IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2017
COM(2017) 777 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta' informazzjoni relatati mal-politika agrikola komuni
{SWD(2017) 459 final}
I.
INTRODUZZJONI
Dan ir-rapport jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni relatati mal-politika agrikola komuni (PAK) għall-2015 u għall-2016, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”).
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament fir-rigward tal-miżuri ta’ informazzjoni ffinazjati jiddikjara li “għandu jkollu l-għan, b’mod partikolari, li jgħin fit-tifsir, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-PAK u li jżid l-għarfien tal-pubbliku dwar il-kontenut u l-objettivi tagħha, jerġa’ jrawwem il-fiduċja tal-konsumaturi wara l-kriżijiet permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni, jinforma lill-bdiewa u lil partijiet oħra attivi f’żoni rurali u jippromwovi l-mudell Ewropew tal-agrikoltura u jgħin liċ-ċittadini jifhmuh.” L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 45(2) jgħid li dawn il-miżuri “għandhom ukoll jikkontribwixxu biex tiġi koperta l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sakemm dawk il-prijoritajiet ikun relatati mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament”.
Il-miżuri ta’ informazzjoni ffinanzjati jaqgħu f’żewġ kategoriji ewlenin:
-Dawk sottomessi minn organizzazzjonijiet ta’ partijiet terzi għall-kofinanzjament taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija – FAEG (għotjiet);
-Dawk fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u ffinanzjati b’rata ta’ 100 % taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija – FAEG (azzjonijiet diretti/akkwist pubbliku).
Skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament, kull sentejn għandu jiġi ppreżentat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni skont ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan hu s-seba’ rapport ta' dan it-tip.
Fil-perjodu 2015-2016, il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni korporattiva tagħha fuq il-bażi tal-għaxar prijoritajiet ta’ politika tagħha, b’enfasi speċjali fuq l-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Inġabru riżorsi minn programmi ta’ nfiq differenti biex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni fuq il-bażi tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fl-2015 (bħal fl-2014), id-dipartimenti tal-Kummissjoni, inkluż id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali (DĠ AGRI), ikkontribwew għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-approċċ konġunt. Minn tmiem l-2015 u matul l-2016, ġew intensifikati l-isforzi biex tingħata informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati u lil udjenza usa’ dwar il-benefiċċji tanġibbli miġjuba mill-UE għaċ-ċittadini. L-enfasi kienet fuq is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-UE kollha kemm hi, ir-rwol, il-valuri, il-prijoritajiet ta’ politika tagħha u l-ħidma tagħha biex tindirizza l-isfidi attwali.
Dan l-approċċ korporattiv għall-attività ta’ komunikazzjoni hu ċentrali għall-istrateġija ta’ komunikazzjoni esterna tad-DĠ AGRI għall-perjodu 2016-2020. Fi ħdan il-qafas ta’ din l-istrateġija, fil-pjanijiet ta’ azzjoni annwali huma ddefiniti miżuri ta’ informazzjoni speċifiċi għal kull sena. Fit-tfassil tal-miżuri ta’ informazzjoni tiegħu għall-perjodu 2015-2016, id-DĠ AGRI qies ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna tal-miżuri ta’ informazzjoni dwar il-PAK, ta’ Ġunju 2015.
L-annessi msemmija fit-test jinsabu fid-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.
II.
BAĠIT
Il-baġit disponibbli għall-miżuri ta’ informazzjoni taħt il-linja baġitarja 05 08 06, oriġinarjament previst fid-deċiżjoni ta' finanzjament, kien ta’ EUR 8 miljun fl-2015; u ta’ EUR 8 miljun fl-2016 (inkluża l-kontribuzzjoni ta’ EUR 4 miljun tad-DĠ AGRI għall-kampanja ta’ komunikazzjoni korporattiva tal-Kummissjoni). It-tqassim provviżorju bejn l-akkwist pubbliku (azzjonijiet meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) u l-għotjiet (azzjonijiet kofinanzjati) kien kif ġej:
2015: akkwist pubbliku (EUR 5 miljun) (62.5 %) – Għotjiet (EUR 3 miljun) (37.5 %)
2016: akkwist pubbliku (EUR 1.5 miljun) (18.75 %) – Għotjiet (EUR 2.5 miljun) (31.25 %) – EUR 4 miljun kodelegati lid-DĠ għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM) għall-kampanja ta’ komunikazzjoni korporattiva (50 %).
L-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-2015 laħqet 91,18 % f’termini ta’ impenji u 88,60 % f’termini ta’ pagamenti.
L-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-2016 laħqet 98,29 % f’termini ta’ impenji; iċ-ċifri għall-pagamenti fuq il-miżuri tal-2016 kienu għadhom ma ġewx iffinalizzati fiż-żmien li qiegħed jiġi abbozzat dan ir-rapport, minħabba li setgħu jsiru pagamenti sal-31 ta’ Diċembru 2017.
Ir-riżultati ewlenin u l-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-Kummissjoni b’rabta mal-komunikazzjoni, u b’mod speċifiku dwar l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni korporattiva, jistgħu jinstabu fir-rapport annwali tal-attività għall-2016 tad-DĠ COMM.
III.
TQASSIM TAL-AZZJONIJIET IFFINANZJATI
Ir-riforma tal-politika agrikola komuni ġiet miftiehma fl-2013 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Kien hemm enfasi qawwija fil-perjodu ta’ rapportar fuq il-miżuri ta’ informazzjoni biex jiżdied il-fehim fost il-pubbliku dwar il-PAK riformata u l-kontribuzzjoni tagħha għall-ilħuq tal-isfidi identifikati fl-istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni, f’termini ta’ politika iktar kompetittiva u sostenibbli għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali. Saru sforzi biex tinxtered informazzjoni dwar il-kontribut tal-politika għall-impjiegi fis-settur agroalimentari, biex jinħolqu benefiċċji ambjentali, jissaħħu l-għarfien u l-innovazzjoni, u tiġi promossa l-effiċjenza fir-riżorsi.
Is-settur agrikolu tal-UE affaċċja sfidi kbar fil-perjodu li matulu kienet qed tiġi nnegozjata r-riforma. Il-volatilità tal-prezzijiet tal-farms u l-inċertezza tas-suq, flimkien mal-iżviluppi ġeopolitiċi, qanqal dibattitu pubbliku jaħraq dwar il-prospetti ekonomiċi li qed jaffaċċjaw l-agrikoltura u ż-żoni rurali. L-isfidi, bħar-rwol tas-settur fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, flimkien mal-abilità tas-settur biex jisfrutta opportunitajiet ġodda, pereżempju fl-oqsma tas-saħħa, tal-kummerċ jew tal-bijoekonomija kellhom bżonn jiġu kkunsidrati iktar. Għaldaqstant, l-indirizzar tal-isfidi futuri li qed jaffaċċja s-settur kien ċentrali wkoll għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ informazzjoni dwar il-PAK matul dan il-perjodu.
Tkattru l-isforzi biex jitkompla l-iżvilupp ta' sinerġiji fost is-sħab differenti fil-qasam tal-komunikazzjoni dwar l-agrikultura u l-iżvilupp rurali, inklużi l-partijiet ikkonċernati. Id-DĠ AGRI kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, mar-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri tal-UE, ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, kif ukoll ma’ netwerks bħaċ-Ċentri ta’ Informazzjoni tal-Europe Direct u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
Rigward il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni, id-DĠ AGRI qies is-sejbiet tal-evalwazzjoni esterna li jenħtieġ li jitjiebu l-proċeduri u l-prattiki relatati mad-definizzjoni tal-objettivi, u l-monitoraġġ tar-riżultati u l-evalwazzjoni tal-impatti tal-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni implimentati. F’dan ir-rigward, ġew rieżaminati l-proċeduri rigward l-ippjanar u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni, u fl-2015 ġew aġġornati l-linji gwida għall-evalwazzjoni tal-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni.
1.
Għotjiet (miżuri ta’ informazzjoni kofinanzjati meħuda fuq l-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet ta’ partijiet terzi)
L-Artikolu 45 (miżuri ta’ informazzjoni) tar-Regolament jipprevedi żewġ tipi ta’ miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotjiet, ta’ programmi ta’ ħidma annwali jew ta’ miżuri speċifiċi oħra ppreżentati minn partijiet terzi. Il-miżuri ta’ informazzjoni speċifiċi jirreferu għal avvenimenti ta’ informazzjoni limitati fiż-żmien u fl-ispazju u implimentati abbażi ta’ baġit wieħed. Programm ta’ ħidma annwali huwa sett ta’ bejn żewġ u ħames miżuri speċifiċi ta’ informazzjoni. Għall-2015 u l-2016, ġie deċiż (bħas-snin ta’ qabel) li jinżammu biss il-miżuri speċifiċi ta’ informazzjoni għall-kofinanzjament, bl-għan li tiġi ssimplifikata l-iskema tal-għotjiet u tiġi żgurata l-koerenza bejn l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni differenti.
Għall-2015, is-sejħa għal proposti kienet immirata biex tipprovdi informazzjoni dwar il-PAK riformata u t-tliet elementi ċentrali tagħha: is-sikurezza alimentari, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u l-iżvilupp taż-żoni rurali. Għall-2016, is-sejħa għal proposti ħeġġet l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar l-isfidi futuri għall-agrikoltura, inkluż l-iżvilupp sostenibbli u l-modernizzazzjoni tal-agrikoltura tal-Ewropa u tal-ekonomija rurali inġenerali. Il-linji gwida ta’ politika tal-Kummissjoni kienu ċentrali fil-proċess ta’ definizzjoni tas-sejħiet għal proposti għall-għotjiet:
https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/juncker-political-guidelines-speech_mt.pdf
Għal dawn is-sentejn, il-pubbliku ġenerali kien fil-mira (b’mod partikolari ż-żgħażagħ f’żoni urbani), kif ukoll il-bdiewa u atturi oħrajn attivi fiż-żoni rurali.
Ir-rata massima ta' finanzjament għall-miżuri msemmija hawn fuq ġiet stabbilita għal 50 % tal-kostijiet eliġibbli. Fl-2015, ġew ikkofinanzjati ħmistax-il miżura b’rata ta’ 50 %. Taħt is-sejħa tal-2016, ġew iffinanzjati tmintax-il miżura, li b’kollox jammontaw għal 33 azzjoni kkofinanzjata għall-perjodu 2015-2016. L-għotjiet ingħataw għal miżuri bħal kampanji ta' informazzjoni b’element transnazzjonali u multimedjali sinifikanti, u miżuri li xeħtu dawl fuq is-sostenibbiltà b’enfasi qawwija fuq in-netwerking tal-UE. Miżuri oħra ta’ sensibilizzazzjoni li saru fuq livell nazzjonali jew lokali spiss ġew assoċjati mill-qrib mal-ħtiġijiet ta’ żvilupp agrikolu fil-prattika. Il-miżuri ffokati fuq iż-żgħażagħ u l-pubbliku ġenerali użaw l-aħħar għodod online u tal-midja soċjali biex jidħlu f’kuntatt mal-udjenza fil-mira.
Il-proġetti ġew implimentati minn assoċjazzjonijiet rurali u tal-bdiewa f'livell nazzjonali; organizzazzjonijiet nongovernattivi f’livell nazzjonali u tal-UE attivi fi kwistjonijiet ambjentali, tal-iżvilupp rurali u tal-biedja organika; organizzazzjonijiet tal-midja li joperaw f’livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali; awtoritajiet pubbliċi lokali u nazzjonali.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jagħti aktar informazzjoni dettaljata dwar l-għotjiet mogħtija matul il-perjodu ta’ rapportar, inkluż in-numru ta’ applikazzjonijiet aċċettati għal kull Stat Membru.
Is-sejħiet għal proposti ħeġġew lill-applikanti għall-għotjiet biex ifittxu definizzjoni aħjar tal-udjenzi fil-mira, tixrid aħjar ta’ informazzjoni, u analiżi tal-impatt tal-miżuri f’termini tan-numri ta’ persuni milħuqa b’mod dirett u indirett. L-applikanti ntalbu jressqu pjanijiet dettaljati għall-miżuri proposti tagħhom, inklużi l-implimentazzjoni tal-proġetti, il-metodu ta' tixrid tal-messaġġ u l-metodu ta' kejl tal-effettività. Fil-perjodu ta' rapportar huwa importanti li wieħed jenfasizza li għadd kunsiderevoli ta' azzjonijiet kofinanzjati laħqu udjenza usa' lil hinn mill-parteċipanti immedjati, bis-saħħa tal-effett multiplikatur tal-istampa speċjalizzata u tal-midja, kif ukoll bis-saħħa tal-użu akbar tal-internet u tal-midja soċjali bħala għodod tat-tixrid.
L-applikazzjonijiet ġew ivvalutati fid-dawl tal-kriterji rigorużi tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti kif stipulat fis-sejħiet għal proposti. Dan kien konformi mar-Regolament Finanzjarju u kien jirrifletti l-għan tal-Kummissjoni li tikseb trattament ugwali u kompetizzjoni ġusta bejn l-applikanti.
2.
Azzjonijiet diretti/akkwist pubbliku (miżuri ta’ informazzjoni meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)
Fl-2015-2016, bħal fl-imgħoddi, twettqu numru importanti ta’ miżuri ta’ informazzjoni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
a) Netwerking tal-midja
L-għoti ta’ appoġġ lill-midja permezz ta’ informazzjoni u briefings dwar l-iżviluppi fil-PAK u fl-iżvilupp rurali baqa’ parti importanti ħafna mill-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni, b’effett multiplikatur ferm sinifikanti. Il-komunikazzjoni bbażata fuq il-midja soċjali u fuq l-internet baqgħet tikber fl-importanza tagħha f’dan il-perjodu. Kien hemm sforz sostnut biex tixxerred fil-midja informazzjoni rilevanti faċli għall-utent dwar il-politika. L-iżvilupp u l-manutenzjoni kontinwi tal-pjattaforma għall-ġurnalisti AG-Press.eu, l-organizzazzjoni tal-vjaġġi ta’ studju għall-membri ta’ AG-Press, u l-avvenimenti ta’ netwerking tal-midja komplew irawmu l-kuntatti mill-qrib u l-iskambji kemm ma’ ġurnalisti li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet agrikoli, kif ukoll mal-midja mhux speċjalista. L-għodod tal-midja soċjali tad-DĠ AGRI (Facebook, Twitter) komplew jiġu żviluppati u kellhom udjenza li kulma jmur kienet qiegħda tikber rapidament f’dan iż-żmien. Dawn baqgħu għodda importanti kemm fl-attirazzjoni ta’ speċjalisti lejn is-sit web u l-informazzjoni komprensiva u l-aħħar aħbarijiet disponibbli hemm, kif ukoll fl-ilħuq tal-pubbliku ġenerali. B’mod ġenerali, l-attività ta’ netwerking tal-midja kkontribwiet biex iżżid ias-sensibilizzazzjoni u l-fehim fost il-ġurnalisti dwar kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura u mal-iżvilupp rurali madwar l-UE.
In-netwerk ta’ AG-Press, li issa jinkludi iktar minn 800 ġurnalist attiv, hu għodda siewja għall-Kummissjoni, u netwerk għall-membri tagħha.
Matul disa’ vjaġġi ta’ studju, gruppi ta’ ġurnalisti kellhom l-opportunità li jesperjenzaw kundizzjonijiet tal-biedja li ta' spiss ikunu ferm differenti f’reġjuni u fi Stati Membri oħra. Tipikament, dawn l-eżerċizzji ta’ “tagħlim fil-prattika” jinkludu fost l-oħrajn, briefings dwar l-innovazzjoni fil-farms, it-tiġdid ġenerazzjonali, l-intrapriżi alternattivi u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. L-iskambji ma’ produtturi u ma’ intraprendituri rurali għenu biex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jaffaċċjaw il-bdiewa madwar l-Unjoni Ewropea. L-avveniment tan-netwerk annwali ta’ AG-Press, li seħħ f’Jannar 2016 bi programm ta' esperti ta’ livell għoli, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, iffaċilita wkoll komprensjoni komuni tal-PAK.
b) Netwerking tal-partijiet ikkonċernati - konferenzi
Il-partijiet ikkonċernati – fost l-oħrajn, il-bdiewa, il-kooperattivi, is-settur tal-ikel, l-ambjentalisti, dawk attivi f’żoni rurali – jikkostitwixxu multiplikatur importanti ħafna ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet agrikoli u tal-iżvilupp rurali.
Fil-perjodu ta’ rapportar, il-konferenzi baqgħu forum importanti għad-djalogu dwar l-implimentazzjoni u l-iżvilupp futur tal-politika. F’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Kummissjoni u l-enfasi fuq il-konsultazzjoni wiesa’ mas-soċjetà ċivili, kien hemm sforz sostnut biex il-prijoritajiet ta’ politika importanti jiġu indirizzati flimkien ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, is-settur soċjoprofessjonali fil-livell tal-UE u nazzjonali u l-komunità akkademika u tar-riċerka.
Id-DĠ AGRI kompla l-prattika li beda fl-2014 li tinvolvi l-preżentazzjoni lil udjenza usa’ tal-ħidma tiegħu mwettqa flimkien maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-prospetti fuq terminu medju għas-swieq agrikoli tal-UE. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-edizzjoni tal-2015 tal-“Konferenza dwar il-Prospetti Agrikoli tal-UE” twessa’ biex jinkludi l-isfidi li taffaċċja l-agrikoltura fl-UE u f’livell globali. Dan l-avveniment inkluda dimensjoni politika importanti b’panils ta’ livell għoli li ffokaw fuq kwistjonijiet, bħas-sostenibbiltà u l-katina alimentari. L-edizzjoni tal-2016 tal-Konferenza dwar il-Prospetti kompliet b'dan il-format usa’ ta’ livell għoli b’rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE, u minn gvernijiet, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn partijiet ikkonċernati li jiskambjaw fehmiet u perspettivi dwar kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u mad-disponibbiltà tar-riżorsi. Ir-rappreżentazzjoni politika għolja mill-UE u minn pajjiżi terzi fil-konferenzi dwar il-Prospetti f’dan il-perjodu għenet biex tiġi ġġenerata kopertura tal-midja konsiderevoli tal-kwistjonijiet.
Il-“Konferenza 2.0 ta’ Cork dwar l-Iżvilupp Rurali” kienet avveniment kbir ieħor f’dan il-perjodu. Madwar tliet mitt parti kkonċernata tal-UE, flimkien ma’ rappreżentanti għoljin minn organizzazzjonijiet internazzjonali, iddiskutew u valutaw mill-ġdid is-sitwazzjoni taż-żoni rurali u l-implikazzjonijiet tal-politika assoċjati għall-20 sena li jmiss. Il-konferenza adottat dikjarazzjoni, “Ħajja aħjar fiż-żoni rurali”, li spjegat viżjoni komuni għall-futur taż-żoni rurali, inkluż it-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur rurali u l-investiment fil-vitalità u fil-vijabbiltà rurali billi jiżdied l-aċċess għal innovazzjoni u għal teknoloġiji trasformattivi. Din il-viżjoni strateġika għall-futur taż-żoni rurali kienet kontribut importanti għar-riflessjoni attwali tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-PAK.
Barra minn hekk, f’sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, esperti kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat wettqu eżerċizzju ta’ riflessjoni bl-għan li jidentifikaw l-elementi ewlenin li jenħtieġ li jkunu fil-bażi ta’ żvilupp b’saħħtu tas-settur tan-nagħaġ fl-Unjoni fil-futur.
c) Attivitajiet għall-pubbliku ġenerali
Parteċipazzjoni f'fieri
L-enfasi tal-Kummissjoni fuq it-titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku ġenerali dwar il-PAK u l-UE inġenerali baqgħet ċentrali għall-parteċipazzjoni fil-fieri. L-azzjonijiet baqgħu mmirati lejn ċittadini u partijiet ikkonċernati, u jipprovdu forum għad-djalogu mal-bdiewa, mas-soċjetà ċivili u mal-pubbliku ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ politika. Il-miżuri ta’ informazzjoni spiss xeħtu dawl fuq il-proġetti ta’ żvilupp rurali li rnexxew, kif ukoll organizzaw attivitajiet informattivi u edukattivi mfassla biex jappellaw għall-familji u għat-tfal tal-iskola. Il-kooperazzjoni ssaħħet ma’ DĠ oħra u mar-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri. Pereżempju, id-DĠ AGRI flimkien mad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) u d-DĠ għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE) organizzaw stands komuni bit-tema “Mill-farm sal-furketta” fil-fieri l-kbar bħal “Grüne Woche” f’Berlin jew “Salon International de l'Agriculture” f’Pariġi.
Pakkett edukattiv għat-tfal tal-iskola
Il-pakkett edukattiv għat-tfal tal-iskola ta’ bejn ħdax u ħmistax-il sena (“pakkett ta’ edurikreazzjoni”) ġie żviluppat fil-perjodu ta' rapportar, u tqassam kmieni fl-2017 permezz taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni tal-Europe Direct u tar-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, bl-appoġġ ta’ kampanja diġitali u fuq il-midja soċjali. L-għan hu li jispjega f’format pedagoġiku attraenti r-rwol tal-bidwi u tal-familji tal-bdiewa, il-kontribut tagħhom għas-soċjetà u l-isfidi li jaffaċċjaw.
d) Attivitajiet orizzontali
Il-Wirja Dinjija tal-2015 f'Milan (Expo)
L-Expo Dinjija 2015 saret f’Milan mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru 2015 fuq it-tema "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-Ħajja". Din kienet enfasi importanti tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tad-DĠ AGRI fl-2015. Din l-edizzjoni tal-Expo kienet pjattaforma kbira għal diskussjonijiet politiċi globali u għal inizjattivi ta’ politika dwar l-ikel u s-sostenibbiltà. Għall-UE, bħala attur ewlieni f’dan id-dibattitu globali, kienet opportunità biex taħdem favur kollaborazzjoni siewja fuq dawn il-kwistjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati oħra, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Bil-parteċipazzjoni ta’ 147 pajjiż u organizzazzjoni internazzjonali, b'iktar minn 21 miljun viżitatur, u b'mijiet ta’ miljuni oħra milħuqa permezz tal-Internet, dan kien forum tassew siewi għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet maċ-ċittadini Ewropej u ta’ pajjiżi terzi. Il-parteċipazzjoni tal-UE kellha tliet objettivi primarji – il-komunikazzjoni tal-kisbet ewlenin tal-UE fil-qasam tal-ikel u tas-sostenibbiltà, il-forniment ta’ pjattaforma għall-iżvilupp ta’ politika fil-futur, u l-qadi ta’ rwol edukattiv permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u t-tħeġġiġ ta’ għażliet ta’ ikel iktar bnin.
Il-preżenza tal-UE fl-EXPO inkludiet lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lil istituzzjonijiet oħra, kif ukoll l-involviment ferm sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati. F’kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li kkoordina l-parteċipazzjoni tal-UE, u ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, id-DĠ AGRI qeda rwol importanti fl-enfasizzar ta’ kwistjonijiet ta’ politika relatati mal-futur tal-politika dwar l-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali. Id-DĠ AGRI organizza aktar minn għoxrin avveniment, fosthom seminars, konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-viżitaturi. Dawn koprew, fost l-oħrajn, is-sigurtà alimentari u s-sostenibbiltà agrikola, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-sikurezza alimentari u l-kwalità alimentari, l-iżvilupp rurali, u l-isfidi globali relatati mal-ikel. Dawn iġġeneraw kontribuzzjonijiet importanti mill-partijiet ikkonċernati għad-diskussjonijiet dwar l-isfidi futuri għal dawk li jfasslu l-politiki. Matul l-EXPO, id-DĠ AGRI ħa wkoll sehem f’avvenimenti oħra relatati, b’mod partikolari l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku, u d-definizzjoni tiegħu tar-rakkomandazzjonijiet għall-futur dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-sigurtà alimentari u nutrizzjonali globali.
Kien hemm iktar minn 650,000 viżitatur fil-binja tal-UE. 90 % tal-viżitaturi apprezzaw il-wirja ċentrali tal-padiljun, storja animata dwar il-ħobż, ix-xjenza u l-agrikoltura, filwaqt li 74 % tal-viżitaturi ddikjaraw li issa jixtiequ jsiru jafu iktar dwar il-politiki tal-UE rigward l-ikel u s-sostenibbiltà.
L-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni kienu mmirati lejn il-midja, bl-attività tal-midja soċjali skjerata qabel u matul l-Expo. Ir-rappreżentazzjoni politika importanti ta’ livell għoli fl-EXPO (Kapijiet tal-Istat u Ministri, Membri tal-Parlament Ewropew inkluż il-President, Kummissarji tal-UE flimkien mal-President Juncker) iġġenerat interess mill-midja dwar l-EXPO u għenet biex jissaħħaħ it-tixrid ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet ewlenin tagħha.
Pubblikazzjonijiet
Fil-perjodu ta’ rapportar, baqa' jkun hemm enfasi kbira fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-pubblikazzjonijiet f’format elettroniku. Bħal fl-imgħoddi, ġie prodott għadd ta’ pubblikazzjonijiet f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, u anki mal-Uffiċċju għall-Infrastruttura u Loġistika fi Brussell (OIB). Uħud kienu mmirati għat-tfal tal-iskola u biex jixħtu dawl fuq l-iskemi tal-Iskejjel. Dawn kienu tassew popolari bħala materjal promozzjonali fil-fieri u fl-avvenimenti. Barra minn dan, il-pubblikazzjonijiet iffokaw fuq kwistjonijiet ta’ politika bħall-kontribut tal-ikel u tal-biedja għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi, u fuq ix-xbieki ta’ sikurezza għas-suq agrikolu.
Ir-rapport importanti tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli, “Improving Market Outcomes: enhancing the position of farmers in the supply chain” ġie ppubblikat f’Novembru 2016.
L-Ewrobarometru
Fl-aħħar tliet xhur tal-2015 sar stħarriġ kwantitattiv speċjali tal-Ewrobarometru dwar l-agrikoltura u l-PAK. Ir-riżultati, ippubblikati f’Jannar 2016, juru li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-Ewropej u li l-maġġoranza tan-nies issostni l-prinċipji ta’ gwida u l-għanijiet tal-PAK. Fl-istess ħin, l-istħarriġ indika li 30 % tal-Ewropej ma jafux bil-politika assoċjata miegħu, il-PAK. Meta jfassal miżuri speċifiċi ta’ informazzjoni, id-DĠ AGRI iqis dawn ir-riżultati.
Sit web
Is-sit web “Agrikultura u Żvilupp Rurali” kompla jiżviluppa matul il-perjodu ta’ rapportar, speċifikament bħala sors importanti ta’ informazzjoni speċjalizzata dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Is-sit kellu rwol importanti wkoll fil-proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-pubbliku ġenerali fir-rigward tad-direzzjoni li għandha tieħu l-politika agrikola fil-futur. Il-perjodu ta’ rapportar ra tibdiliet importanti fil-preżenza fuq il-web tal-Kummissjoni, imfassla biex jagħmluha iktar faċli għall-utent u rilevanti għall-pubbliku ġenerali. Il-proċess attwali ta’ Trasformazzjoni Diġitali jinkludi l-adattament tal-kontenut tal-web u l-inkorporazzjoni ta’ dan fi ħdan l-arkitettura l-ġdida tal-web tal-Kummissjoni sa tmiem l-2017 biex tiġi pprovduta informazzjoni li tikkorrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tal-utent finali. Id-DĠ AGRI ħa sehem b’mod attiv f’dan il-proċess fl-2015-2016 b’tim tal-web imsaħħaħ, li żgura l-migrazzjoni b’suċċess mill-pjattaforma Documentum għall-pjattaforma Drupal.
Viżitaturi
Fil-perjodu ta’ rapportar, id-DĠ AGRI kompla jieħu sehem f’sessjonijiet ta’ informazzjoni ma’ gruppi ta’ viżitaturi, li jinkludu prinċipalment bdiewa, rappreżentanti tal-bdiewa, studenti, rappreżentanti lokali u reġjonali, ġurnalisti u akkademiċi. L-iskop taż-żjarat kien li jiġi spjegat u jissaħħaħ il-fehim dwar il-PAK, inkluż l-iżvilupp rurali, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tal-isfidi u tal-opportunitajiet iktar ġenerali li l-agrikoltura se jkollha fil-futur. Din l-attività ta’ komunikazzjoni twettqet f’kooperazzjoni mill-qrib maċ-ċentru tal-viżitaturi tad-DĠ COMM.
IV.
PROPORZJON TAL-INFIQ (IMPENJI U PAGAMENTI) BEJN L-AZZJONIJIET IKKOFINANZJATI FUQ L-INIZJATTIVA TA’ PARTIJIET TERZI (GĦOTJIET) U L-AZZJONIJIET TA’ INFORMAZZJONI FUQ L-INIZJATTIVA TAL-KUMMISSJONI (AKKWIST PUBBLIKU)
|
|
|
|
|
2015
|
2016
|
|
|
Għotjiet
|
Akkwist pubbliku
|
Total
|
Għotjiet
|
Akkwist pubbliku
|
Total
|
|
Baġit previst inizjali
|
3.000.000
|
5.000.000
|
8.000.000
|
2.500.000
|
1.580.900 (**)
|
4.000.000,
|
|
Impenji f’EUR
|
2.759.449
|
4.535.172
|
7.294.621
|
2.419.099
(**)
|
1.512.640
(**)
|
3.931.739
(**)
|
|
% tal-impenn
|
91,98 %
|
90,70 %
|
91,18 %
|
96,76 %
|
95,7 %
|
98,29 %
|
|
Pagamenti (**) f’EUR
|
2.323.802
|
4.139.141
|
6.462.943
|
(*)
|
890.638
(***)
|
890.638
(***)
|
|
% ta’ żborż vs impenn
|
84,21 %
|
91,27 %
|
88,60 %
|
(*)
|
58,88 %
|
22,65 %
|
(*) Għadha ma tħallset l-ebda azzjoni.
(**) cf. Skont l-emenda tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-komunikazzjoni esterna tal-2016 tad-DĠ AGRI.
(***) Iċ-ċifri għall-pagamenti dwar il-miżuri tal-2016 ma kinux għadhom ġew iffinalizzati.
Ġeneralment, il-pagamenti jkunu aktar baxxi mill-ammonti oriġinarjament impenjati. Fil-każ tal-għotjiet, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-kostijiet finali tal-azzjonijiet huma aktar baxxi milli inizjalment previsti mill-benefiċjarju u, it-tieni, minħabba li mhux l-ispejjeż kollha ddikjarati mill-benefiċjarji jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. Fil-każ ta’ azzjonijiet meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, id-differenza bejn il-pagamenti u l-impenji tirriżulta mill-fatt li, filwaqt li l-impenji huma fissi, in-nefqa proprja hija inqas minn dik prevista minħabba l-iffrankar u l-użu ta’ aktar miżuri kosteffettivi matul l-implimentazzjoni.
V.
KONKLUŻJONI
Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni korporattiva tagħha fuq il-bażi tal-għaxar prijoritajiet ta’ politika tagħha filwaqt li tenfasizza l-benefiċċji tanġibbli mwassla mill-UE liċ-ċittadini. Il-miżuri ta’ informazzjoni mwettqa b’rabta mal-politika agrikola komuni u mal-iżvilupp rurali kellhom l-għan li jixħtu dawl fuq il-kisbiet tal-PAK f’termini tal-forniment ta’ provvista kostanti ta’ ikel bnin u fuq il-kontribuzzjoni ta’ din għat-tkabbir ekonomiku u għal żoni rurali mimlija ħajja. B’mod parallel, kwistjonijiet kritiċi għall-futur bħall-effiċjenza fir-riżorsi, it-tiġdid ġenerazzjonali, u r-rwol tal-agrikoltura fl-indirizzar tal-isfida tat-tibdil fil-klima kienu ċentrali wkoll għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni. L-isforzi ssaħħew ukoll biex tiġi involuta s-soċjetà ċivili u firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, u biex tiġi promossa kooperazzjoni msaħħa fit-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni kemm fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u mal-Istati Membri.