Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1211(05)

Notifika li temenda n-notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumpingli jikkonċerna l-importazzjoni ta’ plywood tal-betula li joriġina mir-Russja 2020/C 428/14

C/2020/8619

ĠU C 428, 11.12.2020, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/27


Notifika li temenda n-notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ plywood tal-betula li joriġina mir-Russja

(2020/C 428/14)

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (1) (l-“in-Notifika tal-14 ta’ Ottubru 2020”) li bi żball ħalla barra taqsima dwar il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Filwaqt li din l-ommissjoni ma taffettwax id-dritt tal-partijiet interessati li jagħmlu sottomissjonijiet rigward l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”), il-Kummissjoni madankollu tqis li huwa xieraq li din l-ommissjoni tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta’ trasparenza proċedurali. Għalhekk, in-Notifika tal-14 ta’ Ottubru 2020 għandha tiġi emendata kif ġej:

Fit-Taqsima 5 tan-Notifika tal-14 ta’ Ottubru 2020, wara t-tieni paragrafu tal-paragrafu li jmiss, għandu jiżdied:

“Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.”

Wara t-Taqsima 5.4, għandha tiżdied it-taqsima li ġejja:

“5.4a.   Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ta’ test liberu jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2486). L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk tkun appoġġata minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

Kwistjonijiet proċedurali oħra

Il-perjodu ta’ żmien għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni għandu jintemm 37 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika li temenda n-Notifika tal-14 ta’ Ottubru 2020. Minħabba li l-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku hija separata mill-valutazzjoni tad-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, ir-regoli proċedurali l-oħra kollha msemmija fin-Notifika tal-14 ta’ Ottubru 2020 jibqgħu japplikaw għal din l-investigazzjoni fejn rilevanti.


(1)  ĠU C 342, 14.10.2020, p. 2

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21


Top