EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AR0051

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Midja fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni

COR 2021/00051

ĠU C 300, 27.7.2021, p. 69–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/69


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Midja fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni

(2021/C 300/13)

Relatur:

Jan TREI (EE/PPE), Membru ta’ Assemblea Lokali: Kunsill tal-Muniċipalità Rurali ta’ Viimsi

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni

COM(2020) 784 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li tissemplifika l-appoġġ għas-settur awdjoviżiv u dak tal-midja u li tenfasizza l-ħtiġijiet tal-midja lokali u reġjonali fl-UE kollha fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku, l-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

2.

ifittex li jistabbilixxi djalogu mad-DĠ CNECT tal-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni previsti bħala segwitu prattiku għall-Pjan ta’ Azzjoni; f’dan ir-rigward jenfasizza s-sinerġiji meħtieġa bejn il-fondi u r-regolamenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

3.

se jagħmel sforz biex iżid il-viżibbiltà tiegħu bħala attur politiku f’dan il-qasam vis-à-vis istituzzjonijiet oħra tal-UE, partijiet interessati settorjali u lokali/reġjonali u l-pubbliku ġenerali sabiex jiżdiedu l-informazzjoni u l-għarfien espert disponibbli u biex ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-KtR jiġu diretti lejn il-livelli differenti ta’ governanza;

4.

jenfasizza li f’ħafna Stati Membri r-reġjuni huma responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-appoġġ tas-settur tal-midja u dak kulturali; fi Stati Membri oħra, il-politika tal-midja hija kwistjoni tal-gvern ċentrali, mentri r-responsabbiltà tal-politika kulturali hija kondiviża bejn il-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

5.

iqis li sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali hija essenzjali għall-koordinazzjoni tal-appoġġ għas-settur tal-midja fil-livelli kollha tal-gvern;

6.

jilqa’ t-tnedija tal-inizjattiva “NEWS”, intiża biex tappoġġja s-settur tal-midja tal-aħbarijiet u li hija appoġġjata mill-garanzija tal-InvestEU, li se tagħti attenzjoni partikolari lill-midja lokali u reġjonali;

7.

huwa konvint li l-Pjan ta’ Azzjoni se jkollu impatt lokali u reġjonali qawwi minħabba l-fatt li l-vijabbiltà ekonomika, teknika u kreattiva tal-pluraliżmu tal-midja tiddependi mill-għadd kbir ta’ midja lokali u reġjonali u mill-istituzzjonijiet involuti fil-katina tal-valur, is-sorveljanza regolatorja u l-kooperazzjoni transsettorjali fis-settur tal-produzzjoni, dak tal-midja u dak awdjoviżiv;

8.

jagħraf il-valur partikolari tal-istrateġiji ta’ innovazzjoni reġjonali u anke lokali u tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fis-settur awdjoviżiv u dak tal-midja: dawn iwasslu għal soluzzjonijiet innovattivi u għandhom effetti kollaterali fuq oqsma ewlenin oħra tal-politika pubblika u l-attività ekonomika (l-edukazzjoni, il-ħiliet u s-saħħa);

9.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, meta tfassal strumenti u azzjonijiet konkreti fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni, tħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE jiċċaraw u jikkoordinaw, kemm jista’ jkun, l-assistenza finanzjarja speċifikament disponibbli għall-midja lokali u reġjonali fil-programmi rilevanti tal-UE u, b’mod partikolari, fl-istrument għall-irkupru, u qed jieħu l-impenn li jgħin biex ixerred din l-informazzjoni lill-atturi reġjonali u lokali rilevanti;

10.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura b’mod partikolari li l-midja lokali u reġjonali tkun kemm jista’ jkun rappreżentata u involuta fil-forums Ewropej futuri tal-midja tal-aħbarijiet u fl-inizjattivi dwar il-perspettivi għas-settur Ewropew tal-midja;

11.

jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li jiġu promossi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-settur awdjoviżiv u dak tal-midja; jitlob li dawn jiġu kkonsultati u inklużi fl-iżvilupp ulterjuri ta’ inizjattivi bħall-Portal tas-suq MEDIA u l-laboratorji kreattivi tal-innovazzjoni biex jiġu appoġġjati n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu;

12.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari, għall-inqas għal perjodu tranżitorju, ta’ gazzetti u reklami mhux elettroniċi, li l-anzjani b’mod partikolari ma jridux li jiġu sostitwiti b’pubblikazzjonijiet elettroniċi, u għall-ħtieġa li l-pubblikaturi jkunu jistgħu jkomplu bid-distribuzzjoni tal-gazzetti, speċjalment fiż-żoni rurali, f’kundizzjonijiet ekonomiċi;

13.

jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-midja komunitarja bħala t-“tielet settur” tax-xandir (li normalment tkun midja awtoorganizzata, parteċipattiva, mingħajr skop ta’ qligħ immirata lejn il-komunitajiet ġeografiċi lokali u/jew gruppi ta’ interess). Il-livelli kollha tal-gvern huma mitluba jirrikonoxxu b’mod dovut lill-midja komunitarja;

14.

jiddispjaċih li s-sitwazzjoni speċjali ta’ pajjiżi (swieq) żgħar, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, b’mod partikolari dawk relatati mal-lingwi minoritarji tal-UE jew il-lingwi mhux Ewropej speċifiċi ta’ gruppi migranti, ma titqiesx;

15.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni speċjali u tappoġġja b’mod speċifiku lill-midja pubblika u privata kif ukoll lis-settur awdjoviżiv, li joħolqu kontenut u produzzjonijiet, jaħdmu u joffru s-servizzi tagħhom fil-lingwi kouffiċjali u minoritarji li jeżistu fir-reġjuni Ewropej, u b’hekk jikkontribwixxu għall-istandardizzazzjoni ta’ dawn il-lingwi u għar-rispett għad-diversità kulturali tar-reġjuni, u jiżguraw id-drittijiet lingwistiċi tal-abitanti tagħhom. Appoġġ bħal dan, li għandu jiġi pprovdut fil-forma ta’ finanzjament speċifiku għal dawn il-midja, huwa partikolarment meħtieġ biex ikunu jistgħu jimplimentaw it-trasformazzjoni diġitali tagħhom u b’hekk jiżguraw il-preżenza u l-permanenza tagħhom fl-ambjent diġitali;

16.

jilqa’ l-miżuri li jappoġġjaw u jenfasizzaw ir-rwol importanti li jaqdu l-attivitajiet tax-xandara tas-servizz pubbliku fil-livell reġjonali u lokali;

17.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tfassal miżuri speċifiċi ta’ appoġġ biex tippromovi l-midja reġjonali u lokali mill-fondi tal-UE għall-perjodu li jmiss 2021-2027;

Valutazzjoni ġenerali tal-Pjan ta’ Azzjoni

18.

iwissi li ma għandhiex tintesa l-importanza tal-investiment fil-litteriżmu diġitali, li huwa prerekwiżit għall-konsum tal-midja diġitali;

19.

jiddeplora l-fatt li l-miżuri ta’ politika favur il-midja tal-aħbarijiet lokali b’mod ġenerali s’issa ma għamluhiex possibbli biżżejjed biex in-negozji jinbidlu, jieħdu toroq ġodda u jiżviluppaw jew jistabbilixxu mudelli vijabbli ta’ negozju u dħul għat-trasformazzjoni diġitali;

20.

jinnota li l-kontenut tal-għaxar azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni jirrifletti għadd ta’ ħtiġijiet ta’ dan is-settur u dawn l-azzjonijiet jistgħu jintużaw ukoll għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-midja lokali u reġjonali; jinnota, madankollu, li l-fatt li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jirrikonoxxix b’mod espliċitu li l-awtoritajiet reġjonali f’diversi Stati Membri għandhom kompetenzi fis-settur tal-midja u dak awdjoviżiv;

21.

jirrakkomanda, b’mod partikolari, li għandhom jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi u għandha tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi djalogu strutturat dwar l-azzjonijiet konkreti tal-Pjan ta’ Azzjoni, b’mod partikolari l-Azzjonijiet 1 u 7;

22.

jemmen li regolamentazzjoni u strateġija mfassla tajjeb, flimkien ma’ miżuri ta’ appoġġ imfassla apposta, jistgħu joħolqu ambjent li jippermetti lill-midja lokali u reġjonali tindirizza b’suċċess l-isfidi tal-irkupru ekonomiku, l-ekoloġiżżazzjoni tal-intraprenditorija u d-diġitalizzazzjoni;

23.

jinnota li s-settur mhux biss għandu jkun jista’ jiffinanzja l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut, iżda l-politiki tal-UE għandhom jirrikonoxxu wkoll li s-settur awdjoviżiv u dak tal-midja ma jistax jiġi rregolat bl-istess mod bħal setturi oħra; jenfasizza l-ħtieġa għal politika Ewropea li tippermetti lis-settur Ewropew tal-midja jkompli jipproduċi kontenut kompetittiv f’ambjent diġitali ġust;

24.

jitlob li jkun hemm impatt sostnut tal-Pjan ta’ Azzjoni u politika komprensiva tal-UE għas-settur tal-midja li tikkombina l-politiki regolatorji, tal kompetizzjoni u tat-tassazzjoni mal-fondi u l-programmi tal-UE sabiex titrawwem l-innovazzjoni u jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-midja Ewropea, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-valuri fundaturi Ewropej tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Ir-rispett sħiħ ta’ dawn il-valuri għandu jkun prekundizzjoni għall-aċċess għall-fondi tal-UE mill-midja Ewropea;

25.

iqis li huwa importanti li jiġi żgurat ambjent tal-midja Ewropew b’saħħtu, pluralistiku, ekonomikament vijabbli, innovattiv, indipendenti, affidabbli u kapaċi jilħaq lis-soċjetà kollha. Dan huwa importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea u d-demokraziji tagħha, kif ukoll għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji. Din hija wkoll kwistjoni ta’ koeżjoni soċjali;

26.

jenfasizza li l-midja lokali u reġjonali ħafna drabi tkun żvantaġġata meta mqabbla mal-pjattaformi online internazzjonali. Il-KtR huwa konvint li hemm bżonn ta’ attenzjoni aktar dettaljata tal-UE biex jiġu solvuti għadd ta’ kwistjonijiet (inkluż l-asimmetrija tal-informazzjoni u l-aċċess għad-data), peress li l-integrazzjoni vertikali tal-pjattaformi online, flimkien mal-funzjoni ta’ kontroll tagħhom, tfixkel serjament l-aċċess effettiv u l-għażla tas-servizzi u l-kontenut. Għalhekk il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li fid-direttivi li jmiss tal-UE jiġu stabbiliti mekkaniżmi sabiex fl-offerti tagħhom, il-pjattaformi jinkludu l-midja lokali u reġjonali, rikonoxxuti mill-awtoritajiet statali jew reġjonali. Li wieħed jiffavorixxi s-servizzi proprji (awtopreferenza) joħloq theddida serja għall-pluraliżmu u l-kompetizzjoni ġusta;

27.

jenfasizza li l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja, kif ukoll is-sikurezza tal-ġurnalisti, huma elementi essenzjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u f’dan il-kuntest japprezza l-ħidma ta’ għassiesa indipendenti bħaċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja f’Leipzig;

Aspetti ekonomiċi

28.

ifakkar li l-midja lokali u reġjonali indipendenti, irrispettivament mill-mudell kummerċjali tagħha, qed tiffaċċja problemi finanzjarji persistenti fis-suq u li s-sitwazzjoni tagħhom sejra għall-agħar bil-pandemija tal-COVID-19;

29.

jinnota bi tħassib li s-suq awdjoviżiv frammentat tal-Istati Membri tal-UE se jkompli jxekkel l-isfruttament tal-vantaġġi tas-suq offruti mit-teknoloġija u d-daqs;

30.

jilqa’ l-fatt li xi Stati Membri tal-UE reċentement iddeċidew li jinvestu ammonti sinifikanti biex jappoġġjaw il-ġurnaliżmu lokali u reġjonali;

31.

itenni l-importanza strateġika tas-settur awdjoviżiv u dak tal-midja għall-ekonomija Ewropea u l-irkupru tagħha mill-kriżi; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiżviluppa dan il-qasam minn perspettiva ta’ politika industrijali, li tibni fuq djalogu dwar l-innovazzjoni mal-industrija u pjattaforma ddedikata għall-investiment fl-ekwità;

32.

jinnota li huwa utli wkoll li jitkejjel u jiġi vvalutat l-impatt territorjali (inkluż il-potenzjal ta’ żvilupp rurali) tal-promozzjoni tas-settur awdjoviżiv u dak tal-midja, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet fuq il-ħolqien ta’ impjiegi fiċ-ċentri tal-midja; Dan jista’ jkollu wkoll impatt fuq l-iżvilupp rurali jekk ikun akkumpanjat bl-offerta ta’ opportunitajiet aktar immirati, li għandhom jinħolqu fil-kuntest tal-pjani ta’ rkupru;

33.

jenfasizza l-importanza partikolari taċ-ċinema bħala servizz bi threshold baxx u ta’ spiss huwa l-unika attività kulturali pprovduta, speċjalment f’żoni rurali; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi estremi għax-xhur ta’ għeluq taċ-ċinema fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, u jqis li, sabiex jiġi ppreservat il-pajsaġġ taċ-ċinema Ewropew, jeħtieġ li jkun hemm perjodu twil adatt ta’ skrinjar esklużiv tax-xogħlijiet ċinematografiċi fiċ-ċinema qabel ma jixxandru fuq pjattaformi internazzjonali ta’ video-on-demand;

34.

jappella li jiġu promossi attivitajiet ta’ kooperazzjoni u ta’ networking fil-livell Ewropew bejn l-atturi awdjoviżivi u tal-midja lokali u reġjonali, kif ukoll bejn l-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jitwettqu proġetti konġunti, jiġu żviluppati sinerġiji u jiġu skambjati l-aħjar prattiki;

35.

jilqa’ l-inizjattivi politiċi reċenti tal-UE bil-għan li jnaqqsu d-distakk bejn ir-riżorsi allokati għall-innovazzjoni teknoloġika u l-aspetti kulturali u kreattivi tas-settur awdjoviżiv u dak tal-midja;

36.

jilqa’, b’mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tinvesti aktar fl-appoġġ għall-ambjent tal-midja billi talloka EUR 61 miljun mill-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027 għal ġurnaliżmu ta’ kwalità, il-libertà tal-midja, il-litteriżmu medjatiku u l-pluraliżmu tal-midja;

37.

jilqa’ wkoll l-għodda interattiva ġdida tal-Pjan ta’ Azzjoni, li tiggwida lill-kumpaniji tal-midja permezz tad-diversi strumenti ta’ appoġġ; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu l-istrumenti ta’ appoġġ speċifikament disponibbli għall-midja lokali u reġjonali;

38.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu attirati ħaddiema tas-sengħa fis-settur tal-produzzjoni tal-midja awdjoviżiva u n-nuqqas ta’ ħiliet li diġà jeżistu, b’mod partikolari fil-qasam tal-professjonijiet ċinematografiċi, u f’dan ir-rigward jitlob ukoll li jkun hemm opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-fergħa MEDIA tal-programm Ewropa Kreattiva;

39.

jitlob, b’rabta mar-riorganizzazzjoni tal-appoġġ għall-festivals taħt il-fergħa MEDIA tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027, li l-festivals ikomplu jiġu appoġġjati fuq medda twila ta’ żmien, individwalment u mhux biss fin-networks Ewropej, sabiex jiġu ppreservati l-individwalità u l-kwalità tagħhom;

40.

b’rabta mal-Azzjoni 1 tal-Pjan ta’ Azzjoni, jirrakkomanda approċċ b’saħħtu bbażat fuq il-post u sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; f’dan ir-rigward, jissuġġerixxi li l-eżempji ta’ prattika tajba jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li dawn il-miżuri jiġu assoċjati u jiġu inklużi fil-pjani ta’ rkupru u fil-pjani ta’ azzjoni tal-Istati Membri tal-UE;

Il-midja lokali u reġjonali

41.

jenfasizza li l-midja tal-aħbarijiet lokali taqdi rwol importanti fil-ħajja pubblika u fid-dibattitu politiku peress li tippromovi l-għarfien politiku u l-parteċipazzjoni. Il-midja tal-aħbarijiet lokali indipendenti hija s-sinsla tad-demokrazija fis-soċjetà;

42.

jaqbel mal-fehma li l-protezzjoni tad-diversità u l-indipendenza tal-midja għandha tkun objettiv politiku ewlieni, li għandu jiġi enfasizzat ukoll fil-kuntest ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni;

43.

jirrimarka li wieħed mir-rwoli tal-midja lokali huwa li tipproduċi ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja, komprensiv u kritiku dwar il-gvernijiet u l-affarijiet pubbliċi b’mod oġġettiv u preċiż, biex b’hekk in-nies lokali jingħataw l-għarfien u l-opportunità meħtieġa biex jieħdu pożizzjoni dwar kwistjonijiet bħal dawn. Il-midja lokali tirrappreżenta r-reġjun tagħhom u tgħin lin-nies jifhmu li huma parti minn komunità, li huma konnessi permezz tal-istazzjon tal-aħbarijiet lokali komuni tagħhom u li hija aktar minn sempliċement il-prossimità ġeografika li tgħaqqadhom flimkien;

44.

jiddeplora l-fatt li ż-żoni skarsament popolati, għall-kuntrarju ta’ żoni urbani b’densità għolja ta’ popolazzjoni bil-midja lokali tradizzjonali u l-pjattaformi diġitali tagħhom, sikwit la jkollhom midja lokali tradizzjonali u lanqas diġitali. B’riżultat ta’ dan, il-kopertura ġurnalistika f’xi żoni hija ftit jew xejn;

45.

itenni li l-aħbarijiet u l-programmi kulturali fil-livell lokali u reġjonali huma fokus ewlieni tal-organizzazzjonijiet tal-midja tas-servizz pubbliku reġjonali fl-Ewropa kollha. Il-midja tas-servizz pubbliku reġjonali tikkontribwixxi għall-pluraliżmu tal-midja fir-reġjuni. Dawn jipparteċipaw ukoll fl-involviment tal-pubbliku fl-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-organizzazzjonijiet kulturali u soċjali;

46.

jemmen bis-sħiħ li l-midja tas-servizz pubbliku reġjonali għandha tkun aċċessibbli għall-udjenzi fuq il-kanali kollha ta’ trażmissjoni – ir-radju, it-televiżjoni u l-internet, kif ukoll il-pjattaformi li joffru servizzi tar-radju u tat-televiżjoni f’dawn iż-żoni territorjali – sabiex ma titlifx is-sinifikat tagħha u tkun tista’ tkompli taqdi l-funzjoni primarja tagħha. Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, huwa importanti wkoll li tiġi żgurata t-trażmissjoni tal-midja reġjonali permezz tal-kanali ta’ distribuzzjoni kollha possibbli, inklużi l-kejbil, it-televiżjoni diġitali terrestri, is-satellita u l-internet;

47.

jissuġġerixxi li għadd ta’ azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni, b’mod partikolari l-Azzjoni 1, jistgħu jissaħħu fil-livell lokali u reġjonali, dment li jkunu previsti investimenti fil-bini tal-kapaċità għall-atturi lokali;

Innovazzjoni u teknoloġija

48.

itenni li d-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin biex tattira udjenzi ġodda, tisfrutta l-kontenut mhux konvenzjonali, tipprovdi servizzi ġodda lill-midja lokali u reġjonali u tippromovi l-kooperazzjoni kulturali interreġjonali; huwa tal-fehma li hija biss id-diġitalizzazzjoni transsettorjali li toffri potenzjal kompletament ġdid għal mudelli kummerċjali fixkiela u servizzi u prodotti diġitali innovattivi, iżda jinsab imħasseb li l-ispiża ta’ din it-trasformazzjoni tista’ tkun għolja wisq għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

49.

ifakkar fil-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali bejn id-dinja urbana u dik rurali, li huwa prerekwiżit biex iż-żoni rurali jkunu jistgħu jużaw il-mezzi diġitali ta’ komunikazzjoni u biex iċ-ċittadini tagħhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha disponibbli;

50.

jinnota li s-settur tal-midja jinsab fil-qalba tal-azzjoni tar-rivoluzzjoni transkonfinali attwali tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain; jissuġġerixxi li l-midja jista’ jkollha rwol ewlieni fl-ittestjar u l-implimentazzjoni tal-linji gwida etiċi żviluppati mill-Grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar l-intelliġenza artifiċjali tal-Kummissjoni u l-adattament tagħhom għas-settur tal-midja;

51.

jirrikonoxxi li l-kultura u ċ-ċinema Ewropej huma marbuta b’mod inseparabbli mal-identità Ewropea. Ambjent tal-midja pluralistiku u li jiffunzjona tajjeb fl-UE kollha huwa kruċjali għaż-żamma u l-promozzjoni tal-valuri u l-istil ta’ ħajja Ewropej. L-ambjenti kollha tal-midja jiddependu mill-istabbiliment ta’ prijoritajiet ibbilanċjati fl-implimentazzjoni tal-pjani ta’ rkupru tal-UE. Pereżempju, għandha tiġi żgurata rabta aktar mill-qrib bejn il-politika awdjoviżiva u dik tal-midja tal-UE minn naħa, u r-riċerka u l-innovazzjoni min-naħa l-oħra;

52.

jenfasizza r-rwol li l-industrija awdjoviżiva jista’ jkollha biex tippromovi t-turiżmu reġjonali u lokali, speċjalment fiż-żoni rurali, billi tippromovi u xxerred b’mod kreattiv l-attrazzjoni tagħhom u trawwem it-turiżmu sostenibbli u l-iżvilupp ekonomiku;

53.

jilqa’ l-fatt li, f’termini ta’ infrastruttura tad-data, l-azzjoni ewlenija tal-Pjan ta’ Azzjoni se tiżgura sinerġiji mal-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali. Dan għandu jrawwem l-innovazzjoni u l-kreattività u jagħmel it-tipi kollha ta’ midja – pubbliċi u kummerċjali, il-kanali l-kbar kif ukoll dawk żgħar – aċċessibbli fuq bażi nondiskriminatorja; jenfasizza li dawn is-sinerġiji għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-midja lokali u reġjonali irrispettivament mis-sjieda u l-istrutturi amministrattivi tagħhom. F’dan ir-rigward, l-investiment f’teknoloġiji bħas-sottotitoli multilingwi, id-doppjaġġ fil-lingwa tas-sinjali jew id-deskrizzjoni awdjo għandu jkun meħtieġ b’mod sistematiku fil-produzzjoni informattiva u awdjoviżiva Ewropea;

54.

iqis li wieħed mir-rwoli tal-programm Orizzont Ewropa fl-appoġġ tal-komponenti tal-midja tal-infrastruttura b’sors miftuħ huwa prerekwiżit għal innovazzjoni ta’ suċċess mhux biss f’termini ta’ teknoloġija, iżda wkoll fir-rigward ta’ mudelli kummerċjali ġodda u l-użu tagħhom f’kull tip ta’ midja;

55.

iqis li fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti kollha tal-UE (Ewropa Kreattiva, Erasmus+, Orizzont 2020, eċċ.) għandu jingħata valur adegwat lill-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-ħiliet diġitali fis-settur awdjoviżiv u dak tal-midja fil-livell lokali u reġjonali. Il-ħiliet diġitali għandhom imorru lil hinn mill-ħiliet bażiċi tal-ICT u għandu jiġi kopert ukoll il-litteriżmu fl-informazzjoni u medjatiku;

56.

jitlob li jiġi pprovdut appoġġ immirat fil-livell lokali u reġjonali sabiex jitwaqqfu Ċentri Ewropej tat-Teknoloġija tal-Midja flimkien maċ-Ċentri Ewropej tat-Teknoloġija li jkunu ffokati fuq it-taħriġ tal-atturi tal-midja – inkluż, fost l-oħrajn, dwar l-aċċess għall-fondi disponibbli, inklużi il-finanzjament għall-irkupru u l-indipendenza tal-midja. Dan se jippermetti inizjattivi pilota u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet innovattivi Ewropej;

L-indipendenza tal-midja, il-kredibbiltà u vuċi aktar b’saħħitha għaċ-ċittadini

57.

jemmen li, fi kriżi tas-saħħa bħall-pandemija tal-COVID-19, l-aċċess għal informazzjoni affidabbli huwa ta’ importanza kbira; jinnota li kemm il-midja pubblika kif ukoll dik privata, bil-firxa wiesgħa ta’ servizzi tagħhom b’mod kwalitattiv u kwantitattiv, jinfurmaw, ixandru dokumentarji, jipprovdu divertiment u joffru servizzi edukattivi u kulturali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fil-kuntest tal-pandemija, u b’hekk jagħtu kontribut importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi; u jenfasizza l-oqsma bażiċi ta’ tħassib li ġejjin: l-aċċess għal informazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, l-aċċess għall-internet, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-midja indipendenti, id-diżinformazzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-monitoraġġ tas-saħħa pubblika;

58.

itenni li, minħabba t-theddida tad-diżinformazzjoni, jeħtieġ li jitwettqu azzjonijiet fil-livelli amministrattivi kollha biex tiġi appoġġjata l-ħidma tal-verifikaturi tal-aħbarijiet u biex jiġi appoġġjat il-litteriżmu medjatiku fost il-popolazzjoni;

59.

jirreferi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, fost affarijiet oħra, titlob b’mod espliċitu għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza li l-pressjoni finanzjarja, li ddgħajjef id-dritt għall-eżistenza tal-ġurnaliżmu professjonali online, toħloq theddida serja għal-libertà tal-midja; jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tuża l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali biex tindirizza l-fallimenti tas-suq u ttejjeb ir-relazzjoni żbilanċjata bejn il-ġganti tat-teknoloġija u l-kumpaniji tal-aħbarijiet, bir-rispett dovut għall-kompetenza regolatorja tal-Istati Membri għas-salvagwardja tal-pluraliżmu tal-midja;

60.

jenfasizza li l-kredibbiltà tal-midja tiżdied jew tonqos abbażi tal-indipendenza u l-libertà tal-espressjoni tagħha. Dan jikkuntrasta ma’ sitwazzjonijiet fejn korp governattiv jew mhux governattiv jista’ jiddeċiedi waħdu liema kontenut huwa affidabbli, kif jiġi kkontrollat l-aċċess għall-pjattaformi u liema kontenut jingħata inqas prijorità;

61.

fir-rigward tal-azzjonijiet rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni, jenfasizza b’mod partikolari l-involviment taċ-ċittadini u l-benefiċċji għaċ-ċittadini, li huma l-kriterji ewlenin għall-appoġġ tal-proġetti, kif ukoll it-titjib tal-litteriżmu medjatiku fost il-pubbliku, speċjalment iż-żgħażagħ;

62.

iqis li huwa neċessarju li jiġi promoss il-litteriżmu medjatiku u tal-informazzjoni sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u tingħata għajnuna liċ-ċittadini biex jinnavigaw fl-ambjenti tal-midja diġitali, kif ukoll biex titrawwem ekosistema tal-midja b’kontenut ta’ kwalità u awtoregolamentazzjoni etika biex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz;

63.

jilqa’ l-fatt li ċ-ċittadini huma fil-qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal ambjent tal-midja pluralistiku, divers u indipendenti, inkluż fil-livell reġjonali u lokali;

64.

jenfasizza, fl-interess tal-indipendenza tal-midja, li kwalunkwe appoġġ finanzjarju lill-midja għandu preferibbilment ikun soluzzjoni temporanja u jrid ikun verament universali. Is-sussidji selettivi għandhom ikunu limitati sabiex jiġi ppreservat ġurnaliżmu ħieles u ffinanzjat mis-suq. Madankollu, jekk jittieħdu miżuri eċċezzjonali, għandha tingħata attenzjoni biex jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq u l-indipendenza tal-midja għandha tiġi salvagwardjata;

65.

iqis li l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva għandu jippromovi l-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni tal-midja, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta’ appoġġ, riċerka, sensibilizzazzjoni, kooperazzjoni u ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali indipendenti, kif ukoll forom ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi tal-midja u l-istituzzjonijiet edukattivi;

Il-kuntest regolatorju

66.

jappella li jiġi konkretizzat l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea favur suq tal-midja Ewropew li jiffunzjona tajjeb; jemmen li soluzzjoni ta’ suċċess għal din il-problema tista’ tmur lil hinn mil-leġiżlazzjoni dwar id-data, peress li hemm inkluż ukoll l-użu attiv ta’ strumenti tal-politika tal-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropea biex tiġi evitata, pereżempju, id-disponibbiltà limitata ta’ infrastrutturi ewlenin għal parteċipanti ġodda fis-suq fl-Ewropa;

67.

itenni li l-politika awdjoviżiva tal-UE għandha tkun ibbażata fuq viżjoni olistika tal-ispazju ta’ manuvra li għad baqa’ fl-oqsma kollha relatati mal-midja bħall-kompetizzjoni, id-drittijiet tal-awtur, id-data, eċċ. It-tfassil tal-politika tal-UE jeħtieġ approċċ aktar orizzontali għas-settur awdjoviżiv u dak tal-midja; jitlob għal viżjoni aktar dettaljata u fit-tul għas-settur awdjoviżiv u għall-industrija tal-midja Ewropea kollha kemm hi;

68.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ regolatorju speċifiku għall-politika tad-data għas-Suq Uniku Diġitali Ewropew sabiex jiġi sfruttat in-negozju li qed jespandi ta’ pjattaformi online, internazzjonali u b’saħħithom, ta’ video on demand għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha;

69.

jitlob li jkun hemm politika tal-UE aktar dettaljata li toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni de facto għall-fornituri kollha tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva. Dan jinkludi regoli dwar il-kondiviżjoni tad-data, il-monitoraġġ tal-kompetizzjoni u l-benefiċċji tat-taxxa. Għal operaturi iżgħar tas-suq f’dan is-settur, għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet sabiex tiżdied id-diversità tal-kontenut u l-produzzjoni lokali;

70.

jemmen fil-benefiċċji ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika fil-livell tal-UE bejn l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Midja: dawn għandu jkollhom l-istess objettiv – ekosistema Ewropea teknoloġikament avvanzata, etika u finanzjarjament soda li tkun kompetittiva internazzjonalment;

71.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li aċċess imtejjeb għall-kontenut awdjoviżiv u d-distribuzzjoni tiegħu se jkunu ta’ benefiċċju għad-domanda transkonfinali dejjem tikber (inkluż fir-reġjuni tal-fruntiera) u l-minoranzi lingwistiċi u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-politika tal-UE. L-imblukkar ġeografiku għandu jibqa’ jiġi limitat u jitnaqqas sabiex is-settur ikun jista’ jiżviluppa b’mod aktar liberu fl-UE kollha;

Governanza

72.

iqis, b’mod partikolari fir-rigward tal-Azzjoni 1 tal-Pjan ta’ Azzjoni, li approċċ b’saħħtu bbażat fuq il-post u sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mezz effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom;

73.

jinsab lest li jsegwi dan il-Pjan ta’ Azzjoni flimkien mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu żviluppati miżuri ta’ implimentazzjoni biex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għall-midja lokali u reġjonali fl-UE.

Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


Top