IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2018
COM(2018) 721 final
2018/0373(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem, “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri imposta fir-rigward ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri. Flimkien mat-talba għal estensjoni, il-Latvja ressqet rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal previst għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis.
B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, bit-talba tal-Latvja, permezz tal-ittri tas-7 ta’ Settembru 2018. Bl-ittra tal-10 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tivvaluta t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT dovuta minn fuq ix-xiri li jsir għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jeżiġi li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat, ikun provvista ta’ servizzi li jitqiesu jekk il-VAT fuq il-merkanzija kienet eliġibbli għal tnaqqis. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun tnaqqset fil-bidu b’rabta mal-użu privat.
Fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li huwa diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu privat u dak tan-negozju. Meta jinżammu r-reġistri, iż-żamma u l-verifika tagħhom iżidu piż ulterjuri fuq in-negozju kif ukoll fuq l-amministrazzjoni.
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/191/UE il-Latvja ngħatat l-awtorizzazzjoni biex tirrestrinġi d-dritt għal tnaqqis għal 80 % fir-rigward ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri. Il-Latvja qieset li dan il-perċentwal ma kienx jikkorrispondi għaċ-ċirkostanzi reali u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 il-Latvja ngħatat l-awtorizzazzjoni biex tirrestrinġi d-dritt għal tnaqqis għal 50 %. Din id-Deċiżjoni tal-aħħar tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2018 u l-Latvja talbet biex testendiha għal perjodu ta’ żmien limitat ieħor.
Kif meħtieġ mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429, il-Latvja ressqet rapport li jinkludi analiżi tal-perċentwal stabbilit għat-tnaqqis tal-VAT.
Il-Latvja tqis li l-limitu tal-perċentwal applikat għadu xieraq. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali l-Latvja għamlet użu sħiħ mir-restrizzjoni tat-tnaqqis u tirrikonoxxi li, meta vettura tal-passiġġieri ma tintużax biss għal skopijiet ta’ negozju, din ir-restrizzjoni tippermetti li jitħaffef il-piż amministrattiv kemm għal min iħallas il-VAT kif ukoll għad-dipartiment tat-taxxa.
Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga jibqgħu japplikaw. Għaldaqstant, il-miżura speċjali tapplika għall-karozzi tal-passiġġieri kollha b’massimu ta’ tmien sits minbarra s-sit tax-xufier u taħt ċertu piż li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju. Il-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw għal ċerti attivitajiet speċifiċi jiġu esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis u jkunu ttrattati skont ir-regoli normali: il-karozzi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għall-kiri fit-tul; il-karozzi użati għat-trasportazzjoni tal-passiġġieri (bħat-taxis) jew tal-merkanzija; il-karozzi użati għal-lezzjonijiet tas-sewqan; il-karozzi użati għas-servizzi ta’ gwardja jew ta’ emerġenza; il-karozzi użati bħala dimostrazzjoni għal vetturi għall-bejgħ.
Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa, huwa propost li tingħata l-miżura ta’ deroga għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta’ Diċembru 2021. Jenħtieġ li ma’ kull talba ta’ estensjoni jinhemeż rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u din it-talba jenħtieġ li tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2021.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika
Derogi simili b’rabta mad-dritt għal tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra.
L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, dan jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ waqfien totali (“stand still”) li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.
Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli li skonthom il-kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis, din id-deroga hija xierqa sakemm jiġu armonizzati dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li qed jiġi segwit, jiġifieri li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u li jiġi simplifikat il-ġbir tal-VAT.
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat billi tista’ tiġi indirizzata lil Stati Membri individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamlet il-Latvja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija mfassla biex tħaffef il-proċedura tal-intaxxar u biex tilqa’ kontra l-evażjoni tal-VAT, u għaldaqstant, għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet. Din is-soluzzjoni ġiet identifikata mil-Latvja bħala miżura adegwata u tista’ titqabbel ma’ derogi oħrajn tal-imgħoddi u tal-lum.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; terminu preskrittiv awtomatiku li huwa stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2021.
F’każ li l-Latvja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2021, jenħtieġ li jitressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021.
2018/0373 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 awtorizzat lil-Latvja biex tirrestrinġi d-dritt għal tnaqqis għal 50 % tal-VAT fuq ix-xiri, il-kiri fit-tul, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat ta’ mhux aktar minn 3500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien sits minbarra s-sit tas-sewwieq, kif ukoll in-nefqa relatata mal-manutenzjoni, it-tiswija u l-fjuwil ta’ dawn il-karozzi tal-passiġġieri sal-31 ta’ Diċembru 2018.
(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Latvja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkun tista’ tirrestrinġi d-dritt għal tnaqqis b’rabta man-nefqa fuq ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju.
(3)Il-Kummissjoni għaddiet it-talba tal-Latvja lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittra tas-7 ta’ Settembru 2018. Bl-ittra tal-10 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tivvaluta t-talba.
(4)Kif meħtieġ mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429, il-Latvja ressqet rapport li jinkludi analiżi tal-perċentwal stabbilit għat-tnaqqis tal-VAT. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, il-Latvja tiddikjara li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u jibqa’ xieraq.
(5)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq. Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura ta’ deroga fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri għal perjodu limitat, sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(6)F’każ li l-Latvja tqis li estensjoni ulterjuri tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2021 hija neċessarja, jenħtieġ li tressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat, flimkien mat-talba għall-estensjoni, sal-31 ta’ Marzu 2021.
(7)Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont ġenerali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT.
(8)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ Artikolu 6
1. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
2. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2021 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President