EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1679

Riżoluzzjoni (UE) 2017/1679 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2015

ĠU L 252, 29.9.2017, p. 244–248 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1679/oj

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/244


RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1679 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' April 2017

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2015

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2015,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 12/2016 bit-titolu “L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista' jintwera li huwa effettiv”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0127/2017),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (“l-Istitut”) għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 266 566 618, li jirrappreżenta żieda ta' 14,35 % meta mqabbel ma' dak tal-2014;

B.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2015 ammontat għal EUR 215 030 200, li tirrappreżenta żieda ta' 26,63 % meta mqabbla ma' dik għall-2014;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2015 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli, iżda ma setgħetx tikseb biżżejjed evidenza xierqa għall-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi,

D.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabilità, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

1.

Ifakkar li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-perjodu finanzjarju 2014-2020 hija pprovduta skont il-pakkett finanzjarju tal-Orizzont 2020, u li l-Istitut huwa marbut bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 (“ir-regoli ta' Orizzont 2020”); ifakkar, barra minn hekk, li l-Orizzont 2020 huwa l-programm suċċessur tas-Seba' Programm Kwadru, li dam mill-2007-2013 u li l-Istitut ma pparteċipax fih;

2.

Jirrimarka li mill-1 ta' Jannar 2014, il-bażi ġuridika għall-ħlas lura ta' spejjeż indiretti eliġibbli relatati mal-għotjiet hija l-Artikolu 29(1) tar-regoli tal-Orizzont 2020, flimkien mal-Artikolu 90(1) tal-imsemmi regolament finanzjarju tal-Istitut (1) li jipprovdi għal rimborż b'rata fissa ta' 25 % tal-ispejjeż eliġibbli indiretti relatati mal-għotjiet; jinnota, madankollu, li, skont l-Artikolu 75(8) tar-regoli finanzjarji preċedenti tal-Istitut (2), li tħassru b'effett mill-1 ta' Jannar 2014, il-limitu għal rimborż b'rata fissa tal-ispejjeż indiretti għal korpi pubbliċi mingħajr skop ta' qligħ, l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla, organizzazzjonijiet ta' riċerka jew impriżi żgħar jew ta' daqs medju seta' jiżdied għal 40 %;

3.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Istitut, fil-ftehimiet ta' għotjiet tiegħu tal-2014 iffirmati fi Frar 2014, ipprovda għal rimborż b'rata fissa ta' 40 % tal-ispejjeż eliġibbli indiretti li jmorru kontra r-regoli tal-Orizzont 2020 diġà fis-seħħ f'dak iż-żmien; jinnota, barra minn hekk, l-opinjoni tal-Qorti li, minħabba li l-Istitut ma pparteċipax fis-Seba' Programm Kwadru, l-Artikolu 57 tar-Regoli tal-Orizzont 2020, li jittratta t-tranżizzjoni mis-Seba' Programm Kwadru għall-Orizzont 2020 ma japplikax għall-Istitut u l-Qorti għalhekk identifikat dawk ir-rimborżi bħala irregolari;

4.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-iżbalji identifikati bħala riżultat ta' verifika ex post ta' kampjun ta' għotjiet tal-2015, wara li ġie korrett ħlas eċċessiv ta' dawk ir-rimborżi b'rata fissa, wassal għal rata ta' żbalji residwi ta' 2 % għal għotjiet tal-2014; jinnotali skont il-Qorti, ir-rata ta' żball magħquda għaż-żewġ żbalji ta' verifika ex-post li ġew identifikati u rimborżi b'rata fissa kienet ta' 4,9 % tan-nefqa totali tal-Istitut għall-2015, li wassal biex il-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Istitut;

5.

Jinnota, madankollu, li l-ftehimiet ta' għotjiet tal-Istitut kienu bbażati fuq sejħa annwali għat-tħejjija tal-pjanijiet tan-negozju tal-komunità ta' konoxxenza u innovazzjoni (KKI) tal-2014, li ġew imnedija mill-Istitut f'April 2013; jinnota, barra minn hekk, li, skont ir-regoli finanzjarji tal-Istitut, kif ukoll l-Artikolu 189 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni tar-Regolament (UE) Nru 1268/2012 (3), is-sejħa tal-Istitut ippermettiet lill-benefiċjarji tal-għotjiet li jaqgħu taħt il-kategoriji deskritti fl-Artikolu 75(8) tar-regoli finanzjarji tal-Istitut li jistabbilixxu l-baġits tal-proġetti tagħhom, għal attivitajiet ippjanati għall-2014, bl-użu tar-rata fissa ta' rimborż ta' 40 % għall-ibbaġitjar ta' spejjeż indiretti; jinnota li l-KKI li pparteċipaw fis-sejħa ta' April 2013, ibbażaw irwieħhom fuq dik id-dispożizzjoni meta fasslu u ssottomettew din il-proposta;

6.

Jinnota, barra minn hekk, li l-bord ta' tmexxija tal-Istitut, wara l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta' negozju tal-KKI tal-2014 mill-esperti esterni, iddeċieda dwar l-allokazzjoni tal-fondi għall-KKI għall-2014 fil-5 ta' Diċembru 2013, qabel ma adotta r-regoli ta' Orizzont 2020; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li l-ftehimiet ta' għotja tal-2014 ġew iffirmati skont il-kundizzjonijiet inizjali tas-sejħa annwali;

7.

Huwa tal-opinjoni li l-miżuri tranżitorji skont l-Artikolu 57(2) tar-regoli tal-Orizzont 2020 ma kinux maħsuba li jkunu ristretti biss għall-assistenza mogħtija taħt is-Seba' Programm Kwadru, iżda wkoll għal azzjonijiet attwali oħrajn fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li kienu suġġetti għar-regoli ta' Orizzont 2020 wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, bħall-ftehimiet ta' għotja tal-Istitut tal-2014; jenfasizza li l-iskop ta' din il-miżura tranżitorja stipulata mill-Artikolu 57 tar-regoli tal-Orizzont 2020 huwa li tipprovdi ċertezza tad-dritt u biex tiżgura l-kontinwità tal-qafas ġuridiku applikabbli fiż-żmien tal-bidu ta' tali azzjonijiet; jirrikonoxxi li l-ftehimiet tal-għotja sussegwenti tal-Istitut huma konformi mar-regoli tal-Orizzont 2020 fis-seħħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rata fissa ta' rimborż ta' 25 % tal-ispejjeż indiretti eliġibbli relatati ma' għotjiet, kif ukoll li l-ebda miżura korrettiva ulterjuri ma tista' tittieħed mill-Istitut rigward din il-kwistjoni; jinnota wkoll li kwalunkwe tentattiv biex jiġu rkuprati l-fondi meqjusa bħala irregolari mill-Qorti jistgħu jwasslu għal azzjonijiet legali minn ħafna benefiċjarji tal-Istitut, li jaf jirriżultaw f'danni sinifikanti fir-reputazzjoni tal-Istitut, kif ukoll għall-Orizzont 2020 u l-Kummissjoni b'mod ġenerali;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

8.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Istitut informa l-KKIs fl-2015 li l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom matul l-ewwel ħames snin (2010–2014), ma jaqbiżx il-limitu ta' 25 % tan-nefqa globali rispettivi tagħhom; jinnota, madankollu d-definizzjoni fqira ta' attivitajiet komplementari tal-KKI (KCAs) xekklet milli ssir valutazzjoni ċara ta' jekk l-ispejjeż assoċjati mal-KCA għandhomx jiġu aċċettati jew le fil-kontribuzzjoni massima mill-EIT; jinnota li l-Istitut u l-Kummissjoni aċċettaw ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti biex titneħħa l-kundizzjoni ta' finanzjament ta' 25 % sabiex jittaffa l-piż tar-rappurtar operazzjonali u dak finanzjarju minn fuq sħab tal-KKI; jirrikonoxxi li, sakemm tali emenda tiġi addottata, l-Istitut għandu jimplimenta l-bażi legali applikabbli;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

9.

Jinnota li, skont il-kontijiet finali tal-Istitut, l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 90,58 %, li tfisser tnaqqis ta' 3,55 % meta mqabbla mal-2014; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet 96,49 %, li tfisser tnaqqis ta' 4,02 % meta mqabbla mal-2014;

10.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għalkemm l-Istitut jitħalla jerġa' jdaħħal l-approprjazzjonijiet mhux użati fil-baġit ta' dawn it-tliet snin, ma kienx adatta l-proċess tiegħu fil-ħin biex jiddaħħlu mill-ġdid EUR 26 600 000 disponibbli mill-ftehimiet ta' għotja tal-2014 fil-baġits tal-2015 sal-2017; jinnota, barra minn hekk, li dawk l-approprjazzjonijiet irriżultaw mill-użu inqas milli mistenni tal-fondi mill-KKIs; jinnota li fl-2015 l-Istitut wettaq reviżjoni tal-baġit, kif ukoll talab lill-KKIs jirrevedu l-pjanijiet ta' negozju tagħhom għall-2015 u l-baġits li ġew sottomessi kif emendati; jinnota li, minħabba t-tnaqqis tal-baġits tal-KKIs, l-Istitut jista' jiddiżimpenja l-ammonti mhux minfuqa, li kienu mbagħad ikkanċellati u mdaħħla mill-ġdid fl-estimi tad-dħul u l-infiq għall-2016; jinnota li dan irriżulta f'titjib fil-ġestjoni tal-baġit tal-Istitut f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-KKIs;

Impenji u riporti

11.

Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' riporti tal-approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II kienu ta' EUR 400 000 (44 %) meta mqabbla ma' EUR 500 000 (36 %) fl-2014; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati ma' kuntratti għal servizzi tal-IT li jkomplu wara tmiem is-sena, u għal laqgħat li għadhom ma ġewx fatturati;

12.

Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew għal kollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-Aġenziji u li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem ikunu kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati min qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Kontrolli interni

13.

Ifakkar li, skont l-Artikolu 34 tar-regoli tal-Orizzont 2020, iċ-ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji mitlub mill-imsieħba tal-KKI li talbu rimborż ta' iktar minn EUR 325 000 huwa li jikkontribwixxi għall-verifika ex-ante tal-Istitut ta' rendikonti tal-ispejjeż; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti l-kwalità ta' dawn iċ-ċertifikati tvarja b'mod sinifikanti, li jillimita l-aċċertament li jista' jinkiseb minnhom u li jeħtieġ li l-Istitut iwettaq kontrolli addizzjonali; jinnota li, skont l-Istitut, japplika metodoloġija taċ-ċertifikati tal-awditjar imfassal mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-Orizzont 2020, li jibdew mill-ftehimiet ta' għotja tal-2014; jinnota, barra minn hekk, li l-metodoloġija riveduta tinkludi struzzjonijiet aktar dettaljati u proċeduri miftiehma kif ukoll 63 sejba fattwali standard li jkopru l-kategoriji kollha tal-ispejjeż; jirrikonoxxi li l-Istitut żviluppa strateġija komprensiva għall-assigurazzjoni tal-għotjiet mibnija fuq verifiki ex-ante u ex-post, inkluż iċ-ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, sabiex tiġi żgurata l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

14.

Jinnota li d-dikjarazzjonijiet annwali ta' interessi għall-membri tal-bord ta' tmexxija, tad-direttur interim u tal-persunal fil-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq il-websajt tal-Istitut; jinnota wkoll li eżami analitiku dwar id-dikjarazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati hija mwettqa biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni fattwali tagħhom; josserva li, fil-każ tal-esperti, l-Istitut isegwi r-regoli tal-Orizzont 2020 dwar il-kunflitti ta' interess;

15.

Jinnota li l-Istitut beħsiebu jikkonkludi r-regoli interni tiegħu dwar l-informaturi fl-ewwel nofs tal-2017; jistieden lill-Istitut biex jadotta l-politika tal-informaturi interna li se trawwem kultura ta' trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fuq il-post tax-xogħol, biex b'mod regolari jinforma u jħarreġ l-impjegati dwar id-dmirijiet u d-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dik il-politika, biex jiżgura l-protezzjoni tal-informatur minn ritaljazzjoni, biex isegwi s-sustanza tat-twissijiet tal-informaturi f'waqthom u biex jistabbilixxi mezz għal rappurtar intern anonimu; jappella lill-Istitut biex jippubblika rapport annwali dwar l-għadd ta' każijiet ta' informaturi u dwar kif ġew segwiti u biex jipprovdi dawk ir-rapporti annwali lill-awtorità ta' kwittanza; jitlob lill-Istitut biex iżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar il-progress fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

16.

Jinnota li, skont il-Qorti, għall-għażla ta' esperti esterni li jevalwaw il-proposti u l-pjanijiet ta' negozju tal-KKI, l-Istitut jagħmel użu mill-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju tal-Istitut biex jidderoga mill-obbligu li jniedi sejħa għal espressjoni ta' interess; jinnota, madankollu, li l-Istitut għadu ma stabbiliex bis-sħiħ proċeduri interni biex jirregola l-implimentazzjoni ta' din id-deroga; jinnota li, fil-prattika, l-Istitut stabbilixxa l-grupp ta' esperti tiegħu billi uża listi ta' esperti u bażijiet ta' data eżistenti ta' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni u individwi li ma kinux fuq dawn il-listi, fuq rakkomandazzjonijiet mingħand l-Istitut tat-Tmexxija u l-membri tal-persunal; madankollu jilqa' t-titjib li sar fil-proċess ta' għażla ta' esperti għal proposti tal-KKI u jinkoraġġixxi lill-Istitut biex jimpenja ruħu biex itejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja ta' dan il-proċess u jiżgura trasparenza massima u l-integrità tiegħu billi jistabbilixxi miżuri interni rilevanti, filwaqt li jiżgura n-nuqqas ta' kunflitti ta' interess potenzjali;

17.

Jinnota bi tħassib li l-Istitut ma ħax inizjattivi speċifiċi sabiex tiżdied it-trasparenza dwar il-kuntatti tiegħu mal-partijiet interessati u mal-lobbisti; jappella lill-Istitut biex idaħħal fis-seħħ politika proattiva ta' trasparenza fir-rigward tal-lobbying;

Proċeduri ta' reklutaġġ

18.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Istitut irnexxielu jgħaqqad il-persunal meħtieġ permezz ta' serje ta' miżuri implimentati fl-2015 u fl-2016 biex jitjiebu l-ġestjoni tal-persunal, il-proċess tar-reklutaġġ u l-ambjent tax-xogħol; josserva li, minn Diċembru 2016, l-Istitut jimpjega 59 membru tal-persunal (f'63 pożizzjoni awtorizzata), li jirrappreżenta l-akbar numru ta' membri tal-persunal impjegat fl-istorja tal-Istitut, u li r-reklutaġġ għal pożizzjonijiet vakanti li fadal għadu għaddej; jirrikonoxxi, madankollu, li l-azzjonijiet meħuda mill-Istitut ma jistgħux jikkumpensaw bis-sħiħ għall-effetti negattivi tal-koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx u li qed jonqos b'mod stabbli li qed jaffettwa l-livelli tas-salarji fl-Ungerija;

Kummenti oħra

19.

Jinnota li, skont il-Qorti, il-mira oriġinali stabbilita mill-Kummissjoni għall-Istitut biex jikseb awtonomija finanzjarja kienet l-2010; jinnota, barra minn hekk, li l-Istitut kiseb l-awtonomija finanzjarja parzjali f'Ġunju 2011, bil-kundizzjoni ta' approvazzjoni ex-ante kontinwa ta' tranżazzjonijiet relatati ma' għotjiet u ta' akkwisti 'l fuq minn EUR 60 000 mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura; jinnota li, skont l-Istitut, huwa talab li l-Kummissjoni tniedi mill-ġdid il-proċess li jwassal għal awtonomija finanzjarja sħiħa; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan direzzjonali u skeda taż-żmien tal-proċess f'Mejju 2016 u jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni tal-awtonomija finanzjarja tal-Kummissjoni li hija mistennija fl-ewwel nofs tal-2017; jinnota li l-Istitut jittama li se jingħata awtonomija finanzjarja sħiħa qabel tmiem l-2016 u jitlob li l-Istitut jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi relatati ma' din il-kwistjoni;

20.

Jinnota li, skont il-Qorti, minkejja li kien hemm raġuni valida, il-qafas operazzjonali kumpless tal-Istitut u l-problemi ta' ġestjoni tiegħu kienu ta' impediment għall-effikaċja kumplessiva tiegħu; jinnota li l-Istitut għandu l-kapaċità li jappoġġa l-iskema sħiħa tal-innovazzjoni minn negozji li għadhom jibdew għal proġetti mmotivati mill-innovazzjoni mmexxija minn ħafna sħab tal-KKI, madankollu, ibati minn nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni ma' Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni, u l-interazzjoni bejn il-KKI u inizjattivi oħra tal-Unjoni mhijiex biżżejjed;

21.

Jinnota li l-Istitut jiffinanzja l-programm “EIT Digital Masters”, li jgħaqqad flimkien somma f'daqqa ta' massimu ta' EUR 8 000 għal kull student minbarra l-ispejjeż attwali, inklużi spejjeż indiretti abbażi ta' rata fissa; jinnota li, skont il-Qorti, dan il-mudell qatt ma ġie ddefinit formalment u ma jippermettix li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet koperti mis-somma f'daqqa u dawk koperti mill-ispejjeż reali; jinnota li, skont l-Istitut, huwa għandu jimxi lejn il-mudell ta' somma f'daqqa għall-finanzjament ta' tali programmi, sabiex jiġi ssimplifikat ir-rapportar tal-ispejjeż, ladarba jkun hemm biżżejjed data ta' statistika disponibbli biex jiġi stabbilit tali ammont wieħed; jistieden lill-Istitut jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' mudell ta' finanzjament ġdid;

22.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, entità legali tal-KKI waħda ħallset rinumerazzjoni addizzjonali fuq il-prestazzjoni ta' EUR 646 000 għal madwar 55 membru tal-persunal tagħha, abbażi tad-deċiżjoni tal-bord superviżorju tal-KKI u li l-Istitut rimborża kollox; jinnota li, skont l-opinjoni tal-Qorti, il-ħlas ta' tali remunerazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni bl-użu ta' fondi pubbliċi jikkostitwixxi prattika mhux tas-soltu; madankollu, jaċċetta li l-KKIs huma organizzazzjonijiet mmexxija min-negozju, immirati lejn is-sostenibilità finanzjarja u fejn l-użu ta' elementi varjabbli bħala parti minn rimunerazzjoni bażika jista' jipprovdi inċentiv qawwi għal prestazzjoni tajba u jiżgura li jkun hemm valur għall-flus; jinnota, barra minn hekk, li l-Orizzont 2020 jipprovdi espressament għal komponenti varjabbli ta' rimunerazzjoni bażika bħala spejjeż eliġibbli; jenfasizza l-fatt li l-kontribut tal-Istitut għall-pagi mħallsa lil persunal għall-ġestjoni tal-KKIs, inkluż ir-remunerazzjoni abbażi tal-prestazzjoni, għandu jinżamm taħt il-limitu massimu stabbilit mill-Istitut tagħha fil-ftehimiet ta' għotja tal-2016 u fil-futur; jinnota li taħt ir-regoli riformati b'żewġ limiti massimi li applikaw mill-2016, il-livelli għoljin ta' remunerazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni addizzjonali mħallsa fl-2015 ma għadhomx possibbli;

23.

Jinnota li l-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba nkiser ukoll meta sieħeb tal-KKI akkwista servizzi ta' relazzjonijiet pubbliċi b'rati ta' kuljum li jvarjaw minn EUR 800 sa EUR 3 250 għal kull persuna, li ġew rimborżati kompletament ukoll mill-Istitut;

24.

Jinnota li, fl-2015, 45 membru tal-persunal tal-Istitut ipparteċipaw f'“avvenimenti oħrajn” li l-ispiża tagħhom kienet ta' EUR 10 730,21 (EUR 238,45 kull persuna);

25.

Jinnota bi tħassib li l-viżibilità ġenerali tal-Istitut hija baxxa u xi wħud mis-sħab tal-KKI mhumiex konxji dwar l-affiljazzjoni tagħhom mal-Istitut; jappella għal viżibilità aħjar u l-promozzjoni tal-marka tal-Istitut bħala komunità tal-innovazzjoni unika; jilqa' s-suċċess riċenti fl-inklużjoni ta' 18-il membru tal-komunita' tal-Istitut fil-lista Forbes 30 taħt it-30 sena, li fiha fost l-aqwa innovaturi u intraprendituri żgħażagħ Ewropej;

26.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  Id-deċiżjoni tal-bord ta' tmexxija tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) tas-27 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni tar-regolament finanzjarju għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

(2)  Id-deċiżjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-20 ta' April 2009 li tadotta r-regolament finanzjarju għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0155 (ara l-paġna 372 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top