Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3907

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)” [COM(2018) 380 final]

    EESC 2018/03907

    ĠU C 110, 22.3.2019, p. 82–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 110/82


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)”

    [COM(2018) 380 final]

    (2019/C 110/16)

    Rapporteur:

    Vladimír NOVOTNÝ

    Co-rapporteur:

    Pierre GENDRE

    Konsultazzjoni

    Il-Parlament Ewropew, 11.6.2018

    Il-Kunsill, 22.6.2018

    Bażi ġuridika

    L-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-CCMI

    22.11.2018

    Adottata fil-plenarja

    12.12.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    539

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    201/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, li ser tippermetti l-kontinwazzjoni ta’ Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Il-KESE jirrakkomanda li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG, li ġie estiż mhux biss biex ikopri s-sensji li jirriżultaw minn taqlib ekonomiku serju, iżda wkoll bħala riżultat ta’ kriżijiet finanzjarja u ekonomika globali ġodda, issa għandhom jitqiesu il-bidliet sostanzjali fl-impjieg minħabba pereżempju, l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, it-tranżizzjoni għal ekonomija mingħajr karbonju u l-konsegwenzi potenzjali ta’ tnaqqis fil-kummerċ dinji. Il-FEG għandu jsir għodda permanenti biex itaffi l-effetti negattivi tal-isfidi tas-seklu 21 fuq is-suq tax-xogħol.

    1.2.

    Il-Kumitat jinnota li hemm xi ambigwitajiet dwar ir-rwol ta’ fondi Ewropej differenti u għalhekk jirrakkomanda li l-partijiet interessati kollha jkunu infurmati b’mod ċar u b’mod sempliċi dwar l-ambitu tal-azzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-komplimentarjetà possibbli tagħhom. Il-KESE jfakkar li l-għan tal-FEG mhuwiex li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi, iżda li jikkomplementahom jekk ikun meħtieġ.

    1.3.

    Il-Kumitat jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu mekkaniżmi fil-livell nazzjonali li jsaħħu, mil-lat ta’ kapaċità l-istrutturi amministrattivi sabiex tiġi ffaċilita u armonizzata l-preparazzjoni tal-SMEs għal intervent tal-FEG u l-forniment ta’għajnuna għal ħaddiema affettwati minn telf ta’ impjiegi.

    1.4.

    Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għall-involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-applikazzjoni għal finanzjament mill-bidu nett u matul l-istadji kollha tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEG, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll dak tan-negozji, tar-reġjuni u tal-UE.

    1.5.

    Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex ħaddiema spostati u l-persuni li jaħdmu għal rashom-li l-attività tagħhom tkun waqfet ikollhom aċċess ugwali għall-FEG, ikun xi jkun it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg tagħhom.

    1.6.

    Il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG sabiex jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

    1.7.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji żvantaġġati, inklużi ż-żgħażagħ u dawk li huma aktar kbar fl-età li huma qiegħda kif ukoll dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, peress li dawk il-gruppi jesperjenzaw problemi partikolari biex isibu impjieg stabbli.

    1.8.

    Il-Kumitat jenfassizza li fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha tkun disponibbli bl-aktar mod rapidu u effiċjenti kemm jista’ jkun;

    2.   Kuntest tal-opinjoni, inkluża l-proposta leġislattiva kkonċernata

    2.1.   Oriġini u żvilupp tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    2.1.1.

    Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013 bil-għan li jiffaċilita d-dħul mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema f’oqsma, setturi, territorji jew swieq tax-xogħol li ġarrbu xokk minn taqlib serju fl-ekonomija. Il-FEG jipprovdi appoġġ lin-nies, iżda l-missjoni tiegħu mhijiex li jappoġġja lill-intrapriżi f’diffikultà.

    2.1.2.

    Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, fl-2008, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-FEG sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ Diċembru 2011 u biex iżżid ir-rata ta’ kofinanzjament minn 50 % għal 65 %, biex b’hekk jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri.

    2.1.3.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG ġie estiż fl-2009 biex jinkludi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    2.1.4.

    Għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG ġie estiż bir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-estensjoni tal-FEG tinkludi mhux biss sensji bħala riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji, iżda wkoll kwalunkwe kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida.

    2.1.5.

    Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jservu bħala l-qafas ġenerali għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

    2.2.   Il-proposta il-ġdid tal-FEG għall-perjodu ta’ wara l-2020

    2.2.1.

    L-għan ewlieni tal-proposta l-ġdida huwa li jiġi żgurat li l-FEG, li huwa strument speċjali barra l-limiti massimi tal-baġit tal-qafas finanzjarju pluriennali, ikompli jopera lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020 mingħajr limitu ta’ żmien.

    2.2.2.

    Għalhekk, l-FEG seta’ joffri wkoll assistenza f’każjiet ta’ kriżi mhux mistennija li jwasslu għal taqlib serju fl-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali. Tali kriżijiet mhux mistennija, pereżempju, jistgħu jinkludu riċessjoni kbira fl-imsieħba kummerċjali importanti jew il-kollass tas-sistema finanzjarja.

    2.2.3.

    L-appoġġ mill-FEG huwa disponibbli għal ħaddiema indipendentament mill-kuntratt ta’ impjieg jew mir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Huwa possibbli li jiġu inklużi mhux biss ħaddiema b’kuntratti ta’ impjieg b’tul ta’ żmien indefinit, iżda wkoll ħaddiema b’kuntratti fuq perjodu fiss, ħaddiema ta’ aġenziji ta’ impjieg temporanju, sidien maniġers ta’ mikrointrapriżi kif ukoll ħaddiema għal rashom.

    2.2.4.

    It-talba għal appoġġ għal ħaddiema permezz tal-FEG tista’tinbeda meta l-għadd ta’ sensji jilħaq livell minimu. Il-limitu ta’ 250 huwa aktar baxx minn dak ta’ matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020. F’ħafna Stati Membri, il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema huma impjegati minn intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

    2.2.5.

    Il-fokus tal-FEG huwa fuq miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn ir-riintegrazzjoni rapida f’impjieg stabbli tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja. L-FEG ma jistax jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ miżuri passivi. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jkunu inklużi biss jekk ikunu mfassla bħala inċentivi biex ikun eħfef għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jipparteċipaw fil-miżuri attivi tal-politika tas-suq tax-xogħol, il-kontribuzzjonijiet f’pakkett koordinat ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol huma limitati.

    2.2.6.

    L-Istati Membri jitolbu l-mobilizzazzjoni tal-fond biss f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza reali. L-FEG ma jistax jieħu post miżuri li huma diġà koperti mill-Fondi u l-Programmi tal-Unjoni inklużi fl-MFF, jew ta’ miżuri nazzjonali jew miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza nazzjonali tal-kumpaniji li taw is-sensji skont il-legislazzjoni nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

    2.2.7.

    It-talba għal assistenza għandha tiġi attivata meta ristrutturar sostanzjali jkollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali.

    2.2.8.

    Evalwazzjoni ex post tar-Regolament eżistenti trid issir sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex l-FEG jitkompla lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020. Il-KESE kien diġà adotta għadd ta’ opinjonijiet li fihom esprima l-appoġġ tiegħu għall-FEG, u jħoss li dawn l-opinjonijiet ma tilfu xejn mir-rilevanza tagħhom (3) (4) (5) (6).

    3.2.

    Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza kontinwa tar-rwol tal-FEG bħala fond flessibbli li jappoġġa lill-ħaddiema li jitilfu l-impjiegi tagħhom f’avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira u li jgħinhom isibu impjieg ieħor malajr kemm jista’ jkun. Jirrakkomanda li titqies is-sitwazzjoni tal-istaff li l-ħin tax-xogħol tagħhom se jitnaqqas permanentement, mingħajr ma jieħdu kumpens għas-salarju mnaqqas.

    3.3.

    Fil-fehma tal-Kumitat, ikun utli li tinġabar aktar informazzjoni dettaljata dwar il-monitoraġġ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kategoriji ta’ ħaddiema, l-esperjenza professjonali u l-edukazzjoni, l-istatus tal-impjieg tagħhom u t-tip ta’ impjieg misjub. Fid-dawl tal-piż amministrattiv stmat li tinvolvi tali aġenda u l-piż assoċjat magħha, il-Kumitat jappoġġja l-approċċ alternattiv tal-ġbir ta’ tali informazzjoni permezz ta’ kwestjonarji online għall-benefiċjarji, kif propost mill-Kummissjoni.

    3.4.

    Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex ħaddiema spostati u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet ikollhom aċċess ugwali għall-FEG, ikun xi jkun it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg tagħhom.

    3.5.

    Fil-fehma tal-KESE, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom fl-ewwel lok jiffokaw fuq miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. L-għan huwa l-integrazzjoni mill-ġdid rapida tal-benefiċjarji f’impjiegi sostenibbli u li jiġi promoss appoġġ għall-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika tal-ħaddiema sabiex tiġi ffaċilitata ir-riklassifikazzjoni tagħhom.

    3.6.

    Il-KESE jieħu nota tal-ammont massimu ta’ EUR 225 miljun fis-sena għall-perjodu 2021–2027 u jikkunsidra dawn l-allokazzjonijiet bħala adegwati għas-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-UE. Madankollu, il-KESE josserva li, fil-każ ta’ kriżi aktar profonda, jew f’sitwazzjonijiet bħal bidla teknoloġika mgħaġġla u t-trasformazzjoni tal-enerġija, dan il-pakkett jista’ ma jkunx biżżejjed.

    3.7.

    Il-Kumitat jirrakkomanda li, f’nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali, ikun hemm reviżjoni tal-FEG kemm mil-lat tal-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet kif ukoll tal-limitu minimu ta’ 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji, f’kooperazzjoni mal-awtorità baġitarja tal-UE, adattatament kif xieraq tal-finanzjament tal-FEG.

    3.8.

    Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li f’dan il-każ jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji korrispondenti għal madwar EUR 1 biljun. Billi l-FEG huwa mfassal bħala fond ta’ emerġenza, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ din iż-żieda jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli.

    3.9.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji żvantaġġati, inklużi ż-żgħażagħ u dawk li huma aktar kbar fl-età li huma qiegħda kif ukoll dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, peress li dawk il-gruppi jesperjenzaw problemi partikolari biex isibu impjieg stabbli.

    3.10.

    L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG. Il-Kumitat jenfassizza li fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha tkun disponibbli bl-aktar mod rapidu u effiċjenti kemm jista’ jkun;

    3.11.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jservu bħala qafas gwida ġenerali għall-FEG, li se jippermettu lill-UE biex iddaħħal fis-seħħ il-prinċipji fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar. Minħabba d-diffikultà ta’ identifikazzjoni ta’ fattur speċifiku li jwassal għal sensji, il-KESE jirrakkomanda li, fil-futur, il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-FEG tkun ibbażata l-ewwel u qabel kollox fuq il-prinċipju ta’ impatt imdaqqas ta’ ristrutturar mhux biss fir-rigward tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ bidliet sinifikanti oħrajn. Dawn jinkludu d-dekarbonizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-Industrija 4.0 u bidliet teknoloġiċi relatati u proċessi ta’ trasformazzjoni, kif ukoll il-bidliet kkawżat minn ħafna fatturi bħal rilokazzjoni jew sensji fuq skala kbira, jew kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG sabiex jinkludi riskji tas-suq tax-xogħol kkawżati minn bidliet strutturali minħabba d-diġitalizzazzjoni u żviluppi fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni.

    3.12.

    Fil-fehma tal-KESE, l-FEG għandu jkun allinjat b’mod aħjar mal-politiki l-oħra tal-UE u li l-ispeċifikazzjonijiet tal-interazzjoni tal-FEG ma’ fondi u programmi oħrajn (pereżempju FEAD, FSE, EaSI, il-Programm tas-Saħħa tal-UE) għandhom jiġu mfassla f’aktar dettall.

    3.13.

    Meta jitqies it-titolu attwali tal-Fond u l-għanijiet konfliġġenti li huma attribwiti lejh, u filwaqt li jitqies l-interess li jinżamm l-akronimu Ingliż tiegħu EGF, il-KESE jipproponi li t-titolu Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jinbidel għal Fond Ewropew ta’ Aġġustament u Globalizzazzjoni, jew kwalunkwe titolu simili li jikkorespondi mal-akronimu FEG.

    3.14.

    Fil-fehma tal-Kumitat, il-kamp ta’applikazzjoni tal-FEG għandu jkompli jiġi estiż fil-perjodu li ġej biex jappoġġja inizjattivi bħall- (“Kurzarbeit”) jew programmi ta’ “ħin qasir” żviluppati fil-livell nazzjonali.

    4.   L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju

    4.1.

    Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jipprovdu madwar 80 % tal-impjiegi fl-UE iżda huma fost l-aktar vulnerabbli fi kriżi jew fi proċessi ta’ tranżizzjoni. Il-Kumitat għalhekk jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jiġu żviluppati mekkaniżmi u jissaħħu l-istrutturi amministrattivi ta’ kapaċità nazzjonali biex jiffaċilitaw u jarmonizzaw l-preparazzjoni tal-SMEs għal intervent tal-FEG u l-forniment ta’ għajnuna għal ħaddiema affettwati minn telf ta’ impjiegi.

    4.2.

    Il-KESE jappoġġja l-proposta li ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom jitpoġġew fuq l-istess livell (Artikolu 7), skont in-non-kumulazzjoni ta’ impjieg u ta’ impjieg indipendenti u f’każ ta’ terminazzjoni tal-attività prinċipali.

    4.3.

    Il-Kumitat jappoġġja l-protezzjoni tas-sidien ta’ intrapriżi żgħar ħafna li jistgħu jitilfu xogħolhom minħabba kriżi ekonomika jew finanzjarja jew minħabba bidliet teknoloġiċi u l-possibbiltà li dawn il-persuni wkoll ikollhom appoġġ iffinanzjat mill-FEG. Madankollu, dan m’għandux ifisser li “ħaddiem-indipendenti” huwa definit bħala persuna li timpjega inqas minn 10 impjegat”, kif deskritt fl-Artikolu 4 tal-proposta għal Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni. Din id-definizzjoni tipproduċi numru ta’ effetti differenti f’atti leġislattivi Ewropej, peress li tikklassifika b’mod identiku l-kategoriji differenti ta’ attività professjonali u ekonomika. Nitolbu lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni oħra biex tilħaq l-għan li tipproteġi lis-sidien ta’ negozji żgħar ħafna, li l-Kumitat jappoġġja wkoll.

    4.4.

    Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex ittejjeb, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ir-riżultati tal-FEG permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni, inkluż għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sabiex l-impjegati tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar faċilment mill-opportunitajiet ta’ appoġġ tal-FEG.

    4.5.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riarranġament tal-kriterji ta’ intervent (Artikolu 5), b’enfasi fuq is-sitwazzjoni f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jimpjegaw proporzjon kbir tal-persuni impjegati. Huwa importanti b’mod partikolari, li, irrispettiv mil-limitu ta’ 250 impjegat, jittieħed kont tal-kunċett ta’ grupp u/jew ta’ unità territorjali jekk diversi fergħat tal-istess grupp qed jiffaċċjaw telf ta’ impjieg fejn hemm l-impjiegi ma jilħqux dan il-limitu individwalment.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1.

    Il-KESE jirrakkomanda aktar flessibbiltà meta jiġi kkalkulat in-numru ta’ sensji u waqfiet mill-attività (l-Artikolu 6), il-benefiċjarji eliġibbli (Artikolu 7) u miżuri eliġibbli (Artikolu 8), sabiex il-ħaddiema affettwati jingħataw l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun.

    5.2.

    Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll kemm jista’ jkun is-simplifikazzjoni massima tal-proċeduri amministrattivi għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet (Artikolu 9) u b’hekk jitħaffef il-proċess kollu. Is-simplifikazzjoni ta’ dokumenti u l-introduzzjoni ta’ assistenza teknika lill-Istati Membri, fejn tkun meħtieġa, se testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tal-Fond.

    5.3.

    Il-Kumitat jemmen li jenħtieġ li jiġu ssimplifikati l-miżuri amministrattivi (Artikolu 2 tal-anness tal-proposta għal Regolament), b’mod partikolari proċeduri ta’ monitoraġġ u r-rappurtaġġ, is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet.

    5.4.

    Il-KESE japprova r-restrizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG msemmija fl-Artikolu 8(2), ittra b), fejn huwa spjegat li l-għajnuna mill-EGF ma tissostitwix ir-responsabbiltà li tirriżulta għal kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex teskludi b’mod ġenerali l-miżuri tas-suq ibbażati fuq ftehimiet kollettivi fl-ambitu tal-potenzjal tal-assistenza pprovduta permezz tal-FEG.

    5.5.

    Il-Kumitat jistenna li bħala parti mil-evalwazzjoni ex-post tal-FEG, il-Kummissjoni se tiddedika ħafna attenzjoni sabiex jiġu analizzati l-kawżi tad-disparitajiet fl-użu tal-FEG fl-Istati Membri tal-UE, speċjalment ir-raġunijiet li waslu sabiex il-pajjiżi li ġejjin jew ma jużawx il-fondi biżżejjed jew ma jużawhom xejn: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

    5.6.

    Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għall-involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-applikazzjoni għal finanzjament mill-bidu nett u matul l-istadji kollha tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEG, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll dak tan-negozji, tar-reġjuni u tal-UE. Meta jitqies l-għarfien dettaljat tagħhom tas-sitwazzjoni u tal-ispeċifiċitajiet lokali l-istrutturi reġjonali u l-muniċipalitajiet jistgħu jaqdu rwol importanti.

    5.7.

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddefinixxi fir-Regolament li l-kunċett ta’ “impjegati” għandu jkopri wkoll il-membri impjegati tal-kooperattivi.

    Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

    (3)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 38.

    (4)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 141

    (5)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92.

    (6)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 17


    Top