’ Algeciras, inkluż, inter alia, fir-rigward tas-servizzi ta’ bunkering.

27.    Mingħajr preġudizzju għall-punti 62 u 65, dan għandu jinkludi mekkaniżmi adegwati biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, l-infurzar u s-soluzzjoni tat-tilwim effettivi, inklużi rimedji xierqa. Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi wkoll miżuri awtonomi biex jirreaġixxi malajr għal interruzzjonijiet tal-kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni f’oqsma rilevanti mal-istandards tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza.

28.    Il-korp ta’ tmexxija għandu jingħata s-setgħa li jindirizza l-evoluzzjoni tal-livelli ta’ protezzjoni u li jimmodifika l-impenji ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni sabiex jinkludi oqsma addizzjonali jew jistabbilixxi standards ogħla matul iż-żmien.

Għajnuna mill-Istat

29.    Dwar l-għajnuna mill-Istat, il-ftehim previst għandu jiżgura l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal u f’Ġibiltà abbażi tar-regoli tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza u għandu jipprevedi mekkaniżmi li jindirizzaw l-evoluzzjoni ta’ tali regoli maż-żmien sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kummerċ jew tal-kompetizzjoni. L-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom ukoll għal infurzar effettiv, inkluż permezz ta’ proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji, kif ukoll rimedji effettivi.



Standards tax-xogħol u soċjali

30.    Fir-rigward tal-istandards tax-xogħol u soċjali, jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura li l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jżommu l-livelli għoljin ta’ protezzjoni tagħhom maż-żmien, bl-istandards tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza, fir-rigward tal-inqas tal-oqsma li ġejjin: id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol; standards okkupazzjonali tas-saħħa u s-sikurezza; il-kundizzjonijiet ġusti fuq ix-xogħol u l-istandards tal-impjieg; drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-livell tal-kumpanija; u r-ristrutturar tal-impriżi. Għandha tiżgura wkoll infurzar domestiku effettiv.

L-Ambjent u l-Klima

31.    Dwar l-ambjent u l-klima, il-ftehim previst għandu jiżgura li l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jżommu livelli għoljin ta’ protezzjoni matul iż-żmien, bl-istandards tal-Unjoni bħala punt ta’ referenza, fir-rigward tal-inqas taż-żoni li ġejjin li huma rilevanti għall-kuntest ġeografiku ta’ Ġibiltà::

l-aċċess għal informazzjoni ambjentali; il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali; il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-valutazzjoni ambjentali strateġika; l-emissjonijiet fl-arja u l-kwalità tal-arja; il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità; il-ġestjoni tal-iskart inkluż fil-port ta’ Ġibiltà; emmissjonijiet tal-ħsejjes, il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent akkwatiku u tal-baħar, inkluż fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet fil-port ta’ Ġibiltà; il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-produzzjoni, l-użu u r-rilaxx u r-rimi ta’ sustanzi kimiċi; u t-tibdil fil-klima b’mod partikolari l-emissjonijiet u t-tneħħija tal-gassijiet serra, inklużi s-sistemi effettivi tal-ipprezzar tal-karbonju.

32.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura li l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jirrispettaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipji li jenħtieġ li tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali jenħtieġ li bħala prijorità tissewwa fis-sors, il-prinċipju li l-protezzjoni ambjentali jenħtieġ li tiġi integrata fit-tfassil tal-politiki, u li min iniġġes jenħtieġ li jħallas. Għandha tiżgura wkoll infurzar domestiku effettiv.

Tassazzjoni diretta

33.    Dwar it-tassazzjoni diretta, il-ftehim previst għandu jirrikonoxxi u jimpenja lill-Unjoni u lir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni, inklużi l-istandards globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, it-tassazzjoni ġusta, u l-istandards tal-OECD kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). Jenħtieġ li l-ftehim previst jiżgura li Ġibiltà tapplika maż-żmien l-istandards ewlenin rilevanti tat-tassazzjoni applikabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, spontanjament, u awtomatikament. Jenħtieġ li tiżgura wkoll li Ġibiltà tapplika l-istandards applikabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-prattiki tal-evitar tat-taxxa, tar-rapportar pubbliku pajjiż b’pajjiż minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment. Jenħtieġ li l-ftehim previst jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni u tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà li jrażżnu miżuri tat-taxxa dannużi, b’kont meħud tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-BEPS tal-G20-OECD u jiżguraw li r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jimpenja ruħu għall-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi.



strumenti oħra għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli

34.    Il-ftehim previst għandu jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-kummerċ u l-investiment b’kont meħud tal-approċċ l-aktar reċenti tal-UE, filwaqt li jkun proporzjonat mar-relazzjoni mar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.

Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

35.    Il-ftehim previst għandu jinkludi impenji biex jiġu appoġġati l-isforzi internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex jiġi żgurat li r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà japplika l-istandards dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu applikabbli fl-Unjoni.

KUMMERĊ F'MERKANZIJA    

36.    Jenħtieġ li l-ftehim previst ikollu l-għan li jneħħi l-ostakli fiżiċi bejn Ġibiltà u l-Unjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija. It-tneħħija tal-ostakli fiżiċi, inkluż kwalunkwe infrastruttura fiżika jew post ta’ kontroll u verifiki u kontrolli relatati għall-merkanzija, bejn Ġibiltà u l-Unjoni, teħtieġ, bħala kundizzjoni, arranġamenti komprensivi sabiex tiġi protetta l-integrità tas-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

37.    Jenħtieġ għalhekk li l-ftehim previst ikollu l-għan li jipprevedi unjoni doganali f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà u jenħtieġ li jkun fih arranġamenti biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-merkanzija, japplikaw għal u f’Ġibiltà, inkluż:

-il-leġiżlazzjoni doganali kif definita fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, inklużi l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet, il-miżuri ta’ sigurtà u l-kontrolli fuq movimenti fiżiċi ta’ flus kontanti, bl-eċċezzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-Unjoni;

-it-Tariffa Esterna Komuni tal-Unjoni, id-dazji u l-miżuri tal-politika kummerċjali, inklużi l-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju (TDI) u l-istatistika tal-Kummerċ;

-il-leġiżlazzjoni dwar is-Sisa u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), inkluż dwar is-servizzi, sabiex Ġibiltà tiddaħħal fit-territorju tal-VAT u tas-sisa tal-Unjoni;

-il-leġiżlazzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-Istati Membri tal-Unjoni inkluż fi kwistjonijiet fiskali u doganali u għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi u dazji;

-sistemi ta’ liċenzjar rilevanti għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet; kif ukoll

-rekwiżiti u standards tal-prodotti applikabbli fis-Suq Uniku, inkluż dwar it-tabakk u prodotti relatati, u miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS).

38.    L-arranġamenti jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni doganali u fiskali u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kuntrabandu, b’mod partikolari ta’ prodotti soġġetti għal dazji tas-sisa jew taxxi speċjali bħal prodotti tat-tabakk, u t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-armi tan-nar u tal-prekursuri tal-isplussivi, inklużi l-movimenti ta’ flus kontanti u l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward tagħhom. Il-kooperazzjoni doganali għandha tinkludi wkoll koordinazzjoni fil-kontrolli doganali, kollaborazzjoni fuq operazzjonijiet konġunti kif ukoll forom speċjali ta’ kooperazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni.

39.    Fejn id-dritt tal-Unjoni applikabbli f’Ġibiltà jipprovdi ċerta diskrezzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni, ir-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà jenħtieġ li jallinja mal-miżuri adottati minn Spanja meta teżerċita dik id-diskrezzjoni, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ tassazzjoni tal-merkanzija. B’mod partikolari, il-ftehim previst għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni f’Ġibiltà ta’ sistema ta’ tassazzjoni fuq l-oġġetti, allinjata mas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Spanja. Dak l-allinjament jimminimizza d-differenzjali tal-prezzijiet bl-imnut ma’ Spanja għal prodotti soġġetti għal dazji tas-sisa jew taxxi speċjali, b’mod partikolari għall-alkoħol, il-fjuwil u l-prodotti tat-tabakk, sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-kummerċ jew il-kuntrabandu.

40.    Jenħtieġ li l-ftehim previst ikun fih arranġamenti li jiżguraw li l-ebda oġġett ma jkun jista’ jidħol fit-territorju tal-Unjoni Doganali minn Ġibiltà mingħajr ma jkun ġie ddikjarat preċedentement u soġġett għall-verifiki u l-kontrolli meħtieġa li huma obbligatorji fi kwalunkwe punt ta’ dħul ieħor tal-Unjoni Doganali abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li saru applikabbli għal u f’Ġibiltà. Il-verifiki u l-kontrolli meħtieġa jistgħu jitwettqu f’Ġibiltà jew f’punti oħra ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni Doganali fejn teżisti l-infrastruttura xierqa. Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li kwalunkwe kontroll doganali, SPS u kwalunkwe kontroll u verifiki oħra fil-postijiet fuq il-fruntiera jew fl-uffiċċji doganali f’Ġibiltà jitwettqu mill-awtoritajiet Spanjoli, jew b’mod konġunt mill-awtoritajiet Spanjoli u l-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà. Għall-verifiki u l-kontrolli, il-Postijiet ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera (BCP) u l-uffiċċji doganali jkollhom jiġu stabbiliti fil-port u fl-ajruport ta’ Ġibiltà u l-użu b’mod partikolari tas-sistema TRACES ikun obbligatorju. L-awtoritajiet Spanjoli għandu jkollhom aċċess elettroniku sħiħ u kontinwu, fuq bażi f’ħin reali, għas-sistemi tal-IT doganali/SPS/taxxi indiretti rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà għall-finijiet ta’ kontroll u verifiki.

41.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-monitoraġġ ta’ kwalunkwe attività oħra tal-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà, b’mod partikolari l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, relatati mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jsiru applikabbli mill-ftehim previst, inkluż bi dritt għar-rappreżentanti tal-Unjoni li jkunu preżenti f’Ġibiltà u li jkollhom aċċess għas-sistemi tal-IT rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti f’Ġibiltà.

42.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi wkoll il-possibbiltà li l-Unjoni tieħu miżuri xierqa unilateralment, inkluż ir-reintegrazzjoni tal-infrastruttura fiżika li tkun tneħħiet u l-verifiki u l-kontrolli relatati għall-prodotti, u l-irtirar ta’ kwalunkwe preferenza kummerċjali li tkun ingħatat, f’każ ta’ applikazzjoni insuffiċjenti jew difettuża tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, ta’ żbalji, amministrazzjoni ħażina jew abbużi mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà, ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, irregolaritajiet jew frodi, jew ta’ diffikultajiet ekonomiċi, soċjetali jew ambjentali serji jew devjazzjoni tal-kummerċ.

43.    Il-Ftehim previst għandu jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu żviluppi futuri rilevanti tal-liġi tal-Unjoni bħal dwar Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri jistgħu — fejn meħtieġ — jiġu riflessi f’adattamenti għall-ftehim, u jipprevedu miżuri xierqa f’każ li ma jsirx l-adattament meħtieġ.

44.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi wkoll attribuzzjoni adegwata għall-baġit tal-Unjoni tad-dazji doganali miġbura f’Ġibiltà jew f’isem l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà. Jenħtieġ li l-ftehim previst ikun fih ukoll arranġamenti għall-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.

TRASPORT

45.    Suġġett għall-fehim minn qabel bejn Spanja u r-Renju Unit dwar l-ajruport ta’ Ġibiltà, il-ftehim previst għandu

a) jiżgura li s-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn Ġibiltà u l-punti fit-territorju tal-Unjoni jiġu pprovduti biss mit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni; kif ukoll

(b) jinkludu dispożizzjonijiet adegwati dwar l-operat sikur, sigur u ambjentalment korrett tal-ajruport ta’ Ġibiltà u fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq bażi ġusta bejn l-ajruport ta’ Ġibiltà u l-ajruporti tal-Unjoni.

46.    Il-Ftehim previst għandu jippermetti l-ġarr ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq bejn il-partijiet sakemm dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport ikunu limitati għaż-żona tal-fruntiera kontigwa.

OQSMA SPEĊIFIĊI TA’ KOOPERAZZJONI

AMBJENT

47.    It-tqassim previst għandu jistabbilixxi arranġamenti għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ambjent, inkluż il-faċilitazzjoni tar-riċerka xjentifika fl-ambjent tal-baħar. Il-Ftehim għandu jipprevedi livell ta’ protezzjoni ambjentali ekwivalenti għall-istandards tal-Unjoni. Tista’ tiġi operazzjonalizzata permezz ta’ arranġamenti amministrattivi bejn Spanja u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà, fl-oqsma rilevanti kollha inkluża r-reklamazzjoni tal-art.

DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA (inkluża l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali)    

48.    Il-Ftehim previst għandu jiżgura li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fi Spanja u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment f’Ġibiltà, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jiksbu dritt ta’ residenza wara l-iffirmar tal-ftehim maħsub skont il-punti 20(c) u 20(m), igawdu rispettivament f’Ġibiltà u fi Spanja d-dritt li jibdew attività bħala persuna impjegata u li jeżerċitaw tali attività skont ir-regoli applikabbli għaċ-ċittadini tar-Renju Unit f’Ġibiltà u għaċ-ċittadini tal-UE fi Spanja. Biex jingħata effett sħiħ lil dan id-dritt, jenħtieġ li huma jgawdu wkoll id-drittijiet korollarji kollha li l-liġi tal-UE tagħti lill-ħaddiema mobbli, inkluż id-dritt li jidħlu u jitilqu minn Ġibiltà u Spanja, jirrisjedu hemmhekk matul xogħolhom, jiksbu dritt ta’ residenza permanenti u jkunu jistgħu jagħmlu użu minn salvagwardji fejn ir-Renju Unit jew Spanja jfittxu li jirrestrinġu d-drittijiet tagħhom f’Ġibiltà u fi Spanja rispettivament.

49.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità f’Ġibiltà u fi Spanja fir-rigward tal-benefiċjarji tal-Ftehim, kif stabbilit fl-acquis rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, tal-impjieg u tax-xogħol.

50.    Jenħtieġ li d-drittijiet korrispondenti jingħataw ukoll lill-membri tal-familja tal-benefiċjarji tal-Ftehim, kif stabbilit fir-regoli rilevanti tal-Unjoni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

51.    Peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali hija essenzjali biex tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tax-xogħol transkonfinali, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fil-ftehim previst għandhom jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-Ftehim jenħtieġ li jiżgura, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tiegħu li jaħdmu jew li ħadmu f’Ġibiltà jgawdu minn livell għoli ta’ protezzjoni tas-sigurtà soċjali u jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali.

52.    Il-benefiċjarji tal-ftehim involuti bħala ħaddiema stazzjonati fil-provvista ta’ servizzi skont il-mod 4 għandhom igawdu d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 48 sa 51, fejn rilevanti għalihom, fir-rigward biss ta’ servizzi li huma kemm prodotti lokalment kif ukoll ikkonsmati fiż-żona tal-fruntiera kontigwa.

KWISTJONIJIET TAL-EURATOM

53.    It-tqassim previst jista’ jkopri kwistjonijiet rilevanti regolati taħt it-Trattat Euratom u l-leġislazzjoni sekondarja tiegħu, b’mod partikolari, iżda mhux limitat għal, dispożizzjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza, is-suq komuni nukleari u s-salvagwardji nukleari.

MEKKANIŻMU FINANZJARJU

54.    Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu finanzjarju biex jippromwovi l-koeżjoni bejn Ġibiltà u l-Campo de Gibraltar, pereżempju dwar kwistjonijiet ta’ taħriġ u impjiegi. Iż-żewġ Partijiet għandhom jipprovdu finanzjament għal dan il-mekkaniżmu. Il-mekkaniżmu għandu jinkludi miżuri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u attivitajiet illegali u irregolaritajiet oħra.

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

STRUTTURA

55.    It-tqassim previst għandu jkun inkorporat f’qafas ta’ governanza ġenerali li jkopri l-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni u, kif xieraq, ftehimiet u arranġamenti li jissupplimentaw il-ftehim previst.

56.    Il-ftehim previst għandu jippermetti r-reviżjoni perjodika tiegħu.

57.    Il-ftehim previst għandu jiġi stabbilit għal perijodu ta’ żmien indefinit u jista’ jiġi tterminat fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, avviż minn qabel lill-Parti l-oħra ta’ tliet xhur.

GOVERNANZA

58.    Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ftehim previst, huwa għandu jistabbilixxi arranġamenti effiċjenti u effettivi għall-ġestjoni, is-superviżjoni, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tiegħu, u għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-infurzar, b’rispett sħiħ tal-awtonomija tal-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tal-Partijiet.

59.    Il-ftehim previst għandu jipprevedi l-possibbiltà ta’ miżuri awtonomi, inkluża s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-ftehim, kif ukoll kwalunkwe ftehim supplimentari, b’mod sħiħ jew parzjali fil-każ ta’ ksur ta’ elementi essenzjali.

60.    Il-ftehim previst għandu jistabbilixxi korp governattiv responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tal-ftehim previst, li jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li huwa jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet rigward l-evoluzzjoni tiegħu. L-Istati Membri, inkluża Spanja, għandhom ikunu parti mid-delegazzjoni li tirrappreżenta lill-Unjoni fil-korp governattiv.

61.    Jenħtieġ li l-korp ta’ tmexxija jkun jinkorpora r-rappreżentanti tal-Partijiet f’livell xieraq, li jasal għal deċiżjonijiet b’kunsens reċiproku u li jiltaqa’ skont kemm ikun hemm bżonn biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Jekk ikun neċessarju, il-korp jista’ jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati biex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

62.    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li saru applikabbli għal Ġibiltà, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, fir-rigward tar-Renju Unit (Ġibiltà) u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fit-territorju ta’ Ġibiltà, ikollhom is-setgħat kif konferiti lilhom mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni prevista fit-Trattati f’dak ir-rigward.

63.    Jenħtieġ li l-ftehim previst jinkludi arranġamenti xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim minn bord indipendenti ta’ arbitraġġ li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet u l-infurzar, inklużi dispożizzjonijiet għal soluzzjoni rapida tal-problemi.

64.    F’każ li tilwima tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiġi indikata wkoll minn Parti jew l-oħra, il-bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jirreferi l-kwistjoni lill-QĠUE bħala l-uniku arbitru tad-dritt tal-Unjoni għal deċiżjoni vinkolanti. Il-bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jieħu deċiżjoni dwar it-tilwim f’konformità mad-deċiżjoni mogħtija mill-QĠUE.

65.    Meta Parti tonqos milli tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-soluzzjoni vinkolanti ta’ tilwima f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Parti l-oħra tkun intitolata titlob kumpens finanzjarju jew tieħu miżuri proporzjonati u temporanji, inkluża s-sospensjoni tal-obbligi tagħha fl-ambitu tal-ftehim previst.

66.    F’każ ta’ allegat nuqqas minn Parti waħda milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-ftehim, il-Parti l-oħra tkun intitolata għal miżuri interim ta’ rimedju, inkluża s-sospensjoni ta’ parti mill-ftehim jew tal-ftehim kollu, li jkunu proporzjonati man-nuqqas allegat u mal-impatt ekonomiku u soċjetali tiegħu, u diment li din il-Parti tibda proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim rigward l-allegat ksur.

EĊĊEZZJONIJIET U SALVAGWARDJI

67.    Il-Ftehim previst għandu jipprevedi eċċezzjonijiet xierqa. Jenħtieġ li dawn jinkludu l-iżvelar ta’ informazzjoni marbuta mal-interessi ta’ sigurtà tal-Partijiet.

IL-LINGWA AWTENTIKA

68.    Is-sħubija prevista, li jenħtieġ li tkun awtentika indaqs fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, jenħtieġ li tinkludi klawżola dwar il-lingwi f’dan is-sens.

(1)      ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(2)    Kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
(3)

 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).

(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.04.2021, p. 2).
(5) “Wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, Ġibiltà mhix ser tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Madankollu, dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Unjoni u b’rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantiti mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dawk il-ftehimiet separati ser jeħtieġu ftehim minn qabel mar-Renju ta’ Spanja.”
(6)    Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(8)     Règlement (UE) 2018/1240 du Parlement européen et du Conseil du 12 septembre 2018 portant création d’un système européen d’information et d’autorisation concernant les voyages (ETIAS) et modifiant les règlements (UE) no 1077/2011, (UE) no 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 et (UE) 2017/2226 (OJ L 236, 19.9.2018, p. 1).
(9) Inklużi l-Konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-ILO.
Top