Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4062

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” ((COM(2018) 390 final — 2018/0210 (COD))

    EESC 2018/04062

    ĠU C 110, 22.3.2019, p. 104–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 110/104


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

    ((COM(2018) 390 final — 2018/0210 (COD))

    (2019/C 110/20)

    Relatur:

    Brian CURTIS (UK-II)

    Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill

    12.7.2018

    Konsultazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew

    2.7.2018

    Bażi legali

    L-Artikoli 42, 43(2), 91(1), 100(2), 173(3), 175, 188, 192(1), 194(2), 304 u 349 tat-TFUE

     

     

    Deċiżjoni tal-Bureau

    22/05/2018 (bi stennija tal-konsultazzjoni)

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    27.11.2018

    Adottata fil-plenarja

    12.12.2018

    Nru tas-Sessjoni plenarja

    539

    Riżultat

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    214/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi sistema aktar flessibbli għall-Istati Membri f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tagħhom, u għandha l-għan li tappoġġja mudell kummerċjali sostenibbli għas-sajjieda u żżomm il-kompetittività tas-settur tas-sajd. B’mod partikolari, il-KESE jitlob approvazzjoni rapida, mekkaniżmu ta’ finanzjament aktar aċċessibbli u sistema ta’ sanzjonijiet aktar proporzjonata u armonizzata. Is-soċjetà ċivili organizzata u l-pjattaformi reġjonali tal-partijiet interessati jeħtieġ ikunu involuti f’kull stadju tal-proċess, mill-abbozzar tal-pjani nazzjonali sal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni finali.

    1.2.

    Il-KESE jqis li għandu jinżamm il-baġit attwali għall-FEMS (EUR 6,4 biljun). Dan huwa kruċjali biex jinkisbu l-bidliet u l-aġġornar radikali mitlubin mill-Unjoni Ewropea għas-settur tas-sajd. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l-FEMS attwali jammonta għal 0,6 % tal-QFP 2014-2020, li jfisser li kwalunkwe tnaqqis fil-finanzjament tiegħu se jkollu impatt negliġibbli fuq il-baġit ġenerali tal-UE kollha iżda jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna għar-reġjuni kostali.

    1.3.

    Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt ekonomiku u soċjali. Dan in-nuqqas huwa aggravat mill-fatt li s-settur tas-sajd ilu fi kriżi għal aktar minn 20 sena. Għalhekk, il-Kumitat jitlob l-involviment fil-pront tal-Kummissjoni Ewropea (speċifikament id-DĠ Impjiegi) u t-tnedija ta’ djalogu soċjali bbażat fuq is-settur sabiex jiġu identifikati l-aktar miżuri adatti bil-għan li jikkumpensaw għall-impatt ekonomiku u soċjali.

    1.4.

    Il-KESE jirrimarka li l-akkwakultura u l-ekonomija blu għadhom ’il bogħod ħafna milli jikkumpensaw għat-telf tal-intrapriżi u tal-postijiet tax-xogħol. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu ssemplifikat kemm għal proġetti tal-akkwakultura ġodda kif ukoll għall-immodernizzar ta’ dawk eżistenti.

    1.5.

    Il-FEMS il-ġdid għandu jagħti prijorità lid-dimensjoni soċjali biex isaħħaħ u jiffinanzja miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu soċjali, is-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-tisħiħ tal-kompetenzi tal-ħaddiema u “t-tiġdid ġenerazzjonali”.

    1.6.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni aktar b’saħħitha billi jinfurzaw it-traċċabbiltà sħiħa tal-importazzjonijiet, kemm minn perspettiva tal-IUU, kif ukoll minn perspettiva tas-sikurezza alimentari. Il-ġlieda kontra kull forma ta’ skjavitù u sfruttar kemm abbord kif ukoll matul l-ipproċessar fuq l-art għandha tkun l-pedament tal-istrateġija globali tal-UE ġdida dwar is-sajd u l-governanza tal-oċeani.

    1.7.

    Il-KESE jirrakkomanda l-iffinanzjar ta’ bastimenti ġodda biex jissostitwixxu oħrajn qodma dment li l-flotta kkonċernata ma jkollha l-ebda kapaċità żejda u l-ispeċijiet fil-mira jkunu mistada fil-livelli tal-MSY. Din il-miżura għandha tinkludi l-użu ta’ magni aktar sostenibbli u effiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ekwipaġġ.

    1.8.

    Il-Kumitat jirrakkomanda li jinżammu l-kriterji attwali biex jingħata appoġġ finanzjarju u kumpens f’każ ta’ waqfien temporanju jew permanenti tal-attività tas-sajd. Huwa importanti li kemm is-sajjieda kif ukoll is-sidien ta’ bastimenti tas-sajd ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-għodod finanzjarji.

    1.9.

    Il-Kumitat japprova l-proposta għal miżuri speċifiċi favur is-sajd kostali fuq skala żgħira, li huwa xprun kruċjali għall-għajxien u l-wirt kulturali ta’ ħafna komunitajiet kostali. Madankollu, sabiex jiġi appoġġjat mudell kummerċjali sostenibbli għas-sajd fuq skala żgħira huwa importanti wkoll li jitfasslu miżuri ta’ konservazzjoni u tekniċi speċifiċi għas-settur fejn dan jinsab l-aktar mifrux (eż. fil-Baħar Mediterran). Tali miżuri għandhom jiġu adattati għat-tipi differenti ta’ sajd u l-karatteristiċi bijoloġiċi ta’ kull tal-baħar. Il-KESE jqis li l-ġbir tad-data, il-kontroll u l-infurzar effettivi huma prekondizzjonijiet essenzjali għall-ġestjoni responsabbli tas-sajd, u jsaħħu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi għas-sajjieda u għall-komunitajiet lokali.

    2.   Introduzzjoni u metodoloġija

    2.1.

    Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) il-ġdid huwa parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027. Il-FEMS huwa għodda fundamentali maħsuba sabiex tappoġġja l-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), trawwem l-implimentazzjoni tal-politika marittima tal-Unjoni u ssaħħaħ il-governanza internazzjonali tal-oċeani, speċjalment fil-qafas tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

    2.2.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis il-baġit fit-tul ġdid tal-UE bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir u l-koeżjoni u, b’mod aktar ġenerali, għall-ġejjieni tal-Ewropa. Għal din ir-raġuni, din l-Opinjoni hija marbuta mill-qrib mal-Opinjonijiet l-oħrajn kollha li janalizzaw fondi speċifiċi taħt il-QFP il-ġdid għall-perjodu 2021-2027 (1).

    3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

    3.1.

    Il-FEMS 2021-2027 il-ġdid se jiffoka fuq erba’ prijoritajiet:

    It-trawwim tas-sajd sostenibbli u tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

    Il-kontribut għas-sigurtà alimentari permezz ta’ akkwakultura u swieq sostenibbli u kompetittivi;

    L-abilitazzjoni tat-tkabbir ta’ ekonomija blu sostenibbli u t-trawwim ta’ komunitajiet kostali prosperużi;

    It-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-abilitazzjoni ta’ ibħra u oċeani mingħajr perikli, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli.

    3.2.

    Il-baġit tal-FEMS il-ġdid se jammonta għal EUR 6,14 biljuni fi prezzijiet kurrenti. Ir-riżorsi huma maqsuma prinċipalment bejn ġestjoni kondiviża u ġestjoni diretta. EUR 5,31 biljuni huma allokati taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri u EUR 0,83 biljun taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni Ewropea.

    3.3.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tegħleb il-limitazzjonijiet tal-FEMS 2014-2020 u tistabbilixxi sistema ta’ finanzjament li tkun kapaċi tiffaċċja sfidi ġodda fil-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-karatteristiċi ewlenin tal-FEMS il-ġdid huma kif ġej:

    3.3.1.   Semplifikazzjoni

    Il-FEMS 2014-2020 huwa bbażat fuq deskrizzjoni riġida tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament u r-regoli tal-eliġibbiltà, u dan wasal għal implimentazzjoni kkumplikata għall-Istati Membri u l-benefiċjarji. Il-FEMS 2021-2027 jipprovdi firxa usa’ ta’ possibbiltajiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jimmiraw l-appoġġ għall-prijoritajiet strateġiċi tagħhom. B’mod partikolari, ir-Regolament jiddeskrivi oqsma differenti ta’ appoġġ taħt kull prijorità, filwaqt li jipprovdi qafas flessibbli għall-implimentazzjoni. L-Istati Membri se jħejju l-programm tagħhom billi jindikaw l-aktar metodi adatti sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet. Huma se jingħataw flessibbiltà fir-rigward tar-regoli tal-eliġibbiltà.

    3.3.2.   Allinjament ma’ fondi oħrajn tal-UE

    Fil-QFP il-ġdid, ir-regoli li japplikaw għall-fondi kollha huma stabbiliti f’Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR). B’mod partikolari, se jiġu żviluppati sinerġiji speċifiċi ma’ fondi oħrajn (il-FEŻR, il-FSE, eċċ.).

    3.3.3.   Kundizzjonalità

    F’konformità mal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) u l-SDG Nru 14 dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-UE hija impenjata favur il-promozzjoni tal-ekonomija blu sostenibbli, il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi u l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb, il-projbizzjoni ta’ ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd eċċessiv, l-eliminazzjoni tas-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u l-evitar ta’ introduzzjoni ta’ sussidji bħal dawn. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament jistabbilixxi restrizzjonijiet u kundizzjonijiet (“operazzjonijiet ineliġibbli”) sabiex jiġu evitati impatti negattivi fuq il-konservazzjoni tas-sajd.

    3.3.4.   Enfasi fuq il-prestazzjoni

    Il-prestazzjoni tal-appoġġ tal-FEMS se tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ indikaturi. L-Istati Membri se jirrapportaw dwar il-progress lejn l-istadji ewlenin u l-miri stabbiliti. Il-Kummissjoni se twettaq analiżi tal-prestazzjoni annwali bbażata fuq rapporti tal-prestazzjoni mħejjija mill-Istati Membri, li jippermettu identifikazzjoni bikrija ta’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni potenzjali u ta’ azzjonijiet korrettivi.

    3.3.5.   Sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika

    Is-sajd sostenibbli u l-akkwakultura huma fost l-għanijiet ewlenin tal-PKS. F’konformità ma’ kunċett wiesa’ ta’ sostenibbiltà, il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tax-xogħol jeħtieġ jiġu segwiti flimkien ma’ objettivi ambjentali. Ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) se jibqa’ l-metodu ewlieni għall-iżgurar ta’ sajd sostenibbli. Se jiġi pprovdut appoġġ għat-tranżizzjoni lejn attivitajiet aktar sostenibbli. Il-kumpens għall-waqfien straordinarju tal-attivitajiet tas-sajd jingħata biss jekk l-impatt ta’ tali ċirkostanzi fuq is-sajjieda jkun sinifikanti (2). Is-sajd kostali fuq skala żgħira, ir-reġjuni ultraperiferiċi, it-tiġdid ġenerazzjonali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kollha se jkollhom enfasi speċifika u appoġġ taħt il-FEMS il-ġdid. L-obbligu ta’ ħatt l-art jista’ jibqa’ aspett kritiku minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji kbar tiegħu. Għal din ir-raġuni, il-FEMS se jappoġġja l-innovazzjoni u l-investimenti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, bħal investimenti f’irkaptu tas-sajd selettiv, fit-titjib tal-infrastruttura tal-portijiet u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Fl-aħħar nett, se jiġi pprovdut appoġġ lis-sajjieda u ‘l-portijiet għal sistemi moderni tal-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart ta’ rkaptu tas-sajd mitluf u skart tal-baħar.

    3.4.

    Aktar minn 60 % tal-ħut ikkonsmat fl-UE jiġi importat minn pajjiżi terzi (3). Sabiex jimtela l-vojt, huwa saħansitra meħtieġ li minbarra lill-attivitajiet tas-sajd, jingħata appoġġ lill-akkwakultura, li tipprovdi ħut li jilħaq standards ta’ kwalità għolja u li huwa disponibbli bi prezzijiet affordabbli. Għal din ir-raġuni, il-FEMS se jappoġġja l-promozzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura, inkluża l-akkwakultura tal-ilma ħelu.

    3.5.

    60 % tal-oċeani huma lil hinn mill-fruntieri ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali. Dan ifisser li jeħtieġ li l-UE tkun aktar attiva u jkollha rwol aktar b’saħħtu fl-isfida globali tal-governanza tal-oċeani. Il-FEMS se jappoġġja dan l-impenn għal oċeani mingħajr perikli, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli taħt ġestjoni diretta. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni mtejba tal-fruntieri (kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta) u s-sorveljanza marittima huma sfidi emerġenti li se jkunu ffinanzjati mill-FEMS 2021-2017.

    3.6.

    Dan l-appoġġ se jkun ikkomplementat minn finanzjament speċifiku għall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) u s-sħubija tal-Unjoni f’organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, li jikkontribwixxu wkoll għall-infurzar tal-politiki tal-Unjoni fis-settur tas-sajd u fis-settur marittimu.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi sistema aktar flessibbli għall-Istati Membri f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tagħhom, u għandha l-għan li tappoġġja mudell kummerċjali sostenibbli għas-sajjieda u żżomm il-kompetittività tas-settur tas-sajd. B’mod partikolari, il-Kumitat jirrimarka li l-problema ewlenija tal-FEMS attwali hija l-livell baxx ta’ implimentazzjoni (4). Din is-sitwazzjoni għandha żewġ kawżi ewlenin:

    L-approvazzjoni tardiva u konsegwentament l-implimentazzjoni tard. Il-koleġislaturi adottaw ir-Regolament tal-FEMS mhux qabel Mejju 2014 u mbagħad l-Istati Membri kellhom bżonn żmien addizzjonali sabiex ifasslu u japprovaw il-programmi nazzjonali tagħhom.

    Is-sistema attwali hija kkumplikata u burokratika żżejjed. Barra minn hekk, ħafna sajjieda jdumu jtellgħu u jniżżlu qabel japplikaw għal finanzjament minħabba r-riskju finanzjarju sproporzjonat li jista’ jkollhom. Skont l-Artikolu 12(2) tal-proposta (li żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti), jekk matul perjodu ta’ ħames snin wara l-pagament finali, huma jikkommettu xi ksur serju (5), dawn isiru ineliġibbli b’mod retroattiv u jkunu obbligati li jirrimborżaw kulma jkunu rċevew. Dan ir-rekwiżit għandu jitneħħa.

    4.2.

    Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, il-KESE jitlob approvazzjoni rapida, mekkaniżmu ta’ finanzjament aktar aċċessibbli u sistema ta’ sanzjonijiet aktar proporzjonata u armonizzata. Is-sajjieda kollha għandhom iqisu l-FEMS bħala sistema faċli għall-utenti maħsuba sabiex ittejjeb l-attività tagħhom f’termini ta’ sostenibbiltà u kwalità. Dan l-aspett ser ikollu rwol kruċjali għall-implimentazzjoni u l-konformità mas-sistema ta’ kontroll tas-sajd il-ġdida proposta reċentement mill-Kummissjoni Ewropea (6). Il-Kumitat jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili organizzata u l-pjattaformi reġjonali tal-partijiet interessati jkunu involuti f’kull stadju tal-proċess, mill-abbozzar tal-pjani nazzjonali sal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni finali.

    4.3.

    Il-baġit tal-FEMS il-ġdid (EUR 6,14 biljuni) tnaqqas (-4 %) meta mqabbel mal-FEMS 2014-2020 li għadu għaddej (EUR 6,4 biljuni). Il-KESE huwa konxju li l-Brexit huwa raġuni konkreta għal dan it-tnaqqis finanzjarju. Madankollu, il-KESE jirrimarka li l-bidliet radikali mitlubin mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-settur tas-sajd, li jimpjega 150 000 sajjied, u fil-katina kollha tal-valur, 730 000 ħaddiema li jiġġeneraw kważi EUR 400 biljun fis-sena f’pagi u profitti, jirrikjedu ammont ogħla jew, għall-inqas, ebda tnaqqis fil-baġit attwali. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l-FEMS attwali jammonta għal 0,6 % tal-QFP 2014–2020, li jfisser li kwalunkwe tnaqqis fil-finanzjament tiegħu se jkollu impatt negliġibbli fuq il-baġit ġenerali tal-UE kollha iżda jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna reġjuni kostali.

    4.4.

    Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt ekonomiku u soċjali. Dan in-nuqqas huwa aggravat mill-fatt li s-settur tas-sajd ilu fi kriżi għal aktar minn 20 sena u l-miżuri previsti sabiex jinkisbu sajd u akkwakultura aktar sostenibbli ma rnexxielhomx ireġġgħu lura x-xejra (7). Għalhekk, il-Kumitat jitlob l-involviment fil-pront tal-Kummissjoni Ewropea (speċifikament id-DĠ Impjiegi) u t-tnedija ta’ djalogu soċjali (8) bbażat fuq is-settur sabiex jiġu identifikati l-aktar miżuri adatti bil-għan li jikkumpensaw għall-impatt ekonomiku u soċjali.

    4.5.

    Il-KESE jirrimarka li l-miżuri li ttieħdu għall-iżvilupp tal-akkwakultura u tal-ekonomija blu għadhom ’il bogħod ħafna milli jikkumpensaw għat-telf tal-intrapriżi u tal-postijiet tax-xogħol, prinċipalment minħabba sistema eċċessivament burokratika. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw mekkaniżmu ssemplifikat kemm għal proġetti ġodda tal-akkwakultura kif ukoll għall-immodernizzar ta’ dawk eżistenti b’enfasi speċifika, fil-livell reġjonali, b’definizzjoni ta’ żoni ta’ allokazzjoni tal-akkwakultura (AZA).

    4.6.

    Is-sajd sostenibbli jibqa’ l-għan ewlieni u s-settur tas-sajd għandu jkun jista’ jilħaq dan l-għan. Madankollu, din il-prijorità kif proposta mill-Kummissjoni ma tiċċarax jekk il-miżuri ffinanzjati taħt il-FEMS attwali humiex inklużi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà, eż. għal taħriġ, servizzi ta’ konsulenza, promozzjoni tal-kapital uman, id-djalogu soċjali, sajjieda żgħażagħ jew is-saħħa u s-sikurezza. Kif identifikat mill-industrija u l-amministrazzjonijiet, hemm problema ta’ skarsezza ta’ professjonisti b’ħiliet, u dan ifixkel “it-tiġdid ġenerazzjonali”. Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġislaturi biex jagħtu prijorità lid-dimensjoni soċjali biex issaħħaħ u tiffinanzja miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu soċjali, is-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-tisħiħ tal-kompetenzi tal-ħaddiema. Inkella, il-professjonisti żgħażagħ mhux ser jitħajru għal din l-industrija.

    4.7.

    L-immodernizzar tal-bastimenti sabiex tiżdied is-sikurezza abbord mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd, it-tiġdid ġenerazzjonali, flimkien ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u salarji adatti huma indikaturi kruċjali tan-nuqqasijiet tal-UE fit-tkabbir u s-saħħa. Il-FEMS għandu jinvolvi lis-sajjieda fil-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar anki permezz tal-appoġġ minn irkaptu innovattiv sabiex tiżdied is-selettività, studji tal-impatt jew mitigazzjoni tal-impatti tas-sajd, fost l-oħrajn. F’dan il-qafas, l-approċċ ta’ “downshifting” meħud mill-Kummissjoni mhux se jkun jista’ jsolvi l-problemi kollha marbuta mas-sostenibbiltà u l-kompetittività.

    4.8.

    Il-KESE jinnota li l-biċċa l-kbira tal-ħut importat minn pajjiżi terzi nqabad b’mod inqas sostenibbli mill-qabdiet komparabbli tal-UE, biex ma nsemmux il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord jew dawk relatati mal-ipproċessar fuq l-art. Il-prezzijiet aktar baxxi li jirriżultaw jirrappreżentaw kompetizzjoni inġusta mas-sajjieda tal-UE, u jagħmlu ħsara lil kwalunkwe prospett li jinkisbu prezzijiet minimi stabbli “fl-ewwel bejgħ”, li huma prerekwiżit għas-sopravivenza tagħhom. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni aktar b’saħħitha billi jinfurzaw it-traċċabbiltà sħiħa tal-importazzjonijiet, kemm minn perspettiva tal-IUU, kif ukoll minn perspettiva tas-sikurezza alimentari, u sabiex jorganizzaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-kwalità tal-ħut Ewropew. Barra minn hekk, jeħtieġ jitrażżnu l-prattiki dubjużi ta’ bejgħ bl-imnut, bħall-wiri ta’ ħut li jkun inħareġ mill-friża u ppreżentat bħala ħut frisk b’tikkettar li ma jkunx ċar u jkun ambigwu.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1.

    Il-Kumitat japprova l-approċċ il-ġdid meħud mill-Kummissjoni Ewropea, li għandu l-għan li jistabbilixxi qafas ġenerali mingħajr miżuri preskrittivi, billi joffri aktar flessibbiltà għall-Istati Membri, għall-awtoritajiet tal-implimentazzjoni u għall-benefiċjarji. B’mod partikolari, din is-sistema ssemplifikata għandha tagħti l-opportunità li jinħolqu programmi nazzjonali mfassla apposta. Madankollu, jeħtieġ li dan iseħħ filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-aċċess għal finanzjament madwar l-UE. Barra minn hekk, is-CPR, li jinkludi r-regoli ta’ implimentazzjoni kollha, għandu jiffaċilita l-użu konġunt ta’ programmi differenti ta’ finanzjament tal-UE. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari biex jivverifikaw li l-flus pubbliċi fil-fatt jintefqu fejn ikunu l-aktar meħtieġa u li l-għajnuna finanzjarja tiġi allokata għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani.

    5.2.

    Il-KESE jappoġġja l-proposta sabiex jiġu stabbiliti erba’ prijoritajiet ewlenin. B’mod partikolari, il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-enfasi speċifika fuq il-governanza tal-oċeani u l-iżvilupp lokali, f’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, biex jintlaħqu l-SDGs u jingħata appoġġ lis-sajd fuq skala żgħira (9). Madankollu, il-KESE, jirrimarka li reċentement instabu każijiet ta’ skjavitù u sfruttar fuq bastimenti Ewropej (10) u sfortunatament, tali prattiki huma saħansitra iktar mifruxa f’pajjiżi terzi (inkluża l-skjavitù tat-tfal). Il-Kumitat iqis li l-istrateġija globali ġdida segwita mill-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ġlieda kontra kull forma ta’ sfruttar tal-bnedmin bħala bażi fundamentali.

    5.3.

    Il-Kumitat iqis it-tiġdid tal-flotta bħala problema ewlenija minħabba li, bħala medja, il-bastimenti tas-sajd Ewropej għandhom aktar minn 30 sena u ħafna drabi rikondizzjonar sempliċi ma jkunx biżżejjed. Il-KESE jirrakkomanda promozzjoni favur l-iffinanzjar ta’ bastimenti ġodda biex jissostitwixxu oħrajn qodma dment li l-flotta kkonċernata ma jkollha l-ebda kapaċità żejda u l-ispeċijiet fil-mira jkunu mistada fil-livelli tal-MSY. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istrateġija tal-IMO dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minn bastimenti li għandha l-għan li l-emissjonijiet annwali totali jitnaqqsu b’mill-inqas 50 % sal-2050, il-bastimenti akbar hemm bżonn jibdlu l-magni tagħhom biex jadattaw u jikkonformaw ma’ dan l-għan internazzjonali. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi nkluż l-akkwist ta’ magni aktar sostenibbli u effiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ekwipaġġ. Fil-fatt, kif tistma l-FAO, is-sajd huwa attività potenzjalment perikoluża u huwa meħtieġ taħriġ adatt għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol biex jitnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet, korrimenti u mard relatat max-xogħol (11). Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ tingħata importanza biex issir distinzjoni tal-kapaċità tas-sajd u l-protezzjoni tal-bijodiversità mit-tiġdid tal-flotot u l-magni.

    5.4.

    L-għajnuna għal waqfien temporanju kellha rwol kruċjali biex ittejjeb l-istatus tar-riżorsi, b’mod partikolari fir-rigward tal-istaġuni magħluqin, u fl-istess ħin sabiex tikkumpensa b’mod parzjali lis-sajjieda għat-telf ta’ introjtu. Il-Kummissjoni żżomm din il-miżura fil-qafas finanzjarju l-ġdid iżda tipproponi rekwiżiti ġodda li ma kinux jeżistu fir-Regolament preċedenti. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ rapporti dwar l-użu ħażin ta’ fondi għal skopijiet ta’ waqfien temporanju, il-Kummissjoni għandha tirrispetta u żżomm il-kriterji preċedenti sabiex din l-assistenza tingħata lill-akbar numru ta’ sajjieda li jistgħu jiġu bżonnha. L-istess prinċipju għandu jiġi applikat għall-waqfien permanenti. Fiż-żewġ każijiet, huwa importanti li jkunu s-sajjieda li jibbenefikaw minn dan l-appoġġ finanzjarju u mhux biss is-sid tal-bastimenti tas-sajd, kif stabbilit permezz tal-FEMS attwali.

    5.5.

    Is-sajd huwa attività tal-istaġun u l-qabdiet jistgħu jkunu inċerti, u fi żminijiet jiżbqu l-bżonnijiet tas-suq. Għalhekk huma meħtieġa mezzi għall-ġestjoni adatta tal-produzzjoni żejda, li jgħinu biex jistabbilizzaw parti mill-produzzjoni qabel ma titpoġġa għall-bejgħ, b’mod partikolari f’każ ta’ tnaqqis fil-qabdiet. Biex jinkiseb dan, il-FEMS għandu jkompli jappoġġja l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom bżonn mekkaniżmu ta’ ħżin temporanju għal prodotti tas-sajd intenzjonati għall-konsum mill-bniedem. Biex tiġi żgurata l-operabbiltà sħiħa tagħha, din l-għajnuna għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja ż-żamma ta’ mekkaniżmi li jikkumpensaw l-ispejjeż tal-ħażna.

    5.6.

    It-tiġdid ġenerazzjonali huwa kwistjoni kritika oħra għall-ġejjieni tas-settur. Xi inizjattivi ġodda maħsuba sabiex jiffaċilitaw ix-xiri ta’ bastiment użat, it-taħriġ vokazzjonali u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba jistgħu jkunu utli, iżda ma jsolvux il-problema ewlenija: redditu baxx fuq l-investimenti. Dan huwa partikolarment ovvju fis-sajd fuq skala żgħira, b’bastimenti taħt it-12-il metru operati fil-livell tal-familja. Il-KESE jinnota li t-telf kostanti tal-bastimenti u tal-postijiet tax-xogħol jikkontradixxi t-tbassir tal-Kummissjoni li l-produzzjoni tas-settur tas-sajd tal-UE se tirdoppja sal-2030, f’konformità mat-tkabbir globali stmat (12).

    5.7.

    Il-Kumitat japprova l-proposta għal miżuri speċifiċi favur is-sajd kostali fuq skala żgħira, li huwa xprun kruċjali għall-għajxien u l-wirt kulturali ta’ ħafna komunitajiet kostali. Dan jirrappreżenta 75 % tal-bastimenti tas-sajd kollha rreġistrati fl-UE u kważi nofs l-impjiegi kollha. Matul l-aħħar deċennji, is-sajd tradizzjonali u fuq skala żgħira ħallas l-ogħla prezz għall-kriżi u hija meħtieġa strateġija speċifika sabiex terġa’ tinkiseb pożizzjoni soda fis-suq. Din l-inizjattiva se jkollha wkoll effetti pożittivi fuq il-komunitajiet lokali batuti.

    5.8.

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li huma meħtieġa approċċi innovattivi sabiex jiġu amministrati d-drittijiet tas-sajd fuq skala żgħira, filwaqt li hija essenzjali kollaborazzjoni ulterjuri sabiex tgħin lis-settur jimmaniġġja l-kwoti/jiem tagħhom fuq il-baħar, jorbot il-produzzjoni mal-kummerċjalizzazzjoni jew isolvi kwistjonijiet relatati ma’ speċijiet bi kwota limitanti. Il-komunitajiet kostali u l-ambjent tal-baħar jibbenefikaw l-aktar meta l-opportunitajiet tas-sajd jiġu allokati abbażi ta’ kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi trasparenti. Il-fondi li jippromovu s-sostenibbiltà u l-proċessi parteċipattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar ta’ dawn l-isfidi u jinkludu azzjonijiet bħall-iffaċilitar ta’ workshops jew it-tfassil ta’ proċessi parteċipattivi maħsuba sabiex jinteraġixxu ma’ xjenzjati u partijiet interessati oħrajn.

    5.9.

    L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) kien għodda utli ħafna matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Din l-istrateġija kellha rwol importanti fit-tisħiħ tad-diversifikazzjoni ekonomika fil-komunitajiet lokali. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat japprova l-proposta biex l-istrateġija tiġi estiża sabiex tkopri s-setturi kollha tal-ekonomija blu. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ finanzjament għal ekonomija blu sostenibbli għandha tiżgura benefiċċji soċjali u ekonomiċi għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, tirrestawra u tipproteġi d-diversità, il-produttività, ir-reżiljenza u l-valur intrinsiku tal-ekosistemi tal-baħar; kif ukoll tippromovi t-teknoloġiji nodfa, l-enerġija rinnovabbli u l-flussi ta’ materjal ċirkolari.

    5.10.

    Il-Kumitat iqis id-Dikjarazzjoni ta’ Malta tal-2017 “MedFish4Ever” bħala l-pedament tal-azzjoni tal-UE. Madankollu, il-KESE jemmen li l-miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni speċifiċi għandhom jiġu adattati għall-forom differenti ta’ sajd u għall-karatteristiċi bijoloġiċi tal-Baħar Mediterran. Fil-fatt, il-KESE innota li l-mudell ta’ suċċess offrut mill-pjan pluriennali għas-sajd ta’ speċi waħda (eż. il-Baħar Baltiku) huwa inqas effettiv għas-sajd imħallat (eż. il-Baħar Mediterran) (13). Barra minn hekk, il-metodi tas-sajd fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Ewropa huma kompletament differenti. B’mod partikolari, is-sajd fil-Baħar Mediterran huwa kkaratterizzat mis-sajd tradizzjonali u fuq skala żgħira (14). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda li ssir promozzjoni għar-riċerka dwar il-valutazzjoni tal-istokkijiet u l-ġbir tad-data bil-għan li jitħejjew sistemi aktar effiċjenti u mfassla apposta sabiex jipproteġu l-bijodiversità. Il-ġbir tad-data, il-kontroll u l-infurzar effettivi huma prekondizzjonijiet essenzjali għall-ġestjoni responsabbli tas-sajd, u jsaħħu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi għas-sajjieda u għall-komunitajiet lokali.

    5.11.

    Kif kien imbassar diġà mill-KESE (15), l-obbligu ta’ ħatt l-art huwa waħda mill-problemi ewlenin għas-settur, kemm għall-kumpaniji tas-sajd kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali, minħabba l-kumplessità tiegħu u l-ispejjeż għoljin tat-tranżizzjoni għal sajd aktar sostenibbli (jiġifieri l-użu ta’ rkaptu selettiv speċifiku). Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tas-sajd (16) jeħtieġ testendi l-obbligi attwali għal bastimenti fuq skala żgħira u, b’mod ġenerali, ser tistabbilixxi dmirijiet u kompiti ġodda għas-settur kollu (jiġifieri CCTV obbligatorja abbord). Il-KESE jqis li hija meħtieġa sistema ta’ kontroll aktar issemplifikata, flessibbli u prammatika u għandu jiġi pprovdut appoġġ adatt fuq livell nazzjonali lil għadd kbir ta’ bastimenti. Għal din ir-raġuni, l-implimentazzjoni b’suċċess tas-sistema l-ġdida ta’ kontroll hija strettament marbuta mal-implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-FEMS 2021-2027 sabiex is-sajjieda kollha jingħataw għajnuna biex ikunu konformi mar-Regolament il-ġdid (17).

    5.12.

    Il-KESE jirrimarka li d-Direttiva ġdida tal-UE dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik (18) (jiġifieri rkaptu tas-sajd użat) flimkien mad-Direttiva ġdida dwar il-faċilitajiet portwarji ta’ akkoljenza (19) joħolqu xenarji u opportunitajiet ġodda għas-sajd sostenibbli u għall-ekonomija ċirkolari. Il-miżura maħsuba sabiex tinkoraġġixxi r-ritorn tal-irkaptu tas-sajd permezz ta’ inċentivi għas-sajjieda għandha tiġi estiża għar-ritorn tal-iskart tal-baħar u tal-iskart l-ieħor kollu miġbur matul l-attivitajiet tas-sajd.

    5.13.

    Din l-inizjattiva għandha tkun fundamentali għas-settur minħabba li, skont il-liġijiet fis-seħħ bħalissa, is-sajjieda huma obbligati li jħallsu sabiex jiddisponu minnhom fil-portijiet. Dan ifisser li, illum il-ġurnata, is-sajjieda qegħdin iħallsu sabiex inaddfu l-oċean u jarmu skart li ma jkunux ipproduċew huma stess, iżda li jkun inġabar minnhom. Il-KESE jemmen li s-sajjieda jistgħu jipprovdu valur miżjud importanti u, b’taħriġ adegwat, l-att tat-tindif jista’ jsir attività ekonomika oħra li tħalli profitt fuq l-istess linji bħat-turiżmu tas-sajd (l-ekonomija blu) (20).

    5.14.

    Il-KESE, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi allokat 25 % tal-baġit kollu tal-UE għal azzjoni għat-tibdil fil-klima, jipproponi li parti sinifikanti minn dawn il-flus tiġi allokata għar-rinnovazzjoni tal-portijiet, bil-għan li “tingħalaq il-lakuna” tal-immaniġġjar tal-iskart tal-baħar u titrawwem ekonomija ċirkolari. Għandhom jiġu allokati fondi speċifiċi, fil-qafas ta’ strateġija usa’ ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-baħar, għat-tindif tax-xmajjar (21). Il-KESE huwa tal-fehma li l-mudelli ta’ governanza miftuħa li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi u lis-soċjetà ċivili organizzata fil-livell lokali, bħal “kuntratti tax-xmajjar”, jistgħu jiġu rreplikati b’approċċ strutturat, li jippromovi l-ħolqien ta’ netwerks transkonfinali (22).

    5.15.

    Ħafna partijiet interessati identifikaw xi diffikultajiet sabiex jiksbu kundizzjonijiet ekwi f’oqsma fejn hemm użi oħrajn tal-baħar, b’mod partikolari f’żoni kondiviżi ma’ flotot minn pajjiżi terzi (23). Għal din ir-raġuni, rwol aktar b’saħħtu tal-UE fil-governanza internazzjonali tal-oċeani jista’ joffri aktar opportunitajiet f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali u kompetizzjoni ġusta.

    5.16.

    Il-KESE jappoġġja l-infurzar ta’ kontrolli fuq il-vapuri minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrimarka li sistema ta’ traċċabbiltà aħjar għall-ħut minn pajjiżi terzi tkun utli għall-indirizzar tal-frodi u l-garanzija tas-sikurezza alimentari.

    Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Opinjonijiet tal-KESE: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106); Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83); Regolament dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea 2021-2017 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90); Regulation on European Territorial Cooperation 2021-2027 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 116); Regolament dwar il-kooperazzjoni transkonfinali (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 124); Fond Soċjali Ewropew Plus (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165); Proposta għal Orizzont Ewropa (għall-FP9 il-ġdid) (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

    (2)  Jekk l-attivitajiet kummerċjali tal-bastiment ikkonċernat jitwaqqfu għal mill-inqas 90 jum konsekuttiv u jekk it-telf ekonomiku li jirriżulta mill-waqfien jammonta għal aktar minn 30 % tal-fatturat medju annwali tan-negozju kkonċernat matul perjodu ta’ żmien speċifikat.

    (3)  COM(2018) 390 p. 12.

    (4)  Il-FEMS attwali 2014-2020 ġie implimentat sa punt limitat ħafna. B’mod partikolari, 29 % tar-riżorsi finanzjarji ġew allokati għal proġetti magħżula u 8 % biss tal-baġit totali ntefaq mill-proġetti magħżula. Data: Il-Kummissjoni Ewropea. https://cohesiondata.ec.europa.eu/funds/emff#

    (5)  Ksur serju jġorr miegħu penali. Tali penali jista’ jvarja fi proporzjon mas-serjetà tal-ksur. Fi Spanja, pereżempju, dan jista’ jvarja bejn EUR 601 u EUR 60 000. Dan ifisser li sajjied jista’ jeħel penali, fi proporzjon mal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 601 biss, iżda bħala riżultat tal-Artikolu 10(2) jista’ jitlef sa mijiet ta’ eluf ta’ euro f’appoġġ għal investiment li jista’ jkun tlesta u tħallas sa ħames snin qabel. Dan l-impatt huwa partikolarment enormi fuq is-sajd fuq skala żgħira.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar Kontroll tas-sajd, (ara paġna 118 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (7)  Pereżempju, fl-Italja, fuq tul ta’ 8 000 km ta’ kosta, in-numru ta’ bastimenti tas-sajd naqas b’madwar 33 % fl-aħħar 30 sena. Bħala medja, il-vapuri għandhom 34 sena u jeħtieġu rikondizzjonar urġenti jew inkella jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda. Matul dan il-perjodu ntilfu 18 000 post tax-xogħol (is-settur tas-sajd fl-Italja għandu 25 000 ħaddiem). Data: Mipaaf, 2016.

    (8)  EU Sectoral Social Dialogue Committee – Sea Fisheries (EUSSDC).

    (9)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan pluriennali għal sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Adrijatiku (ĠU C 288, 31.08.2017, p. 68).

    (10)  https://www.theguardian.com/world/2018/may/18/we-thought-slavery-had-gone-away-african-men-exploited-on-irish-boats

    (11)  L-FAO tistma ’l fuq minn 32 000 fatalità fis-settur tas-sajd kull sena f’livell globali (https://safety4sea.com/fishers-fatalities-give-impetus-to-fishing-vessel-safety-work/).

    (12)  OECD, “The Ocean Economy in 2030” (L-Ekonomija tal-Oċeani fl-2030), 2016.

    (13)  GFCM, The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries, 2016, p. 26. Kif ġie enfasizzat mill-FAO tal-GFCM, fl-ibħra bi speċi waħda, huwa aktar faċli li jsir sajd immirat minħabba li ftit tipi ta’ ħut jikkoeżistu hemmhekk u, għalhekk, huwa faċli li jiġu stabbiliti limitazzjonijiet fuq il-qabdiet. B’kuntrast, fl-ibħra b’aktar minn speċi waħda, jistgħu jinstabu ħafna speċijiet ta’ ħut fl-istess żona.

    (14)  Opinjoni tal-KESE dwar Ir-riforma tal-PKS, il-punt 1.3 (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) u dwar Il-pjan pluriennali għas-sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Adrijatiku (ĠU C 288, 31.08.2017, p. 68).

    (15)  Opinjoni tal-KESE dwar L-Obbligu ta’ Ħatt l-Art (ĠU C 311, 12.9.2014, p. 68). Punt 1.2 “… l-proposta tal-Kummissjoni hija kumplessa wisq u li ser tiġġenera wisq xogħol żejjed u sproporzjonat għas-sajjieda meta jiġu biex japplikaw l-obbligu tal-ħatt. Għaldaqstant jikkunsidra li għandha ssir leġislazzjoni aktar prattika, ċara, sempliċi u flessibbli, li ġenwinament tagħti ż-żmien lis-sajjieda biex jadattaw tul perjodu ta’ tranżizzjoni mingħajr ma jiġu penalizzati b’ mod iebes”

    (16)  COM(2018) 368.

    (17)  Ara n-nota 6 ta’ qiegħ il-paġna.

    (18)  COM(2018) 340 final.

    (19)  COM(2018) 33 final.

    (20)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Plastik li jintuża darba biss (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207).

    (21)  Rapport tal-UNEP, 2016. 80 % tal-iskart tal-baħar ġej mix-xmajjar.

    (22)  Ara n-nota 20 ta’ qiegħ il-paġna.

    (23)  MEDAC, mistoqsijiet dwar il-finanzjament tas-settur tas-sajd u dak marittimu għal wara l-2020, Frar 2018.


    Top