This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE2156
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Digital gender gap’ (Exploratory opinion requested by the European Parliament)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-disparità diġitali bejn is-sessi” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-disparità diġitali bejn is-sessi” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)
EESC 2018/02156
ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 440/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-disparità diġitali bejn is-sessi”
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)
(2018/C 440/06)
Relatur: |
Giulia BARBUCCI |
Opinjoni esploratorja mill-Parlament Ewropew |
Ittra tad-19.4.2018 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
19.7.2018 |
Adottata fil-plenarja |
19.9.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
537 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
176/2/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-kawżi tad-disparità diġitali bejn is-sessi huma diversi, u għalhekk l-azzjonijiet jeħtieġ jindirizzaw oqsma differenti: is-sistema edukattiva mit-tfulija sal-età adulta, is-suq tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, is-servizzi pubbliċi u d-disparità diġitali b’mod ġenerali. Huwa rrakkomandat li jintuża approċċ multidixxiplinari li jgħaqqad flimkien aspetti differenti tal-innovazzjoni (teknoloġiċi, soċjali, kulturali, eċċ). |
1.2. |
Id-disparità diġitali bejn is-sessi mhijiex sempliċement kwistjoni teknoloġika: hija kwistjoni ekonomika, soċjali u kulturali, li għandha tiġi indirizzata b’politiki f’diversi livelli u olistiċi, sabiex l-inugwaljanza tas-sessi tiġi indirizzata mill-għeruq soċjali u kulturali tagħha. |
1.3. |
Huwa importanti li tittieħed azzjoni biex jiżdied in-numru ta’ nisa fl-oqsma tas-STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika), peress li dan jista’ jtejjeb ukoll il-kundizzjonijiet f’setturi oħra, kif ukoll fl-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi. Fl-istess ħin huwa essenzjali li nirrikonoxxu l-importanza dejjem ikbar tal-edukazzjoni relatata mal-ICT, kif ukoll dik trasversali, intraprenditorjali u diġitali, u l-ħiliet personali (bħall-empatija, il-kreattività u s-soluzzjoni ta’ problemi kumplessi) fl-era diġitali fis-setturi kollha. L-edukazzjoni interdixxiplinari u s-settijiet ta’ ħiliet ffukati fuq il-bnedmin se jkunu essenzjali u s-sistemi tal-edukazzjoni jeħtieġ iqisu dawn l-aspetti. |
1.4. |
Huwa essenzjali li jiġu żgurati l-litteriżmu u l-edukazzjoni diġitali għal kulħadd, b’enfasi partikolari fuq il-bniet, biex b’hekk tiġi eliminata id-disparità diġitali bejn is-sessi mill-għeruq tagħha. Huwa ta’ importanza primarja biex jingħelbu l-isterjotipi li jkun hemm aktar nisa li jkunu mudelli eżemplari diġitali. |
1.5. |
Jeħtieġ li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa f’impjiegi tekniċi u ta’ livell għoli, billi jingħelbu l-ostakli edukattivi u professjonali u l-isterjotipi kif ukoll billi jiġi ggarantit tagħlim diġitali tul il-ħajja sabiex in-nisa ma jkunux esklużi mis-suq tax-xogħol. |
1.6. |
L-għalliema u dawk li jħarrġu għandhom jingħataw l-għodod it-tajba biex jużaw l-ICT fil-livelli kollha biex jgħallmu, u biex jippromovu d-demokrazija u sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar inklużivi u personalizzati. |
1.7. |
Biex jiġi evitat iċ-ċirku vizzjuż tal-femminilizzazzjoni tal-faqar, jeħtieġ jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u aċċess għall-protezzjoni soċjali (1). Dan jgħodd speċjalment għall-“gig economy” (2). F’dan ir-rigward, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom rwol fundamentali. |
1.8. |
Il-preżenza tan-nisa fl-impjiegi tal-iżviluppaturi tal-ICT tista’ tgħin sabiex jingħeleb il-preġudizzju bbażat fuq is-sessi li jista’ jkun hemm fit-tfassil ta’ teknoloġija partikolari. |
1.9. |
L-intraprenditorija femminili trid tiġi appoġġjata billi jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tan-nisa għall-impjieg indipendenti u jittejbu l-aċċess u l-kwalità tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali (3). |
1.10. |
Għandhom jiġu mmonitorjati x-xogħol intelliġenti (smart working) u t-telexogħol sabiex jiġi evitat ir-riskju li ma jkunx hemm distinzjoni ċara bejn il-limiti tal-indukrar, ix-xogħol u l-ħajja privata. |
1.11. |
Huwa importanti li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa b’diżabbiltà fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tiġi implimentata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (UNCRPD) (4). |
1.12. |
Id-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku tirrappreżenta opportunità kbira sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex tingħata għajnuna lin-nisa b’responsabbiltajiet tal-indukrar, kif ukoll biex jingħelbu l-ostakli relatati mal-burokrazija u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi. |
1.13. |
Huwa importanti li jiġu indirizzati l-isterjotipi tas-sessi: din il-kwistjoni trid titqies f’kull politika u f’kull qasam, u għandha tiġi indirizzata mill-għeruq soċjali u kulturali l-aktar profondi tagħha. |
1.14. |
Wieħed mill-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw in-nisa biex jipparteċipaw f’attivitajiet onlajn u f’netwerks soċjali huwa l-bullying ċibernetiku. Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika trid tiġi ratifikata u applikata. |
1.15. |
Il-politiki kollha fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali jeħtieġ iqisu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-qasam diġitali, li għandha wkoll impatt negattiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. |
1.16. |
Il-linji politiċi pubbliċi għandhom jitfasslu b’perspettiva tas-sessi (mainstreaming). L-ibbaġittjar skont is-sessi u l-kunsiderazzjoni tas-sessi jistgħu jkunu għodod siewja f’dan ir-rigward. |
1.17. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ it-Task Force dwar “Women in Digital” u l-inizjattiva Digital4Her. Huwa importanti li jinħolqu u jiġu żviluppati netwerks Ewropej tan-nisa fil-qasam diġitali li jippromovu l-parteċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fi studji u karrieri diġitali madwar l-UE. |
1.18. |
Il-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ tirrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu miri u indikaturi nazzjonali biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni (tabella ta’ valutazzjoni annwali). It-titjib jew deterjorament għandhom jitkejlu, anke permezz ta’ riċerka mwettqa mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE). Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż f’dan il-qasam jistgħu jsiru lill-Istati Membri fil-proċess tas-Semestru Ewropew. |
1.19. |
L-imsieħba soċjali fil-livelli adatti huma impenjati li jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol sabiex jindirizzaw id-disparità diġitali bejn is-sessi, u għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, ir-rwol tan-negozjar kollettiv huwa kruċjali fit-tagħlim tul il-ħajja u fis-suq tax-xogħol, fl-indirizzar tar-rwoli tas-sessi, fil-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u f’diversi korpi, u biex jiġi appoġġjat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (5). |
1.20. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew jappoġġja dawn ir-rakkomandazzjonijiet għal-leġislatura li jmiss tal-PE, peress li dan is-suġġett huwa fundamentali għall-iżvilupp futur tal-Ewropa. |
2. Introduzzjoni
2.1. L-inugwaljanza bejn is-sessi
2.1.1. |
Fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker sostna li m’għandux ikun hemm lok għal diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li poġġa l-qasam tal-ġustizzja u tad-drittijiet fundamentali fost wieħed mill-għaxar prijoritajiet politiċi tal-ħidma tal-Kummissjoni. L-ugwaljanza bejn is-sessi hija parti minn dan il-qasam, minkejja l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali diġà taqdi rwol importanti f’dan il-qasam, billi tistipula li “l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, fix-xogħol u fil-paga” (6). Mariya Gabriel, il-Kummissarju responsabbli mill-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, reċentament spjegat l-azzjonijiet bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tiffaċilita żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat is-segwitu għad-dikjarazzjoni Digital4Her iffirmata mill-kumpaniji tal-IT, li tipprevedi kultura u ambjent inklużivi u b’bilanċ bejn is-sessi. |
2.1.2. |
In-nisa għadhom jiġu diskriminati fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali. L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi – li jkejjel l-inugwaljanza fl-oqsma tax-xogħol, il-ħin, il-flus, l-għarfien, il-poter, il-vjolenza u s-saħħa – juri li l-progress f’dawn l-oqsma miexi bil-mod: l-indiċi żdied minn 62 punt fl-2005 għal 65 punt fl-2012 u 66,2 punt fl-2017 (7). Il-kawżi ta’ din id-diskriminazzjoni huma diversi. Biex jingħelbu l-iżbilanċi li jirriżultaw minn din id-diskriminazzjoni, l-ewwel kapitolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jikkonċerna l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, b’rikonoxximent tal-fatt li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs huma dawk l-oqsma li fihom id-diskriminazzjoni hija aktar komuni. |
2.1.3. |
Id-disparità diġitali bejn is-sessi hija forma ta’ inugwaljanza li tirriżulta mid-diskriminazzjoni li taffettwa lin-nisa, li x’aktarx tikkostitwixxi ostaklu li huwa diffiċli li jingħeleb għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livell Ewropew u dak globali. Din tnaqqas it-tkabbir tal-ekonomija Ewropea tal-futur, ikkaratterizzata mid-diġitalizzazzjoni. Illum il-ġurnata, 68 % tal-irġiel u 62 % tan-nisa jużaw kompjuter u l-Internet b’mod regolari, 33 % tal-irġiel u 18 % tan-nisa jinstallaw softwer fuq l-apparat tagħhom, u 47 % tal-irġiel u 35 % tan-nisa jużaw is-servizzi bankarji onlajn (8). Barra minn hekk, minkejja li jirrappreżentaw aktar min-nofs il-gradwati totali, in-nisa jibqgħu sottorappreżentati fix-xjenza u fil-korsijiet tal-ICT: huma jirrappreżentaw madwar terz tal-impjegati totali fis-settur, b’perċentwali differenti skont l-impjieg speċifiku (8 % fis-softwer, 54 % f’pożizzjonijiet f’livell aktar baxx fost l-operaturi tal-IT). Din l-Opinjoni għandha l-għan li tipprovdi rakkomandazzjonijiet u proposti sabiex jingħelbu l-iżbilanċi fir-rigward is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol. |
2.1.4. |
In-nisa jiltaqgħu ma’ aktar diffikultajiet onlajn minħabba l-bullying ċibernetiku: il-fastidju onlajn huwa mmirat ħafna iktar lejn il-bniet (skont data tal-EIGE, 51 % tan-nisa jaffaċċjaw fastidju onlajn vs. 42 % tal-irġiel) (9). Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika trid tiġi ratifikata u applikata. |
2.2. Id-diġitalizzazzjoni u d-disparità diġitali
2.2.1. |
Id-diġitalizzazzjoni mhijiex sempliċement proċess teknoloġiku, iżda wkoll wieħed ekonomiku, soċjali, soċjetali u kulturali. |
2.2.2. |
Skont studju tal-Kummissjoni Ewropea (10), id-diġitalizzazzjoni tista’ żżid EUR 415 biljun fis-sena mal-PDG tal-UE u b’aktar nisa f’impjiegi diġitali tista’ tingħata spinta ta’ EUR 16 biljun kull sena għall-PDG tal-UE. Fl-istess ħin, il-kumpaniji jaffaċċjaw diffikultajiet biex jimpjegaw speċjalisti fl-ICT, u b’hekk hemm lok għal aktar impjiegi u edukazzjoni aħjar fil-qasam diġitali. |
2.2.3. |
Id-disparità diġitali ma jinkludix biss aċċess limitat għal konnessjoni tal-Internet iżda anke n-nuqqas ta’ ħiliet bażiċi meħtieġa sabiex jintużaw l-għodod tal-ICT. Aspett wieħed tad-disparità diġitali huwa d-disparità diġitali bejn is-sessi. Skont data diżaggregata skont il-ġeneri għal 91 ekonomija li għandha l-Junjin tat-Telekomunikazzzjoni Internazzjonali, fl-2017 id-diffużjoni ġenerali tal-Internet kienet ta’ 44,9 % għan-nisa meta mqabbel ma’ 50,9 % għall-irġiel; skont data tal-Eurostat, fl-2017 71 % tan-nisa kellhom aċċess kuljum għall-Internet meta mqabbel ma’ 74 % tal-irġiel, u 49 % tan-nisa kellhom servizzi bankarji onlajn meta mqabbel ma’ 54 % tal-irġiel (11). Huwa importanti li l-kwistjoni tiġi pperċepita kemm min-naħa tas-suq tax-xogħol – id-diġitalizzazzjoni se tikkonċerna lill-ħaddiema kollha – kif ukoll mill-perspettiva tal-utent – kulħadd huwa utent tat-teknoloġija. |
2.2.4. |
Ta’ spiss id-disparità diġitali tirriżulta meta jkunu preżenti forom oħra ta’ diskriminazzjoni: meta persuna tkun parti minn minorità etnika, tgħix f’żona rurali, tkun immigrant, b’diżabbiltà, fqira, eċċ. It-teknoloġija tista’ tgħin biex jingħelbu dawn l-ostakli, sabiex id-dinja issir aktar inklużiva għal kulħadd, imma jekk dan il-proċess ma jkunx immexxi mill-atturi soċjali, tista’ taggravahom. |
2.2.5. |
Id-disparità diġitali bejn is-sessi hija kwistjoni ekonomika, soċjali, soċjetali u kulturali, jeħtieġ tiġi indirizzata b’politiki f’livelli differenti u olistiċi, peress li twassal għal żieda fl-inugwaljanza bejn is-sessi. Barra dan, l-inugwaljanza tas-sessi għandha titqies f’kull politika u f’kull qasam, u għandha tiġi indirizzata mill-għeruq soċjali u kulturali l-aktar profondi tagħha. |
2.2.6. |
L-impatt kwalitattiv tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħtiġijiet ta’ ħiliet huwa wkoll interessanti mill-perspettiva tas-sessi peress li n-nisa huma aktar rappreżentati f’xi impjiegi u sottorappreżentati f’oħrajn, inkluż fis-STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika). Hija meħtieġa azzjoni biex jiżdied in-numru ta’ nisa fl-oqsma tas-STEM. |
2.2.7. |
Madankollu, huwa essenzjali wkoll li tiġi rikonoxxuta l-importanza dejjem akbar tal-ħiliet personali fl-era diġitali fis-setturi kollha: il-karatteristika ewlenija tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-Internet tal-Oġġetti (IoT) hija li l-magni qed isiru aktar sensittivi u aktar intelliġenti, bir-riżultat li l-forza tax-xogħol umana ssir indispensabbli biss jekk din tikkompeti abbażi ta’ ħiliet umani attwali bħall-kapaċità li wieħed jadatta għat-tibdil u li jikkoopera. L-empatija, il-kreattività u s-soluzzjoni ta’ problemi kumplessi fis-soċjetà tal-lum huma aktar spiss mgħallma u żviluppati fil-bniet milli fis-subien (12). Huwa rrakkomandat approċċ multidixxiplinari li jgħaqqad flimkien aspetti differenti tal-innovazzjoni (teknoloġiċi, soċjali, kulturali, eċċ.) f’attentat mhux biss li jiġu miġġielda r-riskji iżda anke li jinħatfu l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni għan-nisa. |
2.2.8. |
Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni b’diżabbiltà – u n-nisa b’mod partikolari – li s-sitwazzjoni tagħhom “mhijiex biss agħar minn dik tan-nisa mingħajr diżabbiltà” (13). Din hija r-raġuni għaliex huwa importanti li jingħata “aċċess ugwali għad-diversi komponenti tal-faċilitajiet tal-ICT u għaliex is-soċjetà tal-informazzjoni għandha tkun garantita għan-nisa u l-bniet b’diżabbiltà” (14). |
3. Id-disparità diġitali bejn is-sessi fis-sistema edukattiva
3.1. |
Is-sistema edukattiva hija l-qasam politiku ewlieni li għandu jiġi indirizzat. Hemm tnaqqis fin-numru ta’ nisa li jsegwu l-edukazzjoni ogħla relatat mal-ICT meta mqabbel mal-2011 (15). It-titjib fil-litteriżmu u fil-ħiliet diġitali għan-nisa fil-livelli kollha huwa għaldaqstant essenzjali sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv fl-iżvilupp tas-soċjetà u jibbenefikaw mill-opportunitajiet li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u jiġi evitat li dawn jitħallew lura. In-nisa b’diżabbiltà għandu jkollhom id-dritt għal edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għolja. Għandhom jiġu indirizzati l-isterjotipi kulturali u lingwisitiċi, filwaqt li l-bniet għandhom jiġu pprovduti b’mudelli differenti, speċjalment fis-settur tal-midja. Barra minn hekk, l-għodod tal-ICT jistgħu jintużaw f’attivitajiet ta’ tagħlim u fil-klassi. |
3.2. |
Fl-edukazzjoni primarja, huwa essenzjali li jiġu żgurati l-litteriżmu u l-edukazzjoni diġitali għal kulħadd, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità ta’ adattament tal-irġiel u n-nisa futuri għat-teknoloġiji li jevolvu b’mod rapidu. Skont il-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), li jkejjel il-progress edukazzjonali ta’ adoloxxenti ta’ 15-il sena fil-pajjiżi tal-OECD, hemm kważi erba’ darbiet aktar subien milli bniet li jaspiraw għal karriera fis-STEM (16). Skont studju tal-EIGE, madwar l-UE, minn 3 % sa 15 % tas-subien adoloxxenti jaspiraw li jaħdmu bħala professjonisti tal-ICT, iżda f’erba’ pajjiżi biss tal-UE kien hemm 1 % sa 3 % tal-bniet adoloxxenti li jaspiraw li jaħdmu bħala professjonisti tal-ICT. Barra minn hekk, anke jekk il-ħiliet diġitali taż-żgħażagħ fl-UE jkunu indaqs bejn is-subien u l-bniet, is-subien xorta waħda jħossuhom aktar kunfidenti fir-rigward tal-ħiliet diġitali tagħhom: għal darb’oħra din hija problema ta’ perċezzjoni żbaljata u sterjotipi tas-sessi (17). “Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri dwar il-bżonn li jinvestu f’sistemi edukattivi mhux diskriminatorji u inklużivi” (18). |
3.3. |
Huwa importanti li jingħata taħriġ għal dawk li jħarrġu fl-użu tal-ICT bħala għodda għat-tagħlim. L-enfasi fuq il-bniet hija ta’ importanza primarja sabiex titneħħa d-disparità diġitali abbażi tal-ġeneru mill-għeruq tagħha u biex jiġu promossi sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar inklużivi u personalizzati. L-għodod diġitali jistgħu jkunu siewja wkoll sabiex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi fuq l-għalliema u dawk li jħarrġu (19). |
3.4. |
Fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja interdixxiplinari il-bniet għadhom jieħdu inqas korsijiet tas-STEM mis-subien: inqas minn 1 minn kull 5 gradwati tal-ICT huma nisa (20). L-edukazzjoni interdixxiplinari u l-ħiliet personali ċċentrati fuq il-bniedem se jkunu essenzjali wkoll. |
3.5. |
It-tagħlim doppju u l-ETV (Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali) għandhom jiġu msaħħa u jqisu l-aċċess tal-bniet għat-tagħlim tekniku u fuq il-post tax-xogħol (21). |
4. Id-disparità diġitali bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol
4.1. |
Jeħtieġ li n-nisa jiġu mħeġġa jipparteċipaw f’impjiegi tekniċi u f’impjiegi ta’ livell għoli, filwaqt li jingħelbu l-ostakli fl-edukazzjoni u fil-professjonijiet u l-isterjotipi. Żieda fil-preżenza tan-nisa fl-ICT tista’ tkun ta’ benefiċċju għal dan is-settur kollu u għall-ekonomija u s-soċjetà fl-intier tagħhom. |
4.2. |
Sabiex tingħeleb id-disparità diġitali bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-kumpaniji, nazzjonali u Ewropew huwa ta’ importanza ewlenija. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jistgħu jipproponu soluzzjonijiet aċċettabbli, billi jitqiesu l-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema (22). Jekk in-nisa fl-oqsma STEM u f’impjiegi ta’ livell għoli jiżdiedu, huma jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi. |
4.3. |
It-tagħlim tul il-ħajja huwa essenzjali biex tiġi evitata l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, u dan huwa saħansitra aktar importanti għan-nisa. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol kruċjali f’dan ir-rigward. |
4.4. |
Il-polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u “l-gig economy”: anke jekk il-magni jkunu jistgħu teknikament jissostitwixxu l-impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet (kemm manwali kif ukoll intellettwali, minħabba l-Internet tal-oġġetti, is-sensuri, it-teknoloġiji tal-IA), jekk dawn l-impjiegi jkunu prekarji u ma jiġi żgurat l-ebda dritt, jaf ikun aktar faċli għall-kumpaniji li jimpjegaw persuni bi spiża baxxa minflok ma jinvestu f’magni ġodda. Dan huwa diġà minnu fl-hekk imsejħa “gig economy”. F’dawn il-kuntesti, mhija żgurata l-ebda protezzjoni soċjali bħal fil-forom standard ta’ xogħol (23): minħabba n-natura informali ta’ dan it-tip ta’ impjieg, in-nisa jirriskjaw li jitbiegħdu minn impjiegi tradizzjonali b’benefiċċji soċjali favur xogħol “gig” li huwa aktar disponibbli faċilment u xi kultant jista’ jiġi ġestit b’mod aktar faċli f’termini tal-ħin tax-xogħol. Biex jiġi evitat iċ-ċirku vizzjuż tal-femminilizzazzjoni tal-faqar (24), iridu jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-partijiet interessati kollha jeħtieġ jippromovu mudell ta’ żvilupp ibbażat fuq l-istrateġija “high-road”. Hawnhekk, ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tan-negozjar kollettiv huwa fundamentali (25). |
4.5. |
It-teknoloġija mhijiex newtrali: filwaqt li softwer jew algoritmu għandhom inaqqsu s-soġġettività li hija tipika għal proċess jew deċiżjoni tal-bniedem, jekk fiha jiddaħħal preġudizzju kulturali (bħal preġudizzju skont il-ġeneru), allura din dejjem ser tirriproduċi din it-tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi strutturali (aktar milli fuq bażi każwali). Din hija r-raġuni għalfejn il-persuni li jaħdmu fit-tfassil ta’ dawn is-sistemi għandhom ikunu kemm jista’ jkun diversi. Illum il-ġurnata, 17 % biss tat-8 miljun persuna li jaħdmu fl-ICT huma nisa (26); barra minn hekk, madwar l-UE, huma biss 20 % tan-nisa fl-età ta’ 30 sena u aktar u li għandhom lawrji relatati mal-ICT li jiddeċiedu li jibqgħu fl-industrija tat-teknoloġija (27). Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa f’dawn l-impjiegi – u b’hekk id-diversità – tista’ tgħin sabiex jingħeleb il-preġudizzju li jista’ jkun inkluż fit-tfassil ta’ teknoloġija partikolari. |
4.6. |
Inkissru s-“saqaf tal-ħġieġ” għal sistema ekonomika aktar diġitali: 32 % biss tal-mexxejja ekonomiċi huma nisa (28), għalkemm huwa ppruvat li n-negozji b’nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandhom stili ta’ governanza aħjar, li normalment huma aktar “orizzontali” u jħeġġu d-diversità u l-ħsieb kreattiv u innovattiv. Għalhekk, jekk il-kumpaniji jiżviluppaw politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jippromwovu n-nisa fl-ogħla livelli tal-organizzazzjoni, il-kumpanija se tibbenefika f’termini ta’ innovazzjoni u kapaċità. Applikat fuq skala wiesgħa, min-naħa l-oħra dan se jkun ta’ benefiċċju għas-sistema ekonomika kollha. |
4.7. |
Fil-parti l-kbira tagħha, is-sistema ta’ produzzjoni Ewropea hija magħmula minn SMEs li jaffaċċjaw aktar diffikultajiet meta jinvestu f’teknoloġiji ġodda. Fl-istess ħin, it-teknoloġiji diġitali jiffaċilitaw il-mikrointraprenditorija: permezz tal-għodod diġitali (bħall-kummerċ elettroniku) ikun possibbli li l-SMEs jidħlu fi swieq globali, u f’termini ġenerali, li jitneħħew l-ostakli għal impjieg indipendenti. Skont it-tieni European Start-up Monitor, mill-intraprendituri li joħolqu negozji ġodda 14,8 % biss huma nisa (29). Din il-problema hija relatata ma’ netwerks kummerċjali aktar dgħajfa, l-isterjotipi u appoġġ finanzjarju mhux adatt. Id-diġitalizzazzjoni tista’ toħloq l-ambjent it-tajjeb għall-intraprenditorija femminili. L-edukazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ iridu jiġu ggarantiti sabiex in-nisa jkunu jistgħu jiftħu n-negozju tagħhom stess billi jużaw it-teknoloġiji diġitali disponibbli. |
5. Id-diġitalizzazzjoni u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
5.1. |
Skont studju tal-EIGE, fl-impjiegi tal-ICT jeżistu ħinijiet tax-xogħol itwal minn f’setturi oħra (30). Għalhekk, l-ewwel kwistjoni li trid tiġi indirizzata hija li l-irġiel u n-nisa jaqsmu x-xogħol tal-kura: huwa importanti li tittieħed azzjoni favur kondiviżjoni aktar ġusta tax-xogħol ta’ kura skont is-sessi, anke permezz tal-adozzjoni ta’ proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol għall-ġenituri u l-persuni li jagħtu servizzi ta’ kura (31). |
5.2. |
Ix-xogħol intelliġenti (smartworking) u t-telexogħol huma spiss ikkunsidrati bħala għodod għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b’kont meħud tar-riskji kif ukoll tal-opportunitajiet. Jekk ix-xogħol intelliġenti jista’ jgħin lill-ħaddiema sabiex jimmaniġġjaw il-ħajja privata tagħhom (speċjalment billi jeliminaw il-“ħin mejjet” li wieħed iqatta’ meta jivvjaġġa lejn ix-xogħol u lura), huwa minnu wkoll li, jekk ma jiġix ġestit b’mod tajjeb, ix-xogħol intelliġenti jista’ jwassal biex tiddgħajjef id-distinzjoni bejn il-limiti tal-indukrar, ix-xogħol u l-ħin ta’ rikreazzjoni. Ix-xogħol intelliġenti għandu jiġi ġestit permezz ta’ ftehimiet kollettivi tal-kumpaniji speċifiċi sabiex ikun adattat għall-kuntest kulturali, għall-mezzi tal-produzzjoni u għall-organizzazzjoni tax-xogħol. Fiż-żmien aktar fit-tul, ix-xogħol intelliġenti jista’ wkoll ibiddel il-mod kif in-nies jgħixu fil-bliet (u ż-żoni rurali) u fl-ispazji soċjali. |
5.3. |
L-għodod diġitali jistgħu jirrappreżentaw ukoll opportunità għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol. Dawn l-għodod jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. In-nisa b’diżabilità huma madankollu ħafna aktar esklużi mis-suq tax-xogħol (32). Għaldaqstant, huwa importanti ħafna li tiġi implimentata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (33). |
6. Id-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku
6.1. |
Minħabba ż-żieda fl-istennija tal-għomor u rati ta’ twelid baxxi, il-popolazzjoni Ewropea qed tixjieħ u qed jiżdied il-piż ta’ xogħol ta’ kura għal nisa tal-età medja. Filwaqt li huwa essenzjali li tintlaħaq kondiviżjoni ugwali bejn is-sessi fir-rigward tax-xogħol ta’ kura, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li d-diġitalizzazzjoni – u speċjalment ir-robotika – fis-settur pubbliku jirrappreżentaw opportunità kbira sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex in-nisa jiġu megħjuna fi kwalunkwe responsabbiltà tal-indukrar li dawn jista’ jkollhom. |
6.2. |
Ir-robotika tista’ sservi għall-awtomatizzazzjoni – u aktar importanti minn hekk – biex tiffaċilita l-kompiti l-aktar tqal li jinvolvi x-xogħol ta’ kura (bħaċ-ċaqliq ta’ persuna invalida), tgħin ir-riabilitazzjoni ta’ persuni bi ġrieħi, tipprevjeni il-mard, eċċ. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà kollha, b’mod partikolari tan-nisa, kif ukoll il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol b’żewġ modi: jistgħu jħaffu x-xogħol fis-settur tas-servizzi ta’ kura personali, fejn in-nisa huma rrappreżentati aktar, u jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għan-nisa li jipprovdu kura b’xejn, iżda dejjem sakemm dawn it-teknoloġiji jkunu disponibbli u garantiti lil dawk kollha fi bżonn. |
6.3. |
It-teknoloġiji diġitali jista’ jkollhom ukoll impatt profond fuq il-proċeduri burokratiċi kollha marbuta mas-servizzi pubbliċi. Xi pajjiżi diġà qed japplikaw din it-tip ta’ teknoloġija fuq skala wiesgħa, qed joħolqu identità diġitali unika għall-proċeduri kollha relatati mas-settur pubbliku (taxxi, kura tas-saħħa, edukazzjoni, eċċ.). L-espansjoni ta’ dan il-proċess tista’ ttejjeb il-kwalità ta’ ħajja iżda huwa importanti wkoll li wieħed ikun konxju dwar (u jipprevjeni) ir-riskji relatati mal-kontroll tad-data (anke fil-każ ta’ awtorità pubblika), dwar il-privatezza, iċ-ċibersigurtà, it-trasparenza u l-etika (34). |
6.4. |
L-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ tħejji ibbaġitjar skont il-ġeneru għas-servizzi u l-attivitajiet kollha, biex tippromwovi l-ugwaljanza u tikkunsidra l-impatt tal-politiki fuq in-nisa. Kull deċiżjoni dwar l-investiment jeħtieġ tittieħed mil-“lenti tal-ġeneru” fi tliet oqsma: l-ugwaljanza tas-sessi fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għall-kapital għan-nisa, u l-prodotti u s-servizzi li huma ta’ benefiċċju għan-nisa. |
6.5. |
Filwaqt li f’xi pajjiżi, id-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku diġà hija avvanzata, f’xi oħrajn dan il-proċess għadu jibda u din tista’ tkun opportunità sabiex jiġu mħarrġa u impjegati aktar nisa fis-settur pubbliku, mil-lat ta’ bilanċ bejn is-sessi. |
6.6. |
Sabiex id-diġitalizzazzjoniti tiġi żviluppata, l-infrastruttura meħtieġa, bħall-broadband, il-5G eċċ., jeħtieġ ikunu disponibbli mingħajr ebda diskriminazzjoni ġeografika. |
Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) SOC/581 – L-Opinjoni tal-KESE dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali (Ara l-paġna 135 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(2) The Social Protection of Workers in the Platform Economy, European Parliament, 7.12.2017.
(3) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.
(4) L-Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità” (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20).
(5) A “Toolkit for Gender Equality in Practice” minn European Social Partners ETUC, BusinessEurope, CEEP u UEAPME.
(6) Kapitolu III, l-Artikolu 23.
(7) EIGE, Gender Equality Index 2017 Report.
(8) Ara r-Riżoluzzjoni tal-PE tas-17 t’ April 2018.
(9) EIGE, Youth, digitalisation and gender equality: opportunities and risks of digital technologies for girls and boys, 2018 (qiegħda titħejja).
(10) Vessela Karloukovska, DĠ-CNECT, Task Force dwar “In-nisa fl-era diġitali”, Kummissjoni Ewropea.
(11) Data tal-Eurostat.
(12) Martha Ochoa (UNi Global Union) “The path to genderless digitalisation”.
(13) L-Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità” (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20), para 2.1.
(14) Idem, para. 5.3.6.
(15) “Women in the Digital Age”, European Commission, 2018 (Mhux disponibbli bil-Malti).
(16) Dr Konstantina Davaki, awtriċi tal-istudju dwar “The underlying causes of the digital gender gap and possible solutions for enhanced digital inclusion of women and girls”.
(17) Lina Salanauskaite, Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).
(18) L-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea 2017-2019 – L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa” para. 4.4 (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 101).
(19) Ekaterina Efimenko, Kumitat Ewropew tat-Trejdjunjins għall-Edukazzjoni (ETUCE).
(20) Vessela Karloukovska, DĠ-CNECT, Task Force dwar “In-Nisa fl-Era Diġitali”, Kummissjoni Ewropea.
(21) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36.
(22) L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kunċetti tal-UE fil-qasam tat-tħejjija tat-tranżizzjonijiet f’dinja ta’ xogħol diġitalizzat” (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15).
(23) L-Opinjonijiet tal-KESE dwar “Lejn Direttiva qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu” (li għandha tiġi adottata fis-Sessjoni Plenarja ta’ Diċembru) u dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali (Ara l-paġna 135 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(24) Mary Collins, European Women’s Lobby (EWL) (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7).
(25) Ara, pereżempju, il-ftehimiet tal-imsieħba soċjali Ewropej, kif ukoll il-proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(26) Vessela Karloukovska, DĠ-CNECT, Task Force dwar “In-Nisa fl-Era Diġitali”, Kummissjoni Ewropea.
(27) Mary Collins, European Women’s Lobby (EWL).
(28) Vessela Karloukovska, DĠ-CNECT, Task Force dwar “In-Nisa fl-Era Diġitali”, Kummissjoni Ewropea.
(29) “Women in the digital age”, studju għall-PE.
(30) Lina Salanauskaite, Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).
(31) COM(2017) 253.
(32) L-Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità” (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20), para. 5.4.1.
(33) L-Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità” (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20), para. 1.2, Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità.
(34) Digital Public Services (e-Government and e-Health).