Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1706

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1706 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 296–298 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1706/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/296


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1706 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0116/2017),

    A.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 16 852 526, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta' 2,34 % meta mqabbel mal-2014;

    B.

    billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 kienet ta' EUR 14 732 995, ammont li jfisser żieda ta' 3,54 % meta mqabbel mal-2014;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    D.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u l-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

    Segwitu għall-kwittanza 2014

    1.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rigward ta' żewġ kummenti li saru fir-rapport 2014 tagħha, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u issa l-azzjonijiet korrettivi għaż-żewġ kummenti huma mmarkati bħala “Mhux applikabbli” jew “Ikkompletati”;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    2.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,5 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,2 % meta mqabbla mal-2014, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 72,1 %, rata li tfisser tnaqqis ta' 3,50 %, meta mqabbla mal-2014;

    3.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-approċċ għall-ibbaġitjar tal-Aġenzija bbażat fuq l-attività, pilotat fl-2014, ġie implimentat bis-sħiħ fl-2015, u dan ippermetta lill-Aġenzija tippjana aktar bil-quddiem kif ukoll tenfasizza aktar il-kollaborazzjoni u l-ħidma f'tim fi ħdan l-organizzazzjoni; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Aġenzija għamlet ħafna progress fl-iżvilupp ta' għodda elettronika għal ġestjoni u bbaġitjar ibbażati fuq l-attività, li kellha tiġi implimentata fl-2016; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-effetti li se jkollha l-implimentazzjoni tal-għodda elettronika fuq l-organizzazzjoni tagħha;

    Impenji u riporti

    4.

    Jinnota li l-baġit allokat taħt it-Titolu II (nefqa amministrattiva) ġie implimentat għal-livell ta' 97,4 %; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II kien jammonta għal 25,56 %, l-aktar minħabba s-servizzi b'kuntratt li jkopri sentejn kalendarji, kif ukoll minħabba servizzi tal-IT li kienu għadhom ma twasslux jew ma ġewx fatturati kompletament sa tmiem l-2015;

    5.

    Jinnota, barra minn hekk, li l-baġit allokat taħt it-Titolu III (nefqa operattiva) ġie implimentat għal-livell ta' 98,36 %; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu III kien jammonta għal 40,80 %, l-aktar minħabba proġetti ta' riċerka fuq skala kbira b'tul ta' żmien ta' aktar minn sena, u minħabba laqgħa tal-bord li saret f'Jannar 2016 u li suppost kellha tiġi organizzata fl-aħħar kwart tal-2015;

    6.

    Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

    Trasferimenti

    7.

    Jinnota li matul is-sena finanzjarja 2015 twettqu 10 trasferimenti baġitarji li jammontaw għal EUR 723 300, sabiex jiġu allokati mill-ġdid riżorsi minn oqsma fejn ġie identifikat iffrankar baġitarju lejn oqsma b'riżorsi skarsi, u b'hekk jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tas-sena; jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport ta' attività annwali, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2015 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

    Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

    8.

    Jinnota li fl-2015 l-Aġenzija kkuntrattat oġġetti u servizzi għal ammont totali ta' EUR 7 926 184; jinnota, barra minn hekk, li 16,64 % tal-ammont tal-akkwist ġie aġġudikat permezz ta' erba' proċeduri miftuħa u 11,41 % permezz ta' 77 proċedura negozjata; jinnota li 64,73 % tal-ammont tal-akkwist ġie impenjat permezz ta' 170 kuntratt speċifiku jew ordni ta' xiri skont kuntratti qafas, u 7,22 % permezz ta' ftehimiet dwar il-livell ta' servizz u kuntratti qafas tal-Kummissjoni;

    9.

    Josserva li fl-2015 l-Aġenzija għamlet progress sinifikanti rigward l-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2013, filwaqt li żgurat li r-regoli u l-proċeduri interni tagħha kienu allinjati; jinnota li tnieda proċess ta' akkwist pubbliku għal konsulenti esterni biex jagħtu parir dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Aġenzija u biex jidentifikaw l-għażliet biex jiġu mmassimizzati r-riżorsi umani u finanzjarji permezz ta' titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja, u b'hekk jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi stabbiliti fil-programm strateġiku pluriennali tal-Aġenzija 2014-2020; jinnota li l-Aġenzija mliet sitt postijiet battala matul l-2015 filwaqt li kellhom jitlestew żewġ proċeduri ta' reklutaġġ fl-2016;

    10.

    Jirrikonoxxi l-fatt li, billi kkanċellat żewġ karigi ta' aġenti temporanji fil-grad AST fl-2015, l-Aġenzija naqqset l-għadd ta' membri tal-persunal tagħha b'5 %, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja (1); jinnota li l-Kummissjoni kklassifikat lill-Aġenzija bħala “aġenzija li qiegħda taħdem b'mod stabbli”, u dan jimplika tnaqqis addizzjonali ta' 5 % u l-kanċellazzjoni ta' kariga waħda fil-grad AST fl-2016; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li miżuri ulterjuri ta' ffrankar potenzjali ma jxekklux l-abbiltà tal-Aġenzija li twettaq il-mandat tagħha;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

    11.

    Jirrikonoxxi li l-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija adotta strateġija kontra l-frodi abbażi tal-linji gwida maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għall-aġenziji tal-Unjoni; jinnota li l-objettivi tal-istrateġija kontra l-frodi, li tkopri mill-2015-2018, saru operattivi permezz ta' pjan ta' azzjoni dettaljat u li l-implimentazzjoni tagħha qed tiġi mmonitorjata mill-Bureau tal-Aġenzija; jinnota b'sodisfazzjon li matul l-2015 ma tressaq l-ebda każ quddiem l-OLAF u li l-OLAF ma ta bidu għall-ebda każ li jikkonċerna l-attività tal-Aġenzija fuq il-bażi ta' sorsi oħra ta' informazzjoni;

    12.

    Jinnota li l-Aġenzija għad trid timplimenta regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota li l-Aġenzija qed tistenna linji gwida mill-Kummissjoni; jistieden lill-Aġenzija tadotta regoli li se jippermettu li l-politika interna tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta trawwem kultura ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont fuq il-post tax-xogħol, tinforma u tħarreġ fuq bażi regolari lill-impjegati dwar dmirijiethom u drittijiethom fir-rigward ta' dik il-politika, tiżgura l-protezzjoni tal-informaturi minn rappreżalja, tagħti segwitu f'waqtu dwar is-sustanza tat-twissijiet tal-informaturi u tistabbilixxi mezz għal rappurtar intern anonimu; jitlob lill-Aġenzija tippubblika rapporti annwali dwar l-għadd ta' każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta u dwar is-segwitu tagħhom u biex tipprovdi dawk ir-rapporti lill-awtorità ta' kwittanza, jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorita' ta' kwittanza meta r-regoli tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jkunu ġew stabbiliti u implimentati;

    13.

    Jinnota bi tħassib li l-politika tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess ma tqisx lill-membri tal-persunal estern, il-persunal interim u l-esperti nazzjonali sekondati; jistieden lill-Aġenzija taġġorna l-politika tagħha biex tinkludi lill-membri esterni tal-persunal, il-persunal interim u l-esperti nazzjonali sekondati u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza;

    14.

    Jinnota li s-sit web tal-Aġenzija tfassal mill-ġdid kompletament u tnieda mill-ġdid fl-2015, huwa disponibbli b'25 lingwa, u ġie kkomplementat minn “wiki tal-OSH”, li jipprovdi informazzjoni dettaljata fuq firxa wiesgħa ta' suġġetti dwar is-sigurtà u s-saħħa; jinnota b'sodisfazzjon li, bħala parti mill-proġett, l-Aġenzija ħadmet maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni biex tiżviluppa funzjonalità ġdida fil-back office tas-sit web li tiffaċilita bil-kbir il-ġestjoni tat-traduzzjonijiet, u li din il-funzjonalità issa qed issir disponibbli għal aġenziji u korpi oħrajn;

    Awditu intern

    15.

    Jinnota li l-Aġenzija ma kellhiex rakkomandazzjonijiet “kritiċi” jew “importanti ħafna” miftuħa mill-awditi mwettqa mis-servizz ta' awditjar intern tal-Kummissjoni (IAS) fi tmiem l-2015; jirrikonoxxi l-fatt li l-aħħar rakkomandazzjoni miftuħa mmarkata bħala “importanti ħafna” u li rriżultat mill-awditu tal-IAS tal-2013 dwar “ir-rappurtar u l-elementi kostitwenti ta' assigurazzjoni” ġiet immarkata bħala “magħluqa” mill-IAS f'Ġunju 2015; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ħadet passi dwar l-aħħar rakkomandazzjonijiet miftuħa mill-awditi tal-IAS tal-2012 u l-2013, li ġew ippreżentati lill-IAS għal rieżami;

    Prestazzjoni

    16.

    Jirrikonoxxi li l-pjan ta' kontinwità tan-negozju tal-Aġenzija ġie kompletament rivedut u ttestjat, u li l-verżjoni finali ġiet adottata; jinnota li t-tim tal-ICT tal-Aġenzija daħal f'kollaborazzjoni mal-Iskwadra ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters tal-Unjoni biex titjieb is-sigurtà tal-IT; josserva li l-Aġenzija implimentat l-għodda tagħha stess biex tirreġistra kwistjonijiet relatati mas-softwer, u b'hekk għamlet il-fornituri aktar responsabbli u ppermettiet li l-istorja ta' kwistjoni tiġi aċċessata b'aktar faċilità;

    Kummenti oħra

    17.

    Jirrikonoxxi r-rwol li l-Aġenzija qed taqdi fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020; jinnota l-valur tal-ħidma tal-Aġenzija f'dan ir-rigward, kif ukoll il-ħidma mwettqa mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol u l-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol fil-kuntest tal-limiti vinkolanti tal-espożizzjoni għal karċinoġeni u mutaġeni fuq ix-xogħol fid-Direttiva 2004/37/KE (2);

    18.

    Japprezza l-kontribut tal-Aġenzija għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol madwar l-Unjoni u lil hinn minnha; jinnota l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm Strateġiku Pluriennali tagħha, b'mod partikolari l-proġett pilota dwar “Aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'kull età” u l-għodda interattiva għall-valutazzjoni tar-riskju online (OiRA);

    19.

    Jistieden lill-Aġenzija tkompli tissorvelja mill-qrib, tanalizza u tirrapporta dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u toħroġ b'inizjattivi sabiex ittejjibhom;

    20.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).

    (2)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament ewropew u l-kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

    (3)  Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155 (ara l-paġna 372 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top