Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2438

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel” [COM(2018) 173 final]

    EESC 2018/02438

    ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/165


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel”

    [COM(2018) 173 final]

    (2018/C 440/28)

    Relatur:

    Peter SCHMIDT

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.4.2018

    Parlament Ewropew, 2.5.2018

    Bażi legali

    Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Bureau

    22.5.2018

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    5.9.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.9.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    537

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    172/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs – Unfair trading practices) fil-katina tal-provvista tal-ikel joriġinaw minn żbilanċi ta’ poter fost l-operaturi fil-katina kollha u jwasslu għal effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali negattivi. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex titnaqqas l-okkorrenza tal-UTPs bħala l-ewwel pass meħtieġ sabiex ikunu protetti l-operaturi aktar dgħajfa, partikolarment il-bdiewa, il-ħaddiema u ċerti operaturi, u biex tittejjeb il-governanza fil-katina tal-provvista tal-ikel. Approċċ regolatorju u qafas leġislattiv b’mekkaniżmi ta’ infurzar effettivi u b’saħħithom huwa l-mod kif il-UTPs jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell tal-UE.

    1.2

    Madankollu, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Kummissjoni introduċiet biss standard minimu komuni ta’ protezzjoni madwar l-UE bil-projbizzjoni ta' għadd speċifiku ta’ UTPs biss. Hemm il-ħtieġa għal projbizzjoni fuq il-prattiki abbużivi kollha.

    1.3

    Rigward il-limitazzjoni tal-protezzjoni kontra l-UTPs unikament għall-fornituri tal-SMEs fir-rigward tal-bejgħ tagħhom lil akwirenti li mhumiex SMEs, il-KESE jemmen li dan mhux biżżejjed biex tiġi indirizzata l-problema tal-iżbilanċi ta’ poter b’mod effettiv u li dan mhux se jkollu impatt sinifikanti. Il-protezzjoni għandha tiġi estiża għall-operaturi kollha, kbar u żgħar, ġewwa u barra l-UE. Anke meta operaturi kbar jisfaw vittmi tal-UTPs, l-effett ekonomiku ħafna drabi jgħaddi fuq l-atturi l-aktar dgħajfa fil-katina.

    1.4

    Rigward l-infurzar, il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq qafas armonizzat tal-UE tal-awtoritajiet tal-infurzar. Madankollu, il-mekkaniżmi tal-infurzar għandhom jissaħħu wkoll, pereżempju permezz ta' proċedura speċifika tal-ombudsman, azzjoni kollettiva u infurzar tal-liġi mill-awtoritajiet, sabiex tiġi protetta l-anonimità tal-ilmentatur. Tali mekkaniżmi għandhom ikunu akkumpanjati wkoll bil-possibbiltà li jintroduċu sanzjonijiet. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-ilmenti, il-kuntratti bil-miktub għandhom ikunu obbligatorji, u dan jirriżulta f'aktar ġustizzja fin-negozjati.

    1.5

    Minbarra li tindirizza l-UTPs, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tappoġġja mudelli ta’ negozju li jaqdu rwol sabiex jagħmlu l-katina tal-provvista sostenibbli (eż. jqassruha, iżidu t-trasparenza eċċ.), jibbilanċjawha mill-ġdid u jtejbu l-effiċjenza, sabiex issaħħaħ il-bilanċ tal-poter.

    1.6

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jtenni li l-promozzjoni ta' prattiki kummerċjali aktar ġusti għandha tagħmel parti minn politika komprensiva tal-UE dwar l-ikel, li tiżgura li l-katina tal-provvista tal-ikel tkun ekonomikament, soċjalment u ambjentalment aktar sostenibbli, bil-għan li jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) huma definiti bħala “prattiki minn negozju għal negozju li jiddevjaw minn imġiba kummerċjali korretta, huma kuntrarji għall-bona fide u n-negozjar ġust u jiġu imposti b'mod unilaterali minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq ieħor” (1). Il-katina tal-provvista alimentari hija partikolarment vulnerabbli għall-UTPs, minħabba żbilanċi qawwija bejn operaturi żgħar u kbar. Il-UTPs jistgħu jseħħu fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista, u dawk li joriġinaw f’livell wieħed tal-katina jista’ jkollhom effetti fuq partijiet oħrajn tal-katina, abbażi tal-poter fis-suq tal-atturi involuti (2).

    2.2

    Kif deskritt fid-dettall fl-Opinjoni tal-KESE dwar “Ktajjen tal-provvista agroalimentari iktar ġusti” adottata f’Ottubru 2016 (3), il-konċentrazzjoni tal-poter ta’ negozjar wasslet għal abbuż minn pożizzjonijiet dominanti, li wassal biex operaturi aktar dgħajfa jsiru dejjem aktar vulnerabbli għal UTPs. Dan jittrasferixxi r-riskju ekonomiku mis-suq 'il fuq fil-katina tal-provvista u jħalli impatt partikolarment negattiv fuq il-konsumaturi u xi operaturi, eż. il-bdiewa, il-ħaddiema u l-SMEs. Il-problema tal-UTPs ġiet rikonoxxuta mill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, u kien irrappurtat li l-maġġoranza tal-operaturi esperjenzaw UTPs (4).

    2.3

    B'mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat l-impatt fuq il-konsumaturi. Il-pressjonijiet tal-prezzijiet iġiegħlu lill-proċessuri tal-ikel jipproduċu bl-irħas prezz possibbli – li jista' jaffettwa l-kwalità tal-ikel disponibbli għall-konsumaturi, kif ukoll is-sikurezza alimentari. Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, f'ċerti każijiet il-kumpaniji jużaw materja prima irħas, li taffettwa l-kwalità u l-valur tal-oġġetti tal-ikel – pereżempju, l-użu ta' xaħmijiet trans f'ħafna prodotti li jissostitwixxu żjut u xaħmijiet aktar tajbin għas-saħħa mill-Ewropa (5).

    2.4

    Il-pressjoni fuq l-aktar operaturi dgħajfa fil-katina tal-provvista tal-ikel qed tiżdied. Skont data reċenti tal-Eurostat, is-sehem tal-valur miżjud gross tal-bejjiegħa bl-imnut għadu qed jikber. Dan jirriżulta minn konċentrazzjoni ogħla tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u tal-ipproċessar fil-katina tal-provvista tal-ikel, minħabba interpretazzjoni skorretta fil-liġi dwar il-kartelli. Għalhekk, il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel għandu jittejjeb sabiex jiġi żgurat tqassim ġust tad-dħul tul il-katina tal-provvista. Madankollu, ir-relevanza tal-bejjiegħa bl-imnut ma tistax tiġi sottovalutata, meta jitqies ir-rwol tagħhom biex ifornu l-oġġetti ta' kuljum.

    2.5

    L-indirizzar tal-UTPs huwa wieħed mill-komponenti ewlenin biex jiġi żgurat funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel, flimkien mat-tnaqqis tal-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq u t-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. F’Ġunju 2016, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (6) appellat lill-Kummissjoni sabiex tipproponi qafas legali li jikkonċerna l-UTPs – appell li ġie mtenni f’Ottubru 2016 mill-KESE u f’Novembru 2016 mit-Task Force għas-Swieq Agrikoli.

    2.6

    Diversi inizjattivi leġislattivi diġà jeżistu f’20 Stat Membru sabiex jiġu indirizzati l-UTPs. Flimkien mal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) eżistenti, dan qajjem kuxjenza dwar l-iżbilanċ tal-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel. Madankollu, sa issa, huma verament ftit l-approċċi nazzjonali jew volontarji eżistenti li solvew il-kwistjoni tal-UTPs. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq proposta leġislattiva speċifika f'April 2018, fejn tirrikonoxxi li t-taħlita ta’ regoli dwar il-UTP fl-Istati Membri, jew in-nuqqas tagħha, hija mistennija li tfixkel l-għan tat-Trattat li jiżgura standard ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola (7).

    3.   Proposta tal-Kummissjoni

    3.1

    Permezz tad-Direttiva proposta, il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas l-okkorrenza tal-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel billi tintroduċi standard minimu komuni ta' protezzjoni madwar l-UE, li jikkonsisti minn lista ta' UTPs speċifiċi pprojbiti, jiġifieri: ħlasijiet tard għal oġġetti tal-ikel li jitħassru malajr, kanċellazzjonijiet ta' ordnijiet tal-aħħar minuta, bidliet unilaterali jew retroattivi fil-kuntratti u fornituri li jkunu sfurzati jħallsu għal prodotti moħlija. Prattiki oħrajn se jiġu permessi biss jekk ikunu soġġetti għal ftehim bil-quddiem ċar u mhux ambigwu bejn il-partijiet: akkwirent li jirritorna oġġetti tal-ikel mhux mibjugħa lil fornitur; akkwirent li jeżiġi ħlas mingħand il-fornitur sabiex jiżgura jew iżomm ftehim ta' forniment fuq l-oġġetti tal-ikel; fornitur li jħallas għall-promozzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-ikel mibjugħa mill-akkwirent.

    3.2

    Il-protezzjoni fil-konfront tal-UTPs tapplika biss għall-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel minn fornitur li jkun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME) lil akkwirent li ma jkunx SME (8).

    3.3

    Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni tirrikjedi lill-Istati Membri jaħtru awtorità pubblika inkarigata biex tinforza r-regoli l-ġodda. Fil-każ li tkun ingħatat prova ta' ksur, il-korp responsabbli se jkun kompetenti biex jimponi sanzjoni proporzjonata u dissważiva. Din l-awtorità tal-infurzar se jkollha l-kapaċità li tiftaħ investigazzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta' lment. F'dan il-każ, il-partijiet li jkunu qed iressqu lment se jitħallew jagħmlu talba għal kunfidenzjalità u anonimità sabiex il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tas-sieħeb kummerċjali tagħhom tiġi protetta. Se jiġi stabbilit ukoll mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar u dan se jiġi ffaċilitat mill-Kummissjoni sabiex jiġi permess l-iskambju tal-aħjar prattika.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass kruċjali għall-bidu ta’ proċess leġislattiv biex jiġu rregolati l-UTPs madwar l-UE, kif irrakkomanda bil-qawwa fl-Opinjoni tiegħu tal-2016. Dan huwa żvilupp neċessarju biex operaturi aktar dgħajfa fil-katina tal-provvista tal-ikel, jiġifieri l-bdiewa u l-ħaddiema, jiġu protetti u l-introjtu tagħhom ikun inqas volatili u aktar stabbli. B'mod partikolari, il-proposta tgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' poter tan-negozjar tagħhom, biex b'hekk tittejjeb il-governanza tal-katina tal-provvista tal-ikel.

    4.2

    Fid-dokument tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) ta' madwar l-UE x'aktarx mhix se tiżviluppa f'qafas ta' governanza komprensiv li jibdel il-miżuri leġislattivi, inkluż l-infurzar, f'miżuri superfluwi (9). F'dan il-kuntest, il-KESE jtenni li l-SCI u skemi volontarji nazzjonali oħrajn fil-fatt jistgħu jkunu utli biss bħala żieda – mhux biex jissostitwixxu – mekkaniżmi ta' infurzar legali effettivi u robusti fil-livell tal-Istati Membri (10).

    4.3

    Il-KESE jilqa' wkoll il-promozzjoni ta' netwerk armonizzat tal-UE tal-awtoritajiet tal-infurzar, kif ġie rakkomandat fl-opinjoni preċedenti tiegħu. Huwa kruċjali li tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet tal-infurzar għall-indirizzar tal-UTPs transnazzjonali li nkella jistgħu jitħallew mhux ikkontestati.

    4.4

    Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni adottat approċċ ta' armonizzazzjoni minima, li mhuwiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-prattiki abbużivi kollha li qed iseħħu tul il-katina tal-provvista tal-ikel. B'mod partikolari, il-Kumitat jinnota b'dispjaċir kbir li x-xerrejja huma l-uniċi li jistgħu jwettqu prattiki abbużivi u għadd limitat biss ta' UTPs huma pprojbiti f'dan il-qafas, kif spjegat ulterjorment fil-kapitolu 5.

    4.5

    Il-KESE jistaqsi wkoll dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tillimita l-protezzjoni kontra l-UTPs biss għall-fornituri tal-SMEs fir-rigward tal-bejgħ tagħhom lil akkwirenti li ma jkunux SMEs. Biex tkun effettiva u tirnexxi, il-protezzjoni kontra l-UTPs għandha tkun applikabbli għall-atturi kollha fil-katina tal-provvista, irrispettivament mid-daqs tagħhom, sabiex ikun hemm impatt fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali kollha. Madankollu, il-KESE jagħraf il-vulnerabbiltà tal-SMEs. Il-proposta tonqos ukoll milli tindirizza l-kwistjoni tal-iżbilanċ tal-poter ta' negozjar u d-dipendenza ekonomika, li mhux neċessarjament tikkoinċidi mad-dimensjoni ekonomika tal-operaturi.

    4.6

    Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta mhuwiex wiesa' biżżejjed u għandu jkopri wkoll kemm prodotti agrikoli mhux tal-ikel, bħal pereżempju prodotti ortikulturali, kif ukoll l-għalf.

    4.7

    L-indirizzar tal-UTPs huwa komponent essenzjali (flimkien mat-tnaqqis tal-volatilità tas-suq u t-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi) biex il-katina tal-provvista tal-ikel tkun ekonomikament, soċjalment u ambjentalment aktar sostenibbli. Il-KESE jtenni li l-promozzjoni ta' prattiki kummerċjali aktar ġusti għandha tagħmel parti minn politika komprensiva tal-UE dwar l-ikel bil-għan li jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU. B'mod partikolari, tali politika komprensiva għandha tiżgura prezzijiet ġusti għall-produtturi sabiex il-biedja tibqa' vijabbli (11).

    4.8

    Minkejja li dan imur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE għal darb'oħra jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni favur apprezzament akbar tal-ikel mis-soċjetà inġenerali, u jappoġġja t-tnedija ta' kampanja ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni madwar l-Ewropa dwar “il-valur tal-ikel” (12) u l-limitazzjoni tal-iskart tal-ikel f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

    5.   Kummenti speċifiċi

    Lista' ta' UTPs ipprojbiti

    5.1

    Il-UTPs ġeneralment jistgħu jiġu definiti bħala prattiki li jitbiegħdu b'mod sinifikanti minn imġiba kummerċjali ġusta u huma kontra l-bona fide u n-negozjar ġust (13). Dan jinkludi wkoll l-prattiki kollha fejn iseħħ it-trasferiment ta’ riskju mhux ġustifikat jew sproporzjonat għal fuq parti kontraenti.

    5.2

    Il-Kummissjoni pprojbixxiet biss għadd speċifiku ta' UTPs. Il-KESE jtenni li hija meħtieġa projbizzjoni fuq il-prattiki inġusti kollha, pereżempju (iżda mhux esklużivament) dawn li ġejjin, kif diġà ġie rakkomandat fl-Opinjoni preċedenti tiegħu:

    trasferiment inġust tar-riskju kummerċjali;

    termini kuntrattwali mhux ċari jew mhux speċifikati;

    bidliet unilaterali jew retroattivi fil-kuntratti, inkluż il-prezz;

    kwalità aktar baxxa tal-prodotti, jew informazzjoni tal-konsumatur mingħajr ebda komunikazzjoni, konsultazzjoni jew ftehim mal-akkwirenti;

    kontribuzzjonijiet għal spejjeż promozzjonali jew kummerċjali;

    dewmien fil-pagamenti;

    tariffi ta' elenkar jew ta' lealtà;

    imposti għall-pożizzjoni fuq l-ixkafef;

    talbiet għal prodotti li marru jew li ma nbigħux;

    l-użu ta' speċifikazzjonijiet kożmetiċi biex jiġu rrifjutati kunsinni tal-ikel jew jitnaqqas il-prezz imħallas;

    pressjoni biex jitnaqqsu l-prezzijiet;

    imposti għal servizzi fittizji;

    kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta u tnaqqis tal-volum previst;

    theddid ta' tneħħija mil-listi;

    imposti fissi li l-kumpaniji jimponu fuq il-fornituri bħala rekwiżit għall-inklużjoni f'lista ta' fornituri (“ħallas biex tibqa'”).

    L-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità li jestendu l-lista f'konformità mas-sitwazzjoni speċifika fil-pajjiż tagħhom.

    5.3

    Il-KESE jitlob projbizzjoni effettiva għall-bejjiegħa tal-ikel bl-imnut li jbiegħu bi prezzijiet orħos mill-prezz tal-kost (14). B'mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda li l-fornituri, bħall-bdiewa, jitħallsu prezz ekwu u ġust li jippermetti lill-fornituri jirċievu dħul li jkun adegwat għall-investiment, l-innovazzjoni u l-produzzjoni sostenibbli.

    5.4

    Il-UTPs li jiġu espliċitament ipprojbiti fil-proposta tal-Kummissjoni huma relatati kollha ma' sitwazzjonijiet fejn ikun hemm kuntratt preeżistenti. Madankollu, każijiet bħal pressjoni fuq l-operaturi jseħħu b'mod ħafna aktar frekwenti qabel ma jiġi ffirmat kuntratt. Għalhekk, l-eżempji għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu l-każ fejn impriża (b'saħħa fis-suq) tirrikjedi lil impriża oħra biex tagħtiha xi vantaġġi mingħajr ebda raġuni oġġettivament ġustifikata (ara wkoll il-paragrafu 19(2), il-punt 5 tal-Liġi Ġermaniża dwar ir-Restrizzjonijiet fuq il-Kompetizzjoni (GWB)). Din id-dispożizzjoni fil-liġi antitrust Ġermaniża wriet li hija mezz adatt kif jiġi miġġieled l-abbuż tas-saħħa tax-xerrej. Id-deċiżjoni tal-Qorti Federali Ġermaniża tal-Ġustizzja (BGH) fil-każ “Hochzeitsrabatte” (ribassi għat-tiġijiet) tagħti illustrazzjoni impressjonanti ta' dan fil-kuntest tar-relazzjoni bejn bejjiegħ bl-imnut Ġermaniż b'saħħtu u l-fornituri tiegħu (15).

    Definizzjoni ta' SME

    5.5

    Il-limitazzjoni tal-protezzjoni kontra l-UTPs għall-fornituri tal-SME biss mhijiex biżżejjed biex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-problema ta' żbilanċi tul il-katina tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jenfasizza l-“effett ta' domino” li jista’ jinħoloq meta operaturi kbar jisfaw vittmi ta' UTPs. Il-UTPs għandhom effett negattiv ċar indipendentament minn min hu responsabbli. Inevitabbilment, l-effett ekonomiku jgħaddi fuq l-atturi l-aktar dgħajfa fil-katina tal-provvista tal-ikel, jiġifieri l-bdiewa, il-ħaddiema, ċerti operaturi u anke l-konsumaturi.

    5.6

    Argument ieħor biex tiġi estiża l-protezzjoni hija li l-operaturi l-kbar b'mod partikolari jistgħu jiddiskriminaw kontra l-SMEs u jeskluduhom mill-katina tal-provvista, minħabba r-riskju li jirċievu l-ilmenti. F’dan il-kuntest, il-KESE jerġa’ jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà tal-SMEs.

    Infurzar

    5.7

    Bil-ħsieb ta' infurzar tal-liġi effettiv, għandha ssir distinzjoni bejn l-infurzar tal-liġi privata (għadu mhux previst fil-proposta tal-Kummissjoni) u l-infurzar tal-liġi mill-awtoritajiet. Għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li d-dritt tal-parti kkonċernata għal anonimità jrid jiġi kkunsidrat b'mod suffiċjenti, peress li ħafna impriżi jżommu lura milli jieħdu azzjoni kontra l-abbużi minħabba l-biża' ta' rappreżalji bħal tneħħija mil-listi (il-“fattur ta' biża'”).

    5.7.1

    Infurzar tal-liġi privata

    Fir-rigward tal-infurzar tal-liġi privata, il-parti kkonċernata għandu jkollha aċċess għal inibizzjonijiet ta' projbizzjoni u elminazzjoni u talbiet għal danni. Iżda minħabba l-“fattur ta' biża'”, tali rimedji għandhom importanza pjuttost minuri. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet kollha kkonċernati għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal inibizzjonijiet projbitorji u eliminatorji. Dan jiggarantixxi protezzjoni speċjali tal-parti kkonċernata fir-rigward tal-anonimità, fil-każ li l-prattika kummerċjali inġusta tiġi mmirata lejn diversi impriżi (eż. operatur tal-ikel li jirrikjedi li l-fornituri/xerrejja kollha tiegħu jikkontribwixxu għal kwalunkwe spiża addizzjonali).

    Il-parti jew l-assoċjazzjoni kkonċernata għandha tingħata l-għażla li tressaq dawn it-talbiet jew quddiem qorti jew quddiem ombudsman. Il-proċedura tal-ombudsman ikollha l-vantaġġ li t-tilwim ma jkollux għalfejn isir fil-pubbliku. Għandha tiġi stabbilita proċedura speċifika tal-ombudsman. L-ombudsman għandu jirċievi wkoll setgħat speċifiċi għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, proċedimenti volontarji ma jkunux effettivi jew ma jipprovdux rimedji reali.

    Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-operaturi biex jiżviluppaw inizjattivi sabiex jippromovu bidla kulturali u jtejbu l-korrettezza fil-katina tal-provvista.

    5.7.2

    Infurzar tal-liġi mill-awtoritajiet

    Minħabba l-“fattur tal-biża'”, l-infurzar mill-awtoritajiet għandu rwol partikolarment importanti f'dan il-qasam, li għalhekk jeħtieġ regolamentazzjoni. Għalhekk, awtoritajiet bħall-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jingħataw setgħat ta' investigazzjoni u ta' infurzar estensivi. Hawnhekk, ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (issa 101) u 82 (issa 102) tat-Trattat jistgħu jservu bħala eżempju. (Meta mqabbel ma' dan, l-Artikolu 6 tal-proposta għal direttiva huwa ħafna aktar dgħajjef.) L-Artikolu 17 tar-Regolament b'mod partikolari jipprevedi investigazzjonijiet fis-setturi tal-ekonomija u f'tipi ta' ftehimiet. Li kieku l-awtoritajiet ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu imposti fuq il-profitti, dan jista' jkollu effett deterrenti ulterjuri.

    Katini alternattivi tal-provvista tal-ikel

    5.8

    Il-KESE jtenni li għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati mudelli kummerċjali alternattivi li jkollhom rwol biex iqassru l-katina tal-provvista bejn il-produtturi tal-ikel u l-konsumatur aħħari, inklużi l-pjattaformi diġitali, u li r-rwol u l-pożizzjoni tal-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jissaħħu sabiex jerġa' jiġi stabbilit il-bilanċ tal-poter (16). Dan għandu jkun is-suġġett ta’ opinjoni futura tal-KESE.

    Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Kummissjoni Ewropea, 2014.

    (2)  Rapport mit-Task Force għas-Swieq Agrikoli, Novembru 2016 (Mhux disponibbli bil-Malti): https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/agri-markets-task-force/improving-markets-outcomes_en.pdf.

    (3)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130.

    (4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, 15 ta' Lulju 2014, L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji.

    (5)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130.

    (6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-PE tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (2015/2065 (INI))

    (7)  COM(2018) 173 final.

    (8)  Id-definizzjoni ta’ SME skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (9)  COM(2018) 173 final.

    (10)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130.

    (11)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18.

    (12)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130.

    (13)  COM(2014) 472 final.

    (14)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130.

    (15)  Ara: Bundesgerichtshof (BGH), 23.01.2018, KVR 3/17, Wirtschaft und Wettbewerb (WuW) 2018, 209 – Hochzeitsrabatte.

    (16)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130.


    Top