Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1676

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1676 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 238–241 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1676/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/238


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1676 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0101/2017),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (“l-Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 20 212 701, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 6,35 % meta mqabbel mal-2014; billi 40 % tal-baġit tal-Awtorità ġej mill-baġit tal-Unjoni;

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2015 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    C.

    billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

    1.

    Jissottolinja li r-rwol tal-Awtorità huwa essenzjali biex jiġu favoriti applikazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u koordinament aħjar fost l-awtoritajiet nazzjonali u jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja, trasparenza, swieq finanzjarji integrati aħjar u aktar sikuri, kif ukoll livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u prattiki ta' superviżjoni konverġenti f'dan il-qasam;

    2.

    Ifakkar li l-Parlament serva ta' forza motriċi għall-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) ġdida u komprensiva, inklużi t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), biex tiġi żgurata sistema ta' superviżjoni finanzjarja aħjar wara l-kriżi finanzjarja;

    Segwitu għall-kwittanza 2014

    3.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fir-rigward taż-żewġ kummenti dwar ir-riporti, it-trasferimenti u l-ġestjoni tal-baġit li saru fir-rapport 2014 tal-Qorti, l-azzjoni korrettiva għalihom fir-rapport tal-Qorti għall-2015 hija mmarkata bħala “Għadha għaddejja”;

    4.

    Jinnota li l-Qorti kkonstatat li t-trasferimenti tal-baġit, ir-riporti u l-impenji relatati huma konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Finanzjarju, għalkemm il-punt sa fejn l-attivitajiet tal-2015 kienu se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tal-2014 imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità;

    Impenji u riporti

    5.

    Jinnota li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu III (nefqa operattiva) kien ta' EU 2 300 000 (45 % tan-nefqa), meta mqabbel ma' EUR 4 700 000 (66 % tan-nefqa) fl-2014; jirrikonoxxi li dawk ir-riporti kienu prinċipalment relatati ma' kuntratti speċifiċi għal programm pluriennali tal-IT tal-Awtorità b'appoġġ għall-implimentazzjoni ta' Solvenza II u ma' kuntratti ffirmati tard fis-sena; jirrikonoxxi barra minn hekk mill-Awtorità li l-appropprjazzjonijiet ta' riporti kellhom jitnaqqsu għal livell sodisfaċenti mill-2016 'il quddiem bl-implimentazzjoni avvanzata tal-Programm tal-IT tal-Awtorità; jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati min qabel mill-Awtorità u kkomunikati lill-Qorti;

    Trasferimenti

    6.

    Jinnota li l-varjazzjoni bejn baġit inizjali u dak finali allokat għat-Titolu I (spejjeż għall-persunal) irriżulta fi tnaqqis żgħir ta' 2,56 %, filwaqt li l-varjazzjoni għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) irriżultat fi tnaqqis ta' 9,36 %; josserva li, bħala riżultat tal-emenda tal-baġit u t-trasferimenti magħmula, il-baġit skont it-Titolu III (nefqa operattiva) żdied b'21,19 %; jirrikonoxxi li l-bidliet fl-istruttura tal-baġit inizjali huma ġeneralment inqas minn dawk tal-2014; jirrikonoxxi barra minn hekk li l-livell u n-natura tat-trasferimenti baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    7.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,97 %, li tfisser li l-Awtorità laħqet il-mira ppjanata tagħha kif ukoll tnaqqis ta' 0,03 % meta mqabbel mal-2014; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 83,75 %, li tfisser li l-Awtorità laħqet il-mira ppjanata tagħha kif ukoll żieda ta' 9,65 % meta mqabbla mal-2014;

    8.

    Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità qed taħdem biex tiżviluppa indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni aktar sofistikati u anqas iffukati fuq ir-riżultat, li jipprovdu bażi ta' valur akbar biex jiġi vvalutat jekk l-Awtorità hijiex qed tilħaq l-ambizzjonijiet strateġiċi tagħha;

    9.

    Jirrimarka li ntlaħaq qbil fuq soluzzjoni biex kwalunkwe bilanċ favorevoli jew defiċit ta' baġit jiġi kondiviż mal-Istati Membri b'mod li jikkorrispondi għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tifformalizza ġuridikament il-proċess maqbul;

    10.

    Jisħaq fuq l-importanza li jkunu żgurati effiċjenza, prijoritizzazzjoni u livell adegwat fir-rigward tal-allokazzjoni tar-riżorsi; u li l-baġit tal-Awtorità jkun għadu jista' jiġi razzjonalizzat; jenfasizza, għalhekk, li kull żieda potenzjali fil-mezzi tal-Awtorità għandha tkun akkumpanjata minn miżuri ta' prijoritizzazzjoni adegwati; jissuġġerixxi li, hekk kif ix-xogħol tal-Awtorità qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti leġiżlattivi għal konverġenza superviżorja u infurzar, il-baġit tal-Awtorità u l-persunal għandhom jiġu allokati kif meħtieġ;

    11.

    Jikkonkludi li l-arranġament ta' finanzjament tal-Awtorità għandu jiġi rivedut; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li timmodifika l-arranġament ta' finanzjament attwali billi ddaħħal, b'mod xieraq u proporzjonat, tariffi kalibrati mħallsa mill-parteċipanti tas-suq, possibbilment bħala sostituzzjoni parzjali tal-kontributi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti filwaqt li jkunu żgurati l-awtonomija u l-azzjoni ta' superviżjoni tagħha;

    Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

    12.

    Jinnota mill-Awtorità li hija għamlet 26 kampanja ta' reklutaġġ fl-2015 u mliet 95,6 % tal-pożizzjonijiet fl-organigramma sa tmiem is-sena, rata aktar baxxa mill-mira tal-Awtorità ta' 100 %; jirrikonoxxi mill-Awtorità li l-mira ma ntlaħqitx prinċipalment minħabba r-rata għolja ta' ċaqliq, kampanji ta' reklutaġġ li ma rnexxewx u l-fatt li kandidati magħżula ma aċċettawx l-offerti ta' kuntratti mogħtija;

    13.

    Jinnota mill-Awtorità li l-kwistjonijiet rigward ir-reklutaġġ jistgħu jkunu relatati mal-ispiża għolja tal-akkomodazzjoni fis-sede ta' Frankfurt, kif ukoll minħabba li l-Awtorità għandha finanzi limitati biex tattira l-persunal meta mqabbel ma' entitajiet Ewropej oħra bħall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku; jirrikonoxxi mill-Awtorità li hi rrevediet il-proċessi rilevanti tar-riżorsi umani sabiex tagħmilhom aktar effiċjenti;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

    14.

    Jinnota li l-Awtorità kienet mistennija li tistabbilixxi regoli interni dwar żvelar ta' informazzjoni protetta mill-bidu tal-2017; jitlob lill-Awtorità tgħaddi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

    15.

    Jinnota bi tħassib li, bl-eċċezzjoni tas-CVs tal-maniġment superjuri, is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord ta' tmexxija u tal-bord tas-superviżuri tal-Awtorità mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Awtorità; jitlob lill-Awtorità tirrimedja s-sitwazzjoni billi tippubblika dawk id-dokumenti biex tiżgura s-sorveljanza pubblika u l-iskrutinju meħtieġ għall-ġestjoni tagħha;

    16.

    Jinnota b'sodisfazzjon li l-miżuri biex tiżdied it-trasparenza fit-trattament mal-lobbyists u l-partijiet interessati huma inklużi fir-regoli dwar l-etika tal-Awtorità u li, permezz ta' dawk ir-regoli, il-persunali jingħata konsulenza u gwida dwar kif jevita li jkun influwenzat bla ħtieġa minn xi partijiet interessati jew minn grupp ta' partijiet interessati; josserva wkoll li minn Lulju 2016 l-Awtorità ppubblikat fuq is-sit web tagħha d-dettalji tal-laqgħat tagħha mal-partijiet interessati esterni, mar-rappreżentanti tal-media u Istituzzjonijiet oħra u dwar attivitajiet rilevanti;

    17.

    Iqis li l-minuti tal-laqgħat tal-bord tas-superviżuri u tal-gruppi ta' partijiet interessati, disponibbli pubblikament għandhom jiġu ppubblikati immedjatament wara l-laqgħa biex jitnaqqas il-perjodu latenti ta' massimu ta' tliet xhur bejn il-laqgħat u d-divulgazzjoni tal-minuti, u biex joffru stampa aħjar tad-diskussjonijiet, tal-pożizzjonijiet u tal-imġiba tal-vot tal-membri; jemmen li l-ħidma ta' kuntatt maċ-ċittadini tal-Unjoni tista' titqawwa wkoll permezz tax-xandir dirett fuq l-Internet tal-avvenimenti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li partijiet interessati differenti, inkluż il-Parlament, fil-fatt m'għandhomx aċċess ugwali għad-dokumenti u l-informazzjoni minn laqgħat interni; huwa tal-fehma li l-Awtorità għandha tistabbilixxi mezz sigur għall-informaturi fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni tagħha għas-snin li ġejjin;

    Kontrolli interni

    18.

    Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) għalaq ir-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-Istandard tal-Kontroll Intern (ICS) 10 dwar “Il-Kontinwità tal-Operat” u l-ICS 11 dwar “Ġestjoni tad-Dokumenti” f'April 2016;

    19.

    Jinnota li fl-2015 l-ICSs tal-Awtorità kienu reveduti biex jiġu allinjati mal-ICS tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-ICSs kollha kienu implimentati kif xieraq sa tmiem l-2015, inklużi żewġ ICSs dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-Ġestjoni tad-Dokumenti u l-implimentazzjoni tal-elementi li kien fadal għall-kontinwità tal-kapaċità tal-operat tal-Awtorità; jirrikonoxxi li deċiżjoni formali mill-IAS dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-ICS kienet mistennija fl-2016; jistenna b'interess il-konferma tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-ICSs u r-rappurtar sussegwenti mill-Awtorità fir-rapport annwali li jmiss;

    Awditu intern

    20.

    Jinnota li awditu dwar “Il-promozzjoni ta' kulleġġi ta' superviżuri u l-bini ta' kultura komuni ta' superviżjoni fl-EIOPA” twettaq mill-IAS fl-2015; jinnota, madankollu, li l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-IAS ma ġiet ikklassifikata bħala kritika jew importanti ħafna; jirrikonoxxi mill-Awtorità li, fir-risposta għar-rapport tal-awditu, hi żviluppat pjan ta' azzjoni li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-IAS, li sussegwentement ġie adottat mill-bord ta' tmexxija;

    Komunikazzjoni

    21.

    Jinnota li, matul l-2015, ġew implimentati miżuri ġodda ta' komunikazzjoni, li prinċipalment jikkonċernaw l-aċċessibbiltà, in-netwerks soċjali, laqgħat ta' informazzjoni dwar temi ewlenin u parteċipazzjoni ikbar min-naħa tal-maniġment tal-Awtorità u tal-esperti fl-avvenimenti rilevanti; jinnota li fl-2016 l-istrateġija ta' komunikazzjoni kienet rieżaminata bil-għan li tipprovdi informazzjoni aktar aċċessibbli u li tinftiehem għall-konsumaturi u l-pubbliku inġenerali, bis-sit web tal-Awtorità jiġi rieżaminat u mfassal mill-ġdid bħala wieħed mill-objettivi ewlenin; jistieden lill-Awtorità timplimenta l-istrateġija l-ġdida malajr kemm jista' jkun;

    Kwistjonijiet oħra

    22.

    Jinnota li fl-2015 41 membru tal-persunal ipparteċipaw fl-“away days” li għalihom l-ispiża totali kienet ta' EUR 9 174 jew EUR 223 kull persuna u li 120 membru tal-persunal ipparteċipaw f'“avvenimenti oħra” li għalihom l-ispiża totali kienet ta' EUR 9 900 jew EUR 82,5 kull persuna;

    23.

    Jinnota li l-valutazzjoni tal-Qorti hija qasira ħafna u toffri ftit suġġerimenti biex titjieb l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-baġit tal-Awtorità; jiddispjaċih li wħud mill-Istati Membri, sa tmiem l-2015, kienu għadhom ma ħallsux fit-totalità l-kontribut tagħhom għal din is-sena; josserva li, meta mqabbel mas-sena 2014, sar xi progress f'dan ir-rigward;

    24.

    Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li tiżgura li l-funzjonijiet kollha assenjati lilha jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità għandha żżomm rigorożament mal-kompiti assenjati lilha mill-Parlament u mill-Kunsill; josserva li l-Awtorità qiegħda tonfoq riżorsi konsiderevoli f'ħidma relatata mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet; jemmen li l-Awtorità għandha tisfrutta bis-sħiħ il-mandat tagħha biex trawwem b'mod effikaċi l-proporzjonalità fl-attivitajiet kollha tagħha; jinnota li, meta l-Awtorità tkun awtorizzata tfassal miżuri ta' Livell 2 u 3, għandha tagħti attenzjoni partikolari, hija u tfassal dawn l-istandards, lill-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi swieq nazzjonali, u li l-atturi tas-suq u l-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur ikkonċernati għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f'fażi bikrija fil-proċess ta' definizzjoni tal-istandards u matul il-fażijiet ta' tfassil u implimentazzjoni;

    25.

    Josserva bi tħassib li l-Awtorità ma teżerċitax bis-sħiħ il-prerogattivi kollha tagħha stabbiliti fil-qafas ġuridiku tagħha; jenfasizza li l-Awtorità għandha tiżgura li r-riżorsi huma massimizzati sabiex tissodisfa bis-sħiħ il-mandat ġuridiku tagħha; jinnota, f'dan ir-rigward, li jekk tiffoka aktar fuq il-mandat li ngħatalha mill-Parlament u mill-Kunsill, dan jista' jirriżulta fil-kisba aktar effikaċi tal-objettivi tagħha; jenfasizza li, waqt it-twettiq ta' xogħolha u b'mod partikolari fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, l-Awtorità jeħtiġilha li b'mod regolari u komprensiv tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha;

    26.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0155 (ara l-paġna 372 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top