IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2018
COM(2018) 271 final
2018/0127(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja
{SWD(2018) 173 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0271
Proposal for a COUNCIL RECOMMENDATION on High Quality Early Childhood Education and Care Systems
Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja
Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja
COM/2018/271 final - 2018/0127 (NLE)
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Adopted by | 32019H0605(01) | 22/05/2019 |
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2018
COM(2018) 271 final
2018/0127(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja
{SWD(2018) 173 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Is-snin bikrija fil-ħajja tal-bniedem 1 huma l-aktar formattivi għall-iżvilupp tal-kompetenzi fundamentali u d-dispożizzjonijiet tat-tagħlim li jinfluwenzaw bil-bosta l-prospetti tal-edukazzjoni u tax-xogħol aktar tard u kisbiet u sodisfazzjon tal-ħajja usa’.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 2 jiddikjara li t-tfal għandu jkollhom id-dritt għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli ta’ kwalità tajba. Ikompli billi jgħid li t-tfal minn ambjenti żvantaġġati għandu jkollhom id-dritt għal miżuri speċifiċi biex isaħħu l-opportunitajiet indaqs.
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-Tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura 3 , il-Kummissjoni tiddeskrivi l-viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li fiha edukazzjoni inklużiva, taħriġ u riċerka ta’ kwalità għolja mhumiex ostakolati mill-fruntieri u n-nies jistgħu jibbenefikaw mill-offerta edukattiva rikka fl-Unjoni. L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja 4 hija parti minn din il-viżjoni billi tistabbilixxi l-pedament għal aktar tagħlim 5 u formazzjoni ta’ identità u ċittadinanza.
Is-servizzi ta’ kwalità għolja għandhom rwol deċiżiv fit-titjib tal-eżiti tal-edukazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali. Ir-riċerka tindika li l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja twassal għal kisba ta’ ħiliet bażiċi ogħla u hija miżura ta’ prevenzjoni b’saħħitha kontra t-tluq bikri mill-iskola 6 . PISA, il-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti, juri wkoll li l-istudenti li attendew l-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja għal aktar minn sena kisbu punteġġi ogħla fil-matematika fl-età ta’ 15-il sena. L-istudenti li ma attendewx l-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja kellhom possibbiltà ta’ tliet darbiet aktar li jaqgħu lura mqabbla ma’ dawk li attendewha għal aktar minn sena 7 .
L-edukazzjoni u l-kura bikrija inklużivi tat-tfal jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali. Mingħajr edukazzjoni bikrija ta’ kwalità għolja, id-differenza fl-iżvilupp u l-kompetenzi tiżviluppa kmieni bejn it-tfal bi sfondi soċjoekonomiċi differenti 8 , għalhekk, jissaħħaħ iċ-ċiklu ta’ trażmissjoni interġenerazzjonali ta’ żvantaġġ. L-esperjenzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal huma opportunità biex jiġi evitat u mnaqqas l-iżvantaġġ għal tfal minn komunitajiet żvantaġġati Rom u dawk bi sfond ta’ migrazzjoni. L-evidenza tar-riċerka turi li fost it-tfal minn sfond ta’ migrazzjoni paragunabbli, dawk li attendew edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal fil-pajjiż ospitanti tagħhom imorru aħjar fil-qari 9 . Barra minn hekk, is-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni bikrij tat-tfal ta’ kwalità għolja għandhom impatti pożittivi fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri u benefiċċji ċari biex tinkiseb aktar ugwaljanza bejn is-sessi.
L-għan ta’ din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kwalità u l-aċċess għas-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, filwaqt li tirrikonoxxi li l-Istati Membri huma primarjament responsabbli f’dan il-qasam. Trid tistabbilixxi fehim komuni maqsum Ewropew dwar x’jikkostitwixxi kwalità fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Tippreżenta għodda u eżempji ta’ politika biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-ambizzjonijiet tagħhom biex jiżguraw sistemi u servizzi inklużżivi ta’ kwalità għolja. Evalwazzjoni riċenti tal-politika 10 tindika li pajjiżi b’approċċ strateġiku għall-kwalità jimxu ’l quddiem aktar minn oħrajn fl-iżvilupp u t-titjib fil-provvediment tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Madankollu, ftit Stati Membri biss għandhom Qafas ta’ Kwalità jew dokument ta’ politika ekwivalenti fis-seħħ biex jirregolaw il-provvediment. Huwa għalhekk li din il-proposta tippreżenta elementi ewlenin ta’ qafas ta’ kwalità fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal li jistgħu jispiraw lill-Istati Membri fil-ħsieb strateġiku tagħhom dwar dawn is-servizzi.
F’ħafna mill-pajjiżi tal-UE la l-kwalità u lanqas in-numru ta’ postijiet ma jissodisfaw l-aspettattivi. Bħalissa, hemm aktar minn 32 miljun tifel u tifla taħt l-età ta’ edukazzjoni obbligatorja fl-UE, imma madwar 15-il miljun minnhom biss jattendu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal 11 . Filwaqt li hija l-għażla tal-ġenituri jużawx is-servizzi jew le, id-domanda għal postijiet madwar l-Ewropa hija ogħla mill-provvista.
Il-punt ta’ riferiment Ewropew stabbilit fil-kuntest tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ 12 iddefinixxa li mill-inqas 95% tat-tfal bejn erba’ snin u l-età li fiha jibdew l-edukazzjoni primarja obbligatorja jeħtieġu jipparteċipaw fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Dan il-punt ta’ riferiment kważi ntlaħaq 13 . Il-mira miftiehma fil-Kunsill Ewropew f’Barċellona fl-2002 (bil-għan li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol) speċifikat li 33% tat-tfal taħt it-tliet snin u 90% tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola għandu jkollhom aċċess għas-servizzi. Valutazzjoni ta’ dawn il-miri qed tiġi ppreżentata b’mod parallel ma’ din il-proposta 14 .
Il-kwalità tal-provvediment spiss hija insuffiċjenti u tvarja ħafna fi ħdan u bejn il-pajjiżi, bejn is-setturi privati u pubbliċi, bejn żoni urbani u rurali jew remoti, kif ukoll bejn gruppi ta’ etajiet (0-3 u 3-6) 15 .
Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ postijiet disponibbli u affordabbli u l-kwalità baxxa tas-servizzi huma estensivi 16 . Disponibbiltà limitata u /jew affordabbiltà ta’ servizzi ta’ kwalità għolja hija partikolarment ta’ sfida għal tfal li diġà qed jibdew il-ħajja fi żvantaġġ minħabba firxa ta’ fatturi bħall-faqar, id-diżabilità, id-diskriminazzjoni jew li joriġinaw minn sfond ta’ Rom jew sfond ta’ migrazzjoni. Fl-Ewropa tal-lum, tfal li qed jikbru fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali xorta huwa inqas probabbli li jmorru tajjeb l-iskola mill-pari iktar għonja tagħhom, igawdu saħħa tajba u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom aktar tard fil-ħajja 17 .
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Il-ħtieġa li jitjiebu l-kwalità u l-aċċess għas-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kienet enfasizzata ħafna fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-iskola u tagħlim eċċellenti 18 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati dwar l-iżvilupp tal-iskola u t-tagħlim eċċellenti 19 .
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ 20 enfasizzat l-importanza li jiġi pprovdut aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja u inklużiva; biex tiġi żgurata l-affordabbiltà tagħha u l-adattament tal-provvediment għall-ħtiġijiet tal-familji, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-ħtiġijiet tat-tfal żvantaġġjati.
F’Jannar 2018 il-Kummissjoni adottat proposta għal Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja 21 li tirreferi għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-importanza li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-kompetenza fl-edukazzjoni fis-snin bikrija b'fokus fuq il-kompetenzi soċjali u emozzjonali.
Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim 22 . Din il-proposta tenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta edukazzjoni inklużiva għall-istudenti kollha minn età żgħira ’l quddiem.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija relatata b’mod qawwi mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 23 li identifika, skont il-prinċipju 11 id-dritt tat-tfal għall-provvediment ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità tajba.
Id-disponibilità, l-aċċessibilità u l-affordabilità ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja huma wkoll fatturi ewlenin li jippermettu lill-ġenituri jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Rapport dwar il-miri miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona fl-2002, ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, jivvaluta l-progress li sar fl-Istati Membri 24 .
Il-Komunikazzjoni dwar il-Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata 25 rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu pprovduti servizzi ta’ indukrar formali ta’ kwalità tajba madwar l-Ewropa sabiex jitneħħew l-ostakli għall-impjieg, speċjalment għan-nisa. Għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika indaqs tan-nisa u l-irġiel, prijorità stabbilita fl-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Kummissjoni 2016-2019 26 . L-inizjattiva għalhekk tikkontribwixxi għall-objettivi bbażati fuq it-Trattat 27 tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, u l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg fl-Unjoni.
Il-qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom 28 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri 29 talbet lill-Istati Membri biex iwessgħu l-aċċess għal, u jżidu l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija u l-kura tat-tfal, inkluż permezz ta’ appoġġ immirat lejn it-tfal Rom.
Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi 30 u l-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni 31 irrikonoxxew li l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huma fundamentali għall-integrazzjoni ta’ familji u tfal minn pajjiżi terzi. L-inizjattiva tikkontribwixxi biex jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni ta’ bniet u subien ċittadini ta’ pajjiż terz fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jingħataw iċ-ċans li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tat-tfal migranti.
Il-proċess tas-Semestru Ewropew ta' prominenza lill-kwistjoni tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u diversi Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar l-indukrar tat-tfal u l-edukazzjoni inklużiva. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jenfasizzaw l-importanza ta’ aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u affordabbli. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2018 jirreferi għall-importanza tiegħu mill-perspettivi ta’ opportunitajiet indaqs, ta' inklużjoni soċjali u politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg tal-2018 jirreferi wkoll għall-progress tal-Istati Membri f’dan il-qasam, li jimmonitorja b’mod partikolari aċċess għal edukazzjoni u kura ta’ tfal żgħar taħt it-3 snin bħala parti mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Pilastru Soċjali 32 . Għandha tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess għall-indukrar fit-tul u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja u affordabbli.
Fl-aħħarnett, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE wkoll għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ ta’ investimenti f’infrastruttura u servizzi aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-inizjattiva hija konformi mal-Artikoli 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 165(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li “L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxikoperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiettagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenutta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.”
L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tal-poter regolatorju tal-UE jew impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri. L-Istati Membri jridu jiddeċiedu, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, kif jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tħeġġeġ aktar lill-Istati Membri biex jikkooperaw fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal 33 , sabiex taġġorna r-riżultati importanti li diġà nkisbu, inkluża speċjalment il-proposta ta’ esperti tal-2014 għal Qafas ta’ Kwalità dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal 34 .
Il-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE jinsab fil-kapaċità tal-UE li:
·Tikkapitalizza fuq l-għarfien u l-kompetenza fi ħdan l-Unjoni u tkompli l-kooperazzjoni fuq il-bażi tal-qafas ta’ kwalità propost bħala għodda ta’ referenza komuni.
·Tappoġġa aktar lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw il-provvediment tagħhom.
·Tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri billi tipprovdi għodod Ewropej, bħal ġabra ta’ stqarrijiet dwar il-kwalità.
•Il-proporzjonalità
Il-proposta tipprevedi rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-ħames dimensjonijiet tal-Qafas ta’ Kwalità flimkien ma’ għażliet għal tweġibiet ta’ politika għall-isfidi ewlenin fis-settur. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-kuntest speċifiku tagħhom. Kull Stat Membru jiddeċiedi dwar l-approċċ li jieħu biex jaħdem għal titjib fis-sistemi rispettivi tagħhom.
•L-għażla tal-istrument
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija strument xieraq fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fejn l-UE għandha kompetenza ta’ appoġġ u hija strument li spiss ġie użat għal azzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Bħala strument legali, din turi l-impenn tal-Istati Membri għall-miżuri fit-test u tipprovdi bażi politika aktar b'saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati
F'Diċembru 2016, 250 espert, dawk li jfasslu l-politika u prattikanti attendew il-konferenza “A Great start in life! The best possible education in the early years". Il-konklużjonijiet mill-konferenza 35 ġew ikkunsidrati kif xieraq għall-preparazzjoni ta’ din il-proposta. Barra minn hekk, is-sejbiet rilevanti matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-inizjattiva dwar il-Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata 36 u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 37 ġew ikkunsidrati.
Wara serje ta’ konsultazzjonijiet preċedenti relatati ma’ proposti għal prinċipji ewlenin ta’ Qafas ta’ Kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura tat-Tfulija Bikrija 38 , il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ konsultazzjoni mmirata mal-partijiet interessati fil-31 ta' Jannar 2018. Il-parteċipanti kienu jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll rappreżentanti mill-Istati Membri, li tkopri l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, il-protezzjoni tat-tfal u d-drittijiet tat-tfal, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-familji, netwerks dwar l-inugwaljanzi soċjali, aġenziji tal-edukazzjoni speċjali u b’diżabbiltajiet u l-unions tal-għalliema. Il-laqgħa tal-partijiet ikkonċernati kkonfermat u laqgħet l-approċċ ġenerali u pprovdiet aktar għarfien dwar l-isfidi attwali u s-soluzzjonijiet possibbli fis-settur.
·Il-partijiet interessati enfasizzaw il-ħtieġa għall-inklużjoni soċjali u għal gruppi speċifiċi ta’ tfal (jew familji) biex jiġu speċifikati sabiex jiġi żgurat li ma jitwarrbux. Huma fakkru dwar l-importanza li tiġi pprovduta kwalità konsistenti kullimkien inkluż f’żoni rurali u biex wieħed jiffoka fuq il-ħtiġijiet tat-tfal, u jiġu inklużi objettivi u għanijiet xierqa għall-età kif ukoll biex tingħata enfasi akbar lit-tagħlim ibbażat fuq il-logħob;
·Il-partijiet interessati enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jirrikonoxxu li l-Qafas ta’ Kwalità mhux biss huwa maħsub biex jistabbilixxi standards minimi, u li l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jipprovdu servizzi ta’ kwalità għolja. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tipprovdi appoġġ fil-livell tal-Istat Membru jew tas-sistema u għandha tippermetti l-flessibbiltà biex tħalli lil pajjiżi differenti biex jirrevedu l-approċċ tal-kwalità tagħhom stess.
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Matul dawn l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni ħadmet ma’ esperti ewlenin madwar l-UE biex tiddefinixxi l-fatturi ta’ kwalità 39 u tiżviluppa għodod tal-awtovalutazzjoni. Sorsi ewlenin oħra huma deskritti hawn taħt:
(1)Id-dejta dwar l-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-kwalità se tkun inkluża minn Eurydice (2016) Id-Dejta Ewlenija dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal u l-Monitoraġġ tal-edukazzjoni u t-taħriġ (2017) u tal-OECD (2017) Nibdew b'saħħitna V: Indikaturi ewlenin dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.
(2)CARE (2016), Analiżi tal-Kwalità tal-Kurrikulu u Reviżjoni tal-Impatt tal-edukazzjoni u l-kura bikrija Ewropea tat-tfal, Rakkomandazzjonijiet tal-Politika dwar il-kwalità. Dan il-proġett multidixxiplinari ta’ riċerka Ewropew ipprovda konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-kurrikulu, il-kwalità, il-benessri, l-impatt, l-aċċess, il-finanzjament u l-governanza, u r-rwol tal-professjonisti.
(3)EENEE (2017) Benefiċċji tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jinkisbu. Dan ir-rapport jipproponi tipi differenti ta’ determinanti li jistgħu jinfluwenzaw jekk dawn il-benefiċċji potenzjali jistgħux jimmaterjalizzaw.
(4)NESET (2017) Stat attwali ta’ oqfsa nazzjonali ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, jew dokumenti ta’ politika strateġika ekwivalenti, li jirregolaw il-kwalità fl-Istati Membri tal-UE.
(5)Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Implimentazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal 40 , ippubblikat flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Barra minn hekk, il-Pjattaforma Ewropea għall-Investiment fit-Tfal (EPIC) toffri prattiki tajba bbażati fuq l-evidenza għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar li Ninvestu fit-Tfal u profili aġġornati tal-pajjiżi dwar il-politiki tat-tfal u tal-familja fl-UE.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-approċċ kumplimentari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-kamp ta' applikazzjoni tal-impatti mistennija, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt. Pjuttost, l-iżvilupp tal-proposta kien infurmat minn studji preċedenti, konsultazzjoni tal-Istati Membri u konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Id-drittijiet fundamentali
Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt tal-edukazzjoni, ir-rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika u n-nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi d-drittijiet tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 24 u tqis il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal b’mod partikolari l-Artikolu 29.1.c li jispeċifika li l-edukazzjoni tat-tfal għandha tkun diretta lejn l-iżvilupp ta’ rispett għall-ġenituri tat-tfal, l-identità kulturali tiegħu jew tagħha stess, il-lingwa u l-valuri, għall-valuri nazzjonali tal-pajjiż li jgħix fih il-minuri, il-pajjiż minn fejn jista' jew tista' joriġina jew toriġina u għaċ-ċiviltajiet differenti minn tiegħu jew tagħha 41 . Din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u prinċipji.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-azzjonijiet proposti f'din ir-Rakkomandazzjoni li jkollhom implikazzjonijiet baġitarji se jkunu appoġġjati fi ħdan ir-riżorsi eżistenti tal-Programm Erasmus+, kif ukoll possibilment, Orizzont 2020 jew Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sakemm id-dispożizzjonijiet tal-atti bażiċi rilevanti jipprevedu dan l-appoġġ. Barra minn hekk, din l-inizjattiva m’għandhiex tippreġudika n-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-programmi futuri.
L-ebda baġit jew riżorsi tal-persunal addizzjonali ma jkunu meħtieġa mill-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar
Il-progress se jiġi segwit permezz ta’ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 li għadu kemm ġie ffurmat għall-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal, li se jipprovdi forum għal tagħlim reċiproku u skambju ta’ prattika tajba.
Is-Semestru Ewropew se jibqa’ strument essenzjali biex jimmonitorja l-provvediment ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità, anki fir-rigward tal-mira ta’ Barċellona 42 , u se jipprovdi aktar gwida lill-Istati Membri, inkluż bl-użu ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fejn ikun xieraq.
Punt ta’ riferiment ġdid possibbli dwar il-provvediment ta’ servizzi ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal se jkun suġġett għal diskussjoni ulterjuri mal-Istati Membri. Dan jista’ jinkludi reviżjoni possibbli tal-mira ta’ Barċellona għall-provvediment ta’ kura tat-tfal formali, il-possibbiltà ta’ punti ta’ riferiment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif ukoll reviżjoni tal-punt ta’ riferiment definit fil-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Edukazzjoni u Taħriġ 2020) 43 .
Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni f’konformità mal-modalitajiet tar-rappurtar tal-Qafas Strateġiku ta’ kooperazzjoni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Dispożizzjonijiet tal-Istati Membri
Il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu l-aċċess għal u l-kwalità tas-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Il-proposta tressaq ’il quddiem il-Qafas tal-UE dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfulija tal-UE fl-Anness tagħha.
Il-proposta tistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-setturi tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal tagħhom u tinkludi għażliet ta’ politika li għandhom l-għan li:
·jiġi żgurat li s-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jkunu aċċessibbli, affordabbli u inklużivi;
·tiġi appoġġata l-professjonalizzazzjoni tal-persunal skont il-livelli eżistenti ta’ kwalifiki professjonali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol;
·jitjieb l-iżvilupp tal-kurrikuli tal-ewwel snin sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-bżonnijiet tal-benessri u edukattivi tat-tfal;
·jiġu promossi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni trasparenti tas-servizzi fil-livelli kollha ta’ governanza;
·jiġi żgurat il-finanzjament adegwat u qafas legali għall-provvediment ta’ servizzi, inkluż il-ħolqien u ż-żamma ta’ Oqfsa ta’ Kwalità ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal nazzjonali jew reġjonali mfassla apposta.
Dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni
Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li tilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li:
·Tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin fost l-Istati Membri fil-kuntest tal-Qafas Strateġiku ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Edukazzjoni u Taħriġ - ET2020);
·Tagħmel disponibbli finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-appoġġ ta’ titjib fid-disponibilità u l-kwalità tas-servizzi, b’mod partikolari permezz tal-programm Erasmus+ u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;
·Wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, tipproponi li tirrevedi l-punt ta’ riferiment ta’ Edukazzjoni u Taħriġ 2000, il-miri ta’ Barċellona, kif ukoll punti ta’ riferiment possibbli tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali.
2018/0127 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 165 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 44 jiddikjara bħala l-11-ilth prinċipju tiegħu li t-tfal kollha għandhom id-dritt għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli ta’ kwalità tajba. Dan huwa konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE 45 li tirrikonoxxi l-edukazzjoni bħala dritt u mal-Objettiv ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti 4.2 46 li jipprevedi li l-bniet u s-subien kollha għandu jkollhom aċċess għal żvilupp, kura u edukazzjoni bikrija tat-tfal qabel l-primarja ta’ kwalità sal-2030.
(2)Fil-Komunikazzjoni tagħha “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura” 47 il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li tagħraf ir-rwol tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fit-tqegħid ta’ pedamenti sodi għat-tagħlim fl-iskola u matul il-ħajja. Il-Konklużjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-iskola u t-tagħlim eċċellenti 48 u l-proposta tal-Kummissjoni 49 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja tenniet ir-rwol ċentrali li l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jista’ jkollhom fil-promozzjoni tat-tagħlim tat-tfal kollha, il-benessri u l-iżvilupp tagħhom.
(3)Kemm dawk li jfasslu l-politika kif ukoll ir-riċerkaturi jirrikonoxxu li huwa fis-snin bikrija 50 li t-tfal joħolqu l-pedament u l-kapaċità li jitgħallmu matul il-ħajja. It-tagħlim huwa proċess inkrementali; il-bini ta’ pedament b'saħħtu fis-snin bikrija huwa prekundizzjoni għal żvilupp ta’ kompetenza ta’ livell ogħla u suċċess edukattiv daqs kemm huwa essenzjali għas-saħħa u l-benessri tat-tfal. Għalhekk, l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom jitqiesu bħala s-sisien tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jkunu parti integrali tal-kontinwità tal-edukazzjoni.
(4)Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal hija ta’ benefiċċju għat-tfal kollha u speċjalment għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata. Tgħin billi tipprevjeni l-formazzjoni ta’ diskrepanzi fil-ħiliet bikrin u għalhekk hija għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-faqar edukattiv. Il-provvediment tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal jeħtieġ li jkun parti minn pakkett integrat ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal ta’ miżuri ta’ politika biex itejbu r-riżultati għat-tfal u jiksru ċikli ta’ żvantaġġ bejn il-ġenerazzjonijiet. It-titjib tal-provvediment għalhekk jgħin biex jitwettqu l-impenji li saru fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar li Ninvestu fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ 51 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri 52 .
(5)Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandha ħafna benefiċċji 53 kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, minn kisbiet edukattivi mtejba u eżiti tas-suq tax-xogħol għal inqas interventi soċjali u edukattivi u soċjetajiet aktar koeżivi u inklużivi. Tfal li attendew edukazzjoni bikrija tat-tfal għal aktar minn sena kisbu punteġġi ogħla fil-matematika ta’ 15-il sena fl-istudji PISA 54 . Il-parteċipazzjoni fil-kwalità tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal intwera wkoll bħala fattur importanti biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola 55 .
(6)L-edukazzjoni mill-aktar stadji bikrin għandha rwol essenzjali biex nitgħallmu ngħixu flimkien f’soċjetajiet eteroġeni. Dawn is-servizzi jistgħu jsaħħu l-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni f’diversi modi. Huma jistgħu jservu bħala postijiet ta’ laqgħat għall-familji. Huma jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi tat-tfal, kemm fil-lingwa tas-servizz kif ukoll fl-ilsien nattiv. Permezz tat-tagħlim soċjali-emozzjonali, l-esperjenzi ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jistgħu jippermettu lit-tfal jitgħallmu kif ikunu empatiċi kif ukoll jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom, l-ugwaljanza, it-tolleranza u d-diversità.
(7)Il-gwadann fuq l-investiment fl-istadji bikrija tal-edukazzjoni huma l-ogħla mill-istadji edukattivi kollha, b’mod partikolari għal dawk f’sitwazzjoni żvantaġġata 56 . L-infiq fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huwa investiment bikri ta’ gwadann għoli fil-kapital uman.
(8)Id-disponibiltà, l-aċċessibilità u l-affordabbiltà ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja huma fatturi ewlenin li jippermettu lin-nisa, kif ukoll lill-irġiel, b’responsabbiltajiet tal-indukrar biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, kif irrikonoxxut mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona 2002, il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi 57 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata adottata fis-26 ta’ April 2017 58 . L-impjieg tan-nisa jikkontribwixxi b’mod dirett għat-titjib tas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika domestika u għat-tkabbir ekonomiku.
(9)L-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huwa investiment tajjeb biss jekk is-servizzi huma ta’ kwalità għolja, aċċessibbli, affordabbli u inklużivi. L-evidenza turi li s-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja biss jagħtu benefiċċji; servizzi ta’ kwalità baxxa għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq it-tfal u fuq is-soċjetà kollha kemm hi 59 . Miżuri ta’ politika u riformi jeħtieġu li jagħtu prijorità lill-kunsiderazzjonijiet ta’ kwalità.
(10)B'mod ġenerali, l-Istati Membri jonfqu ħafna inqas fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal milli fuq l-edukazzjoni primarja. Kif muri mir-rapport li jivvaluta l-progress fuq il-miri ta’ Barċellona 60 , bħalissa m’hemmx postijiet biżżejjed fis-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal disponibbli u d-domanda teċċedi l-provvista kważi fil-pajjiżi kollha. In-nuqqas ta’ disponibiltà, aċċessibilità u affordabilità ntwera li huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għall-użu ta’ dawn is-servizzi 61 .
(11)Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar Aġenda ta’ Ħiliet Ġodda għall-Ewropa 62 , jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità u jwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u jindirizzaw in-nuqqas ta’ infrastruttura suffiċjenti li toffri kwalità u kura tat-tfal aċċessibbli għal-livelli kollha ta’ dħul kif ukoll biex jiġi kkunsidrat li jingħata aċċess liberu għal familji li jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali.
(12)Is-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom ikunu ċċentrati fuq it-tfal; it-tfal jitgħallmu l-aħjar f’ambjenti li huma bbażati fuq il-parteċipazzjoni tat-tfal u l-interess fit-tagħlim. L-organizzazzjoni, l-għażla tal-attivitajiet u l-oġġetti għat-tagħlim spiss jiġu kkomunikati bejn l-edukaturi u t-tfal. Is-servizzi għandhom joffru ambjent sikur, ta’ għożża u indukrar u jipprovdu spazju soċjali, kulturali u fiżiku b’firxa ta’ possibbiltajiet għat-tfal biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. Il-provvediment huwa mfassal l-aħjar meta jkun ibbażat fuq is-suppożizzjoni fundamentali li l-edukazzjoni u l-kura huma inseparabbli.
(13)F’kuntest li huwa stabbilit mir-regolamenti nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-familji għandhom ikunu involuti fl-aspetti kollha tal-edukazzjoni u l-kura tat-tfal tagħhom. Il-familja hija l-ewwel u l-iktar post importanti għat-tfal biex jikbru u jiżviluppaw, u l-ġenituri u t-tuturi huma responsabbli għall-benessri, is-saħħa u l-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla. L-edukazzjoni u s-servizzi tal-kura bikrija tat-tfal huma opportunità ideali biex jinħoloq approċċ integrat għaliex iwasslu għall-ewwel kuntatt personali mal-ġenituri. Ġenituri li jkollhom problemi jistgħu jiġu offruti servizzi ta’ konsulenza individwali waqt żjarat fid-dar. Sabiex l-involviment tagħhom isir realtà, is-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għandhom jitfasslu fi sħubija mal-familji u jkunu bbażati fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproku 63 .
(14)L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-parteċipazzjoni jistgħu jkunu għodda effettiva biex tinkiseb ekwità edukattiva għal tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata, bħal ċerta minoranza ta' migranti jew dik etnika (pereżempju r-Rom) u tfal refuġjati, tfal bi bżonnijiet speċjali jew b’diżabilitajiet, tfal f’kura alternattiva u tfal fit-toroq, tfal ta’ ġenituri fil-ħabs, kif ukoll tfal fi ħdan familji b’riskju partikolari ta’ faqar u esklużjoni soċjali, bħal familji b’ġenitur wieħed jew familji kbar. It-tfal tar-refuġjati, minħabba s-sitwazzjoni vulnerabbli tagħhom, jeħtieġu appoġġ msaħħaħ. Il-faqar, aġenti li jikkawżaw stress fiżiku u emozzjonali, trawmi u ħiliet lingwistiċi nieqsa jistgħu jfixklu l-prospetti edukattivi futuri tagħhom u l-integrazzjoni b’suċċess f’soċjetà ġdida. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal tista’ tgħin biex jitnaqqsu dawn il-fatturi ta’ riskju.
(15)Il-provvediment ta’ edukazzjoni u kura bikrija inklużiva tat-tfal tista’ tikkontribwixxi biex jitwettqu l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tat-Tfal 64 u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 65 li tagħha l-Istati Membri kollha huma firmatarji.
(16)Il-pubblikazzjoni tal-2014 ta’ proposta għall-prinċipji ewlenin ta’ Qafas ta’ Kwalità 66 kienet l-ewwel dikjarazzjoni minn esperti Ewropej minn 25 pajjiż dwar il-kwalità fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Id-dikjarazzjonijiet huma bbażati fuq ħames dimensjonijiet: l-aċċess; il-forza tax-xogħol; il-kurrikulu; il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; u l-governanza u l-finanzjament. Isiru total ta’ għaxar dikjarazzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kwalità tal-provvediment tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal. Dan id-dokument kien maqsum f’ħafna pajjiżi minn partijiet interessati lokali involuti f’inizjattivi favur il-politika, ir-riċerka u t-taħriġ. F’dawn il-pajjiżi, l-abbozz ta’ qafas aġixxa bħala katalist qawwi għall-bidla permezz ta’ kontribuzzjoni għall-proċessi ta’ konsultazzjoni ta’ politika li sostnew mogħdijiet ta’ riforma eżistenti.
(17)Il-ħames dimensjonijiet kollha tal-qafas ta’ kwalità huma essenzjali biex jiggarantixxu servizzi ta’ kwalità għolja. Speċjalment, ix-xogħol ta’ professjonisti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandu impatt dejjiemi fuq il-ħajja tat-tfal. Madankollu, f’ħafna pajjiżi l-professjoni għandha profil u status pjuttost baxx 67 .
(18)Biex iwettaw ir-rwol professjonali tiegħu fl-appoġġ tat-tfal u l-familji tagħhom, il-persunal tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal jeħtieġ ħiliet kumplessi ta’ għarfien u kompetenzi kif ukoll għarfien profond tal-iżvilupp tat-tfal. Il-professjonalizzazzjoni tal-persunal hija kruċjali għaliex livelli ogħla ta’ tħejjija jikkorrispondu pożittivament ma’ servizz ta’ kwalità aħjar, interazzjonijiet tal-persunal mat-tfal ta’ kwalità ogħla u għalhekk eżiti ta’ żvilupp aħjar għat-tfal 68 .
(19)Bosta fornituri tas-servizz jaħdmu ma’ assistenti li r-rwol ewlieni tagħhom huwa li jappoġġaw lill-edukaturi, li jaħdmu direttament mat-tfal u l-familji. Normalment ikollhom kwalifika aktar baxxa minn edukaturi u f’ħafna pajjiżi m’hemm l-ebda rekwiżit ta’ kwalifika biex isiru assistenti. Għalhekk, il-professjonalizzazzjoni tal-persunal, inklużi l-assistenti, huwa meħtieġ 69 . L-iżvilupp professjonali kontinwu huwa parti integrali għaż-żieda tal-kompetenzi tal-assistenti.
(20)Qafas ta’ kwalità jew dokument ekwivalenti jista’ jkun element effiċjenti ta’ governanza tajba fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Skont opinjoni esperta u reviżjoni riċenti tal-politika 70 , il-pajjiżi li jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa ta’ kwalità għandhom approċċi aktar komprensivi u konsistenti għar-riformi.
(21)L-Istati Membri stabbilixxew punti ta’ riferiment u miri dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Fl-2002, il-Kunsill Ewropew f’Barċellona ffissa miri 71 għall-provvediment ta’ kura tat-tfal formali biex ikunu mill-inqas 90% tat-tfal fl-Unjoni bejn l-età ta’ tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola, u li mill-inqas 33% tat-tfal taħt it-tliet snin għandu jkollhom aċċess sal-2010. Dawn il-miri ġew sostnuti mill-ġdid fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020. L-analiżi dwar il-progress lejn dawn il-punti ta’ riferiment hija speċifikata fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Objettivi ta’ Barċellona 72 . Il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ 73 stabbilixxa punt ta’ riferiment ta’ parteċipazzjoni ta’ 95% għat-tfal bejn erba’ snin u l-bidu tal-edukazzjoni primarja.
(22)L-Istati Membri għamlu progress ġenerali tajjeb fis-snin riċenti fit-titjib tad-disponibilità ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Il-punt ta’ riferiment tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 u l-mira ta’ Barċellona għal tfal taħt it-3 snin intlaħqu. Il-mira ta’ Barċellona għat-tfal mill-età ta’ 3 snin sal-età obbligatorja tal-iskola għadha ma ntlaħqitx minkejja l-progress li sar mill-2011. Fl-2016, 86.3% tat-tfal f’dak il-grupp ta’ età pparteċipaw fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Madankollu, dawn il-medji jaħbu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi soċjali 74 . Jenħtieġu aktar sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja sa minn kemm iriduha kmieni l-ġenituri. B’mod partikolari, huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jinħoloq aċċess akbar għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata 75 .
(23)Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tistabbilixxi fehim kondiviż ta’ dak li tfisser il-kwalità fis-sistema tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Tistabbilixxi azzjonijiet possibbli biex jikkunsidrawhom il-gvernijiet skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom. Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza wkoll lill-ġenituri, lill-istituzzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet, inklużi msieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jixtiequ li jtejbu s-settur.
(24)L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kif mifhuma f’din ir-Rakkomandazzjoni 76 jeħtieġ li tinftiehem li tirreferi għal kwalunkwe arranġament regolat li jipprovdi edukazzjoni u kura għat-tfal mit-twelid sal-età tal-iskola primarja obbligatorja - irrispettivament mill-post, il-finanzjament, il-ħinijiet tal-ftuħ jew il-kontenut tal-programm - u jinkludi ċentri soċjali u għall-familiji ta’ matul il-jum; provvediment iffinanzjat privatament u pubblikament; provvediment ta’ qabel l-iskola u ta’ qabel il-primarja.
(25)Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.
B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
B'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:
1.Itejbu l-aċċess għal sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja f’konformità mad-dikjarazzjonijiet stabbiliti fil-“Qafas ta’ kwalità għall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal” ippreżentat fl-Anness ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u mal-11-ilth prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
2.Jaħdmu biex jiġi żgurat li s-servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ikunu aċċessibbli, affordabbli u inklużivi; Tista’ tingħata kunsiderazzjoni lil:
(a)l-analiżi tal-provvista u d-domanda mill-familji sabiex jadattaw aħjar l-offerta ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għall-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-għażla tal-ġenituri;
(b)l-analiżi u l-indirizzar tal-ostakli kollha li l-familji jistgħu jiltaqgħu magħhom bħalma huma l-ispejjeż, ostakli relatati mal-faqar, pożizzjoni ġeografika, sigħat ta’ ftuħ inflessibbli, ostakli kulturali u lingwistiċi, diskriminazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni;
(c)l-istabbiliment ta’ kuntatt mal-familji kollha u speċjalment il-familji f’sitwazzjoni żvantaġġata sabiex jinfurmawhom dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-bini tal-fiduċja fis-servizzi;
(d)li jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità tajba affordabbli, idealment billi jaħdmu fil-livell xieraq ta’ governanza lejn dritt għal post ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità tajba;
(e)li jiġu pprovduti servizzi inklużivi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal, għat-tfal kollha inklużi tfal minn ambjenti differenti, bżonnijiet edukattivi speċjali jew diżabilitajiet, biex tiġi evitata s-segregazzjoni u tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus tas-suq tax-xogħol tal-ġenituri tagħhom jew ta’ dawk li jindukrawhom.
(f)li jiġu appoġġati t-tfal kollha biex jitgħallmu l-lingwa tal-edukazzjoni filwaqt li jilqgħu u jivvalorizzaw l-ilsien nattiv tat-tfal.
3.L-appoġġ għall-professjonalizzazzjoni tal-persunal tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Skont il-livell eżistenti ta’ kwalifiki professjonali u kondizzjonijiet tax-xogħol, l-isforzi ta’ suċċess jistgħu jinkludu:
(a)li jogħla l-istatus tal-professjoni tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal billi jinħolqu standards professjonali, jiġu allinjati r-rekwiżiti tal-kwalifiki, l-istatus professjonali u prospetti tal-karriera ta’ edukaturi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ma’ dawk tal-għalliema tal-iskejjel primarji u l-ħolqien ta’ mogħdijiet ta’ professjonalizzazzjoni għall-persunal bi kwalifika baxxa jew l-ebda kwalifika u mogħdijiet speċifiċi biex jikkwalifikaw l-assistenti;
(b)tittejjeb l-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu biex jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-benessri, it-tagħlim u l-iżvilupp tat-tfal, l-iżviluppi soċjali rilevanti u fehim sħiħ tad-drittijiet tat-tfal;
(c)jiġi pprovdut il-ħin għall-persunal għall-iskop ta’ attivitajiet professjonali bħar-riflessjoni, l-ippjanar, l-involviment mal-ġenituri u l-kollaborazzjoni ma’ professjonisti u kollegi oħra;
(d)li jkun hemm fil-mira li l-persunal jiġi mgħammar bil-kompetenzi biex jirrispondi għall-ħtiġijiet individwali tat-tfal minn ambjenti differenti u bi ħtieġa edukattiva speċjali jew diżabilità, billi l-persunal jitħejja biex jieħu ħsieb diversi gruppi.
4.Jittejjeb l-iżvilupp tal-kurrikuli ta’ snin bikrija sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-benessri u edukattivi tat-tfal. L-approċċi li jsostnu l-iżvilupp tal-kurrikulu u l-kompetenzi soċjali, emozzjonali, ta’ tagħlim u lingwistiċi tat-tfal jistgħu jinkludu:
(a)li jiġi żgurat bilanċ fil-provvediment ta’ benessri u tagħlim soċjo-emozzjonali, li tkun irrikonoxxuta l-importanza tal-logħob, il-kuntatt man-natura, ir-rwol tal-mużika, l-arti u l-attività fiżika;
(b)li titrawwem l-empatija, il-kompassjoni u l-kuxjenza fir-rigward tal-ugwaljanza u d-diversità;
(c)li jiġu offruti opportunitajiet għall-espożizzjoni tal-lingwa bikrija u t-tagħlim permezz ta’ attivitajiet tal-logħob; u jiġu kkunsidrati programmi bilingwi bikrija tat-tfal;
(d)li tiġi offruta gwida għall-fornituri dwar l-użu xieraq skont l-età ta’ għodod diġitali u teknoloġiji ġodda emerġenti;
(e)li tiġi promossa aktar integrazzjoni tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fil-kontinwità tal-edukazzjoni u l-appoġġ tal-kollaborazzjoni tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal tal-persunal tal-iskola primarja u t-tranżizzjoni bla xkiel għal tfal lejn l-iskola primarja.
5.li jiġu promossi monitoraġġ u evalwazzjoni trasparenti u koerenti ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal fil-livelli kollha bil-ħsieb tal-iżvilupp tal-politika. L-approċċi effiċjenti jistgħu jinkludu:
(a)l-użu ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni, kwestjonarji, linji gwida ta’ osservazzjoni bħala parti mill-ġestjoni tal-kwalità fil-livell tas-sistema u s-servizz;
(b)l-użu ta’ metodi xierqa u adattati għall-età biex titrawwem il-parteċipazzjoni tat-tfal u jinstemgħu l-fehmiet, it-tħassib u l-ideat tat-tfal u dawn jitqiesu fil-proċess ta’ valutazzjoni;
(c)li jiġu implimentati għodod eżistenti biex tittejjeb l-inklużività tal-provvediment tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal bħall-Għodda ta’ Awtoriflessjoni tal-Ambjent tat-Tagħlim tal-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal Inklużiva żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva.
6.Bil-mira li jiġi żgurat finanzjament adegwat u qafas legali għall-provvediment ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Tista’ tingħata kunsiderazzjoni lil:
(a)iż-żieda fl-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal b’fokus fuq id-disponibilità, il-kwalità u l-affordabilità, inkluż l-użu tal-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej;
(b)il-ħolqien u ż-żamma ta’ Qafas ta’ Kwalità nazzjonali jew reġjonali mfassal apposta;
(c)il-promozzjoni ta’ aktar integrazzjoni tas-servizzi għall-familji u t-tfal, l-iktar importanti għas-servizzi soċjali u tas-saħħa;
(d)l-inkorporazzjoni ta’ politiki sodi ta’ protezzjoni/ħarsien ta’ tfal fi ħdan is-sistema tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal biex tgħin għall-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza.
7.Ir-rapport permezz ta’ oqfsa u għodod eżistenti dwar l-esperjenzi u progress fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kwalità tal-kura.
B'DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI BIEX:
8.Tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin fost l-Istati Membri fil-kuntest tal-Qafas Strateġiku ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u skemi suċċessuri, kif ukoll fil-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali.
9.Tappoġġa l-kooperazzjoni tal-Istati Membri, ibbażata fuq id-domanda tagħhom, billi torganizza tagħlim mill-pari u pariri bejn il-pari.
10.Tappoġġa l-iżvilupp ta’ edukazzjoni u servizzi ta' kura bikrija tat-tfal inklużżiva ta’ kwalità għolja billi jsir disponibbli finanzjament tal-UE, b’mod partikolari fil-qafas tal-programm Erasmus+ u Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, inkluż Interreg, mingħajr preġudizzju għal negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
11.Tipproponi punti ta’ riferiment jew miri Ewropej aġġornati dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal li jimmiraw għall-provvediment ta’ servizzi, f’konformità possibbilment mal-punt ta’ riferiment ET2020 u l-miri ta’ Barċellona riveduti, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri.
12.Tirrapporta lill-Kunsill dwar is-segwitu tar-Rakkomandazzjoni b’konformità mal-modalitajiet tal-oqsfa u l-għodod eżistenti.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
L-OECD u l-Unjoni Ewropea (2015), Indicators of Immigrant Integration 2015, Settling In, http://www.oecd.org/els/mig/Indicators-of-Immigrant-Integration-2015.pdf .
Heckman, J.J. and Mosso, S. (2014), The Economics of Human Development and Social Mobility. Annual Reviews of Economics, 6, 689-733.
OECD (2017), Nibdew b'Saħħitna 2017: Indikaturi ewlenin tal-OECD dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal http://dx.doi.org/10.1787/9789264276116-en ; u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2013) dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013H1224(01)&from=mt ; u Eurofound (2015) Kura bikrija tat-tfal : L-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi, https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1512en.pdf .
Grupp Tematiku ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal (2014), Proposta għal prinċipji ewlenin ta’ Qafas ta’ Kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal, rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ewropea, http://ec.europa.eu/assets/eac/education/policy/strategic-framework/archive/documents/ecec-quality-framework_en.pdf .
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,22.5.2018
COM(2018) 271 final
ANNESS
ta' [...]
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta' Kwalità Għolja
{SWD(2018) 173 final}
ANNESS
QAFAS TA’ KWALITÀ GĦALL-
EDUKAZZJONI U KURA BIKRIJA TAT-TFAL
It-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli ta’ kwalità tajba 1 .
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
It-tagħlim u l-edukazzjoni jibdew mit-twelid u s-snin bikrin huma dawk l-aktar formattivi fil-ħajja tat-tfal peress li dawn jistabbilixxu l-pedamenti għall-iżvilupp tul il-ħajja tagħhom. Dan il-qafas ta’ kwalità jipprovdi prinċipji ewlenin u approċċ Ewropew għal sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja bbażati fuq prattiki tajba fl-Istati Membri tal-UE u riċerka tal-ogħla livell. Dan jinkludi għaxar dikjarazzjonijiet tal-kwalità li huma strutturati fuq ħames oqsma usa’ ta’ kwalità: aċċess, forza tax-xogħol, kurrikulu, monitoraġġ u evalwazzjoni, u governanza u finanzjament. L-għaxar dikjarazzjonijet ta’ kwalità jiddeskrivu l-karatteristiċi ewlenin ta’ servizzi ta’ kwalità għolja kif identifikati fil-prattika. Il-qafas ta’ kwalità huwa għodda ta’ governanza mmirata biex tipprovdi orjentazzjoni għall-iżvilupp u ż-żamma ta’ sistemi edukattivi u tal-kura bikrija tat-tfal. Biex jiġu ffaċilitati l-awtovalutazzjoni u aktar riflessjoni, dan jipprovdi wkoll lista ta’ indikaturi li jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.
L-għan ewlieni tal-qafas huwa li jipprovdi edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità tajba għat-tfal kollha u l-iżvilupp tiegħu huwa ggwidat mill-prinċipji li ġejjin:
·servizzi ta’ kwalità għolja huma kruċjali biex jippromwovu l-iżvilupp u t-tagħlim tat-tfal u, fuq medda twila ta’ żmien, itejbu l-opportunitajiet edukattivi tagħhom;
·il-parteċipazzjoni tal-ġenituri bħala msieħba ta’ servizzi bħal dawn hija essenzjali - il-familja hija l-aktar post importanti għat-tfal biex jikbru u jiżviluppaw, u l-ġenituri (u t-tuturi) huma responsabbli għall-benessri, is-saħħa u l-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla;
·is-servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għandhom ikunu ċċentrati fuq it-tfal, jinvolvu b’mod attiv lit-tfal u jagħrfu l-fehmiet tat-tfal.
Il-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal
L-AĊĊESS għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għat-tfal kollha jikkontribwixxi għall-iżvilupp b’saħħtu u s-suċċess edukattiv tagħhom, u jgħin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u d-differenza fil-kompetenza bejn it-tfal bi sfondi soċjoekonomiċi differenti. L-aċċess ekwu huwa essenzjali wkoll biex jiżgura li l-ġenituri, speċjalment in-nisa, ikollhom il-flessibilità biex (jerġgħu) jintegraw fis-suq tax-xogħol.
Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:
1.Provvista li hija disponibbli u aċċessibbli għall-familji kollha u t-tfal tagħhom.
Id-dritt legali universali għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jipprovdi bażi solida biex jintlaħqu t-tfal kollha. Id-data dwar il-popolazzjoni u l-istħarriġ tal-ġenituri dwar id-domanda għal postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal tista’ sservi bħala bażi għall-istima ta’ aktar ħtiġijiet u kapaċità ta’ aġġustament.
Il-provvista tista’ tindirizza ostakli li jistgħu jipprevjenu l-familji u t-tfal milli jipparteċipaw. Din tista’ tinkludi adattament tal-miżati mitluba għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal biex jippermetti wkoll aċċess għall-familji bi dħul baxx. Hemm ukoll evidenza li l-flessibilità fil-ħinijiet tal-ftuħ u arranġamenti oħra jistgħu jippermettu l-parteċipazzjoni speċjalment għat-tfal ta’ ommijiet li jaħdmu u minn gruppi ta’ minoranza jew żvantaġġati.
Provvediment li jkun mqassam b’mod ugwali f’żoni urbani u rurali, distretti sinjuri u foqra, u reġjuni tista’ twessa’ l-aċċess għall-gruppi żvantaġġati fis-soċjetà. Id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ servizzi ta’ kwalità għolja f’distretti fejn jgħixu familji foqra, minoranzi etniċi jew familji migranti ġiet rrapportata li għandha l-akbar impatt fuq l-appoġġ tal-ekwità u l-inklużjoni soċjali.
2.Provvista li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni, issaħħaħ l-inklużjoni soċjali u tħaddan id-diversità.
Il-postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jistgħu jinkoraġġixxu b’mod attiv il-parteċipazzjoni billi jinvolvu lill-ġenituri, lill-familji u lill-persuni li jindukraw fi proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (eż. f’kumitati tal-ġenituri). Li jintlaħqu l-familji speċjalment in-nisa u l-familji żvantaġġati jew ta’ minoranza jew migranti b’inizjattivi mmirati jippermettilhom li jesprimu l-ħtiġijiet tagħhom u jippermetti li s-servizzi jqisuhom meta jfasslu l-provvista għat-talbiet tal-komunitajiet lokali.
Ir-reklutaġġ ta’ persunal minn gruppi emarġinati, migranti jew ta’ minoranza jista’ jiġi mħeġġeġ billi ntwera li huwa ta’ vantaġġ jekk il-kompożizzjoni tal-persunal fil-postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal tirrifletti d-diversità fil-komunità.
Il-ħolqien ta’ ambjent li jilqgħek għat-tfal li jagħti valur lil-lingwi u lill-ambjent tad-dar tagħhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sens ta’ appartenenza tagħhom. L-iżvilupp professjonali xieraq u kontinwu jħejji wkoll persunal biex jilqa’ u jappoġġja lit-tfal bilingwi.
Il-postijiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jistgħu jiżviluppaw prattiki tajba fil-familji biex joħolqu tranżizzjoni bla xkiel mill-ambjent tad-dar għall-post u jrawmu livelli għolja ta’ parteċipazzjoni tal-ġenituri billi jorganizzaw inizjattivi speċifiċi.
IL-PERSUNAL huwa l-aktar fattur sinifikanti għar-riżultati tal-benessri, tat-tagħlim u tal-iżvilupp tat-tfal. Għalhekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp professjonali tal-persunal jitqiesu bħala komponenti essenzjali tal-kwalità.
Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:
3.Persunal ikkwalifikat tajjeb b’taħriġ inizjali u kontinwu li jippermettilu li jissodisfa r-rwol professjonali tiegħu.
Is-sistemi effettivi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jikkunsidraw li jgħollu l-istatus professjonali tal-persunal, li huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala fattur ewlieni tal-kwalità, billi jgħollu l-livelli tal-kwalifiki, joffru prospetti tal-karriera flessibbli u mogħdijiet alternattivi għall-assistenti. Dan jista’ jkun appoġġjat billi wieħed jimmira għal forza tax-xogħol pedagoġika li tkun komposta minn professjonisti li għandhom kwalifika professjonali sħiħa speċjalizzata fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal fil-livell 6 ISCED, flimkien ma’ persunal ta’ assistenti.
Il-programmi ta’ edukazzjoni inizjali tal-ogħla livell huma mfassla flimkien ma’ prattikanti u jipprovdu bilanċ tajjeb bejn it-teorija u l-prattika. Huwa wkoll ta’ vantaġġ jekk il-programmi ta’ edukazzjoni li jħejju aħjar lill-persunal biex jaħdem b’mod kollettiv u jtejjeb il-kompetenzi riflettivi. Dawn il-programmi jistgħu jibbenefikaw minn persunal ta’ taħriġ biex jaħdem ma’ gruppi diversi lingwistikament u kulturalment, minn familji ta’ minoranza, migranti u ta’ dħul baxx.
Persunal li jkun mgħammar biex isegwi l-ħtiġijiet ta’ żvilupp ta’ tfal żgħar u kapaċi jsib problemi potenzjali ta’ żvilupp jista’ jappoġġja b’mod aktar attiv l-iżvilupp tat-tfal. Opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali regolari, mfassla apposta u kontinwi huma ta’ benefiċċju għall-membri kollha tal-persunal, inklużi l-assistenti u l-persunal awżiljarju.
Fir-rigward tal-elementi meħtieġa għall-iżvilupp u l-psikoloġija tat-tfal, il-kompetenzi għall-persunal jeħtieġu li jinkludu modulu applikat għall-protezzjoni tat-tfal, u b’mod aktar ġenerali dwar id-drittijiet tat-tfal.
4.Kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ appoġġ inkluż tmexxija professjonali li toħloq opportunitajiet għall-osservazzjoni, ir-riflessjoni, l-ippjanar, il-ħidma f’tim u l-kooperazzjoni mal-ġenituri.
Is-sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jimmiraw għal kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, inklużi livelli ta’ pagi aktar adegwati, jistgħu jagħmlu l-impjiegi fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal għażla aktar attraenti għal persunal ikkwalifikat aħjar li jkun qed jfittex karrieri xierqa.
Il-proporzjonijiet bejn l-adulti u t-tfal u d-daqs tal-grupp huma l-aktar adegwati jekk ikunu ddisinjati b’mod xieraq għall-età u l-kompożizzjoni tal-grupp ta’ tfal, peress li t-tfal iż-żgħar jeħtieġu aktar attenzjoni.
Il-komunitajiet ta’ tagħlim professjonali, fejn jeżistu fi ħdan u madwar il-postijiet, urew impatt pożittiv billi allokaw ħin u spazju għal prattiki kolleġjali tal-persunal u xogħol konġunt.
L-offerta ta’ mentoraġġ u superviżjoni għal persunal ġdid reklutat matul l-induzzjoni tiegħu tista’ tgħinu jissodisfa malajr ir-regoli professjonali tiegħu.
IL-KURRIKULU huwa għodda b’saħħitha biex ittejjeb il-benessri, l-iżvilupp u l-esperjenza edukattiva tat-tfal. Qafas pedagoġiku wiesa’ jistabbilixxi l-prinċipji biex isostnu l-iżvilupp tat-tfal permezz ta’ prattiki edukattivi u ta’ kura li jissodisfaw l-interessi, il-ħtiġijiet u l-potenzjalitajiet tat-tfal.
Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:
5.Kurrikulu bbażat fuq għanijiet, valuri u approċċi pedagoġiċi li jippermettu lit-tfal jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom filwaqt li jindirizza l-iżvilupp soċjali, emozzjonali, konjittiv u fiżiku tagħhom u l-benessri tagħhom.
Approċċi pedagoġiċi ċċentrati fuq it-tfal jistgħu jsostnu aħjar l-iżvilupp ġenerali tat-tfal, jipprovdu appoġġ għall-istrateġiji ta’ tagħlim tagħhom u jippromwovu l-iżvilupp konjittiv u mhux konjittiv tagħhom billi jibnu b’mod aktar sistematiku fuq tagħlim esperjenzali, logħob u interazzjonijiet soċjali.
Hemm evidenza qawwija li kurrikulu espliċitu huwa gwadann għaliex jista’ jipprovdi qafas koerenti għall-kura, l-edukazzjoni u s-soċjalizzazzjoni bħala partijiet integrali tal-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Idealment dan il-qafas jiddefinixxi l-għanijiet tat-tagħlim speċifiċi għall-età filwaqt li jippermetti lill-edukaturi li jippersonalizzaw l-approċċ tagħhom għall-ħtiġijiet individwali tat-tfal u jista’ jipprovdi linji gwida għal ambjent ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja. Dan jagħti kunsiderazzjoni xierqa biex jinkludi d-disponibbiltà ta’ kotba u materjal stampat ieħor biex jgħin fl-iżvilupp tal-litteriżmu tat-tfal.
Permezz tal-promozzjoni tad-diversità, l-ugwaljanza u l-kuxjenza lingwistika, qafas ta’ kurrikulu effettiv jippromwovi l-integrazzjoni tal-migranti. Dan jista’ jrawwew l-iżvilupp kemm tal-lingwa nattiva tagħhom kif ukoll tal-lingwa tal-edukazzjoni.
6.Kurrikulu li jeħtieġ persunal li jikkollabora mat-tfal, mal-kollegi u mal-ġenituri u li jirrifletti dwar il-prattika tiegħu.
Kurrikulu jista’ jgħin biex jinvolvi aħjar lill-ġenituri, lill-partijiet interessati u lill-persunal u biex jiżgura li jirrispondi b’mod aktar adegwat għall-ħtiġijiet, l-interessi u l-potenzjalitajiet tat-tfal.
Kurrikulu jista’ jiddefinixxi rwoli u proċessi għall-persunal biex jikkollabora regolarment mal-ġenituri kif ukoll ma’ kollegi f’servizzi oħra tat-tfal (inklużi s-setturi tas-saħħa, tal-kura soċjali u tal-edukazzjoni).
Kull meta jkun possibbli, il-kurrikulu jista’ jipprovdi linji gwida għall-persunal għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal biex jikkoordina mal-persunal tal-iskola dwar it-tranżizzjoni tat-tfal lejn l-iskejjel primarji u/jew pre-primarji.
IL-MONITORAĠĠ U L-EVALWAZZJONI jippromwovu kwalità sostnuta. Meta jindikaw l-punti tajbin u d-dgħufijiet il-proċessi tagħhom jistgħu jkunu komponenti importanti ta’ titjib tal-kwalità fis-sistemi ta’ edukazzjoni bikrija tat-tfal. Jistgħu jipprovdu appoġġ lill-partijiet interessati u lil dawk li jfasslu l-politika fit-teħid ta’ inizjattivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tat-tfal, tal-ġenituri u tal-komunitajiet lokali.
Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:
7.Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jipproduċu informazzjoni fil-livell rilevanti lokali, reġjonali u/jew nazzjonali biex jiġi appoġġat it-titjib kontinwu fil-kwalità tal-politika u l-prattika.
Informazzjoni trasparenti dwar is-servizz u l-persunal jew dwar l-implimentazzjoni tal-kurrikulu fil-livell xieraq – nazzjonali, reġjonali u lokali – tista’ tgħin biex titjieb il-kwalità.
Feedback b’informazzjoni regolari tista’ tagħmel il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-politiki aktar faċli, anki billi tippermetti li jiġi analizzat l-użu ta’ fondi pubbliċi u ta’ dak li hu effettiv u f’liema kuntest.
Biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-persunal u biex jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba dwar kif l-aħjar li titjieb il-kwalità tas-servizz, huwa ta’ benefiċċju li l-mexxejja tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal jiġbru d-data rilevanti fil-ħin.
8.Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni li huma fl-aħjar interess tat-tfal.
Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal, għandhom jiġu integrati politiki b’saħħithom dwar il-protezzjoni tat-tfal/is-salvagwardja tat-tfal fis-sistema ECEC biex jgħinu fil-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza. Il-politiki dwar il-protezzjoni tat-tfal għandhom ikopru erba’ oqsma wiesa’: (1) il-politika, (2) in-nies, (3) il-proċeduri, u (4) il-kontabilità. Aktar informazzjoni dwar dawn l-oqsma tista’ tinstab fi "Standards għas-salvagwardja tat-tfal u kif jiġu implimentati" maħruġa minn Keeping Children Safe 2 .
Il-proċessi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jistgħu jippromwovu impenn attiv u kooperazzjoni fost il-partijiet interessati kollha. Kull min hu kkonċernat fl-iżvilupp tal-kwalità jista’ jikkontribwixxi għal – u jibbenefika minn – prattiki ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.
L-evidenza disponibbli tindika li taħlita ta’ metodi ta’ monitoraġġ (eż. osservazzjoni, dokumentazzjoni, valutazzjoni narrattiva tal-kompetenzi tat-tfal) tista’ tipprovdi informazzjoni utli u tagħti kont tal-esperjenzi u l-iżvilupp tat-tfal, inkluż li tgħin fi tranżizzjoni bla xkiel għall-iskola primarja.
Jistgħu jinħolqu għodda ta’ monitoraġġ u proċeduri ta’ evalwazzjoni parteċipattiva biex it-tfal ikunu jistgħu jinstemgħu u jkunu espliċiti dwar l-esperjenzi tagħhom ta’ tagħlim u soċjalizzazzjoni fil-postijiet.
IL-GOVERNANZA U L-FINANZJAMENT huma kruċjali biex jippermettu l-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal biex ikollha r-rwol tagħha fl-iżvilupp personali tat-tfal u fit-tnaqqis tad-differenza fil-kisbiet u fit-trawwim tal-koeżjoni soċjali. Il-governanza jeħtieġ li tkun parti minn sistema komprensiva ta’ politiki pubbliċi koerenti li jorbtu l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ma’ servizzi oħra kkonċernati mal-benessri tat-tfal żgħar u l-familji tagħhom.
Dikjarazzjonijiet tal-kwalità:
9.Il-partijiet interessati għandhom fehim ċar u kondiviż tar-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, u jafu li huma mistennija li jikkollaboraw ma’ organizzazzjonijiet sħab.
Il-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għandha idealment tikkollabora mill-qrib mas-servizzi kollha li jaħdmu għat-tfal, inklużi s-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-iskejjel u l-partijiet interessati lokali. Dawn l-alleanzi bejn l-aġenziji wrew li jkunu aktar effettivi jekk ikunu rregolati minn qafas ta’ politika koerenti li jista’ jippromwovi b’mod proattiv il-kollaborazzjoni u l-investiment fit-tul fil-livell lokali
L-involviment tal-partijiet interessati ntwera li huwa kruċjali biex ifassal u jimplimenta provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal.
Ir-responsabbiltà għar-regolamenti kollha dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u għall-finanzjament tista’ idealment tkun tal-istess dipartiment.
10.Il-progress fil-leġiżlazzjoni, regolament u/jew finanzjamenti ta’ appoġġ lejn dritt universali għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ssussidjata jew iffinanzjata pubblikament, u l-progress jiġi regolarment irrappurtat lill-partijiet interessati kollha.
It-titjib tal-kwalità fil-provvista tas-servizz għat-tfal kollha jista’ jinkiseb aħjar billi progressivament jinbena dritt legali universali. Jista’ jkun utli li jiġi evalwat jekk servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal bbażati fuq is-suq joħolqux aċċess mhux ugwali jew kwalità aktar baxxa għal tfal żvantaġġati u, jekk meħtieġ, isiru pjanijiet għal azzjonijiet ta’ rimedju.
Rabta mill-qrib mal-politiki dwar ix-xogħol, is-saħħa u dawk soċjali tkun b’mod ċar ta’ vantaġġ peress li tista’ tippromwovi ridistribuzzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi billi timmira għal aktar finanzjament lejn gruppi u distretti żvantaġġati.