IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.4.2018
COM(2018) 171 final
2018/0081(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol
{SWD(2018) 87 final}
{SWD(2018) 88 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema billi tnaqqas l-espożizzjoni okkupazzjonali għal ħames aġenti kimiċi karċinoġeniċi, li tipprovdi aktar ċarezza għall-ħaddiema, għall-impjegati u għall-infurzaturi, u li tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi.
Fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President Juncker enfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-frammentazzjoni soċjali u d-dumping soċjali fl-Ewropa billi jingħaqdu l-isforzi u jitwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pilastru - ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 fis-Summit Soċjali f’Gothenburg - huwa mfassal biex jagħti direzzjoni għal proċess imġedded ta’ konverġenza lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar fl-Unjoni kollha. Jidentifika d-dritt tal-ħaddiema għal ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sikur u adattat sew, li jinkludi l-protezzjoni mill-karċinoġeni, bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin. Il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, billi jitnaqqsu kontinwament l-espożizzjonijiet okkupazzjonali għal sustanzi karċinoġeniċi u mutaġeniċi, hija azzjoni konkreta tal-Kummissjoni ta’ Juncker biex twettaq din il-prijorità ewlenija. Dan ġie ddikjarat b’mod ċar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd”.
Barra minn hekk, l-indirizzar tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea billi titressaq proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni għall-ħaddiema mir-riskji tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (relatati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni) huwa inkluż fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019.
L-intenzjoni hija wkoll li titkompla din il-ħidma importanti bil-ħsieb li jiġu proposti valuri limitu vinkolanti għal karċinoġeni u mutaġeni oħrajn.
Il-kanċer huwa l-problema ewlenija tas-saħħa relatata max-xogħol fl-EU-28, u jikkawża l-istess ammont ta’ ħsara għall-ħajja u s-saħħa tal-ħaddiema bħal dawn it-tnejn li ġejjin flimkien (id-disturbi muskoloskeletali u l-mard relatat maċ-ċirkolazzjoni). Madankollu, l-impatt negattiv ta’ espożizzjoni għolja għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol huwa ferm aktar estensiv. Minbarra l-kanċers, dan jista’ jikkawża wkoll firxa wiesgħa ta’ problemi tas-saħħa sinifikanti oħrajn bħall-mard respiratorju u d-disturbi newroloġiċi. Dan kollu jġib miegħu tbatija għall-ħaddiema u għall-qraba tagħhom, kwalità ħażina tal-ħajja, benessri mnaqqsa u, fl-agħar każ, il-mewt.
Il-Kummissjoni Ewropea ħadet passi biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi adottat żewġ proposti leġiżlattivi li jaġġornaw id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (“id-Direttiva”), f’Mejju 2016 u f’Jannar 2017 rispettivament, li jindirizzaw 20 karċinoġenu flimkien. Iż-żewġ proposti ġew akkumpanjati minn Valutazzjonijiet tal-Impatt rilevanti. L-ewwel proposta ġiet adottata mill-koleġiżlaturi fit-12 ta’ Diċembru 2017 bħala d-Direttiva (UE) 2017/2398 u t-tieni waħda bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Kunsill u l-Parlament. Il-Kunsill wasal għal approċċ ġenerali fis-sessjoni tiegħu fil-15-16 ta’ Ġunju 2017, filwaqt li l-pożizzjoni tal-ewwel qari tal-Parlament hija mistennija fl-ewwel tliet xhur tal-2018.
Għal din it-tielet proposta, fl-2017 il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-Sħab Soċjali Ewropej, fil-bidu dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel nett fir-rigward ta’ reviżjonijiet oħrajn tad-Direttiva, u t-tieni nett dwar il-kontenut possibbli tagħha, skont l-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, ikkonfermaw li l-ħames karċinoġeni magħżula għat-tielet emenda tad-Direttiva huma ta’ rilevanza kbira għall-protezzjoni tal-ħaddiema u ħeġġew lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma ta’ tħejjija għall-istabbiliment tal-valuri limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali (“OELs”) għal:
(1)Il-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu skont il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva
(2)Il-berillju u l-komposti inorganiċi tal-berillju skont il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva
(3)L-aċidu tal-arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-komposti inorganiċi tal-arseniku taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva
(4)Il-formaldeid
(5)4,4’-Metilen-bis(2-kloroanilina) (“MOCA”).
Dan reġa’ ġie kkonfermat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fi ħdan il-qafas tal-Kumitat tripartitiku ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH).
Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti valuri limitu, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li tinkludi dejta teknika u xjentifika, fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli, fl-Anness III tad-Direttiva. Kif previst fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva, l-Anness III tad-Direttiva jista’ jiġi emendat skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153(2) tat-TFUE (proċedura leġislattiva ordinarja).
Id-Direttiva tistipula għadd ta’ rekwiżiti minimi ġenerali biex tiġi eliminata jew titnaqqas l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-impjegaturi għandhom jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji għall-ħaddiema marbuta mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni speċifiċi fuq il-post tax-xogħol, u għandhom jipprevjenu l-espożizzjoni fejn ikun hemm ir-riskji. Fejn hu teknikament possibbli, hija rikjesta s-sostituzzjoni bi proċess mhux perikoluż jew inqas perikoluż jew aġent kimiku. Fejn is-sostituzzjoni ma tkunx teknikament possibbli, il-karċinoġeni kimiċi għandhom, sa fejn ikun teknikament possibbli, jiġu mmanifatturati u użati f’sistema magħluqa biex tiġi evitata l-espożizzjoni. Fejn dan ma jkunx teknikament possibbli, l-espożizzjoni tal-ħaddiem għandha titnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli. Dan huwa l-obbligu tal-minimizzazzjoni skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva.
Minbarra dawn ir-rekwiżiti minimi ġenerali, id-Direttiva tindika b’mod ċar li l-istabbiliment ta’ OELs għall-espożizzjoni permezz tal-inalazzjoni għall-karċinoġeni u mutaġeni li għalihom dan huwa possibbli huwa parti integrali tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Dawk il-valuri għad iridu jiġu stabbiliti għall-aġenti kimiċi li għalihom ma jeżistu l-ebda valuri bħalhom u jridu jiġu riveduti kull meta dan isir possibbli fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika aktar riċenti. L-OELs għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni speċifiċi huma stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva. Bħalissa, l-Anness III għandu 14-il entrata.
It-tnaqqis tal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol permezz tal-istabbiliment ta’ OELs għall-UE kollha jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-prevenzjoni tal-każijiet ta’ kanċer, kif ukoll ta’ problemi tas-saħħa sinifikanti oħrajn li mhumiex kanċer ikkawżati minn dawn is-sustanzi. Konsegwentement, itejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-benessri tal-ħaddiema u tal-qraba tagħhom, itawwal il-ħajja tax-xogħol, jikkontribwixxi għal produttività u kompetittività aħjar tal-UE u jtejjeb il-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fl-UE. L-istimi juru li din il-proposta, meta tiġi adottata, f’terminu twil se ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar minn 1 000 000 ħaddiem tal-UE u tipprevjeni aktar minn 22 000 każ ta’ mard relatat max-xogħol (kanċers u mhux kanċers).
L-informazzjoni disponibbli, inkluża d-dejta xjentifika, tikkonferma l-ħtieġa li mal-Anness III jiġu miżjuda l-valuri limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali għal dawn is-sustanzi karċinoġeniċi u kkonfermat ukoll il-ħtieġa li tiġi miżjuda notazzjoni dwar il-ġilda għall-MOCA, notazzjoni dwar is-sensitizzazzjoni tal-ġilda għall-formaldeid u notazzjoni dwar il-ġilda u dwar is-sensitizzazzjoni respiratorja għall-berillju u għall-komposti inorganiċi tiegħu.
Fuq din il-bażi, huwa propost li jittieħdu miżuri speċifiċi bil-ħsieb li fl-Anness III jiġu stabbiliti valuri limitu għal ħames karċinoġeni addizzjonali ssupplimentati b’notazzjonijiet rilevanti, kif speċifikat hawn fuq, fil-każ tal-MOCA, tal-formaldeid u tal-berillju u l-komposti inorganiċi tiegħu.
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Din l-inizjattiva għal emenda tad-Direttiva 2004/37 hija konformi mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Timplimenta l-10 prinċipju tiegħu “Ambjent tax-xogħol u protezzjoni tad-data tajbin għas-saħħa, siguri u adattati sew” u tikkontribwixxi direttament għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.
Il-modernizzazzjoni tal-qafas ġuridiku permezz tal-istabbiliment ta’ OELs aġġornati dwar l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni ġiet identifikata wkoll bħala l-prijorità ewlenija fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali (OSH) mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd” tal-10 ta’ Jannar 2017.
Id-Direttiva 89/391/KEE (“id-Direttiva Qafas”) dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u d-Direttiva 98/24/KE dwar ir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol japplikaw bħala liġi ġenerali mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li hemm fid-Direttiva.
Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-ħaddiema milli jsofru minn aċċidenti serji jew minn mard okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema matul il-ħajja kollha tax-xogħol tagħhom, huma l-prinċipju ewlieni f’konformità mal-ambizzjoni għal klassifikazzjoni soċjali “AAA” għall-Ewropa stabbilit mill-President Juncker fil-linji gwida politiċi tiegħu. Dan għandu wkoll impatt pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività u huwa essenzjali biex jiġu promossi ħajjiet ta’ xogħol itwal skont l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.
L-għanijiet tal-proposta huma konsistenti mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa).
Mill-ħames karċinoġeni meqjusa f’din il-proposta, żewġ sustanzi (l-aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu u l-MOCA) huma inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH u għalhekk huma soġġetti għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni qabel ma jitqiegħdu fis-suq jew qabel ma jintużaw. Il-kadmju ġie identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna (SVHC) u tqiegħed fil-lista ta’ kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH għall-inklużjoni possibbli fl-Anness XIV tar-REACH. Il-berillju u l-formaldeid bħalissa mhumiex identifikati bħala SVHC u lanqas ma huma soġġetti għal restrizzjonijiet skont ir-Regolament REACH. Madankollu, fir-rigward tal-formaldeid is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-ECHA biex tħejji fajl tal-Anness XV bil-ħsieb ta’ restrizzjoni possibbli tal-formaldeid u r-rilaxxaturi tal-formaldeid fit-taħlitiet u l-oġġetti għall-użu tal-konsumatur. B’mod parallel mat-tħejjija ta’ dan il-fajl tal-Anness XV, l-ECHA ntalbet tiġbor l-informazzjoni eżistenti biex tivvaluta l-espożizzjoni potenzjali mill-formaldeid u mir-rilaxxaturi tal-formaldeid fuq il-post tax-xogħol inklużi l-użi industrijali u professjonali.
Id-Direttiva u r-Regolament REACH huma komplimentari. Id-Direttiva Qafas , li tapplika bħala liġi ġenerali għall-qasam kopert minn din id-Direttiva, tipprevedi li din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eżistenti jew futuri nazzjonali u tal-UE, li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ir-REACH, min-naħa tiegħu, jiddikjara li japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva.
Fir-rigward tal-formaldeid, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/183 jirregola l-użu speċifiku tal-formaldeid bħala addittiv fl-għalf, filwaqt li jitqies li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni għal dak l-użu speċifiku mhumiex issodisfati, fid-dawl tal-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni disponibbli flimkien inter alia mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.
Huwa propost li jiġu stabbiliti valuri limitu skont id-Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin:
–Id-Direttiva tkopri kull użu ta’ karċinoġenu jew mutaġenu fuq il-post tax-xogħol fiċ-ċiklu kollu tiegħu, u tkopri l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal dawk l-aġenti rilaxxati minn kull attività ta’ xogħol, sewwa jekk prodotti intenzjonalment jew le, u sewwa jekk disponibbli fis-suq jew le.
–Il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn min iħaddem skont id-Direttiva 2004/37/KE hija marbuta mal-post tax-xogħol u hija speċifika għall-proċess u jenħtieġ li tqis ukoll l-espożizzjoni aggregata tal-ħaddiema matul l-attività tax-xogħol tagħhom ta’ kuljum għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni kollha preżenti fuq il-post tax-xogħol.
–L-OELs għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni huma stabbiliti permezz ta’ proċess robust – u finalment jgħaddu quddiem il-koleġiżlatur għall-adozzjoni – fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
–L-OELs huma parti importanti tad-Direttiva u tal-approċċ usa’ tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-ġestjoni tar-riskji kimiċi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
Bażi ġuridika
L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill “jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i) [tal-Artikolu 153 TFUE], permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji”. L-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-“titjib in partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”.
Id-Direttiva 2004/37/KE ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE bl-għan li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. L-Artikolu 16 jipprevedi l-adozzjoni ta’ valuri limitu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153(2) tat-TFUE fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli.
L-għan ta’ din il-proposta huwa li jissaħħaħ il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiem skont l-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE, fil-forma ta’ valuri limitu u notazzjonijiet fl-Anness III tad-Direttiva. Għaldaqstant l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni.
Skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, it-titjib, b’mod partikolari, tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huwa aspett tal-politika soċjali fejn l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri.
Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Peress li r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma ġeneralment simili fl-UE kollha, hemm rwol ċar għall-Unjoni Ewropea fl-appoġġ għall-Istati Membri biex jindirizzaw dawn ir-riskji.
Id-dejta miġbura fix-xogħol ta’ tħejjija jindika differenzi kbar fl-Istati Membri rigward l-iffissar tal-valuri limitu għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni skont din il-proposta.
Filwaqt li l-ebda OEL tal-UE għadu ma ġie stabbilit għall-ħames karċinoġeni meqjusa f’din id-Direttiva proposta, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-protezzjoni fil-livell nazzjonali. Għal kull sustanza hemm medda ta’ OELs nazzjonali differenti filwaqt li għadd ta’ Stati Membri għadhom ma stabbilixxewx OELs nazzjonali għas-sustanzi inkwistjoni.
OELs nazzjonali diverġenti jwasslu għal livelli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema differenti fl-UE u jfixklu wkoll il-kompetizzjoni. Il-kumpaniji li joperaw fi Stat Membru wieħed jistgħu jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ OELs li jkunu ħafna aktar baxxi (jiġifieri aktar stretti) milli l-kumpaniji li huma bbażati fi Stati Membri oħra, u jistgħu jiffaċċjaw spejjeż żejda f’termini ta’ investimenti fuq miżuri protettivi/tagħmir. Barra minn hekk, dawn id-differenzi nazzjonali jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet (ġuridiċi/amministrattivi/organizzattivi) għan-negozji li joperaw simultanjament fi Stati Membri differenti.
Taħt ċirkostanzi bħal dawn ir-rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema kontra r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni għal dawn il-karċinoġeni ma jistgħux jiġu żgurati għall-ħaddiema kollha tal-UE fl-Istati Membri kollha b’azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri waħedhom.
Livelli diverġenti ta’ protezzjoni jistgħu wkoll jipprovdu inċentivi għall-kumpaniji biex iċaqalqu l-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom fl-Istati Membri bi standards aktar baxxi. Fil-każijiet kollha, id-differenzi fl-istandards tax-xogħol għandhom impatt fuq il-kompetittività peress li jimponu spejjeż differenti fuq l-operaturi. Dan l-effett fuq is-suq uniku jista’ jitnaqqas permezz tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi ċari u speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Membri.
Barra minn hekk, din il-proposta se tħeġġeġ aktar flessibbiltà fl-impjiegi transfruntiera, minħabba li l-ħaddiema jistgħu jiġu żgurati li se jgawdu minn rekwiżiti u livelli ta’ protezzjoni tas-saħħa tagħhom minimi fl-Istati Membri kollha.
Minn dan isegwi li l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-proposta hija neċessarja u f’konformità mal-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
Id-Direttiva tista’ tiġi emendata biss fil-livell tal-UE u wara konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali (il-maniġment u l-ħaddiema) f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE.
Proporzjonalità
Din il-proposta tagħmel pass ’il quddiem biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema.
Fir-rigward tal-valuri limitu proposti, tqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi ta’ fattibbiltà wara diskussjonijiet intensivi mal-partijiet ikkonċernati kollha (ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u r-rappreżentanti tal-gvernijiet).
Skont l-Artikolu 153(4) tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet f’din il-proposta ma jimpedixxux lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti kompatibbli mat-Trattati, fil-forma ta’, pereżempju, valuri limitu aktar baxxi. L-Artikolu 153(3) tat-TFUE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinkarigaw lill-maniġment u lill-ħaddiema, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, biex b’hekk jiġu rispettati tajjeb l-arranġamenti nazzjonali stabbiliti għar-regolamentazzjoni f’dan il-qasam.
Dan isegwi li b’mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Għażla tal-istrument
L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jippermetti li fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jiġu adottati rekwiżiti minimi biss “permezz ta’ direttivi”.
3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE
Għal din il-proposta leġiżlattiva li tikkostitwixxi t-tielet emenda tad-Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni ta’ Juncker, matul l-2017 il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154(2) tat-TFUE, u ġabret l-opinjonijiet tagħhom dwar id-direzzjoni u l-kontenut possibbli tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam fir-rigward tal-istabbiliment u/jew ir-reviżjoni ta’ OELs vinkolanti oħrajn fl-Anness III tad-Direttiva, kif ukoll fir-rigward ta’ reviżjonijiet futuri tad-Direttiva.
Ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-ewwel fażi kkonfermaw li hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu introdotti standards aħjar fl-UE kollha, u biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet li jinvolvu l-espożizzjoni tal-ħaddiema.
It-tliet organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li wieġbu għall-konsultazzjoni, kollha rrikonoxxew l-importanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ħtieġa għal aktar azzjoni. Kollha qablu, b’mod wiesa’, mal-kwistjonijiet deskritti fid-dokument ta’ konsultazzjoni u kkonfermaw l-importanza li jagħtu lill-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji tas-saħħa assoċjati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni, u enfasizzaw il-ħtieġa għal inklużjoni kontinwa ta’ aġenti ġodda fl-Anness III. Barra minn hekk, enfasizzat li l-għadd ta’ sustanzi koperti jrid jiġi estiż biex jilħaq l-għan li jiġu stabbiliti 50 OEL sal-2020, skont lista stabbilita mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC).
L-erba’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li wieġbu għall-konsultazzjoni appoġġaw l-għan li l-ħaddiema jiġu protetti b’mod effettiv mill-kanċer okkupazzjonali, inkluż billi jiġu stabbiliti OELs vinkolanti fil-livell tal-UE. Fir-rigward tal-kwistjonijiet identifikati fid-dokument ta’ konsultazzjoni, dawk li jħaddmu fil-prinċipju appoġġaw il-fatt li jsiru aktar reviżjonijiet tad-Direttiva, b’ċertu kundizzjonijiet. Fil-fehma tagħhom, jenħtieġ li jiġu stabbiliti OELs vinkolanti għas-sustanzi ta’ prijorità biss. Il-proċess tal-istabbiliment tal-OELs jenħtieġ li jiġi bbażat fuq evidenza xjentifika soda, fattibbiltà teknika u ekonomika, valutazzjoni tal-impatti soċjoekonomiċi u l-opinjoni tal-ACSH tripartitiku.
Sussegwentement, il-Kummissjoni nediet il-konsultazzjoni tat-tieni fażi tas-Sħab Soċjali. Id-dokument ta’ konsultazzjoni qies il-modi possibbli kif l-azzjoni tal-UE tista’ ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-karċinoġeni jew il-mutaġeni.
It-tliet organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li wieġbu għall-konsultazzjoni tat-tieni fażi rrikonoxxew l-importanza li l-qafas leġiżlattiv eżistenti jitjieb aktar b’mod konformi mal-azzjoni tal-Kummissjoni proposta u lil hinn minnha, bil-ħsieb li jiġu indirizzati kontinwament ir-riskji kkawżati mill-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni. Tennew il-ħtieġa li jintlaħaq l-għan li jiġu stabbiliti 50 OEL għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni sal-2020.
L-erba’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li wieġbu għall-konsultazzjoni tat-tieni fażi, ikkonfermaw l-appoġġ tagħhom għall-azzjonijiet li jimmiraw lejn il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema mill-kanċer okkupazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ OELs vinkolanti fil-livell tal-UE iżda enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati valuri li huma proporzjonati u fattibbli biex jiġu implimentati f’termini tekniċi. Filwaqt li min iħaddem qies li l-kriterji tal-Kummissjoni għall-prijoritizzazzjoni tas-sustanzi huma rilevanti, huma ssuġġerew b’mod partikolari li l-kriterji tal-fattibbiltà teknika u ekonomika jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll.
Minn dawk il-konsultazzjonijiet tas-Sħab Soċjali rriżulta li jkun xieraq li jiġu miżjuda OELs ġodda għal ħames karċinoġeni permezz tat-tielet emenda tad-Direttiva.
Konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol
L-ACSH adotta opinjonijiet għas-sustanzi ta’ prijorità kollha previsti minn din it-tielet emenda tad-Direttiva. Ippropona li mal-Anness III jiġi miżjud OEL vinkolanti għal kollha kemm huma u notazzjonijiet rilevanti (notazzjoni dwar il-ġilda, sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda) għal xi wħud minnhom ukoll. Barra minn hekk, enfasizza xi sfidi li tista’ timplika l-applikazzjoni prattika ta’ ċerti OELs f’terminu qasir.
Ġbir u użu tal-għarfien espert
Fir-rieżami jew l-istabbiliment ta’ valuri limitu ġodda skont id-Direttiva, il-Kummissjoni ssegwi proċedura speċifika li tinvolvi t-tiftix tal-parir xjentifiku u l-konsultazzjoni mal-ACSH. Bażi xjentifika b’saħħitha hija indispensabbli biex issaħħaħ kwalunkwe azzjoni għas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-karċinoġeni u l-mutaġeni. F’dan ir-rigward, bil-ħsieb li jiġi integrat il-parir xjentifiku u b’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd” tal-10 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni titlob parir mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (SCOEL) u mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Il-Kummissjoni tista’ tirreferi wkoll għal informazzjoni xjentifika miksuba minn sorsi oħra sakemm id-dejta hija robusta biżżejjed u hija fid-dominju pubbliku (eż. l-monografi tal-IARC, il-Kumitati Xjentifiċi Nazzjonali).
Għas-sustanzi koperti f’din l-inizjattiva, il-parir xjentifiku ġie pprovdut mill-SCOEL (dwar il-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu, il-berillju u l-komposti inorganiċi tiegħu, il-formaldeid) u l-RAC (dwar l-aċidu tal-arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-komposti inorganiċi tal-arseniku u l-MOCA).
Dan huwa konformi mar-riżultat tal-eżerċizzju REACH REFIT li jiffoka fuq is-simplifikazzjoni tal-proċess tal-ġenerazzjoni tal-parir xjentifiku. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH tal-5 ta’ Marzu 2018 tipproponi li ssaħħaħ ir-rwol tal-RAC fl-għoti tal-opinjonijiet xjentifiċi għall-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali.
F’din il-proposta iż-żewġ kumitati jevalwaw l-effetti tas-saħħa tal-aġenti kimiċi fuq il-ħaddiema fuq il-bażi ta’ evidenza xjentifika soda. Assistew lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-aħħar dejta xjentifika disponibbli u biex tipproponi OELs għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi li jridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva.
Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rieżaminat mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u fit-23 ta’ Frar 2018 irċieva opinjoni pożittiva.
Ġew eżaminati l-opzjonijiet li ġejjin għal valuri limitu differenti u/jew notazzjonijiet (notazzjoni dwar il-ġilda, u sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda) għal kull wieħed mill-ħames karċinoġeni:
·Xenarju bażi ta’ ebda azzjoni ulterjuri mill-UE għal kull aġent kimiku f’din l-inizjattiva bħala l-Opzjoni 1.
·Barra mix-xenarju bażi, tqiesu OELs fil-livell propost mill-ACSH u f’punt ta’ referenza wieħed jew tnejn addizzjonali (eż. l-aktar valur limitu strett osservat fost l-Istati Membri).
Bosta opzjonijiet oħrajn ġew skartati fi stadju bikri minħabba li tqiesu bħala sproporzjonati jew inqas effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-inizjattiva, inter alia l-projbizzjoni tal-użu tal-aġenti kimiċi karċinoġeniċi; il-provvista ta’ informazzjoni xjentifika speċifika għall-industrija u linji gwida biex jappoġġaw lil min iħaddem fil-konformità mal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva; il-proposta ta’ strument ibbażat fuq is-suq bħal pereżempju sussidji, ħelsien mit-taxxa jew tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali biex jingħata inċentiv lin-negozji biex jikkonformaw mar-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà; il-promozzjoni tal-awtoregolamentazzjoni tal-industrija, bħal pereżempju programmi volontarji tal-ġestjoni tal-prodott jew ftehimiet awtonomi tas-sħab soċjali; ir-regolazzjoni tal-OELs taħt strumenti oħra tal-UE (eż. ir-Regolament REACH); jew l-adozzjoni diretta tal-aktar OEL nazzjonali stretti.
Twettqet analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-opzjonijiet differenti ta’ politika għal kull aġent kimiku. Ir-riżultati tal-istudju huma ppreżentati fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta. It-tqabbil tal-opzjonijiet ta’ politika u l-għażla tal-opzjoni ppreferuta saru fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza. L-ispejjeż u l-benefiċċji ġew ikkalkulati fuq perjodu ta’ 60 snin, b’mod konformi mal-piż futur tal-kanċer stmat matul l-istess perjodu biex jittieħed kont sewwa tal-perjodu ta’ latenza tal-kanċer. Il-passi analitiċi kollha twettqu b’mod konformi mal-Linji Gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar.
Il-miżuri li jirriżultaw mill-opinjonijiet tal-ACSH inżammu bħala għażla politika fir-rigward tal-aġenti kimiċi kollha f’din il-proposta, inklużi l-perjodi tranżitorji għal tliet sustanzi (il-kadmju, il-berillju u l-aċidu tal-arseniku). Fir-rigward tal-kadmju, l-adozzjoni immedjata tal-valur magħżul tista’ taffettwa b’mod negattiv għadd limitat ħafna ta’ unitajiet tan-negozju, b’xi telf ta’ impjiegi assoċjat. Perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin kif propost mill-ACSH jista’ jgħin biex tittaffa din l-isfida. Fir-rigward tal-berillju, il-grupp ta’ interess ta’ min iħaddem esprima tħassib li l-kisba immedjata tal-valur magħżul tista’ tkun teknikament ta’ sfida. Għalhekk, l-ACSH ippropona perjodu tranżitorju ta’ ħames snin. Għal dawn is-sustanzi perjodu tranżitorju b’valur ogħla jippermetti lill-kumpaniji biex jantiċipaw il-bidliet, jintroduċu b’mod gradwali t-titjib u jippjanaw l-investimenti meħtieġa, u b’hekk jiġu evitati każijiet ta’ għeluq u telf ta’ impjiegi. Għall-aċidu tal-arseniku, is-settur li jista’ jaffaċċja sfidi tekniċi biex jimplimenta l-valur magħżul kif identifikat mill-ACSH, u konsegwentement ikun jeħtieġ perjodu tranżitorju, huwa s-settur tat-tidwib tar-ram. Fuq il-bażi tal-analiżi tas-suġġeriment ta’ hawn fuq kif ukoll tad-dejta li tirriżulta mill-istudju estern, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġu stabbiliti perjodi tranżitorji għat-tliet sustanzi kkonċernati.
Fir-rigward tal-impatt fuq il-ħaddiema, l-opzjoni ta’ politika magħżula għall-ħames sustanzi li qed jiġu kkunsidrati jenħtieġ li tirriżulta f’benefiċċji f’termini ta’ każijiet evitati ta’ mard u ta’ kanċer relatati max-xogħol u benefiċċji tas-saħħa monetizzati relatati, filwaqt li tnaqqas l-effetti bħal pereżempju t-tbatija tal-ħaddiema u tal-familji li qed jindukrawhom, kwalità tal-ħajja mnaqqsa jew benessri mdgħajjef.
Skont l-istimi, l-adozzjoni tal-proposta timplika li f’terminu twil aktar minn 1 000 000 ħaddiema tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn prevenzjoni u protezzjoni mtejjba fir-rigward tal-espożizzjoni okkupazzjonali għas-sustanzi karċinoġeni u mutaġeni, li jistgħu jkunu fl-oriġini ta’ tipi differenti ta’ kanċer eż. tal-pulmun, tal-bużżieqa tal-awrina, tal-kliewi, nażofarinġali u oħrajn, u tista’ tipprevjeni 22 000 każ ta’ mard.
Fir-rigward tal-impatt fuq min iħaddem, għall-maġġoranza tal-karċinoġeni, l-ispejjeż għan-negozji huma mistennija li jkunu limitati għal aġġustamenti minuri li se jkunu jridu jsiru f’każijiet speċifiċi sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa. Il-proposta ma żżid l-ebda obbligu ta’ informazzjoni u għalhekk mhux se twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi. L-investimenti f’miżuri protettivi se jgħinu wkoll lill-kumpaniji biex jevitaw l-ispejjeż relatati mal-assenza tal-persunal u mal-produttività mnaqqsa, li jistgħu jiġu kkawżati minħabba mard.
Fir-rigward tal-impatt fuq l-Istati Membri/l-awtoritajiet nazzjonali, meta wieħed iqis l-ispejjeż ekonomiċi sostanzjali tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għas-sustanzi perikolużi, din il-proposta se tikkontribwixxi wkoll biex jittaffa t-telf finanzjarju mġarrab mis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Mill-perspettiva ekonomika, il-kopertura u l-adegwatezza tal-valuri limitu fl-UE kollha huma l-fattur uniku determinati ta’ min jerfa’ l-piż tal-ispejjeż għall-mard okkupazzjonali.
L-ispejjeż amministrattivi u ta’ infurzar għall-Istati Membri se jvarjaw skont l-istatus attwali ta’ kull aġent kimiku f’kull Stat Membru, iżda jenħtieġ li ma jkunux sinifikanti. Barra minn hekk, l-istabbiliment tal-OELs fil-livell tal-UE f’xi Stati Membri jista’ jnaqqas il-ħtieġa biex titwettaq evalwazzjoni separata dwar kull karċenoġenu u b’hekk ineħħi l-ineffiċjenza tar-ripetizzjoni ta’ kompiti identiċi.
Fuq il-bażi tal-esperjenza miġbura mill-ħidma tal-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC) u wara li ġie kkunsidrat il-mod kif l-attivitajiet ta’ infurzar huma organizzati fi Stati Membri differenti, mhux probabbli li l-introduzzjoni ta’ valuri limitu ġodda fid-Direttiva se jkollha xi impatt fuq l-ispejjeż globali taż-żjarat ta’ spezzjoni. Dawk ikunu ppjanati l-aktar b’mod indipendenti mill-proposta, u ta’ spiss minħabba ilmenti li jkunu waslu matul sena speċifika u/jew skont l-istrateġiji ta’ spezzjoni definiti minn awtorità speċifika, li jistgħu jindirizzaw l-industriji rilevanti fejn ikunu preżenti s-sustanzi kimiċi kkonċernati. Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza tal-OELs, permezz tal-introduzzjoni ta’ livelli massimi ta’ espożizzjoni, tiffaċilita x-xogħol tal-ispetturi billi tipprovdi għodda utli għall-kontrolli tal-konformità.
Għandu mnejn jiġġarrbu xi spejjeż amministrattivi addizzjonali mill-awtoritajiet rigward il-ħtieġa li jipprovdu informazzjoni u taħriġ lill-persunal, kif ukoll biex issir reviżjoni tal-listi ta’ kontroll tal-konformità. Madanakollu, dawn l-ispejjeż huma minuri meta mqabbla mal-ispejjeż globali tat-tħaddim imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar.
Mit-tqabbil tal-opzjonijiet u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, jista’ jiġi konkluż li l-proposta tilħaq l-għanijiet stabbiliti bi spejjeż ġeneralment raġonevoli u li hija xierqa.
Mhumiex mistennija aktar rilaxxi fl-ambjent mill-applikazzjoni ta’ OELs aktar baxxi u għalhekk il-proposta ma għandhiex impatti ambjentali sinifikanti.
Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Impatt fuq l-SMEs
Din il-proposta ma fihiex reġimi eħfef għall-mikrointrapriżi u għall-SMEs. Skont id-Direttiva, l-SMEs mhumiex eżonerati mill-obbligu li jeliminaw jew inaqqsu għal minimu r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni okkupazzjonali għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni.
Għal ħafna mill-karċinoġeni koperti b’din l-inizjattiva diġà jeżistu OELs fil-livell nazzjonali, anki jekk il-livell bħala tali jvarja fost l-Istati Membri. L-istabbiliment tal-valuri limitu previsti f’din il-proposta ma għandu ikollu l-ebda impatt fuq dawk l-SMEs li jinsabu/huma lokalizzati f’dawk l-Istati Membri fejn il-valuri limitu nazzjonali huma ugwali jew inqas mill-valuri proposti. Madankollu, se jkun hemm impatt ekonomiku f’dawk l-Istati Membri (u l-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dawn il-pajjiżi) li attwalment għandhom limiti ogħla ta’ espożizzjoni okkupazzjonali stabbiliti għall-karċinoġeni li huma s-suġġett ta’ din il-proposta.
Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni, l-impatt fuq l-ispejjeż operattivi għan-negozju (inklużi l-SMEs) se jkun limitat minħabba li hemm bżonn biss ta’ aġġustamenti minimi biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa. Din il-proposta mhux se żżid obbligi ta’ informazzjoni jew twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi. Barra minn hekk, il-perjodi tranżitorji stabbiliti għal xi wħud mis-sustanzi se jgħinu lill-SMEs biex jindirizzaw kwalunkwe sfida teknika speċifika u jippjanaw l-investimenti biżżejjed bil-quddiem.
Impatt fuq il-kompetittività jew il-kummerċ internazzjonali tal-UE
Il-prevenzjoni tar-riskji u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet aħjar ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali mhux biss biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-impjiegi, iżda wkoll għall-promozzjoni tal-kompetittività. Li l-ħaddiema jinżammu f’saħħithom għandu impatt pożittiv dirett u li jitkejjel fuq il-produttività, u jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq uniku. Id-differenzi kompetittivi fost l-intrapriżi li jinsabu fi Stati Membri b’valuri limitu nazzjonali differenti jistgħu jitnaqqsu bl-istabbiliment ta’ valuri limitu fl-UE kollha għal dawk l-aġenti.
Il-proposta ma għandhiex ikollha impatt sinifikanti fuq il-kompetittività esterna tal-intrapriżi tal-UE. Filwaqt li l-pajjiżi mhux fl-UE stabbilixxew medda wiesgħa ta’ valuri ta’ espożizzjoni, il-valuri limitu magħżula huma konformi mal-prattika internazzjonali (eż. l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Awstralja).
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi baġitarji u tal-persunal addizzjonali għall-baġit tal-UE jew korpi stabbiliti mill-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Huwa previst il-monitoraġġ tal-għadd ta’ każijiet ta’ mard okkupazzjonali u ta’ każijiet tal-kanċer okkupazzjonali relatati bl-użu ta’ sorsi ta’ dejta disponibbli, kif ukoll il-monitoraġġ tal-ispejjeż relatati mal-kanċer okkupazzjonali għall-operaturi ekonomiċi (eż. it-telf ta’ produttività) u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali.
Se titwettaq valutazzjoni tal-konformità f’żewġ stadji (traspożizzjoni u kontrolli tal-konformità) għat-traspożizzjoni tal-valuri limitu stabbiliti. L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni prattika tal-emendi proposti se titwettaq fil-qafas tal-evalwazzjoni perjodika li trid titwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(a) tad-Direttiva 89/391/KEE. Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni u tal-infurzar se jitwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-ispettorati tax-xogħol nazzjonali.
Fil-livell tal-UE, il-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC) se jkompli jinforma lill-Kummissjoni dwar kull problema prattika relatata mal-infurzar tad-Direttiva 2004/37/KE, inklużi d-diffikultajiet fir-rigward tal-konformità mal-valuri limitu vinkolanti. Barra minn hekk, l-SLIC se jkompli jivvaluta l-każijiet irrappurtati, jiskambja informazzjoni u prattika tajba f’dan ir-rigward u, jekk ikun meħtieġ, jiżviluppa għodod ta’ appoġġ għall-infurzar bħal pereżempju gwida.
Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
L-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva. Hija meħtieġa informazzjoni mhux ambigwa dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet l-ġodda biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-proposta. Il-piż amministrattiv addizzjonali stmat għall-provvista ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni mhuwiex sproporzjonat (huwa ta’ darba u ma għandux jirrikjedi l-involviment ta’ ħafna organizzazzjonijiet). Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jitħejjew b’mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa ssuġġeriet li l-Istati Membri jintrabtu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom billi jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni wieħed jew aktar fejn tiġi spjegata r-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1
Huma miżjuda ħames sustanzi ġodda fl-Anness III, u b’hekk qed tiġi estiża l-lista ta’ valuri limitu vinkolanti tal-UE, issuplimentati b’notazzjoni dwar il-ġilda għall-MOCA, notazzjoni dwar is-sensitizzazzjoni tal-ġilda għall-formaldeid, u notazzjoni għas-sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda għall-berillju u l-komposti inorganiċi tiegħu.
Artikoli 2 sa 4
L-Artikoli 2 sa 4 fihom id-dispożizzjonijiet tas-soltu dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 jirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
Anness
It-terminu “valur limitu” użat f’dan l-Anness huwa ddefinit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva. Il-valuri limitu jindirizzaw l-espożizzjoni permezz tal-inalazzjoni filwaqt li jiddeskrivu livell ta’ konċentrazzjoni massimu fl-arja għal aġent kimiku speċifiku li, jekk jinqabeż, il-ħaddiema jenħtieġ li ma jkunux esposti għalih, bħala medja, matul perjodu ta’ żmien definit.
Hija assenjata “notazzjoni dwar il-ġilda” għal aġent kimiku wieħed fejn l-RAC ivvaluta li l-assorbiment dermali jista’ jikkontribwixxi b’mod sostanzjali lill-piż totali tal-ġisem u konsegwentement għal tħassib dwar l-effetti possibbli fuq is-saħħa, jiġifieri l-MOCA. Notazzjoni dwar il-ġilda tidentifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Hija assenjata notazzjoni dwar “is-sensitizzazzjoni tal-ġilda” għal żewġ aġenti kimiċi fejn l-SCOEL ivvaluta li l-espożizzjoni għalihom tista’ tikkawża reazzjonijiet negattivi fuq il-ġilda, jiġifieri l-formaldeid u l-berillju u l-komposti inorganiċi tiegħu. Hija assenjata notazzjoni dwar “is-sensitizzazzjoni respiratorja” għal aġent kimiku wieħed fejn l-SCOEL ivvaluta li l-espożizzjoni għalih permezz tal-inalazzjoni tista’ tikkawża reazzjonijiet negattivi fis-sistema respiratorja, jiġifieri l-berillju u l-komposti inorganiċi tiegħu. Dawk li jħaddmu għandhom l-obbligu li jikkunsidraw it-tali notazzjonijiet meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u meta jimplimentaw miżuri preventivi u protettivi għal karċinoġenu jew mutaġenu partikolari skont id-Direttiva.
2018/0081 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sikur u adattat sew. Id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll għal ambjent tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet professjonali tal-ħaddiema u li jippermettihom itawlu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jinkludi wkoll il-protezzjoni mill-karċinoġeni u mill-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.
(2)Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni huwa previst fid-Direttiva 2004/37/KE permezz ta’ qafas ta’ prinċipji ġenerali biex jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. Il-valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali stabbiliti fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, inkluża dejta xjentifika u teknika, il-fattibbiltà ekonomika, valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ protokolli u tekniki tal-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, huma komponenti importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema stabbiliti bid-Direttiva 2004/37/KE. Ir-rekwiżiti minimi previsti fid-Direttiva 2004/37/KE għandhom l-għan li jipproteġu lill-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali aktar stretti jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
(3)Il-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali huma parti mill-ġestjoni tar-riskju skont id-Direttiva 2004/37/KE. Il-konformità ma’ dawk il-valuri limitu hija mingħajr preġudizzju għal obbligi oħrajn ta’ min iħaddem skont id-Direttiva 2004/37/KE, bħal pereżempju t-tnaqqis tal-użu ta’ karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni u l-miżuri li jenħtieġ li jiġu implimentati għal dak l-għan. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu, sa fejn ikun teknikament possibbli, is-sostituzzjoni tal-karċinoġenu jew tal-mutaġenu b’sustanza, taħlita jew proċess li ma jkunux perikolużi jew li jkunu inqas perikolużi għas-saħħa tal-ħaddiem, l-użu ta’ sistema magħluqa jew miżuri oħrajn li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-livell tal-espożizzjoni tal-ħaddiema. F’dak il-kuntest, huwa essenzjali li jittieħed kont tal-prinċipju ta' prekawzjoni fejn ikun hemm inċertezzi.
(4)Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma twassalx għal effetti negattivi. Filwaqt li l-istabbiliment tal-valuri limitu fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni skont id-Direttiva 2004/37/KE ma jeliminax kompletament ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (riskju residwu), madanakollu dan jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti ta’ riskji li jirriżultaw minn tali espożizzjoni fl-approċċ gradwali u li jistabbilixxi l-miri skont id-Direttiva 2004/37/KE. Għal karċinoġeni u mutaġeni oħrajn, jista’ jkun xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma tkunx mistennija twassal għal effetti negattivi.
(5)Il-livelli massimi għall-espożizzjoni tal-ħaddiema għal xi karċinoġeni jew mutaġeni huma stabbiliti minn valuri li, skont id-Direttiva 2004/37/KE, ma għandhomx jinqabżu.
(6)Din id-Direttiva ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitu ġodda fid-Direttiva 2004/37/KE fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inklużi dejta xjentifika u teknika ġdida u l-aħjar prattiki, tekniki u protokolli bbażati fuq l-evidenza għall-kejl tal-livelli ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, jekk ikun possibbli, tinkludi dejta dwar ir-riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema, rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (SCOEL) u opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), kif ukoll opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ASCH). L-informazzjoni relatata mar-riskju residwu, li tiġi ppubblikata fil-livell tal-Unjoni, hija ta’ valur għall-ħidma futura biex jiġu limitati r-riskji mill-espożizzjoni okkupazzjonali għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni. Jenħtieġ li t-trasparenza ta’ tali informazzjoni tkompli tkun inkoraġġuta.
(7)Huwa meħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati mezzi ta’ assorbiment oħra minbarra l-inalazzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha, inkluża l-possibbiltà ta’ assorbiment mill-ġilda, sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni. L-emendi għall-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE previsti f’din id-Direttiva jikkostitwixxu pass ieħor fi proċess aktar fit-tul li nbeda biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2004/37/KE.
(8)Il-valutazzjoni tal-effetti tas-saħħa tal-karċinoġeni soġġetti għal din il-proposta kienet ibbażata fuq l-għarfien espert xjentifiku rilevanti mill-SCOEL u l-RAC.
(9)L-SCOEL, li l-attivitajiet tiegħu huma rregolati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE, jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-identifikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-analiżi fid-dettall tal-aktar dejta xjentifika reċenti disponibbli u billi jipproponi valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE.
(10)Skont ir-Regolament KE Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-RAC jagħti l-opinjonijiet tal-ECHA relatati mar-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Fil-kuntest ta’ din il-proposta, l-RAC ressaq l-opinjoni tiegħu kif mitlub skont l-Artikolu 77(3)(c) tar-Regolament KE Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(11)Il-kadmju u ħafna mill-komposti inorganiċi tiegħu jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-grupp ta’ karċinoġeni. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Barra minn hekk, il-kadmju, in-nitrat tal-kadmju, l-idrossidu tal-kadmju u l-karbonat tal-kadmju ġew identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHC) skont l-Artikolu 57(a) tar-Regolament KE Nru 1907/2006 u huma inklużi fil-lista ta’ kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-Regolament għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament REACH.
(12)Fir-rigward tal-kadmju, għal xi setturi jista’ jkun diffiċli li jikkonformaw ma’ valur limitu ta’ 0,001 mg/m3 f’terminu qasir. Jenħtieġ għalhekk jiġi introdott perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,004 mg/m3.
(13)Il-berillju u ħafna mill-komposti inorganiċi tal-berillju jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Minbarra l-proprjetajiet karċinoġeniċi, il-berillju huwa magħruf li jipprovoka l-marda kronika tal-berillju (CBD) u s-sensitizzazzjoni għall-berillju (BeS). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-grupp ta’ karċinoġeni. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-berillju u għall-komposti inorganiċi tal-berillju taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda.
(14)Fir-rigward tal-berillju, għal xi setturi jista’ jkun diffiċli li jikkonformaw ma’ valur limitu ta’ 0,0002 mg/m3 f’terminu qasir. Jenħtieġ għalhekk jiġi introdott perjodu tranżitorju ta’ ħames snin li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,0006 mg/m3.
(15)L-aċidu tal-arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-maġġoranza tal-komposti inorganiċi tal-arseniku, jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għal dak il-grupp ta’ karċinoġeni. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-aċidu tal-arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll għall-komposti inorganiċi tal-arseniku taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Barra minn hekk, l-aċidu tal-arseniku, il-pentaossidu tad-diarseniku u t-triossidu tad-diarseniku huma identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHC) skont l-Artikolu 57(a) tar-Regolament KE Nru 1907/2006 u huma inklużi fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, u jeħtieġu awtorizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jintużaw.
(16)Fir-rigward tal-aċidu tal-arseniku, għas-settur tat-tidwib tar-ram jista’ jkun diffiċli li jikkonforma ma’ valur limitu ta’ 0,01 mg/m3 u għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott perjodu tranżitorju ta’ sentejn.
(17)Il-formaldeid jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Huwa karċinoġenu ġenotossiku li jaġixxi lokalment. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu fuq terminu twil u fuq terminu qasir għal dak il-karċinoġenu. Il-formaldeid huwa wkoll allerġen ta’ kuntatt mal-ġilda (sensitizzatur tal-ġilda). Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-formaldeid u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda. Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-ECHA qed tiġbor l-informazzjoni eżistenti biex tivvaluta l-espożizzjoni potenzjali mill-formaldeid u mir-rilaxxaturi tal-formaldeid fuq il-post tax-xogħol inklużi l-użi industrijali u professjonali.
(18)Is-sustanza 4,4’-Metilen-bis(2-kloroanilina)(MOCA) tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Ġiet identifikata l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti permezz tal-ġilda għall-MOCA. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-MOCA u li tiġi assenjata notazzjoni dwar il-ġilda. Barra minn hekk, ġiet identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna (SVHC) skont l-Artikolu 57(a) tar-Regolament KE Nru 1907/2006 u hija inkluża fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, u tenħtieġ awtorizzazzjoni qabel ma tkun tista’ titqiegħed fis-suq jew tintuża. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għall-MOCA.
(19)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-ACSH. Wettqet ukoll konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-ACSH adotta opinjonijiet għas-sustanzi ta’ prijorità kollha previsti minn din il-proposta u ppropona valur limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għal kull wieħed minnhom, filwaqt li appoġġa n-notazzjonijiet rilevanti għal xi wħud minnhom.
(20)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji mirquma fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja u d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa previsti, rispettivament, fl-Artikoli 2 u 31 tagħha.
(21)Il-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva jridu jinżammu taħt rieżami sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , b’mod partikolari sabiex titqies l-interazzjoni bejn il-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u l-livelli derivati ta’ bla effett għas-sustanzi kimiċi perikolużi skont dak ir-Regolament sabiex il-ħaddiema jkunu protetti b’mod effettiv.
(22)Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u li tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema minn riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(23)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jevalwaw l-impatt tal-att ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-SMEs biex jiżguraw li l-SMEs ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, b’attenzjoni speċifika għall-mikrointrapriżi u għall-piż amministrattiv, u biex jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.
(24)Minħabba li din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jenħtieġ li tiġi trasposta fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
(25)Għalhekk id-Direttiva 2004/37/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [sentejn…]. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar it-test ta’ dawk il-miżuri.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President