This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE5386
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Coordinated Plan on Artificial Intelligence’(COM(2018) 795 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”(COM(2018) 795 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”(COM(2018) 795 final)
EESC 2018/05386
ĠU C 240, 16.7.2019, p. 51–56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 240/51 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”
(COM(2018) 795 final)
(2019/C 240/12)
Relatur: Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA
Konsultazzjoni |
Kummissjoni, 18.2.2019 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
Adottata fis-sezzjoni |
2.4.2019 |
Adottata fil-plenarja |
15.5.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
543 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
210/2/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u jappella li jiġi implimentat b’mod urġenti, meta wieħed iqis il-progress rapidu fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA barra mill-UE. Biex tirnexxi fil-kompetizzjoni globali, l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni u l-investiment, billi ssegwi l-prinċipju tal-“bniedem fil-kmand” u l-affidabbiltà tal-IA. |
1.2. |
Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA għandhom ikunu inklużivi fir-rigward tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-intrapriżi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IA għandha għalhekk tiffoka attenzjoni kif imiss dwar kif tista’ tagħmel l-aqwa użu mill-opportunitajiet tal-IA għas-soċjetà kollha. |
1.3. |
Il-KESE japprova l-inizjattivi biex jiġi allokat aktar finanzjament għall-innovazzjoni, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u t-taħriġ relatati mal-IA, permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn l-għanijiet komuni. |
1.4. |
Sabiex isaħħaħ l-iżvilupp u l-użu tal-IA mis-settur privat, il-KESE jappella għal ambjent kummerċjali favorevoli inkluż qafas ta’ politika u regolatorju abilitanti u stabbli li jistimula l-innovazzjoni u l-investiment tal-IA, li jqis il-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. |
1.5. |
Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi żgurata l-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-fluss bla xkiel tad-data fis-suq uniku, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Il-Kumitat iħeġġeġ l-iffaċilitar tal-aċċess għad-data pubblika u jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ pjattaformi diġitali Ewropej. |
1.6. |
Il-KESE japprova l-inizjattivi dwar il-kooperazzjoni, is-sħubijiet u n-netwerks transkonfinali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-użu tal-IA u jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni wiesgħa bejn l-atturi differenti tas-soċjetà. |
1.7. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għad-domanda ġdida għall-ħiliet, liema ħaġa titlob riformi mill-iskejjel tal-pimarja sal-università. Barra minn hekk, it-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim kontinwu huma neċessità, u se jseħħu dejjem aktar fil-kuntest tax-xogħol. Id-djalogu soċjali jaqdi rwol essenzjali fit-tbassir tat-tibdil u l-ħtiġijiet relatati max-xogħol. |
1.8. |
Rigward il-ġestjoni tat-tibdil strutturali relatat mal-IA, il-KESE kkunsidra t-tisħiħ tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bħala pass lejn fond Ewropew ta’ tranżizzjoni Ewropea komplut biex jgħin fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali. |
1.9. |
Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu tal-IA għandhom isiru f’konformità mal-valuri u mal-leġislazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol u tal-kumpaniji. Jeħtieġ li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jiġu involuti fit-tħejjija tal-politiki u l-miżuri relatati mal-IA. Jinħtieġ ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-IA biex tissaħħaħ il-fiduċja fost in-nies. |
1.10. |
Peress li l-IA għandha taqdi lis-soċjetà b’mod ġenerali u tikkunsidra l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-istess ħin, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta l-qafas ta’ żvilupp sostenibbli bħala approċċ gwida għal żviluppi futuri tal-IA. Il-KESE jitlob ukoll l-implimentazzjoni sostenibbli tal-IA minn organizzazzjonijiet individwali, inklużi prattiki adatti ta’ informazzjoni u konsultazzjoni. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
Wara l-istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa ppubblikata f’April 2018, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet mal-Istati Membri biex tħejji pjan koordinat dwar l-IA bil-għan li jkun hemm l-aqwa impatt globali tal-miżuri, b’mod partikolari l-investiment, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u li jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali. |
2.2. |
Il-pjan koordinat jipproponi azzjonijiet konġunti f’erba’ oqsma: iż-żieda fl-investiment, it-tisħiħ tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data, it-trawwim tat-talent u tal-ħiliet, u l-iżgurar tal-fiduċja. Il-pjan koordinat jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom b’rabta mal-IA sa nofs l-2019. |
2.3. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan koordinat bħala pass importanti biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-Kumitat ipprovda l-kummenti tiegħu dwar l-istrateġija f’Opinjoni preċedenti (1). Il-Kumitat ressaq ukoll Opinjoni dwar il-programm Ewropa Diġitali (2). Barra minn hekk, il-KESE ħejja Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar aspetti differenti tal-IA (3), kif ukoll diversi Opinjonijiet oħra relatati mal-IA. |
2.4. |
Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-miżuri ta’ implimentazzjoni jiġu ppjanati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, meta wieħeq iqis li l-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri jvarjaw f’oqsma ta’ politika differenti. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni jinħtieġu wkoll sabiex ikun hemm l-aqwa riżultati u l-effiċjenza mill-perspettiva tal-UE kollha kemm hi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn l-għanijiet komuni, filwaqt li jirrikonoxxu l-kundizzjonijiet differenti f’pajjiżi differenti. |
2.5. |
Minbarra l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika f’livelli differenti, tinħtieġ kooperazzjoni bejn l-atturi kollha tas-soċjetà. Dan huwa meħtieġ biex jiġu evitati l-inkonsistenzi, id-duplikazzjonijiet u l-lakuni fl-azzjoni u b’hekk jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt tal-miżuri. |
2.6. |
Il-KESE jappella għal urġenza fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, minħabba li l-progress fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA jsir b’pass rapidu lil hinn mill-UE. Fl-istess ħin, l-UE u l-Istati Membri għandhom iżommu sod mal-miri fit-tul tal-istrateġija. Il-KESE japprova l-ambizzjoni għall-Ewropa “ssir reġjun minn ta’ quddiem fid-dinja fejn tiġi żviluppata u varata IA mill-aktar avvanzata, sigura u etika, li tħeġġeġ approċċ fejn il-bniedem huwa ċentrali fil-kuntest globali” (4). |
2.7. |
Biex tirnexxi fil-kompetizzjoni globali, l-UE għandha ssegwi l-mod tagħha b’mod determinat, filwaqt li fl-istess ħin tirrikonoxxi l-iżviluppi u x-xejriet esterni. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-kompetittività u l-fiduċja jitqiesu flimkien. L-affidabbiltà għandha l-potenzjal li ssir vantaġġ kompetittiv għall-UE, għalkemm komponenti oħra tal-kompetittività għandhom ukoll ikunu fis-seħħ. |
2.8. |
Peress li l-IA għandha taqdi lis-soċjetà b’mod ġenerali, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta l-qafas ta’ żvilupp sostenibbli bħala approċċ gwida għal żviluppi futuri tal-IA. L-iżvilupp sostenibbli bit-tliet dimensjonijiet tiegħu jitlob politiki u miżuri li jsaħħu l-ekonomija u jiġġeneraw il-benessri għas-soċjetà, filwaqt li jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-impatti klimatiċi u ambjentali. |
2.9. |
Il-KESE josserva li l-politiki relatati mal-IA għandhom jitfasslu mill-perspettiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-intrapriżi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. Għandha tingħata attenzjoni dovuta fuq kif isir l-aqwa użu possibbli mill-opportunitajiet tal-IA għas-soċjetà kollha u kif jiġu minimizzati r-riskji, inkluża l-manipulazzjoni tal-proċessi demokratiċi. |
2.10. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-inklużività u l-prinċipju li “ħadd ma jitħalla lura” fl-iżvilupp u l-użu tal-IA. Dan japplika għall-aċċessibbiltà tad-data u l-infrastruttura, id-disponibbiltà ta’ prodotti li faċli jintużaw mill-utenti u aċċess għall-għarfien u l-ħiliet. L-inklużività hija importanti kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs. Għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex jiżdiedu l-ħiliet tan-nisa fl-IA u jitħeġġu jidħlu f’impjiegi u jwettqu kompiti relatati mal-IA, inkluż fl-industrija. |
2.11. |
Minħabba l-isfidi kbar tas-soċjetà u l-iżvilupp estremament mgħaġġel tat-teknoloġiji, l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-IA fl-analiżi ta’ tbassir dwar setturi bħall-kura tas-saħħa u t-trasport, inkluża l-kwistjoni tax-xogħol. Barra minn hekk, l-UE għandha tantiċipa l-opportunitajiet inerenti fit-teknoloġiji fixkiela (disruptive technologies) bħat-teknoloġija tal-kwantum. |
3. L-iffaċilitar tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp tan-negozju
3.1. |
Minbarra li tipprovdi l-operazzjonijiet ta’ negozju b’aktar effiċjenza u produttività, l-IA ġġib magħha wkoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju għal varjetà wiesgħa ta’ industriji u servizzi. Dan jgħodd kemm għall-kumpaniji l-kbar kif ukoll għall-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. Barra minn hekk, se jinħolqu negozji kompletament ġodda. |
3.2. |
Meta jitqies li ħafna qed iseħħ barra l-UE dwar l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA, l-UE għandha wkoll issaħħaħ l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kompetittività tagħha. Hawnhekk, mhux qed nitkellmu dwar “li jintgħażlu r-rebbieħa” iżda pjuttost dwar l-identifikazzjoni tal-problemi u l-isfidi li jridu jiġu indirizzati, bil-għan li jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet ideali biex isir użu mill-opportunitajiet u jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji relatati mal-IA. |
3.3. |
L-investiment fl-innovazzjoni u l-infrastruttura u l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku huma l-oqsma ewlenin ta’ azzjoni li għandu jsir enfasi fuqhom. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ambjent tan-negozju imġenerali, bħat-tassazzjoni, ir-regolazzjoni u d-disponibbiltà tal-fatturi ta’ produzzjoni, għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-investiment mill-intrapriżi. |
3.4. |
Il-KESE japprova l-inizjattivi biex jiġi allokat aktar finanzjament għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA. Strumenti bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, InvestEU u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huma kollha strumenti siewja u meħtieġa biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-investiment fl-IA. |
3.5. |
Filwaqt li s-settur pubbliku għandu rwol sinifikanti x’jaqdi permezz tal-investiment proprju tiegħu fl-IA u l-akkwist pubbliku, jinħtieġ ħafna investiment privat biex jiġġenera progress adegwat kemm fl-iżvilupp kif ukoll fl-adozzjoni tal-IA f’diversi setturi. Il-finanzjament pubbliku jipprovdi ingranaġġ għall-investiment privat u bħala tali huwa essenzjali. Madankollu, il-prattiki ta’ finanzjament għandhom ikunu aktar faċli għall-utent. Għandhom jiġu żviluppati wkoll ir-regoli dwar il-finanzjament biex jitħeġġeġ it-teħid ta’ riskji. |
3.6. |
L-ekosistemi tan-negozju, magħmula minn kumpaniji ta’ daqsijiet differenti u minn setturi differenti u minn partijiet differenti tal-ktajjen tal-valur, huma meħtieġa għall-iżvilupp u l-użu tal-IA, l-istess bħall-koordinazzjoni bejn in-negozji u l-partijiet interessati differenti. Il-KESE jappoġġja l-pjani tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kooperazzjoni, is-sħubijiet u n-netwerks transkonfinali permezz ta’ ċentri konnessi ta’ eċċellenza fir-riċerka, faċilitajiet tal-ittestjar u ċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet mal-SMEs u jitlob il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-qafas taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali. |
3.7. |
Il-kompetenzi u l-ħiliet jaqdu rwol sinifikanti bħala faċilitatur tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp tan-negozju relatat mal-IA. Hemm domanda mhux biss għal “ħiliet tal-IA” speċifiċi iżda wkoll għal ħiliet biex tiġi applikata l-IA f’negozji speċifiċi, inklużi l-ħiliet intraprenditorjali. Peress li t-talent il-ġdid għan-negozju u l-industrija jiġi promoss l-aħjar permezz ta’ proġetti ta’ riċerka, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat għal dan it-tip ta’ riċerka. |
3.8. |
Il-pass mgħaġġel tal-iżviluppi jitlob aġilità fl-iffaċilitar tal-innovazzjoni fl-IA. Dan jirrikjedi siti ta’ ttestjar u “sandboxes” regolatorji li jippermettu li jiġu sperimentati ideat ġodda u ttestjati permezz ta’ proġetti pilota. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu żgurati l-kondiviżjoni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet. |
3.9. |
Il-KESE jappella għal aktar investiment fit-teknoloġija u l-infrastruttura meħtieġa mill-IA u mill-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA, inklużi l-kompjuters bi prestazzjoni għolja u n-netwerks mobbli 5G, flimkien ma’ miżuri għat-titjib taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, l-UE għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-kwantum, speċjalment il-quantum computing u l-komunikazzjonijiet tal-kwantum. |
3.10. |
Peress li l-IA hija bbażata primarjament fuq id-data, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġu żgurati l-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-fluss bla xkiel tad-data, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Suq uniku tad-data li jiffunzjona sew qed isir dejjem aktar importanti, meta wieħed iqis li huwa interkonness mas-suq uniku tal-beni, il-kapital u s-servizzi. |
3.11. |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni favur il-ħolqien ta’ Spazju Ewropew komuni tad-Data. Il-Kumitat iħeġġeġ il-ftuħ u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-big data ġġenerata mis-settur pubbliku għall-utenti kollha, u għat-tisħiħ tal-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs). Il-KESE jitlob ukoll li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ appoġġ għat-twaqqif ta’ pjattaformi Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data. It-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun allinjat ma’ kompetizzjoni ġusta u protezzjoni adatta tad-data u l-proprjetà intellettwali. |
3.12. |
Il-mudelli ta’ negozju bbażati fuq id-data, il-pjattaformi u l-ekosistemi qed isiru n-“normalità l-ġdida”. Filwaqt li llum il-ġurnata l-pjattaformi min-negozju għall-konsumatur huma dominati prinċipalment minn kumpaniji kbar minn barra l-Ewropa, l-UE jkollha potenzjal sinifikanti biex tikkompeti b’suċċess fl-oqsma tal-pjattaformi mill-pubbliku għaċ-ċittadin u minn negozju għal negozju. Fi kwalunkwe każ, huwa kruċjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompetituri barranin. |
3.13. |
Il-KESE jappella għal qafas ta’ abilitazzjoni li jistimula l-innovazzjoni u jevita li l-iżvilupp jixxekkel b’regoli u rekwiżiti dettaljati żżejjed, filwaqt li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-IA. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mal-industriji u l-partijiet ikkonċernati, jekk hemmx biċċiet ta’ regolamentazzjoni li jistgħu jfixklu l-iżvilupp jew l-adozzjoni ta’ IA affidabbli, inkluża l-analiżi tal-idoneità tal-liġi tal-kompetizzjoni. |
3.14. |
Il-KESE jistieden ukoll lil dawk li jfasslu l-politika biex jikkunsidraw strumenti ta’ politika mill-perspettiva tas-settur ikkonċernat. Ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd, iżda s-setturi differenti għandhom il-ħtiġijiet u l-isfidi proprji tagħhom x’jegħlbu. Għandu jsir użu sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mill-istandardizzazzjoni, pereżempju fil-promozzjoni tal-interoperabbiltà, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-veloċità tat-tibdil u l-ħtieġa għal titjib kontinwu. |
4. Nagħmlu possibbli li n-nies jippreparaw għall-ġejjieni
4.1. |
Huwa ovvju li n-nies mhumiex konxji ħafna mill-opportunitajiet li tipprovdi l-IA biex jgħinuhom, filwaqt li ħareġ fid-dieher tħassib ċar dwar il-kontroll tal-magna. Il-KESE għalhekk huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ippreżentati mill-IA għas-soċjetà inġenerali. Jinħtieġu wkoll aktar għarfien u fehim dwar in-natura u l-funzjonament tal-IA biex tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies abbażi ta’ ħsieb kritiku. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal data statistika mtejba u aktar riċerka dwar l-implikazzjonijiet tal-IA għall-impjieg u x-xogħol, inklużi studji dwar l-impatti speċifiċi għas-settur. |
4.2. |
Minħabba li l-IA għandha l-potenzjal li ġġib magħha implikazzjonijiet konsiderevoli għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies bħala konsumaturi, kif ukoll għall-iżvilupp tal-impjiegi u x-xogħol tal-futur, huwa essenzjali li n-nies jingħataw l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jitħejjew għat-tibdil. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol essenzjali biex jantiċipaw it-tibdil fix-xogħol, jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u jsaħħu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. |
4.3. |
L-użu tal-IA jimplika tibdil konsiderevoli fid-domanda għall-ħiliet. Minħabba n-natura profonda u mgħaġġla tal-iżvilupp tal-IA, iridu jiġu identifikati kemm il-ħtiġijiet immedjati kif ukoll dawk fit-tul għat-taħriġ u l-edukazzjoni. L-edukazzjoni għandha tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll avvanzati. Minbarra li jiżguraw il-litteriżmu bażiku tal-IA, il-ħiliet ġenerali għandhom jipprovdu lin-nies bil-kapaċità li japplikaw l-IA fil-ħolqien u l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-ħajja ta’ kuljum u fix-xogħol tagħhom, flimkien ma, pereżempju, sistemi ta’ kooperazzjoni bejn il-bniedem u r-robots. |
4.4. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispondu għad-domanda ġdida għall-ħiliet billi jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili kkonċernati kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ ġodda, sabiex jittejbu l-ħiliet rilevanti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod ġenerali. L-IA għandha tintuża wkoll fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet kif ukoll fl-organizzazzjoni u l-forniment tal-kontenut għall-edukazzjoni u t-taħriġ. |
4.5. |
Jinħtieġu riformi fil-kurrikuli mill-iskejjel primarji sal-universitajiet. Hemm bżonn ta’ bażi b’saħħitha fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika, filwaqt li jiġi rikonoxxut li kemm l-iżvilupp kif ukoll l-użu tal-IA jirrikjedu kompetenzi wiesgħa. Dan jenfasizza s-sinifikat tal-edukazzjoni fix-xjenzi soċjali u l-arti, fost affarijiet oħra. |
4.6. |
Minbarra l-iżvilupp tal-edukazzjoni bażika, hemm ħtieġa evidenti għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-persuni, inklużi l-għalliema. It-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim kontinwu huma neċessità għal kulħadd biex ilaħħqu mal-iżviluppi attwali u futuri. It-tagħlim se jseħħ dejjem aktar fil-kuntest tax-xogħol u jkun ibbażat fuq ambizzjonijiet individwali. |
4.7. |
Il-KESE jemmen li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun parti ċentrali tal-istrateġiji nazzjonali tal-IA, u li l-prattiki tajba tal-inizjattivi nazzjonali għandhom jiġu kondiviżi fil-livell Ewropew. Il-KESE jappella għal aktar allokazzjoni tal-fondi tal-UE biex jiġu appoġġjati r-riformi u l-inizjattivi ġodda meħtieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
4.8. |
Huwa importanti wkoll li jiġu ttrattati l-bidliet strutturali relatati mal-IA fir-reġjuni u s-setturi l-aktar milquta mill-użu tal-IA. L-Istati Membri għandhom iħejju approċċi dwar kif titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u jitnaqqsu l-impatti soċjali negattivi, inkluża l-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux jiġu impjegati. L-aċċess għall-Internet irid jiġi żgurat ukoll fl-oqsma kollha sabiex jiġi evitat id-distakk diġitali. Il-KESE jara t-tisħiħ tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni propost mill-Kummissjoni bħala pass lejn l-istabbiliment ta’ fond Ewropew ta’ tranżizzjoni komplut li jgħin fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali b’mod soċjalment responsabbli. |
5. It-trawwim tal-fiduċja fl-IA
5.1. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li biex jinħatfu l-opportunitajiet b’suċċess li tipprovdi l-IA, tinħtieġ fiduċja soda fiha. L-affidabbiltà hija mistennija mill-konsumaturi u l-impjegati, kif ukoll min-negozji – min iħaddem, l-intraprendituri, l-investituri u l-finanzjaturi. |
5.2. |
X’aktarx li t-tħassib relatat mal-IA se jonqos bis-saħħa ta’ aktar għarfien u fehim ta’ xi tfisser l-IA, kif tista’ tintuża u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet tagħha. Dan se jqiegħed il-pedament għall-fiduċja fl-IA billi jippermetti l-ħsieb kritiku u l-kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet fundamentali bħall-prinċipju tal-“bniedem fil-kmand” u l-prospetti għall-persuni li jkollhom kontroll fuq ħajjithom. Min-naħa l-oħra, il-fiduċja tiddependi minn aspetti prattiċi ħafna bħall-faċilità tal-użu għall-utent. |
5.3. |
Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli Ewropew dwar l-IA dan l-aħħar nieda linji gwida dwar l-etika għal IA affidabbli. Il-KESE jieħu nota ta’ dawn il-linji gwida u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali ta’ data miftuħa, adegwata u affidabbli, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tal-IA u l-inklużività tal-iżvilupp u l-użu tal-IA. Il-KESE jappella wkoll għal diskussjonijiet wesgħin dwar kwistjonijiet bħall-implikazzjonijiet tat-tfassil tal-profili tal-persuni u l-prerekwiżiti biex jiġu sfidati d-deċiżjonijiet b’rabta mal-IA. |
5.4. |
Jekk jitqiesu fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli, l-aspetti etiċi diskussi prinċipalment jinkludu aspetti relatati mal-bniedem u għalhekk jagħmlu parti mid-dimensjoni soċjali tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-IA għandha tikkunsidra aspetti ambjentali bħal dawk relatati mat-tibdil fil-klima u r-riżorsi naturali, inkluż l-użu sostenibbli tal-enerġija u l-materja prima u l-evitar tal-obsolexxenza prematura tal-prodotti, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, is-sostenibbiltà ekonomika teħtieġ li s-soluzzjonijiet tal-IA jkunu ekonomikament sodi, jiġifieri produttivi, profittabbli u kompetittivi. |
5.5. |
L-impatt tal-applikazzjonijiet tal-IA huwa element ieħor ta’ fiduċja. Jekk l-IA tibbenefika lis-soċjetà – fl-ispirtu tal-iżvilupp sostenibbli — billi tiġġenera l-prosperità ekonomika, il-benessri soċjali u s-saħħa, kif ukoll benefiċċji ambjentali, tista’ tiġi rikonoxxuta bħala “li tagħmel il-ġid”. |
5.6. |
Il-KESE jemmen li l-fiduċja fl-IA tista’ tiżdied permezz ta’ politika pubblika ċċentrati fuq iċ-ċittadin billi jiġu involuti r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-politiki u l-miżuri relatati mal-IA. Is-settur pubbliku jista’ jżid il-fiduċja fl-IA anke permezz ta’ amministrazzjoni ċċentrata fuq iċ-ċittadin, fejn l-IA jista’ jkollha rwol sinifikanti x’taqdi billi l-proċessi amministrattivi jsiru aktar faċli u mfassla apposta. Barra minn hekk, wieħed għandu jikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti, pereżempju, mit-teknoloġiji tal-blockchain, sabiex jittejbu s-servizzi diġitali fdati. |
5.7. |
L-iżvilupp u l-użu tal-IA għandhom isiru f’konformità sħiħa mal-liġi, kemm jekk tkun leġislazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol jew tal-kumpaniji. Hemm ħafna leġislazzjoni li hija rilevanti għall-iżvilupp u l-użu tal-IA. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza u tikkomplementa l-evalwazzjoni tagħha tal-partijiet rilevanti tal-leġislazzjoni, pereżempju fil-qasam tas-sikurezza u r-responsabbiltà, fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom għall-iskop fir-rigward ta’ IA affidabbli. Il-fattibilità ta’ regolament settorjali rilevanti għandha tiġi riveduta wkoll. |
5.8. |
Madankollu, huwa importanti ħafna li l-approċċ u l-prinċipji ta’ IA affidabbli jiġu adottati u introdotti bħala parti integrali mill-kultura ta’ kull organizzazzjoni, kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. L-etika tal-IA ma għandhiex titqies bħala xi ħaġa separata jew differenti mill-etika inġenerali. L-organizzazzjonijiet għandhom jintegraw l-etika tal-IA fl-istrateġiji globali tagħhom, il-kodiċijiet ta’ kondotta ġenerali u l-prattiki ta’ ġestjoni regolari, inklużi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u awditjar. |
5.9. |
L-adozzjoni proattiva ta’ IA affidabbli tista’ tittejjeb billi jiġu inklużi l-aspetti etiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-iżviluppaturi u l-utenti tal-IA, kif ukoll billi jiġu pprovduti u implimentati linji gwida etiċi. Il-KESE huwa lest, min-naħa tiegħu, li jxerred l-informazzjoni dwar l-aspetti etiċi fost l-atturi tas-soċjetà ċivili. |
Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 51.
(2) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292.
(3) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52; ĠU C 190, 5.6.2019, p. 17.
(4) COM(2018) 795 final ANNESS.