EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0343

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (EUROPÊCHE) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (2016/2794(RSP))

ĠU C 204, 13.6.2018, p. 93–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/93


P8_TA(2016)0343

Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (EUROPÊCHE) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (2016/2794(RSP))

(2018/C 204/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (EUROPÊCHE) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (COM(2016)0235),

wara li kkunsidra l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (EUROPÊCHE) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

wara li kkunsidra l-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 101(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont l-Artikolu 155(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-sħab soċjali għandhom il-possibilità, jekk ikunu jixtiequ, li jidħlu fi djalogu li jista' jwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet;

B.

billi l-Artikolu 155(2) jistipula li l-ftehimiet konklużi fil-livell tal-Unjoni jistgħu jiġu implimentati fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

C.

billi l-ħaddiema fis-settur tas-sajd jeħtieġu protezzjoni speċjali, meta wieħed jikkunsidra, fost affarijiet oħra, il-karatteristiċi speċjali tal-impjiegi abbord il-bastimenti tas-sajd; ir-rata għolja ta' inċidenti fatali u mhux fatali, kif ukoll ir-riskji u l-inċidenza ta' mard okkupazzjonali, meta mqabbla ma' setturi oħra, f'ambjent tax-xogħol perikoluż; id-distinzjoni mhux ċara bejn is-sigħat tax-xogħol, tal-mistrieħ u ta' rikreazzjoni u l-impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-għejja li tirriżulta, parzjalment, minn nuqqas ta' mistrieħ; il-prevalenza ta' relazzjonijiet tax-xogħol u arranġamenti tal-pagi informali u mhux standard, inklużi sistemi ta' kondiviżjoni tal-ekwipaġġ;

D.

billi l-Konvenzjoni tal-ILO (Nru 188) dwar ix-Xogħol fis-Sajd, flimkien mar-Rakkomandazzjoni (Nru 199), tkopri kwistjonijiet essenzjali biex tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien diċenti abbord il-bastimenti, inklużi r-responsabbiltajiet tas-sidien tal-bastimenti tas-sajd u tal-kaptani fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema (Artikolu 8); id-definizzjoni ta' età minima tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema żgħażagħ (Artikolu 9); iċ-ċertifikati u l-eżamijiet mediċi obbligatorji (Artikoli 10-12); il-perjodi ta' serħan (Artikoli 13 u 14); il-listi tal-ekwipaġġ (Artikolu 15); il-ftehimiet tax-xogħol li jistipulaw id-dmirijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (Artikoli 16-20); l-intitolament għal ripatrijazzjoni (Artikolu 21); ir-reklutaġġ u l-kollokament (Artikolu 22); il-ħlas regolari ta' sajjieda u t-trasferimenti tal-familja (Artikoli 23 u 24); l-istandards alimentari u ta' akkomodazzjoni (Artikoli 25-28); id-definizzjoni tal-istandards tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-għoti tal-kura medika abbord (Artikoli 29-33); il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali (Artikoli 34-37); il-protezzjoni f'każ ta' mard, korrimenti u mwiet okkupazzjonali (Artikoli 38-39); il-konformità u l-infurzar (Artikoli 40-44);

E.

billi, sal-lum, tmien pajjiżi biss irratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO (Nru 188) dwar ix-Xogħol fis-Sajd; billi minkejja d-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri tal-UE biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO (Nru 188) dwar ix-Xogħol fis-Sajd, tnejn biss, Franza u l-Estonja, għamlu dan; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandu jkollhom rwol mexxej fil-promozzjoni ta' remunerazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd;

F.

billi dan il-Ftehim japplika għas-sajjieda kollha impjegati abbord bastiment tas-sajd li jkun irreġistrat fi Stat Membru tal-UE jew li jkun itajjar il-bandiera ta' Stat Membru tal-UE u li jkun involut f'operazzjonijiet kummerċjali tas-sajd; billi permezz tal-inkorporazzjoni tal-Ftehim tas-sħab soċjali dwar il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol fis-Sajd fil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-UE se tkun f'pożizzjoni aktar b'saħħitha biex tippromwovi l-implimentazzjoni tiegħu f'pajjiżi sħab madwar id-dinja, u b'hekk tikkontribwixxi għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-settur tas-sajd fil-livell dinji, inkluża l-ġlieda kontra l-agħar forom ta' sfruttament tas-sajjieda, bħalma huma x-xogħol furzat, it-traffikar u t-tħaddim tat-tfal;

1.

Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (EUROPÊCHE) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; jiddeplora, madankollu, id-dewmien fil-preżentazzjoni lill-Kunsill tal-ftehim tas-sħab soċjali, li ġie ffinalizzat fl-2013; jenfasizza l-importanza ta' djalogu soċjali, inkluż fil-livell Ewropew;

2.

Jilqa' l-fatt li l-Ftehim kif ġie konkluż mis-sħab soċjali u l-proposta tal-Kummissjoni jipprevedu biss rekwiżiti minimi, u jippermettu li l-Istati Membri u/jew is-sħab soċjali jadottaw miżuri li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat; jinnota li dan il-ftehim japplika wkoll għas-sajjieda li jaħdmu għal rashom li jkunu qed jaħdmu flimkien ma' ħaddiema abbord l-istess bastiment; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati dawk id-dispożizzjonijiet relatati mal-pagi, il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sabiex jiġu żgurati dħul adegwat u deċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, inkluż f'każ ta' korriment, inċident jew mewt; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-ftehim, inkluż l-iżvilupp ta' miżuri xierqa ta' spezzjoni u infurzar;

3.

Jirrakkomanda l-adozzjoni immedjata tad-direttiva tal-Kunsill, kif mitlub mis-sħab soċjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lis-sħab soċjali konċernati.

Top