Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IE1473

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-intelliġenza artifiċjali: l-antiċipazzjoni tal-impatti tagħha fuq ix-xogħol biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2018/01473

ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-intelliġenza artifiċjali: l-antiċipazzjoni tal-impatti tagħha fuq ix-xogħol biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 440/01)

Relatur:

Franca SALIS-MADINIER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-robotika se jwessgħu u jamplifikaw l-effetti tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija fis-swieq tax-xogħol (1). Il-progress tekniku minn dejjem kellu influwenza fuq ix-xogħol u l-impjiegi u kien jeħtieġ forom ġodda ta’ appoġġ soċjali u soċjetali. Il-KESE jinsab konvint li l-iżvilupp teknoloġiku jista’ jikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali. Iżda jqis li jkun żball jekk wieħed jinjora l-effetti globali fuq is-soċjetà. Fid-dinja tax-xogħol, li l-IA se twessa’ u tamplifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi (2). Għalhekk il-KESE jixtieq jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-bidliet soċjali li se jakkumpanjaw l-iżvilupp tal-IA u tar-robotika bit-tisħiħ u t-tiġdid tal-mudell soċjali Ewropew.

1.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-potenzjal tal-IA u tal-applikazzjonijiet tagħha, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, tas-sigurtà tat-trasport u l-enerġija, tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u tal-antiċipazzjoni tat-theddid għaċ-ċibersigurtà. L-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji li l-IA tista’ tipprovdi, b’mod partikolari lill-persuni b’diżabbiltà, b’mobbiltà mnaqqsa, u lill-persuni mdaħħlin fl-età u lil dawk morda b’mod kroniku.

1.3.

Madankollu, l-UE ma għandhiex data dwar l-ekonomija diġitali u t-tibdil soċjali li jinbet minnha. Il-KESE jirrakkomanda li jittejbu l-għodod statistiċi u r-riċerka, b’mod partikolari dwar l-IA, l-użu tar-robots industrijali u tas-servizzi, dwar l-Internet tal-oġġetti, kif ukoll dwar il-mudelli ekonomiċi ġodda (l-ekonomija tal-pjattaform u l-forom ġodda ta’ impjieg u ta’ xogħol).

1.4.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippromwovi u tappoġġja t-twettiq ta’ studji mill-kumitati ta’ djalogu soċjali settorjali Ewropej dwar l-impatti settorjali tal-IA u tar-robotika u, b’mod aktar wiesa’, tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

1.5.

Huwa rikonoxxut li l-IA u r-robotika se jieħdu post u jibdlu l-impjiegi, ineħħu wħud minnhom u joħolqu oħrajn. Fi kwalunkwe każ, l-UE għandha tiżgura l-aċċess tal-ħaddiema kollha, ta’ dawk impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jew tal-ħaddiema indipendenti “fittizji”, għall-protezzjoni soċjali, skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.6.

Il-Kummissjoni pproponiet li jissaħħaħ il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni sabiex jibbenefikaw b’mod partikolari l-impjegati li jitilfu xogħolhom u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija (3). Il-KESE huwa tal-fehma li dan ikun pass lejn l-istabbiliment ta’ fond Ewropew ġenwin ta’ tranżizzjoni li jgħin fil-ġestjoni soċjalment responsabbli tal-bidla diġitali.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-prinċipji, l-impenji u l-obbligi rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u li jinsabu fit-testi eżistenti adottati mill-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll mill-imsieħba soċjali, jiġu applikati u msaħħa (4), b’mod partikolari meta jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, fosthom l-IA u r-robotika. Il-KESE jappella għal programm Ewropew inklużiv tal-IA mibni fuq dawn it-testi u fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-linji gwida etiċi dwar l-IA li l-Kummissjoni se tiżviluppa jistabbilixxu limitu ċar bejn l-interazzjoni tal-ħaddiema u l-magni intelliġenti, sabiex il-bniedem qatt ma jsir l-eżekutur tal-magna. Fl-ispirtu ta’ IA inklużiva, dawn il-linji gwida għandhom jistabbilixxu prinċipji tal-parteċipazzjoni, tar-responsabbiltà, tas-sjieda tal-proċessi ta’ produzzjoni sabiex, kif enfasizzat fi-Kostituzzjoni tal-ILO, ix-xogħol jipprovdi lil dawk li jagħmluh is-sodisfazzjoni li jagħmlu ħilithom kollha u jisfruttaw l-għarfien kollu tagħhom u jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-ġid komuni.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li dawn il-linji gwida jinkludu prinċipji tat-trasparenza fl-użu tas-sistemi tal-IA għall-ingaġġ, il-valutazzjoni u l-kontroll maniġerjali tal-ħaddiema, kif ukoll prinċipji tas-saħħa u tas-sigurtà u tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fl-aħħar nett, huma għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-ħaddiema, b’konformità mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni.

1.10.

L-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-etika fil-qasam tal-IA għandha tkun immonitorjata. Osservatorju Ewropew għall-etika fis-sistemi tal-IA jista’ jingħata dan ir-rwol ta’ monitoraġġ jew ta’ sorveljanza, inkluż fl-impriża.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda taħriġ fl-etika għall-inġiniera u d-disinjaturi ta’ magni intelliġenti sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ “taylorism diġitali”, fejn il-bniedem jesegwixxi l-istruzzjonijiet tal-magni. It-tixrid tal-prattiki tajbin u l-iskambju tal-esperjenzi f’dan il-qasam għandhom ikunu promossi.

1.12.

Il-KESE jitlob li jiġi ċċarati l-prinċipju tar-responsabbiltà legali. Fir-relazzjoni bejn il-bnedmin u l-magni, ir-riskji ġodda għas-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu s-suġġett ta’ approċċ aktar ambizzjuż fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà tal-prodotti (5).

1.13.

Fid-dawl tar-riskju ta’ polarizzazzjoni soċjali fil-bidla diġitali, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iniedu dibattitu dwar il-kwistjoni tal-finanzjament tal-baġits pubbliċi u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, f’ekonomija fejn qed tikber id-densità robotika (6), għalkemm it-taxxa fuq ix-xogħol tibqa’ s-sors ewlieni ta’ dħul mit-taxxa fl-Ewropa. Dan id-dibattitu għandu jinkludi b’mod utli l-kwistjoni tar-ridistribuzzjoni tal-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, biex jiġi applikat il-prinċipju tal-ekwità.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-IA għaddiet minn żviluppi bla preċedent minn meta feġġ dan il-kunċett fl-1956, u matul it-tieni nofs tas-seklu 20. Din qanqlet kemm tamiet kif ukoll diżappunti kbar. Iżda f’dawn l-aħħar snin rat żvilupp kbir ġdid li sar possibbli bis-saħħa tal-ġbir, l-organizzazzjoni u l-ħażna ta’ kwantità bla preċedent ta’ data (big data) fl-istorja tal-bniedem u taż-żieda esponenzjali tal-qawwa tal-kalkolu tal-kompjuters u tal-kapaċitajiet tal-algoritmi.

2.2.

Fl-2017, il-KESE fassal Opinjoni dwar l-IA (7), li fiha indirizza għadd ta’ kwistjonijiet. Kif kien enfasizzat f’din l-Opinjoni, m’hemmx definizzjoni preċiża tal-IA. Għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni, aħna se nqisu l-IA bħala dixxiplina li tuża teknoloġiji diġitali biex toħloq sistemi kapaċi li jirreplikaw b’mod awtonomu l-funzjonijiet konjittivi tal-bniedem, u li tinkludi b’mod partikolari l-fehim tad-data, forma ta’ fehim u ta’ adattament (soluzzjoni ta’ problemi, raġunamenti u tagħlim awtomatiċi).

2.3.

Is-sistemi tal-IA illum huma kapaċi jsolvu problemi kumplessi, li xi drabi jisbqu l-intelliġenza tal-bniedem. L-applikazzjonijiet huma potenzjalment infiniti, kemm fis-setturi tal-banek, tal-assigurazzjoni, tat-trasport, tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-enerġija, tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-difiża kif ukoll fis-setturi tal-industrija, tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura, tal-artiġjanat, eċċ. (8) L-IA mistennija ttejjeb l-effiċjenza tal-proċessi ta’ produzzjoni tal-beni u tas-servizzi, tistimula r-redditu tal-impriżi u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku.

2.4.

Dan l-iżvilupp il-ġdid tal-IA jqajjem ukoll għadd ta’ mistoqsijiet rigward ir-rwol potenzjali tagħha fis-soċjetà, il-grad ta’ awtonomija tagħha u l-interazzjoni tagħha mal-bnedmin. Kif kien enfasizzat fl-Opinjoni tal-KESE dwar l-IA adottata fl-2017 (9), dawn il-mistoqsijiet jirrigwardaw l-aktar l-etika, is-sigurtà, it-trasparenza, il-ħajja privata u l-istandards tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-aċċessibilità, il-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni, il-governanza u d-demokrazija.

2.5.

L-approċċi differenti għandhom jingħaqdu f’diskussjoni dwar l-IA biex dan id-dibattitu jinħareġ mill-ħofra ekonomika li xi drabi jaqa’ fiha. Qafas multidixxiplinari bħal dan ikun utli fl-analiżi tal-impatti tal-IA fuq id-dinja tax-xogħol, peress li dan huwa wieħed mill-postijiet ewlenin ta’ interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni. Fi kwalunkwe żmien, ix-xogħol ġie affettwat minn din it-teknoloġija. Għalhekk l-effetti tal-IA fuq l-impjiegi u x-xogħol jeħtieġu attenzjoni partikolari fil-livell politiku peress li l-istituzzjonijiet għandhom ir-rwol partikolari li jagħmlu l-proċess ta’ bidla ekonomika soċjalment sostenibbli (10).

2.6.

L-għan ta’ din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tenfasizza l-eżiti tal-IA fuq ix-xogħol, inkluż fuq in-natura tiegħu, fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq l-organizzazzjoni tiegħu. Kif diġà enfasizza l-KESE (11), l-istatistika u r-riċerka għandhom jissaħħu biex ikunu jistgħu jsiru previżjonijiet preċiżi dwar l-evoluzzjoni tas-swieq tax-xogħol, u jiġu stabbiliti indikaturi ċari ta’ ċerti tendenzi, b’mod partikolari rigward il-kwalità tax-xogħol, il-polarizzazzjoni tal-impjiegi u l-introjtu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-bidla diġitali. L-UE m’għandhiex data dwar l-hekk imsejħa ekonomija “kollaborattiva”, il-pjattaformi tax-xogħol fuq talba, il-mudelli ġodda ta’ sottokuntrattar online, kif ukoll dwar l-użu tar-robots industrijali u tas-servizzi personali, dwar l-Internet tal-oġġetti, dwar l-użu u t-tixrid tas-sistemi tal-IA.

3.   L-IA u l-bidliet fil-volum tal-impjiegi

3.1.

Il-kwistjoni tal-impatt li se jkollha l-introduzzjoni tal-IA u tar-robotika fuq il-volum tal-impjiegi fil-proċessi tal-produzzjoni hija kontroversjali. Ħafna studji ppruvaw iwieġbu din il-mistoqsija mingħajr ma waslu għal kunsens xjentifiku. Ir-riżultati differenti tagħhom (li jħaddnu firxa minn 9 % sa 54 % ta’ impjiegi mhedda (12)) irriflettu l-kumplessità tal-għażliet metodoloġiċi u l-impatti deċiżivi tagħhom fuq ir-riżultati tar-riċerka.

3.2.

It-tbassir huwa inċert peress li hemm ukoll fatturi oħrajn minbarra l-potenzjal tekniku tal-awtomatizzazzjoni, jiġifieri, bidliet politiċi, regolatorji, ekonomiċi, demografiċi, kif ukoll l-aċċettazzjoni soċjali. Mhux biżżejjed li t-teknoloġija tkun perfetta biex ikun żgurat l-użu u t-tixrid tagħha.

3.3.

Fl-aħħar nett, għadu impossibbli li wieħed ibassar bilanċ nett tal-impjiegi li jistgħu jiġu awtomatizzati f’kull settur mingħajr ma titqies il-bidla fis-snajja’ u fir-ritmu tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. L-iżvilupp tas-sistemi tal-IA ser fil-fatt jitlob impjiegi ġodda fl-inġinerija, l-informatika u t-telekomunikazzjoni (inġiniera, persunal tekniku u operaturi), kif ukoll dawk marbutin mal-big data: uffiċjali tad-data (data officers), analisti tad-data, esploraturi tad-data (data miners), eċċ.

3.4.

Ir-rwol tal-istituzzjonijiet pubbliċi se jkun li jiżguraw is-sostenibbiltà soċjali ta’ din il-bidla diġitali, li tista’ taffettwa kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-impjiegi (13). Wieħed mir-riskji enfasizzati mill-esperti huwa dak tal-polarizzazzjoni tal-impjiegi bejn, minn naħa, is-“superstars” li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ekonomija diġitali, u min-naħa l-oħra t-“telliefa” li l-kwalifiki, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom se jispiċċaw bil-mod il-mod minħabba din il-bidla. Fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha (14), il-Kummissjoni Ewropea tipproponi tweġiba għal din l-isfida li tiffoka essenzjalment fuq l-isforzi fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fit-titjib tal-ħiliet bażiċi fil-kitba, fil-qari u fis-somom, kif ukoll tal-ħiliet diġitali. Din it-tweġiba jistħoqqilha l-appoġġ tal-atturi ekonomiċi u soċjali, b’mod partikolari fil-kuntest tad-djalogu soċjali nazzjonali, Ewropew, interprofessjonali u settorjali (15).

3.5.

Madankollu l-KESE huwa tal-fehma li sforzi bħal dawn mhumiex biżżejjed biex isolvu l-kwistjonijiet kollha, speċjalment dik tal-inċertezza dwar l-iżviluppi fl-impjiegi. Tliet toroq komplementari jistħoqqilhom jiġu żviluppati: dik ta’ IA “inklużiva”, dik tal-antiċipazzjoni tal-bidliet, u fl-aħħar dik tar-ristrutturar soċjalment responsabbli u ssorveljat meta l-pjani soċjali jsiru inevitabbli.

4.   L-IA u l-awtomazzjoni inklużivi u intelliġenti

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju ta’ programm tal-IA u tal-awtomazzjoni inklużivi. Dan ifisser li meta fl-impriżi wieħed jintroduċi proċessi ġodda li jirrikjedu teknoloġiji ġodda, ikun utli li jiġu involuti l-ħaddiema fir-regoli ta’ funzjonament ta’ dawn il-proċessi. Kif jinnota d-WRR (16), l-introduzzjoni “inklużiva u intelliġenti” ta’ teknoloġiji ġodda, fejn il-ħaddiema jibqgħu fiċ-ċentru tal-proċessi u jipparteċipaw fit-titjib tagħhom, tista’ tgħin biex jitjiebu l-proċessi ta’ produzzjoni (17).

4.2.

Minħabba r-rwol li jaqdu l-algoritmi fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ta’ xogħol u ta’ valutazzjoni professjonali, il-KESE jappoġġja l-prinċipju tat-trasparenza algoritmiku, li mhuwiex li jiġu żvelati l-kodiċijiet iżda li jsiru intelliġibbli l-parametri u l-kriterji tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Ir-rikors għall-bniedem għandu jkun dejjem possibbli.

4.3.

IA li tqiegħed lill-ħaddiem fiċ-ċentru tqis l-opinjonijiet tal-persuni li se jkunu meħtieġa jaħdmu fil-proċessi teknoloġiċi ġodda, tiddefinixxi b’mod ċar il-kompiti u r-responsabbiltajiet li se jitħallew f’idejn il-ħaddiema, iżżomm forom ta’ sjieda tax-xogħol mill-ħaddiema biex dawn ma jsirux sempliċi eżekuturi.

4.4.

Il-prinċipju tar-responsabbiltà legali għandu jkun iċċarat. Ir-robots industrijali jew tas-servizzi qegħdin jikkollaboraw dejjem aktar mal-bnedmin. L-IA tippermetti lir-robots li “joħorġu mill-gaġeġ tagħhom”, u jistgħu jseħħu xi inċidenti (18). Huwa għalhekk li r-responsabbiltajiet tas-sistemi awtonomi f’każ ta’ inċident għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar; u l-ħaddiema għandhom ikunu koperti għar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà li jkollhom. Il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal riflessjoni dwar dawn ir-riskji emerġenti fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà tal-prodotti (19). Fir-rigward tas-sigurtà fil-post tax-xogħol, dian l-approċċ għandu jkun aktar ambizzjuż.

4.5.

Il-prinċipju tal-ekwità applikat għad-dinja tax-xogħol jikkonsisti f’li l-ħaddiem ma jiġix imċaħħad mix-xogħol tiegħu. Ċerti esperti enfasizzaw ir-riskju li l-IA tikkontribwixxi għal forma ta’ telf tal-ħiliet tal-ħaddiema. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li, abbażi ta’ dak previst fil-Kostituzzjoni tal-ILO, ix-xogħol jipprovdi lil dawk li jagħmluh is-sodisfazzjoni li jagħmlu ħilithom kollha u jisfruttaw l-għarfien kollu tagħhom u jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-ġid komuni. Mill-aspett maniġerjali, huwa wkoll mod kif tinżamm il-motivazzjoni għax-xogħol.

5.   Antiċipazzjoni tal-bidla

5.1.

Bosta studji nnutaw matul dawn l-aħħar snin li naqas id-djalogu soċjali Ewropew, u xi drabi dak nazzjonali, u dan minkejja x-xewqa ta “rkupru” li esprimew il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew. Madankollu dan id-djalogu soċjali huwa waħda mill-għodod l-aktar adattati biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali tad-diġitalizzazzjoni. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda bil-qawwa biex fl-impriżi u fil-livelli kollha rilevanti, dan id-djalogu jkun prattika kostanti biex inħejju għall-bidliet b’mod soċjalment aċċettabbli. Il-KESE jfakkar li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-aqwa garanti tal-paċi soċjali u tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi. Lil hinn mid-dikjarazzjonijiet politiċi ta’ rilanċ, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom responsabbiltà kbira biex jinkoraġġixxu u jikkontribwixxu għal dan id-djalogu soċjali.

5.2.

B’mod partikolari, meta jiġu introdotti dawn it-teknoloġiji, dan id-djalogu għandu jippermetti li jkunu magħrufa l-prospetti ta’ bidla tal-proċessi ta’ produzzjoni fil-kumpaniji u fis-setturi u li jiġu evalwati l-ħtiġijiet ġodda mil-lat tal-kwalifiki u tat-taħriġ, iżda wkoll li ssir riflessjoni minn qabel dwar l-użu tal-IA biex jitjiebu l-proċessi organizzattivi u produttivi, jiżdiedu l-kwalifiki tal-ħaddiema u jiġu ottimizzati r-riżorsi ġġenerati mill-IA biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda, jew biex titjieb il-kwalità tas-servizz lill-klijent.

5.3.

Ristrutturar soċjalment responsabbli

5.4.

F’każ fejn il-pjani soċjali jitqiesu inevitabbli, il-kwistjonijiet jirrigwardaw il-ġestjoni soċjali ta’ dan ir-ristrutturar. Bħalma enfasizzaw l-imsieħba soċjali fil-“Linji Gwida ta’ referenza għall-ġestjoni tal-bidla u tal-konsegwenzi soċjali tagħha” (20), diversi studji tal-każ jenfasizzaw l-importanza li jinstabu l-alternattivi kollha possibbli għat-tkeċċijiet, bħat-taħriġ, ir-rikonverżjoni, l-appoġġ għall-ħolqien tal-kumpaniji.

5.5.

F’każijiet ta’ ristrutturazzjoni, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, b’konformità mad-Direttivi Ewropej relatati (21), għandhom jiffavorixxu l-antiċipazzjoni tar-riskji, jiffaċilitaw l-aċċess tal-ħaddiema għat-taħriġ fi ħdan l-impriża, jagħmlu l-organizzazzjoni tax-xogħol aktar flessibbli filwaqt li tinżamm is-sigurtà, u jippromovu l-involviment tal-ħaddiema u fl-iżvolġiment u fil-futur tal-intrapriża.

5.6.

Fl-aħħar nett, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni Ewropea, l-UE għandha tiżgura l-aċċess taċ-ċittadini kollha, inkluż tal-impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jew tal-ħaddiema indipendenti “fittizji”, għall-protezzjoni soċjali, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni tax-xogħol, b’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (22).

6.   L-IA u l-bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol

6.1.

Fil-25 ta’ April 2018, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet “approċċ Ewropew” biex tippromwovi politiki ta’ investiment fl-iżvilupp tal-IA u tistabbilixxi linji gwida ta’ etika. Hija tenfasizza l-potenzjal ta’ tibdil fis-soċjetajiet tagħna minħabba t-teknoloġiji tal-IA speċjalment fis-setturi tat-trasport, tal-kura tas-saħħa u tal-industrija tal-manifattura.

6.2.

Dan il-potenzjal ta’ tibdil huwa espress fil-proċess ta’ produzzjoni u għandu wkoll impatt fuq il-kontenut tax-xogħol. Dan l-impatt jista’ jkun wieħed pożittiv, b’mod partikolari fil-mod kif l-IA tista’ ttejjeb dawn il-proċessi u l-kwalità tax-xogħol. L-istess effetti pożittivi jistgħu jinħassu mill-organizzazzjonijiet tax-xogħol “flessibbli” fejn il-qsim tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa aktar importanti, bħall-awtonomija tat-timijiet, il-versatilità, l-organizzazzjoni orizzontali, il-prattiki innovattivi u parteċipattivi (23).

6.3.

Kif jenfasizzaw il-KESE (24) u l-Kummissjoni nfisha, l-IA tista’ tgħin lill-ħaddiema f’kompiti ripetittivi, diffiċli u saħansitra perikolużi, u ċerti applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jtejbu l-benesseri tal-impjegati u jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom.

6.4.

Iżda din il-viżjoni hija akkumpanjata minn mistoqsijiet ġodda, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-interazzjoni bejn l-IA u l-ħaddiem, u t-tibdil fil-kontenut tax-xogħol. Kemm se jkunu awtonomi l-magni intelliġenti fil-fabbriki, fil-kumpaniji u fl-uffiċċji u x’se jkunu l-forom ta’ komplementarjetà max-xogħol tal-bniedem? Il-KESE jenfasizza li, fid-dinja l-ġdida tax-xogħol, id-definizzjoni tar-relazzjoni tal-bniedem mal-magna hija essenzjali. Huwa fundamentali approċċ iffokat fuq il-kontroll tal-bniedem fuq il-magna (25).

6.5.

A priori, mhuwiex etikament aċċettabbli li bniedem ikun ikkmandat mill-IA jew li jitqies bħala eżekutur tal-magna li tiddettalu x’kompiti jrid jagħmel, il-mod kif jagħmilhom u l-iskadenzi li fihom irid ilesti dawn il-kompiti. Madankollu, dan il-limitu etiku xi drabi jidher li jinqabeż (26). Għalhekk jeħtieġ li dan il-limitu etiku jiġi stabbilit b’mod ċar fil-linji gwida tal-IA dwar l-etika.

6.6.

Prijorità tal-UE għandha tkun li tevita li jiġu riprodotti forom ġodda ta’ “Tayloriżmu diġitali” orkestrati mill-iżviluppaturi ta’ magni intelliġenti. Huwa għalhekk li, bħalma afferma dan l-aħħar il-KESE, ir-riċerkaturi, l-inġiniera, id-disinjaturi u l-intraprendituri Ewropej li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ sistemi tal-IA, għandhom jaġixxu skont kriterji ta’ responsabbiltà etika u soċjali. L-integrazzjoni tal-etika u tax-xjenzi umani fl-iżvilupp tat-taħriġ ta’inġinier tista’ tkun tweġiba tajba fil-konfront ta’ dan l-obbligu (27).

6.7.

Kwistjoni oħra tirrigwarda s-sorveljanza u l-kontroll maniġerjali. Kulħadd jaqbel fuq il-ħtieġa ta’ sorveljanza raġunata tal-proċessi ta’ produzzjoni u allura tax-xogħol imwettaq. Illum, għodod teknoloġiċi ġodda jistgħu jippermettu potenzjalment li jiġu stabbiliti sistemi intelliġenti ta’ kontroll totali tal-ħaddiema u f’ħin reali, bir-riskju li din is-sorveljanza u dan il-kontroll isiru sproporzjonati.

6.8.

Il-kwistjoni ta’ kontroll raġonevoli u proporzjonat tal-eżekuzzjoni tax-xogħol u tal-indikaturi tal-prestazzjoni, tal-fiduċja bejn il-maniġer u l-impjegat, hija suġġett li wkoll għandu jkun fuq l-aġenda tad-djalogu soċjali nazzjonali, Ewropew, interprofessjonali u settorjali.

6.9.

Il-kwistjoni tal-preġudizzji tal-algoritmi u tad-data ta’ tagħlim u tal-effetti perversi possibbli ta’ diskriminazzjoni għadha kontroversjali. Għal xi wħud, l-algoritmi u softwer ta’ tbassir tar-reklutaġġ ieħor jistgħu jnaqqsu d-diskriminazzjonijiet waqt l-ingaġġ u jiffavorixxu reklutaġġ aktar “intelliġenti”. Għal oħrajn, is-softwer ta’ reklutaġġ jibqa’ dejjem f’riskju li jirrifletti, anki bla ma jrid, il-preġudizzji tal-programmaturi ta’ dawn l-ingaġġaturi awtomatiċi. Skont ċerti esperti, il-mudelli algoritmiċi huma biss opinjonijiet inkorporati fil-matematika (28). Huwa għalhekk li għandu jiġi żgurat kemm li dejjem jista’ jsir rikors għall-bniedem (b’rabta mal-prinċipju tat-trasparenza elaborat aktar ’il fuq: id-dritt li jintalbu l-kriterji ta’ deċiżjoni), kif ukoll li l-ġbir tad-data u l-ipproċessar tagħha jikkonformaw mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-finalità. Fi kwalunkwe każ, id-data ma tistax tintuża għal finijiet oħrajn għajr dawk li nġabret għalihom (29).

6.10.

Il-possibbiltà li joffri r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data lill-Istati Membri biex jistabbilixxu regoli aktar speċifiċi, bil-liġi jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi, biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet f’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tar-relazzjonijiet tax-xogħol, hija tabilħaqq lieva li l-Istati u l-imsieħba soċjali għandhom jisfruttaw (30).

6.11.

Hawnhekk wieħed għandu jinnota li r-riskji ma jirrigwardawx biss lill-impjegati. L-iżvilupp tas-sottokuntrattar online, tax-xogħol fuq il-pjattaforma, tal-forom differenti ta’ xogħol parteċipattiv huwa wkoll akkumpanjat minn sistemi ġodda ta’ ġestjoni awtomatizzata tal-prestazzjoni u tar-regolarità, li l-limiti etiċi tagħha xi drabi jidhru li jinqabżu (webcam tal-ħaddiem attivata mill-pjattaforma, ritratt mill-bogħod tal-iskrin, eċċ.).

6.12.

Ħafna drabi, l-algoritmi ta’ dawn il-pjattaformi, li fost l-oħrajn jistabbilixxu r-remunerazzjoni tal-ħaddiema indipendenti, ir-reputazzjoni diġitali tiegħu, il-possibbiltà ta’ aċċess tiegħu għall-kompiti, mhumiex ċari. Il-metodi ta’ kif jaħdmu ma jiġux spjegati lill-ħaddiema li ma għandhomx aċċess għall-kriterji ta’ funzjonament li jiġu applikati għalihom.

7.   Inħejju tranżizzjoni adatta

7.1.

Fuq perjodu medju ta’ żmien, ir-riskju ta’ polarizzazzjoni soċjali enfasizzat minn ħafna esperti jitlob riflessjoni serja dwar il-futur tal-mudelli soċjali tagħna, inkluż tal-finanzjament tagħhom. Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar il-kwistjoni tat-taxxa u tal-finanzjament tal-baġits pubbliċi u tas-sistemi kollettivi ta’ protezzjoni soċjali, f’ekonomija fejn id-densità robotika qed tikber malajr (31), għalkemm it-taxxa fuq ix-xogħol tibqa’ s-sors ewlieni ta’ dħul mit-taxxa fl-Ewropa. Dan id-dibattitu għandu jinkludi l-kwistjoni tar-ridistribuzzjoni tad-dividendi tad-diġitalizzazzjoni.

7.2.

Il-Kummissjoni pproponiet li jissaħħaħ il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni sabiex jibbenefikaw b’mod partikolari l-impjegati li jitilfu xogħolhom u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija (diġitalizzazzjoni, awtomatizzazzjoni) (32). Il-KESE huwa tal-fehma li dan ikun pass lejn l-istabbiliment ta’ fond Ewropew ta’ tranżizzjoni li jgħin fl-antiċipazzjoni u l-ġestjoni soċjalment responsabbli tal-bidla diġitali u r-ristrutturar li se tinvolvi.

7.3.

L-aspetti soċjali u, b’mod aktar wiesa’, soċjetali tal-IA qed ikunu dejjem aktar is-suġġett ta’ dibattiti nazzjonali. Id-diskussjonijiet reċenti fil-Parlament Brittaniku (33) u fis-Senat Franċiż żvelaw il-ħtieġa li jiġi promoss approċċ etiku għall-IA, li jkun ibbażat fuq ċertu numru ta’ prinċipji bħal-lealtà, it-trasparenza u l-ispjegabbiltà tas-sistemi algoritmiċi, l-etika u r-responsabbiltà tal-applikazzjonijiet tal-IA, is-sensibilizzazzjoni tar-riċerkaturi, tal-esperti u tal-ispeċjalisti dwar il-possibbiltà li r-riċerki tagħhom jintużaw ħażin. Fi Franza, ir-Rapport ta’ Villani jiddikjara li jrid “jagħti sens” lill-IA (34). Diversi esperti mill-universitajiet ta’ Yale, ta’ Stanford, ta’ Cambridge u ta’ Oxford iwissu kontra l-“vulnerabbiltajiet mhux solvuti” tal-IA u jisħqu fuq il-ħtieġa essenzjali li jiġu antiċipati, prevenuti u mitigati (35). Anke l-Fond ta’ Riċerka ta’ Québec (FRQ), bi sħab mal-Università ta’ Montréal, ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħdem fuq proġett ta’ Osservatorju Dinji fuq l-impatti soċjetali tal-IA u tad-diġitalizzazzjoni (36).

7.4.

Dawn l-inizjattivi kollha juru l-ħtieġa li d-dibattitu dwar l-IA jinħareġ mil-limiti ekonomiċi u tekniċi tiegħu, u li jinfirxu d-deliberazzjonijiet pubbliċi dwar ir-rwol li s-soċjetà tixtieq li jkollha l-IA, inkluż fid-dinja tax-xogħol. Dawn id-deliberazzjonijiet jippermettu li ma ninqabdux fin-nassa tad-“dikotomija falza” bejn viżjoni kompletament inġenwa u ottimista tal-IA u tal-effetti tagħha, u viżjoni katastrofika (37). L-ewwel pass utli huwa li dawn id-dibattiti jinbdew fuq livell nazzjonali, iżda l-UE għandha rwol ukoll, b’mod partikolari billi tiddefinixxi linji gwida dwar l-etika, kif diġà bdiet tagħmel il-Kummissjoni.

7.5.

Il-kwistjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida għandha tkun fdata lil Osservatorju ddedikat għall-etika tas-sistemi tal-IA. L-IA u l-applikazzjonijiet tagħha għandhom jitqiegħdu għas-servizz tal-benesseri u tal-emanċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-ħaddiema, b’rispett għad-drittijiet fundamentali, u għandu jiġi evitat li jikkontribwixxu b’mod dirett jew indirett għal proċessi ta’ telf ta’ sjieda, telf ta’ kwalifiki u telf tal-awtonomija. Il-prinċipju “fil-kontroll tal-bniedem” fil-kuntesti kollha, fosthom f’dak tax-xogħol, għandu jiġi applikat b’mod konkret.

7.6.

Dan il-prinċipju għandu japplika wkoll għal setturi oħrajn ta’ attività, bħall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, li jipprovdu servizzi marbuta mill-qrib mal-ħajja, mas-saħħa, mas-sigurtà u mal-kwalità tal-ħajja tal-bnedmin. Regoli etiċi stretti biss se jkunu kapaċi jiżguraw li mhux biss il-ħaddiema iżda anki l-konsumaturi, il-pazjenti, il-klijenti u l-fornituri l-oħrajn tas-servizzi, ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-applikazzjonijiet il-ġodda tal-IA.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Acemoglu, D., Restrepo, P. (2018), “Artificial Intelligence, Automation and Work” (L-Intelliġenza Artifiċjali, l-Awtomatizzazzjoni u x-Xogħol), Dokument ta’ Ħidma NBER 24196, Jannar 2018. Ara wkoll: Il-Kunsill ta’ Gwida għall-Impjieg (2017), Awtomatizzazzjoni, diġitalizzazzjoni u impjieg. (Volum 1) (www.coe.gouv.fr).

(2)  Acemoglu, D., op.cit.; Kunsill ta’ Gwida għall-Impjieg (2017), op. cit.

(3)  COM(2018) 380 final.

(4)  Id-Direttiva 2002/14/KE; Memorandum ta’ Ftehim UNICE-KETU-CEEP dwar id-djalogu soċjali u t-teknoloġiji l-ġodda, 1985; Opinjoni konġunta tas-sħab soċjali dwar it-teknoloġiji l-ġodda, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-adattabilità tas-suq tax-xogħol, 1991; Linji gwida ta’ referenza għall-ġestjoni tal-bidla u tal-konsegwenzi soċjali tagħha, 2003.

(5)  COM(2018) 246 final.

(6)  https://ifr.org/ifr-press-releases/news/robots-double-worldwide-by-2020.

(7)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

(8)  Ara b’mod partikolari: https://www.techemergence.com.

(9)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

(10)  Eurofound (2018), Automation, digitalisation and platforms: Implications for work and employment, (Awtomatizzazzjoni, diġitalizzazzjoni u pjattaformi: L-implikazzjonijiet għax-xogħol u għall-impjiegi) Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(11)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

(12)  Frey u Osborne, 2013; Bowles, 2014; Arntz, Gregory u Zierahn, 2016; Le Ru, 2016; McKinsey, 2016; OECD, 2017; ara wkoll l-Opinjoni Esploratorja CCMI/136 (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161).

(13)  http://www.oecd.org/fr/emploi/avenir-du-travail/.

(14)  COM(2018) 237 final.

(15)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(16)  Kunsill Xjentifiku Netherlandiż għall-Politika tal-Gvern.

(17)  https://english.wrr.nl/latest/news/2015/12/08/wrr-calls-for-inclusive-robot-agenda.

(18)  Ara l-ħidma dwar ir-“riskji emerġenti” tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (https://osha.europa.eu/fr/emerging-risks). Skont l-Aġenzija, l-approċċi u l-istandards tekniċi attwali biex jipproteġu l-impjegati kontra r-riskji tax-xogħol permezz ta’ robots kollaborattivi għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi.

(19)  COM(2018) 246 final.

(20)  Test konġunt UNICE, CEEP, UEAPME u KETU, 16.10.2003.

(21)  Id-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea.

(22)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 15; ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(23)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(24)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(25)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(26)  Diversi midja Ewropej irrapportaw dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’ċerti ċentri ta’ loġistika fejn il-ħaddiema huma kompletament sottomessi għal algoritmi li jindikawlhom il-kompiti li jridu jwettqu f’ħin speċifiku, u fejn il-prestazzjoni tagħhom titkejjel fil-ħin reali.

(27)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(28)  Cathy O’Neil, Harvard PhD u xjenzata tad-data, “Models are opinions embedded in mathematics” (Il-mudelli huma opinjonijiet inkorporati fil-matematika) (https://www.theguardian.com/books/2016/oct/27/cathy-oneil-weapons-of-math-destruction-algorithms-big-data).

(29)  Ara b’mod partikolari x-xogħlijiet tas-CNIL fi Franza (“Comment permettre à l’homme de garder la main? Les enjeux éthiques des algorithmes et de l’intelligence artificielle”) (Kif jistal-bniedem iżomm ir-riedni f’idejh? L-isfidi etiċi tal-algoritmi u tal-intelliġenza artifiċjali),

https://www.cnil.fr/sites/default/files/atoms/files/cnil_rapport_garder_la_main_web.pdf).

(30)  Ir-Regolament (UE) 2016/679, (Artikolu 88).

(31)  https://ifr.org/ifr-press-releases/news/robots-double-worldwide-by-2020.

(32)  COM(2018) 380 final.

(33)  https://www.parliament.uk/ai-committee.

(34)  http://www.enseignementsup-recherche.gouv.fr/cid128577/rapport-de-cedric-villani-donner-un-sens-a-l-intelligence-artificielle-ia.html.

(35)  https://www.eff.org/files/2018/02/20/malicious_ai_report_final.pdf.

(36)  http://nouvelles.umontreal.ca/article/2018/03/29/le-quebec-jette-les-bases-d-un-observatoire-mondial-sur-les-impacts-societaux-de-l-ia/.

(37)  Acemoglu, D., op.cit. Ara wkoll Eurofound 2018, Automation, digitalisation and platforms: Implications for work and employment (Awtomazzjoni, diġitalizzazzjoni u pjattaformi: l-Implikazzjonijiet għax-xogħol u għall-impjiegi), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, p. 23: “The risks comprise unwarranted optimism, undue pessimism and mistargeted insights” (“Ir-riskji jinkludu ottimiżmu mhux ġustifikat, pessimiżmu żejjed u fehmiet mhux immirati”).


Top