Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1640

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1640 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 172–174 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1640/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/172


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1640 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0075/2017),

    A.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (“iċ-Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 49 585 500, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 11,88 % meta mqabbel mal-2014,

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2015 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

    C.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 88,16 %, li tirrappreżenta żieda ta' 8,82 % meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti; josserva li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 78,58 %, li tfisser żieda ta' 6,61 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

    2.

    Jinnota li ċ-Ċentru ħa diversi passi biex inaqqas il-bilanċi pożittivi baġitarji tiegħu; jinnota, b'mod partikolari, it-tnaqqis fil-prezz tat-traduzzjoni ta' dokument fl-2015, l-introduzzjoni ta' rimborż awtomatiku tal-eżitu baġitarju tas-sena ta' qabel lill-klijenti, kif ukoll l-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni taċ-Ċentru għall-perjodu 2017-2019, li tfassal bil-ħsieb ta' defiċits, u t-tnaqqis ulterjuri sussegwenti tar-riżerva għall-istabbiltà tal-ipprezzar;

    3.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, bħala riżultat tal-miżuri meħuda biex jitnaqqsu l-bilanċi pożittivi baġitarji, fl-2015 l-ammont ta' depożiti fi flus kontanti u għal terminu qasir miżmum miċ-Ċentru naqas minn EUR 44 000 000 fl-aħħar tal-2014 għal EUR 38 300 000 fl-aħħar tal-2015; jinnota barra minn hekk li r-riżervi taċ-Ċentru naqsu minn EUR 40 400 000 fl-2014 għal EUR 34 000 000 fl-2015, u dan jirrifletti t-tnaqqis tal-prezzijiet fl-2015;

    4.

    Jinnota li l-ispejjeż operattivi taċ-Ċentru naqsu bi 11,23 % fl-2015, l-aktar minħabba t-tnaqqis ta' 9,56 % fl-għadd ta' paġni esternalizzati u t-tnaqqis fil-prezz medju għal kull paġna ta' dokument esternalizzat;

    Impenji u riporti

    5.

    Jinnota li ċ-Ċentru żied bi ftit ir-rata globali tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena ta' wara: minn 8,40 % fl-2014 għal 9,63 % fl-2015, jiġifieri żieda ta' 1,23 %; jinnota li l-perċentwal ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien ta' 29 %; josserva li dawn ir-riporti prinċipalment jikkonċernaw ir-rinnovazzjoni ta' bini addizzjonali mikri fl-2015 kif ukoll servizzi tal-IT li kienu għadhom ma ġewx ipprovduti sa tmiem l-2015; jinnota li r-riporti sikwit jaf ikunu parzjalment jew totalment ġustifikabbli minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ġew ippjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

    6.

    Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, iċ-Ċentru kkanċella EUR 5 900 000 (12 % tal-baġit totali) tal-approprjazzjonijiet disponibbli fl-aħħar tal-2015; jirrimarka li dawn il-kanċellazzjonijiet kienu marbuta mas-sovrastima tal-ispiża tat-tradutturi esterni kif ukoll mal-fatt li t-twettiq tal-organigramma ma laħaqx il-livell previst fil-baġit; jinnota, madankollu, li ċ-Ċentru mmonitorja l-evoluzzjoni tal-ispejjeż għat-traduzzjoni esterna aktar mill-qrib, u bbaża t-tbassir baġitarju tiegħu mill-2016 'il quddiem fuq ċifri aġġornati; jilqa' l-isforzi taċ-Ċentru fil-perjodu 2015-2016 biex itejjeb l-istima tiegħu tal-ispiża tas-servizzi tat-traduzzjoni esterna, li wasslu għal bidliet konsiderevoli fit-tbassir matul l-aħħar tliet baġits;

    Awditu intern

    7.

    Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ffinalizza l-istadju ta' rapportar tar-rapport ta' awditu dwar “Il-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol għat-Traduzzjoni tad-Dokumenti”, li ġie konkluż abbażi ta' riċerka fil-post imwettqa fl-2014; josserva li l-awditu identifika għadd ta' punti pożittivi fl-operazzjonijiet taċ-Ċentru iżda kkonkluda li ċ-Ċentru jeħtieġ li jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiżgura l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-proċessi tiegħu; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAS;

    8.

    Jinnota li ċ-Ċentru implimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS immarkati bħala “Importanti Ħafna” u “Importanti” li rriżultaw mill-awditu tal-2014; jirrikonoxxi li l-livell ta' implimentazzjoni rapportat miċ-Ċentru kien meqjus mill-IAS bħala sodisfaċenti biżżejjed biex jipproċedi għal awditu ta' segwitu; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-awditu ta' segwitu;

    Kontroll intern

    9.

    Jinnota li, skont ir-Rapport ta' Attività Annwali taċ-Ċentru, matul l-eżerċizzju ta' awtovalutazzjoni annwali tiegħu għall-2015, il-maniġment taċ-Ċentru vvaluta l-konformità u l-effettività tal-kontrolli ewlenin tiegħu; jinnota li l-livell ta' implimentazzjoni għall-konformità ma' kull standard ta' kontroll intern (ICS) intlaħaq, sakemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditur intern rigward il-Ġestjoni tal-Kontinwità tal-Attività jkunu ngħalqu sal-aħħar tas-sena;

    10.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, iċ-Ċentru għad m'għandux Pjan għall-Kontinwità tal-Attività, u dan jirriżulta f'nuqqas ta' konformità mal-ICS 10; jirrikonoxxi li l-Istrateġija għall-Kontinwità tal-Attività taċ-Ċentru u l-Pjanijiet operattivi għall-Kontinwità tal-Attività ġew approvati fl-2016 mill-maniġment taċ-Ċentru flimkien mal-analiżi tad-dokumenti relatati mal-Kontinwità tan-Negozju;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

    11.

    Jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi taċ-Ċentru ġiet adottata mill-bord tal-ġestjoni tiegħu f'Ottubru 2016; jinnota li ċ-Ċentru se jinkludi kapitolu standard dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fir-rapport annwali tiegħu tal-2017; jinnota bi tħassib li l-curricula vitae tad-Direttriċi, tal-membri tal-bord tal-ġestjoni u tas-sostituti tagħhom ma jidhrux fuq is-sit web taċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jippubblika dawn il-curricula vitae sabiex jiżgura s-sorveljanza u l-iskrutinju pubbliku meħtieġa tal-maniġment tagħha;

    Prestazzjoni

    12.

    Jinnota l-inizjattiva taċ-Ċentru li jimplimenta approċċ komuni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għall-preproċessar tat-trademarks Komunitarji, bil-għan li jiġu kondiviżi l-memorji tat-traduzzjoni u armonizzati l-flussi tax-xogħol rispettivi sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċess; jiddispjaċih li n-negozjati bejn iċ-Ċentru u l-EUIPO ma tawx frott peress li l-EUIPO ddeċieda li ma jipproċedix bil-proġett; iħeġġeġ liċ-Ċentru biex jesplora possibbiltajiet ġodda biex itejjeb l-effiċjenza tal-proċessi interni tiegħu;

    13.

    Jinnota li ċ-Ċentru wettaq l-istħarriġ ġenerali tiegħu dwar is-sodisfazzjon tal-klijenti fl-2015; josserva li l-maniġment taċ-Ċentru approva pjan ta' azzjoni bbażat fuq il-konklużjonijiet tal-istħarriġ li għandu jiġi implimentat matul il-perjodu 2016-2017; jinnota b'sodisfazzjon li dan il-pjan ta' azzjoni jpoġġi enfasi ċara fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità tat-traduzzjoni u fuq is-sensibbilizzazzjoni u l-promozzjoni taċ-Ċentru bħala fornitur ta' servizzi lingwistiċi;

    14.

    Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-attività taċ-Ċentru, fuq il-bażi tal-analiżi ta' tmiem is-sena mwettqa mill-maniġment taċ-Ċentru, u bl-applikazzjoni tal-fatturi ta' ponderazzjoni ġodda, il-perċentwal ta' implimentazzjoni ġenerali tal-programm ta' ħidma taċ-Ċentru għall-2015 kien ta' 83,2 %, li jfisser tnaqqis ta' 2,3 % meta jitqabbel mas-sena preċedenti; jistieden liċ-Ċentru jerġa' jiċċekkja l-ippjanar tiegħu għall-programm ta' ħidma annwali u l-implimentazzjoni ġenerali u jirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-interventi jew it-titjib possibbli;

    15.

    Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru adotta Pjan ta' Azzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tat-Traduzzjonijiet (TQAAP) ġdid għall-perjodu 2015-2016; jinnota li l-mira tar-rata tat-twettiq għat-TQAAP fil-programm ta' ħidma taċ-Ċentru għall-2015 kienet stabbilita għal 50 %, u li sa tmiem l-2015, 49,4 % tal-pjan kien ġie implimentat; jinnota li l-fokus tat-TQAAP 2015 kien fuq it-taħriġ estensiv mogħti lit-tradutturi interni taċ-Ċentru li, inter alia, irċevew taħriġ dwar it-tekniki tas-sottotitolar u ġew mgħallma jużaw il-pakkett ta' software użat miċ-Ċentru biex jipprovdi s-servizz ġdid ta' sottotitolar lill-klijenti; jinnota barra minn hekk li ġie implimentat ukoll awditu tal-fornituri tas-servizzi esterni fi ħdan it-TQAAP fl-2015;

    16.

    Jirreferi, fir-rigward ta' kummenti oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0155 (ara l-paġna 372 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top