EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1742

Riżoluzzjoni (UE) 2017/1742 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2015

ĠU L 252, 29.9.2017, p. 357–359 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1742/oj

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/357


RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1742 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' April 2017

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2015

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0083/2017),

A.

billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (“l-Impriża Konġunta IMI”) twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin bil-għan li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u sikuri;

B.

billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 f'Mejju 2014, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (minn hawn 'il quddiem “l-Impriża Konġunta IMI 2”) issostitwiet l-Impriża Konġunta IMI f'Ġunju 2014 bil-għan li tiffinalizza attivitajiet ta' riċerka tas-Seba' Programm Kwadru, u estendiet iż-żmien operattiv tal-Impriża Konġunta sal-31 ta' Diċembru 2024;

C.

billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta;

D.

billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fis-16 ta' Novembru 2009;

E.

billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI hija ta' EUR 1 000 000 000, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru, filwaqt li l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-ispejjeż operattivi, kull wieħed minnhom b'ammont li ma jisboqx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni;

F.

billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI 2 hija ta' EUR 1 638 000 000, li trid titħallas mill-baġit ta' Orizzont 2020, u l-Membri, għajr il-Kummissjoni, iridu jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż ta' funzjonament u jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta' kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, jew it-tnejn li huma, ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li fl-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2015 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

2.

Jieħu nota tal-opinjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena 2015, u jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta laħqet il-limitu ta' materjalità;

3.

Jieħu nota tal-fatt li l-baġit finali 2015 tal-Impriża Konġunta disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 315 269 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 195 411 000;

4.

Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 91,04 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,34 % meta mqabbla mal-2014; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 72,68 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,22 % meta mqabbla mal-2014; jinnota mill-Impriża Konġunta li r-rata ta' implimentazzjoni aktar baxxa milli kien mistenni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet prinċipalment minħabba dewmien fin-negozjati għal diversi proġetti ta' Orizzont 2020; jinnota li fil-każ ta' attivitajiet operattivi, ir-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 91,17 % għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 72,74 % għal approprjazzjonijiet ta' pagament;

5.

Jinnota li sa tmiem l-2015, l-Impriża Konġunta għamlet impenji ta' EUR 966 000 000 u pagamenti ta' EUR 538 100 000 (55,7 % tal-impenji operattivi) mir-riżorsi ffinanzjati mill-Unjoni taħt is-Seba' Programm Kwadru; jinnota, barra minn hekk, li kien hemm livell għoli ta' pagamenti operattivi pendenti minħabba dewmien u bidu kajman għall-attivitajiet fl-ewwel snin tal-Impriża Konġunta, u li dawn kellhom jintużaw biex ikopru pagamenti futuri għal ftehimiet ta' għotja ffirmati li jibqgħu għaddejjin sa tmiem l-2021;

6.

Jinnota li mill-ammont totali ta' riżorsi ta' EUR 1 biljun stabbilit taħt is-Seba' Programm Kwadru għall-kontribuzzjonijiet l-oħrajn in natura u fi flus tal-membri, ġew irrappurtati EUR 503 100 000 f'kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet operattivi lill-Impriża Konġunta sa tmiem l-2015, li minnhom EUR 321 800 000 jew 63,9 % ġew validati mill-bord tat-tmexxija;

7.

Jinnota li minn ammont totali ta' riżorsi ta' EUR 1 638 000 000 għall-attivitajiet operattivi u amministrattivi li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Unjoni taħt Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta għamlet impenji operattivi li jammontaw għal EUR 351 700 000 u pagamenti li jammontaw għal EUR 45 900 000 (13 % tal-impenji operattivi); jirrikonoxxi li l-livell baxx ta' pagamenti huwa dovut prinċipalment għal dewmien fin-negozjar tal-ftehimiet relatati ma' Orizzont 2020 mas-sħab industrijali;

8.

Jinnota li mill-ammont totali ta' riżorsi ta' EUR 1 425 000 000 stabbilit taħt Orizzont 2020 għall-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus tal-membri, sa tmiem l-2015 ġew irrapportati EUR 68 600 000 lill-Impriża Konġunta; 11-il ftehim ta' għotja ffirmati taħt il-programm Orizzont 2020 jinkludu impenn ta' EUR 123,5 miljun għal kontribuzzjoni in natura;

9.

Jinnota li minn Settembru 2015, l-Impriża Konġunta esternalizzat il-funzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni;

10.

Ifakkar li fir-rapport tagħha, il-Qorti rrakkomandat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta linji gwida ċari dwar ir-rapportar tal-baġit tal-Impriża Konġunta, u jilqa' l-fatt li dawk il-linji gwida nħarġu fl-20 ta' Diċembru 2016 f'konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni;

Strateġija Kontra l-Frodi

11.

Jinnota li l-Istrateġija Kontra l-Frodi aġġornata tal-Impriża Konġunta ġiet adottata mill-bord tat-tmexxija f'Lulju 2015 sabiex jittieħed kont tal-bidliet introdotti minn Orizzont 2020;

12.

Jinnota b'dispjaċir li tressaq każ wieħed ta' suspett ta' frodi lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) għal valutazzjoni, u li dan tal-aħħar iddeċieda li ma jibdiex investigazzjoni; jinnota li l-Impriża Konġunta nediet kemm awditu tekniku u kemm wieħed finanzjarju, u li l-awditu tekniku identifika xi dgħufijiet xjentifiċi fil-ħidma mwettqa minn benefiċjarju, li wassal għat-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' dak il-benefiċjarju, bi projbizzjoni tal-ispejjeż korrispondenti u r-rimborż tal-ammont ta' EUR 398 115,65 lill-koordinatur tal-proġett; jinnota li l-awditu finanzjarju tal-proġett ġie konkluż mingħajr ebda sejba materjali sinifikanti; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-informaturi u l-proċeduri ta' awditjar intern fl-iskoperta, ir-rapportar u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet relatati man-nefqa baġitarja tal-Unjoni, u barra minn hekk, l-irkupru ta' fondi li ntużaw b'mod ħażin;

Sistemi ta' kontroll intern

13.

Jinnota li awditu fuq kontrolli ex-ante għall-ġestjoni tal-għotjiet u l-proċessi relatati twettaq mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS); jindika li l-Impriża Konġunta diġà kellha nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni tagħha ta' kontrolli ex ante, u jinnota li l-awditu wassal għal tliet rakkomandazzjonijiet li ssuġġerew li l-Impriża Konġunta għandha tagħmel il-kontrolli ex-ante tagħha aktar effikaċi billi tuża approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskju u bilanċjaa, li għandha ssaħħaħ il-proċeduri ta' kontroll għaċ-ċertifikati dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, u li jenħtiġilha ttejjeb ir-rapportar ta' ġestjoni dwar ir-riżultati ta' kontrolli ex-ante; jirrikonoxxi l-fatt li ma nħarġet l-ebda rakkomandazzjoni kritika fir-rigward tal-Impriża Konġunta u li minn Marzu 2015 'l hawn kienet qed timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tal-IAS;

14.

Jinnota li ġew stabbiliti proċeduri ta' kontroll ex-ante bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta wettqet awditi ex-post tal-benefiċjarji tal-għotjiet; jieħu nota tal-fatt li r-rata residwa għall-awditi ex-post irrappurtata kienet ta' 1,5 %;

15.

Jinnota li ġew stabbiliti proċeduri ta' kontroll intern fi ħdan l-Impriża Konġunta sabiex jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli rigward l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet;

16.

Jirrikonoxxi, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba mill-Impriża Konġunta, li l-Impriża Konġunta għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li ntlaħaq qbil dwarhom mal-IAS, u li żewġ rakkomandazzjonijiet mill-awditu mwettaq fis-snin preċedenti dwar indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u rieżamijiet ta' rapporti ta' proġetti interim ġew implimentati mill-maniġment fl-2015 u magħluqa mill-IAS; jinnota, barra minn hekk, li b'rabta mal-unika rakkomandazzjoni pendenti dwar it-tisħiħ tal-proċess ta' monitoraġġ tal-proġetti u t-titjib fis-sistemi tal-IT, l-Impriża Konġunta lestiet l-azzjonijiet maqbula u l-IAS għalaq il-kwistjoni f'April 2016;

Varji

17.

Jinnota li 15,6 % tal-benefiċjarji fl-2015 kienu SMEs, li jirrappreżenta tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-2014; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tkompli bl-isforz tagħha lejn parteċipazzjoni ogħla tal-SMEs fil-proġetti tagħha;

18.

Jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta ppubblikat rapport dettaljat dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-proġetti IMI f'Mejju 2016, kif mitlub mill-awtorità ta' kwittanza;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta' rieżami ta' nofs il-perjodu ta' Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-Impriżi Konġunti.


Top