Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IR1127

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali minn perspettiva lokali u reġjonali

    COR 2021/01127

    ĠU C 300, 27.7.2021, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 300/7


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali minn perspettiva lokali u reġjonali

    (2021/C 300/03)

    Relatur ġenerali:

    Anna Karjalainen (FI/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Kerava

    Dokument ta’ referenza:

    Konsultazzjoni mitluba mill-Presidenza Portugiża

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    COM(2021) 102 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    huwa kuntent li l-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea inkludiet l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala objettiv ta' prijorità fil-programm tagħha, u fuq talba tal-Presidenza ħejja Opinjoni dwar il-perspettiva lokali u reġjonali għas-Summit Soċjali ta' Porto. Huwa importanti li jkun hemm impenn fl-ogħla livell politiku biex jiġu promossi Ewropa soċjali b'saħħitha u l-benesseri tan-nies matul dan id-deċennju;

    2.

    jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea, li jippreżenta l-politiki u l-istrumenti konkreti meħtieġa fit-tul li se jkunu l-bażi għal sistemi ekonomiċi u soċjali aktar sostenibbli għall-futur fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;

    3.

    huwa kuntent li l-Pjan ta' Azzjoni jirrikonoxxi l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni, l-iżvilupp u ż-żieda tal-valur għall-inizjattivi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali se jkollhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-vitalità tar-reġjuni u fil-kisba tal-miri ewlenin kwantitattivi għall-impjiegi, il-ħiliet u l-protezzjoni soċjali għall-2030, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed finanzjament disponibbli biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni;

    4.

    jindika li l-pjan ta' implimentazzjoni se jsostni u jippromovi l-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw il-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali. Huwa importanti li wieħed iħares lil hinn mill-kriżi attwali u li jsir investiment soċjali biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali, kif ukoll li jiġi żgurat l-operat bla xkiel tas-suq intern;

    5.

    jinnota li implimentazzjoni ċara, ikkoordinata u ambizzjuża tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ser ittejjeb l-impenn tal-Unjoni Ewropea għall-Aġenda 2030 tan-NU u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, kif ukoll l-implimentazzjoni soċjalment ġusta tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    6.

    josserva li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiddeterminaw il-livell li fih l-UE u l-Istati Membri jużaw l-istrumenti ta’ politika proposti u l-miżuri leġiżlattivi f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

    Ngħaqqdu l-forzi f'Porto

    7.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jieħdu sehem fis-Summit Soċjali ta' Porto jimpenjaw ruħhom b'mod konġunt biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, u b'hekk in-nies isiru l-prijorità. Il-biċċa l-kbira tal-għodod għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru huma f'idejn l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali, kif ukoll l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. Is-suċċess se jiddependi mill-impenn ta' livelli differenti ta' gvern u ta' partijiet ikkonċernati u fuq ir-responsabbiltà konġunta appoġġjata mill-istituzzjonijiet Ewropej. Ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet huma lesti li jaqdu r-rwol tagħhom biex tinbena Ewropa soċjali b'saħħitha u reżiljenti li se tiggarantixxi li t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jkunu ġusti u li se tiffaċilita l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll dak soċjali. Hemm appoġġ pubbliku ċar għal dan, b'disgħa minn kull għaxar ċittadini Ewropej jaraw Ewropa soċjali bħala importanti (1);

    8.

    josserva li l-Ewropa qed tara l-akbar kriżi tas-saħħa, soċjali u ekonomika fi żmien ġenerazzjoni, kriżi li qed tevalwa l-limiti tas-solidarjetà Ewropea. L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi, il-livelli tal-faqar u l-benesseri psikoloġiku tan-nies se jkompli jinħass għal żmien twil u se jirrikjedi investiment soċjali u fis-saħħa mill-livelli kollha ta’ gvern, taħlitiet ta’ politika effettivi u riżorsi ekonomiċi. L-investimenti u l-miżuri li għandhom jiġu implimentati fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jrid ikollhom dimensjoni soċjali b'saħħitha biex isaħħu s-sistemi tas-sigurtà soċjali, jiffinanzjaw impjiegi ta' kwalità tajba, itejbu u jiżguraw s-servizzi pubbliċi, inaqqsu l-faqar u jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-enfasi għandha tkun fuq il-protezzjoni, fuq kollox, ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, familji b’ġenitur wieħed li jsibuha diffiċli biex jibbilanċjaw il-ħajja professjonali u dik privata, persuni b’diżabilità, migranti, vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, eċċ. u fuq il-fatt li l-irkupru jsir inklużiv u soċjalment ġust. L-impenn fundamentali għal-libertà ekonomika tal-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa ta’ importanza ewlenija f’dan ir-rigward;

    9.

    jinnota li l-Unjoni Ewropea tinsab f’punt ta’ bidla li bih jista’ jkun hemm mod ta’ ħsieb ġdid, li huwa wkoll meħtieġ. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali jeħtieġu bidla kbira f'dinja ffurmata mill-megatendenzi globali. Huwa aktar importanti minn qatt qabel li jsir investiment fil-benesseri tan-nies u li jitqiesu l-benefiċċji tal-ekonomija tal-benesseri. Il-KtR iqis is-Summit Soċjali ta' Porto bħala opportunità importanti biex jintlaħaq qbil dwar għanijiet komuni fejn il-benesseri u l-ugwaljanza tan-nies jitqiegħdu fil-qalba tal-politika, u l-kwistjonijiet soċjali jsiru prijorità dejjiema fl-Unjoni Ewropea;

    Objettivi komuni li għandhom jiġu affermati f'Porto

    10.

    jappoġġja t-tliet miri ewlenin għall-impjiegi, il-ħiliet u l-protezzjoni soċjali ppreżentati fil-Pjan ta' Azzjoni li għandhom jintlaħqu sa tmiem id-deċennju f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-miri ewlenin il-ġodda proposti jimplikaw li sal-2030 mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni tal-UE ta’ bejn il-20 u l-64 sena għandhom ikunu f’impjieg, mill-inqas 60 % tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f’taħriġ kull sena u l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun;

    11.

    jindika li biex tintlaħaq il-mira tal-impjiegi ser ikun hemm bżonn li jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità, jittejbu l-impjiegi tan-nisa, jiġi faċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ kollha għall-impjiegi, b’kunsiderazzjoni xierqa għaż-żgħażagħ li jappartjenu għal gruppi żvantaġġati, u jiġi żgurat li l-gruppi sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol ikunu integrati bis-sħiħ fih. Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat l-impjieg tan-nisa, taż-żgħażagħ, tal-migranti u tal-persuni b’diżabilità. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-persuni li jiffaċċjaw diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi għal raġunijiet oħra bħall-età, l-oriġini etnika u razzjali, ir-reliġjon jew it-twemmin u l-orjentazzjoni sesswali;

    12.

    jaqbel li l-inizjattivi proposti relatati mal-impjiegi u n-negozjar kollettiv komprensiv huma importanti biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar għall-ħaddiema. Forom ġodda ta' impjieg, mobilità tal-forza tax-xogħol, l-ekonomija tal-pjattaforma, arranġamenti ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli, u l-ħidma mill-bogħod jirrikjedu djalogu bejn l-imsieħba soċjali u involviment mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jesprimi dispjaċir li, b’rabta ma’ dan, lil hinn mill-evalwazzjoni tal-esperjenza tal-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE), il-Pjan ta’ Azzjoni mhux qed jikkunsidra dibattitu dwar skema Ewropea permanenti ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad;

    13.

    jindika li strateġiji industrijali, tal-ekonomija ċirkolari u tal-SMEs ġodda, kif ukoll l-ekonomija soċjali, jappoġġjaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u aktar kompetittività. Dawn l-istrateġiji għandhom inaqqsu wkoll id-differenzi bejn il-ġeneri fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u l-impjiegi ekoloġiċi;

    14.

    jiġbed l-attenzjoni għall-kriterji tar-responsabbiltà soċjali fl-akkwist pubbliku u l-kontribut tagħhom għall-prevenzjoni tad-dumping soċjali. Għalhekk jissuġġerixxi li l-kuntratti pubbliċi jsiru aktar kondizzjonali fuq l-applikazzjoni ta’ pagi ġusti u kundizzjonijiet oħra ta’ impjieg stabbiliti bil-liġi u/jew ftehimiet kollettivi, inkluż fil-ktajjen tas-sottokuntrattar;

    15.

    jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol għan-nisa, li jikkostitwixxu l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-familja, b’attenzjoni partikolari għall-familji b’ġenitur wieħed u familji kbar. Iż-żieda fir-rata ta' impjieg tan-nisa u t-tnaqqis tad-differenza fil-pagi se jtejbu wkoll il-pensjonijiet tan-nisa u jnaqqsu r-riskju ta' faqar fl-irtirar;

    16.

    jirrakkomanda li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli u li tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u d-29 sena li huma barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ. L-immodernizzar tal-apprendistati u t-tisħiħ tal-programmi tal-apprendistat ser isaħħu l-opportunitajiet taż-żgħażagħ li jsibu xogħol fis-setturi tat-tkabbir, li huwa importanti meta jitqies li l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b'mod qawwi madwar l-Ewropa matul il-kriżi tal-COVID-19. Jitlob ukoll li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-iskemi li jippromovu l-impjieg taż-żgħażagħ ma jiffavorixxux forom prekarji ta’ impjieg;

    17.

    jisħaq li l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-bidliet demografiċi se jaffettwaw ir-reġjuni u s-setturi tal-Ewropa b'mod differenti, u dan jirrikjedi riallokazzjoni tax-xogħol u taħriġ mill-ġdid sostanzjali. Il-KtR jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-imsieħba soċjali jsibu soluzzjonijiet għall-aċċess tal-adulti, speċjalment il-ħaddiema kbar fl-età bla impjieg, sabiex itejbu l-ħiliet u jitħarrġu mill-ġdid, billi jagħmlu użu minn prattiki tajbin u mis-sistema EASE (2);

    18.

    jipproponi li l-objettivi tal-edukazzjoni u l-ħiliet jiġu integrati mhux biss fl-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, iżda wkoll fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, u b'hekk ħadd ma jitħalla jibqa' lura fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;

    19.

    jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' politiki relatati mal-ħiliet u fl-għoti ta' taħriġ. Il-KtR jitlob li jintużaw apprendistati fl-ambitu ta' EASE (3) u l-qafas Ewropew għall-apprendistati (4), sabiex b'mod partikolari l-SMEs ikunu jistgħu joffru apprendistati liż-żgħażagħ, u bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta' gruppi sottorappreżentati;

    20.

    jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, b’attenzjoni partikolari fuq l-inklużjoni tan-nisa f’sitwazzjonijiet vulnerabbli (vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, familji b’ġenitur wieħed, eċċ.). L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-rikonoxximent tad-diversità tal-ġeneri jridu jiġu integrati fl-implimentazzjoni tal-Pilastru kollu;

    21.

    jindika li, minkejja l-isforzi li saru, il-faqar u l-esklużjoni soċjali ma nqerdux fl-Ewropa u l-pandemija tal-COVID-19 hija mistennija li tkompli taggrava s-sitwazzjoni. Filwaqt li l-mira għat-tnaqqis tal-faqar tista' tkun aktar ambizzjuża, speċjalment minħabba l-ħsara soċjali kkawżata mill-pandemija, it-tnaqqis tal-faqar b'mill-inqas 15-il miljun – li mill-inqas terz minnhom għandhom ikunu tfal – trid tkun l-ogħla prijorità għad-deċennju, li tirrikjedi enfasi fuq il-kawżi ewlenin tal-faqar u fuq miżuri effettivi b’interventi olistiċi fl-aktar żoni żvantaġġati. L-iskemi ta' appoġġ għal introjtu nazzjonali u servizzi relatati jipprovdu r-riżorsa aħħarija biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti;

    22.

    jirrimarka r-rwol essenzjali tas-servizzi soċjali pubbliċi fil-livelli lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ewlenin tad-drittijiet soċjali biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali negattivi tal-pandemija; bħala tali, huma essenzjali biex l-irkupru ekonomiku jsir aktar ġust u aktar soċjalment inklużiv, permezz tal-appoġġ għall-impjiegi, is-saħħa u l-inklużjoni soċjali ta’ dawk l-aktar vulnerabbli;

    23.

    jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal permezz ta’ pjani nazzjonali tal-kura tat-tfal, li jippromovu opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha u jkissru ċ-ċiklu interġenerazzjonali ta' żvantaġġ billi jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi essenzjali għat-tfal f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali. It-tfal kollha jrid ikollhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar, edukazzjoni bikrija tat-tfal u edukazzjoni preprimarja, nutrizzjoni tajba, u attivitajiet ta’ wara l-iskola ta' kwalità. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħal tfal mingħajr dar u tfal mingħajr kura tal-ġenituri, bil-ħsieb li jingħataw kura komunitarja u kura fil-familja u jiġi żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew jibqgħu lura. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, il-promozzjoni ta’ ġustizzja adattata għat-tfal u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà huma wkoll prijoritajiet ewlenin, kif iddikjarat b’mod ċar ukoll fl-Istrateġija komprensiva ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Id-drittijiet tat-tfal iridu jiġu protetti wkoll fid-dinja diġitali;

    24.

    jenfasizza bl-istess mod il-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod effettiv il-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ dejjem tikber u li l-persuni jiġu żgurati kwalità tal-ħajja billi jiġi salvagwardjat id-dritt tagħhom għal kura soċjali ta’ kwalità, kura matul il-jum u kura fit-tul, setturi li ġew affettwati b’mod sinifikanti mill-pandemija u jaffaċċjaw nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa;

    25.

    jindika li l-muniċipalitajiet u r-reġjuni għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-forniment ta' servizzi pubbliċi u li jridu jkunu disponibbli riżorsi finanzjarji suffiċjenti għal dan il-kompitu importanti. L-investimenti fl-infrastruttura ekoloġika, diġitali u soċjali se jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u jtejbu l-aċċess għal servizzi pubbliċi affordabbli fiż-żoni rurali, fiż-żoni urbani żvantaġġati, fiż-żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali bi żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, u reġjuni aktar remoti u mbiegħda, fejn l-aċċess għar-riżorsi diġitali spiss ikun aktar limitat;

    26.

    jinnota li l-muniċipalitajiet u l-bliet għandhom rwol importanti fl-ippjanar urban u fl-għoti ta' akkomodazzjoni pubblika, kooperattiva, sostenibbli u affordabbli. Irid ikun hemm provvista akbar ta’ akkomodazzjoni deċenti għaċ-ċittadini kollha, adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħal dawk ta’ persuni anzjani u persuni b’diżabilità, sabiex jitrawwem għajxien indipendenti u jiġi evitat li jiġu istituzzjonalizzati, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ familji kbar u b’ġenitur wieħed, vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u żgħażagħ li kienu soġġetti għal miżuri ta’ protezzjoni bħala minorenni. Is-soluzzjonijiet tal-akkomodazzjoni għandhom jiġu inkorporati fi pjani ta’ żvilupp lokali mmirati lejn il-ħolqien ta’ viċinati abitabbli. Approċċi inklużivi, protettivi u parteċipattivi għandhom jiġu applikati mhux biss permezz tal-istrateġija tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni tal-UE, iżda wkoll permezz ta’ impenn qawwi tal-UE u tal-Istati Membri biex jibnu djar ġodda b’kundizzjonijiet ta’ kiri fit-tul. Huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jikkombinaw aħjar sorsi differenti ta’ finanzjament u jkunu jistgħu jibnu akkomodazzjoni sostenibbli. Il-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar trid tiġi indirizzata b’mod integrat u olistiku permezz ta’ enfasi fuq it-titjib tan-networks tas-saħħa u tal-appoġġ soċjali tal-persuni mingħajr dar. Eżempju hawnhekk huwa l-approċċ ta' “L-Akkomodazzjoni l-Ewwel”, li kien ta’ suċċess biex jitnaqqas l-għadd ta' persuni li jkunu ilhom mingħajr dar. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għalhekk ikunu parti mill-“Pjattaforma Ewropea dwar il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar”. Il-Kumitat jesprimi dispjaċir f’dan ir-rigward li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jistabbilixxi l-ebda mira kwantitattiva għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar;

    27.

    jisħaq li l-atturi lokali u reġjonali għandhom opportunità kbira biex jinfluwenzaw l-emissjonijiet matul id-deċennji li ġejjin, permezz ta' ppjanar u investiment sostenibbli fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija, il-kostruzzjoni u t-trasport. Il-miżuri meħuda bħala parti mill-Mewġa ta' Rinnovazzjoni tal-bini tal-Ewropa jistgħu jżidu l-impjiegi, itejbu l-kwalità tal-ħajja u jindirizzaw il-faqar enerġetiku billi jappoġġjaw investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'unitajiet domestiċi b'introjtu baxx. Biex jiġu protetti d-drittijiet tal-kerrejja u tiġi evitata l-ġentrifikazzjoni, għandha tiġi applikata n-newtralità fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni (inklużi, fost affarijiet oħra, il-kera, l-enerġija u l-ispejjeż operattivi), meta l-appoġġ pubbliku jkun involut fil-kuntest tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni;

    28.

    jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet tkabbar id-distakk diġitali. Il-KtR jipproponi l-promozzjoni tal-“koeżjoni diġitali” bħala objettiv tal-Unjoni Ewropea sabiex tkun stabbilita l-infrastruttura diġitali adatta biex jiġi żgurat li s-servizzi elettroniċi u l-edukazzjoni diġitali jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċess għal għodod diġitali għal gruppi żvantaġġati u vulnerabbli;

    Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali

    29.

    jindika li l-medji nazzjonali tal-indikaturi soċjali ma jirriflettux l-isfidi soċjali kollha fl-Unjoni Ewropea. Dan jista' jwassal għal riżultati qarrieqa billi jinħbew id-disparitajiet soċjali u reġjonali li spiss jeżistu fl-Istati Membri. Tabella ta' valutazzjoni soċjali reġjonali tista' tgħin biex tiġi stabbilita politika ta' monitoraġġ reġjonali b'saħħitha, filwaqt li tiżgura li l-Pilastru Soċjali jiġi implimentat fil-livelli kollha u li l-investimenti reġjonali jkunu mmirati lejn il-kisba tal-prinċipji tal-Pilastru. Il-monitoraġġ reġjonali għandu jagħmel użu mid-data diġà miġbura u ma għandux jimponi piż amministrattiv fuq ir-reġjuni;

    30.

    iqis li huwa neċessarju li tiġi promossa politika Ewropea komuni b’saħħitha, effettiva u ċara sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa tal-movimenti migratorji li huma kondiviżi bis-sħiħ mill-Istati Membri u r-reġjuni. Il-Kumitat itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li “l-għanijiet tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, b’mod partikolari s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u approċċ komprensiv li jiġbor flimkien miżuri fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, jistgħu jintlaħqu biss mill-Istati Membri jekk jaġixxu flimkien taħt il-qafas tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u meta jiġu rikonoxxuti aħjar l-interessi u l-kapaċitajiet tagħhom ilkoll fil-mekkaniżmu ta’ solidarjetà” (5);

    31.

    jinnota l-importanza li jiżdiedu aktar indikaturi u li jintużaw strumenti promossi mill-Unjoni Ewropea stess, bħall-Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali, li jridu jkopru b'mod wiesa’ l-20 prinċipju kollha tal-Pilastru Soċjali. Il-preżentazzjoni taċ-ċifri fl-indikaturi kollha għandha tinqasam skont l-oqsma ta’ interess, inkluż il-ġeneru, peress li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju ġenerali tal-Pilastru Ewropew. Il-KtR jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar il-bażi tal-għarfien u l-indikaturi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż sabiex l-objettivi tal-Pilastru jkunu jistgħu jintlaħqu b'mod aktar effettiv. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jikkontribwixxu b'mod attiv għad-dibattitu dwar it-titjib tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali;

    Governanza soċjoekonomika

    32.

    jinnota li s-Semestru Ewropew u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħalissa huma l-aktar għodod leġiżlattivi importanti disponibbli biex iħeġġu, jappoġġjaw u jiggwidaw lill-gvernijiet nazzjonali biex jagħmlu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali realtà fl-Unjoni Ewropea. Il-KtR jitlob li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jingħata prijorità fl-ambitu tas-Semestru Ewropew sabiex l-irkupru mill-kriżi attwali jkun verament inklużiv u jindirizza l-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-inugwaljanza;

    33.

    itenni l-appell tiegħu għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali bejn il-livell Ewropew u dak nazzjonali tal-gvernijiet b’rabta mas-Semestru Ewropew u jitlob għal parteċipazzjoni aktar mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’din il-koordinazzjoni, permezz ta’ ġestjoni kondiviża bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Skont dan il-prinċipju, il-kompiti ta’ ppjanar strateġiku u ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu ddelegati mhux biss lill-Istati Membri iżda wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jirrispondu b’mod effettiv għall-ħtiġijiet u l-isfidi lokali (6);

    34.

    jitlob li, fil-kuntest ta’ finanzi sostenibbli, tiġi stabbilita “tassonomija soċjali” bħala għodda abilitanti biex jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura soċjali, bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, jew l-akkomodazzjoni. Tali għodda tista’ tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi fl-aċċessibbiltà ta’ servizzi essenzjali billi tippremja l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-isforzi maħsubin biex irawmu forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ persunal, filwaqt li tgħin biex l-investimenti fl-infrastruttura soċjali jiġu rikonoxxuti aħjar bħala assi ta’ investiment siewja;

    Finanzjament

    35.

    iħeġġeġ l-użu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u tal-għodda ta' rkupru Next Generation EU biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat fil-livell nazzjonali, u b'hekk jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza;

    36.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ programmazzjoni biex jindikaw in-nefqa fil-fondi strutturali u ta’ investiment b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

    37.

    jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi fil-livell lokali u reġjonali mill-baġits nazzjonali u mill-fondi tal-UE, sabiex jiġu ffinanzjati miżuri, servizzi u investiment soċjali lokali, b'mod partikolari biex jiġu appoġġjati l-aktar gruppi vulnerabbli, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni;

    38.

    jisħaq li, fl-ippjanar tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, għandu jsir użu akbar mill-valutazzjonijiet tal-impatt distributtivi sabiex jitqies aħjar l-impatt tar-riformi u tal-investimenti soċjali fuq gruppi differenti.

    Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.

    Apostolos TZITZIKOSTAS

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar kwistjonijiet soċjali, 03/2021.

    (2)  Appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi (EASE) C(2021) 1372.

    (3)  Idem.

    (4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi, 2018.

    (5)  CdR 4843/2020.

    (6)  CdR 2167/2020.


    Top