Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0338

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol (2016/2017(INI))

ĠU C 204, 13.6.2018, p. 76–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/76


P8_TA(2016)0338

Il-ħolqien ta' Kundizzjonijiet fis-Suq tax-Xogħol Favorevoli għal Bilanċ bejn il-Ħajja tal-Familja u dik tax-Xogħol

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol (2016/2017(INI))

(2018/C 204/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10, 153,(1)(i) u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 9, 23, 24 u 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, b'mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikoli 2, 4, 16 u 27, dwar id-dritt tal-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet tal-familja għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (1) (id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità (COM(2008)0637),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva 2011/…/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari (2), li biha jitlob, fost oħrajn, perjodu ta' ġimagħtejn liv tal-paternità,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-liv tal-maternità (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013 (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015 (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (17),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada (18),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015 dwar Opportunitajiet għal Dħul Indaqs għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn is-sessi fil-pensjonijiet,

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011-2020 adottat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-i 7 ta' Marzu 2011 (19),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni 'Pjan direzzjonali: Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol' (Diċembru 2015), kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika u tal-partijiet konċernati,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016: Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess' (COM(2015)0610),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali' (COM(2016)0127),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020' (COM(2013)0083) u r-Rakkomandazzjoni tagħha 2013/112/EU tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ',

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja' (COM(2008)0635),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 2011 dwar Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada (COM(2011)0066),

wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', (COM(2013)0322),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'The Strategic engagement for gender equality 2016–2019' (L-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi), b'mod partikolari il-Kapitolu 3.1. 'Increasing female labour-market participation and the equal economic independence of women and men' (Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tal-impjiegi u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (SWD(2016)0054), u b'mod partikolari l-kapitolu dwar l-indipendenza ekonomika ugwali, p. 10–15,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Employment and Social Developments in Europe 2015' (L-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa 2015), tal-21 ta' Jannar 2016, b'mod partikolari l-Kapitolu III.2 'social protection' (Il-protezzjoni soċjali),

wara li kkunsidra l-istudji tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bit-titolu 'Working time and work-life balance in a life course perspective' (Il-ħinijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'perspettiva tul il-ħajja) (2013), 'Caring for children and dependants: Effect on careers of young workers' (L-indukrar tat-tfal u l-persuni dipendenti – L-effett fuq il-karrieri ta' ħaddiema żgħażagħ) (2013), u 'Working and caring: Reconciliation measures in times of demographic change' (Naħdmu u nindukraw – Miżuri ta' rikonċiljazzjoni fi żminijiet ta' tibdil demografiku) (2015) u s-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (2016),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol dwar “Working time development in the 21st century” (Ħin tax-xogħol għall-iżvilupp fis-seklu 21) tal-2015,

wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol bit-titolu “Promoting parental and paternity leave among fathers” (Il-promozzjoni tal-liv tal-ġenituri u tal-paternità fost il-missirijiet),

wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza (EQUINET) bit-titolu “Equality bodies promoting a better work-life balance for all” (Korpi tal-Ugwaljanza li jippromwovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u x-xogħol għal kulħadd) tat-8 ta' Lulju 2014,

wara li kkunsidra l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u r-rapport tiegħu tal-2015 bit-titolu “Reconciliation of work, family and private life in the European Union: Policy review” (Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata fl-Unjoni Ewropea: Reviżjoni tal-politika),

wara li kkunsidra l-istudju mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 bit-titolu “Gender equality in employment and occupation – Directive 2006/54/EC, European Implementation Assessment” (L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fix-xogħol – id-Direttiva 2006/54/KE, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu “Maternity, paternity and parental Leave: Data Related to Duration and Compensation Rates in the European Union” (Il-Liv tal-Maternità, tal-Paternità u tal-Ġenituri: Data Relatata mad-Durata u r-Rati ta' Kumpens fl-Unjoni Ewropea),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Costs and benefits of maternity and paternity leave” (L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-liv tal-maternità u l-paternità),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu “Discrimination Generated by the Intersection of Gender and Disability” (Diskriminazzjoni Ġġenerata mill-Intersezzjoni tas-Sessi u d-Diżabilità),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Differences in Men's and Women's Work, Care and Leisure Time' (Id-differenzi bejn ix-xogħol, l-indukrar u l-ħin ta' rikreazzjoni tan-nisa u tal-irġiel),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Eurocarers 2014, “Enabling Carers to Care” (Nippermettu lill-Indukraturi Jindukraw),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għas-saħħa u l-benessri mentali tal-2008 u l-prijorità tiegħu “Mental health in workplace settings” (Is-saħħa mentali fuq il-postijiet tax-xogħol),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 156 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-Responsabilitajiet tal-Familja (1981) u r-Rakkomandazzjoni 165 tal-ILO dwar il-Ħaddiema li jkollhom Responsabilitajiet Familjari (1981),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Part-Time tal-1994, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol mid-Dar tal-1996, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Protezzjoni tal-Maternità tal-2000 u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO dwar “Maternity and paternity at work: law and practice across the world” (2014) ((Il-Maternità u l-Paternità fuq il-post tax-xogħol: leġiżlazzjoni u prattika fid-dinja kollha),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-24 ta' Marzu 2016 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa, is-60 sessjoni, b'mod partikolari il-punti (e) sa (g),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-ILO u l-UNICEF tat-8 ta' Lulju 2013 bit-titolu “Supporting workers with family responsibilities: connecting child development and the decent work agenda” (L-appoġġ tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet tal-familja: nikkollegaw l-iżvilupp tat-tfal u l-aġenda tax-xogħol deċenti),

wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ħajja Aħjar tal-2015 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0253/2016),

A.

billi skont l-aħħar dejta tal-Eurostat, ir-rata tat-twelid fl-UE naqset f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u l-UE qed tiffaċċja sfidi demografiċi bla preċedent (20) li għalihom l-Istati Membri għandhom jirrispondu; billi l-politiki favur il-familji huma importanti sabiex jiskattaw xejriet demografiċi pożittivi, għaliex l-insigurtà tal-impjieg u l-kundizzjonijiet ta' xogħol diffiċli jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ippjanar tal-familja;

B.

billi fl-2014, 5,1 miljun tifel u tifla twieldu fl-UE-28, li jikkorrispondi għal rata ta' twelid ta' 10,1; billi, b'paragun, din ir-rata kienet 10,6 fis-sena 2000, 12,8 fl-1985 u 16,4 fl-1970; billi l-UE qed tiffaċċja sfida demografika serja minħabba r-rati tat-twelid li qegħdin dejjem jonqsu f'ħafna mill-Istati Membri, li gradwalment qed jittrasformaw l-Unjoni f'soċjetà ġerontokratika u jirrappreżentaw theddida serja għat-tkabbir u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

C.

billi l-kunċett tradizzjonali tar-rwoli tan-nisa u l-irġiel u tal-familja nukleari qed iħabbat wiċċu ma' aktar sfidi hekk kif in-numru ta' familji b'ġenitur wieħed, familji bbażati fuq unjoni bejn persuni tal-istess sess, ommijiet adolexxenti, eċċ qed jiżdiedu fl-UE; billi nuqqas ta' rikonoxximent ta' din id-diversità jwassal għal aktar diskriminazzjoni u jolqot b'mod negattiv in-nies li qed jgħixu fl-UE u l-familji tagħhom;

D.

billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' sess u jirrikjedu li tiġi żgurata ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-ilħuq ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

E.

billi l-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Kummissjoni huwa punt tat-tluq; billi din l-opportunità jeħtieġ tiftaħ proċess ta' riorganizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tan-nisa u l-irġiel fl-Ewropa, u trid tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jintlaħqu livelli ogħla ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

F.

billi politiki ta' rikonċiljazzjoni mfassla u implimentati tajjeb għandhom jitqiesu bħala titjib essenzjali tal-ambjent tax-xogħol, li jippermetti kundizzjonijiet ta' xogħol tajba u l-benesseri soċjali u professjonali; billi fl-istess ħin, bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jippromwovi t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, il-parteċipazzjoni globali tas-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, jindirizza l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ u tinfluwenza b'mod pożittiv ir-rati tat-twelid fl-UE; billi l-politiki li għandhom jiġu implimentati biex jinkisbu dawn l-objettivi għandhom ikunu moderni, iffokati fuq it-titjib tal-aċċess għan-nisa tas-suq tax-xogħol u qsim indaqs tal-kompiti domestiċi u tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u għandhom ikunu bbażati fuq l-istabbiliment ta' qafas tal-politika koerenti appoġġat minn ftehimiet kollettivi li jippermettu bbilanċjar aħjar bejn l-indukrar, il-ħajja professjonali u dik privata;

G.

billi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jiddependi fil-parti l-kbira fuq l-arranġamenti tal-ħin ta' xogħol fuq il-post tax-xogħol; billi tqajmu dubji dwar jekk għadd akbar ta' sigħat ta' xogħol u sigħat ta' xogħol itwal humiex ta' benefiċċju għall-ekonomija f'termini ta' żieda fil-produttività; billi proporzjon sinifikanti ta' ħaddiema fl-UE għandhom sigħat ta' xogħol atipiċi, fosthom jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi u jagħmlu xogħol bix-xift u xogħol bil-lejl, u kważi nofs il-ħaddiema ħadmu fil-ħin liberu tagħhom fl-2015; billi riċerki reċenti jindikaw li l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol jinbidlu regolarment għal 31 % tal-impjegati, spiss b'avviż fi żmien qasir (21); billi dan jista' jqajjem tħasseb dwar is-saħħa u s-sigurtà, b'żieda għola ta' riskju ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u livell iktar baxx ta' saħħa fuq perjodu ta' żmien twil, u jista' jagħmilha diffiċli biex il-ħaddiema jibbilanċjaw ix-xogħol ma' dmirijiet lejn it-tfal u dipendenti oħrajn; billli xi setturi huma milquta b'mod aktar gravi, bħas-servizzi ta' bejgħ bl-imnut, fejn il-biċċa l-kbira tal-impjegati huma nisa;

H.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iniedu miżuri speċifiċi li jrawmumudelli adattabbli u effettivi tal- prestazzjoni tal-impjiegi, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, li jippermettu lill-ħaddiema jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

I.

billi fl-2015, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 75,9 % fl-UE-28, imqabbla mal-64,3 % għan-nisa (22), minkejja l-fatt li n-nisa għandhom livell ta' edukazzjoni aħjar; billi n-numru ta' nisa fil-forza tax-xogħol hija saħansitra iktar baxxa meta jitqiesu r-rati ta' impjieg f'ekwivalenti ta' full-time, peress li s-sehem ta' impjiegi part-time fost in-nisa huwa kbir ħafna f'xi Stati Membri; billi fl-2013, l-irġiel qattgħu 47 siegħa fil-ġimgħa fuq xogħol imħallas, meta mqabbel ma' 34 siegħa għan-nisa; billi meta ngħoddu flimkienis-sigħat ta' xogħol imħallas u xogħol mhux imħallas fid-dar, in-nisa żgħażagħ bħala medja ħadmu 64 siegħa, meta mqabbel ma' 53 siegħa fil-każ tal-irġiel żgħażagħ (23); billi t-telf fil-PDG per capita li huwa attribwibbli għad-disparitajiet bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol ġie stmat li jilħaq sa 10 % fl-Ewropa;

J.

billi, fil-kuntest attwali tal-politiki soċjoekonomiċi, ta' impjieg u ta' ugwaljanza fil-livell tal-UE, l-istrateġija Ewropa 2020 u li l-miri stabbiliti qabel qegħdin 'il bogħod ħafna milli jintlaħqu; billi mingħajr politiki proattivi mfassla u implimentati biex jgħinu n-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, speċjalment politiki li jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kwalunkwe mira stabbilita fil-livell tal-UE fil-fatt ma tistax tintlaħaq;

K.

billi s-swieq tax-xogħol Ewropej huma segregati skont il-ġeneru (24); billi l-Kummissjoni irrikonoxxiet dan fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' Marzu 2016 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127, Anness I), fejn qalet li “in-nisa għadhom sottorappreżentati fl-impieg, rrappreżentati żżejjed fix-xogħol part-time u dak b'paga baxxa, u jirċievu pagi fis-siegħa aktar baxxi anke meta jwettqu xogħol ekwivalenti, minkejja li għaddew lill-irġiel fil-ksib edukattiv”;

L.

billi l-faqar u l-inugwaljanzi li dejjem qed jikbru marru għall-agħar bil-politiki makroekonomiċi implimentati mill-UE u l-miżuri ta' awsterità imposti b'rispons għall-kriżi ekonomika;

M.

billi l-ġlieda favur il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol hija partikolarment diffiċli għall-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa; billi fit-28 Stat Membru tal-UE mhux inqas minn 34 % tal-ommijiet waħedhom huma f'riskju ta' faqar, u t-tfal li ġejjin minn dawk il-familji huma sproporzjonatament f'riskju ikbar ta' trażmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra;

N.

billi r-riperkussjonijiet dannużi tal-femminizzazzjoni tal-faqar għandhom l-ikbar impatt fuq it-tfal imrobbija minn ommijiet waħedhom li qed jesperjenzaw diffikultajiet serji biex jibbilanċjaw ir-rwol tagħhom bħala l-unika persuna li ġġib il-flus lejn id-darmar-responsabbiltajiet tagħhom bħala ġenituri;

O.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda wkoll għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi, peress li hi assi ekonomiku ewlieni li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u tnaqqas l-inugwaljanza okkupazzjonali, kif ukoll l-effiċjenza u l-fluwidità fis-suq tax-xogħol; billi d-dħul u d-dħul mill-ġdid tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol iwasslu għal żieda fid-dħul tal-familja, fil-konsum, fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u fil-volum ta' taxxi li jinġabru; billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fl-aċċess u fiż-żamma tal-impjieg, kif ukoll ċaħda tad-drittijiet tax-xogħol minħabba, b'mod partikolari, it-tqala u l-maternità;

P.

billi d-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel jilħqu s-16,3 %, u billi l-forom atipiċi u inċerti tal-kuntratti tax-xogħol ukoll jolqtu lin-nisa aktar mill-irġiel;

Q.

billi l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol għandha konsegwenzi u impatti tul il-ħajja kollha fuq id-drittijiet tan-nisa, bħall-pensjonijiet, kif jixhed id-39 % differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE, li tirrappreżenta aktar mid-doppju tad-differenza ta' 16 % fil-pagi bejn is-sessi;

R.

billi fost il-kategoriji professjonali differenti, huma partikolarment in-nisa li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri nisa li qed ikollhom diffikultà akbar biex jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi, spiss ħafna, in-nisa li jkollhom il-ħsieb li jiftħu negozju jkollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-kreditu, għaliex l-intermedjarji finanzjarji joqogħdu lura milli jagħtu s-self, minħabba li jqisu li l-imprendituri nisa huma aktar esposti għar-riskju u għandhom inqas probabbiltà li jkabbru n-negozji tagħhom;

S.

billi l-isterjotipi mgħoddija b'mod wiesa' mis-soċjetà iħallu lin-nisa fi rwol subordinat; billi dawn l-isterjotipi jibdew jiżviluppaw matul it-tfulija u huma riflessi fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u jibqgħu għaddejjin fis-suq tax-xogħol; billi n-nisa huma ta' spiss limitati għall-impjiegi “tan-nisa” u ta' spiss mhumiex mitħallsa biżżejjed; billi dawn it-taqsimiet tas-suq tax-xogħol jirriproduċu sterjotipi li jimponu ammont kbir ħafna ta' indukrar li jrid isir prinċipalment minn nisa, u dan iwassal biex in-nisa jqattgħu bejn id-doppju u għaxar darbiet aktar ħin mill-irġiel fuq l-indukrar mhux imħallas (25); billi l-istereotipi tas-sessi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi għandhom implikazzjonijiet negattivi għall-indipendenza u l-prospetti personali, soċjali u ekonomiċi tan-nisa, u jwasslu għal konċentrazzjonijiet ogħla ta' nisa li jaħdmu part-time, interruzzjonijiet tal-karriera u riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali, partikolarment għall-ommijiet waħedhom, u għalhekk jolqtu l-awtonomija tan-nisa;

T.

billi t-tipi ta' liv relatat mal-familja għadhom ikunu bażi ta' diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, minkejja l-qafas tal-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u dan jolqot b'mod partikolari lin-nisa li jaħdmu bħala indukraturi ewlenin li jużaw il-liv relatat mal-familja;

U.

billi d-differenzi bejn l-għadd ta' irġiel u ta' nisa li jieħdu l-liv tal-ġenituri jixhed diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; billi r-rata ta' missirijiet li jieħdu liv tal-ġenituri fl-Istati Membri għadha baxxa, (10 % biss tal-missirijiet jieħdu għall-inqas jum wieħed ta' liv), u 97 % tan-nisa jużaw il-liv tal-ġenituri li hu disponibbli għaż-żewġ ġenituri; billi d-data disponibbli tikkonferma li t-tipi ta' liv tal-familja li ma jitħallsux jew li jitħallsu b'mod inadegwat jirriżultaw f'rati ta' parteċipazzjoni baxxi; billi l-liv tal-ġenituri li hu parzjalment jew kollu kemm hu mhux trasferibbli u li jkun imħallas sew jappoġġa użu aktar ibbilanċjat miż-żewġ ġenituri, u jgħin biex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol; billi huma biss ftit Stati Membri li jħeġġu lill-missirijiet sabiex jagħmlu l-aħjar użu mil-liv tal-paternità jew tal-ġenituri, u dan iwassal biex l-irġiel ikunu mċaħħda mill-opportunità li jipparteċipaw b'mod indaqs fl-indukrar tat-tfal u fil-ħin li jqattgħu magħhom;

V.

billi huwa vitali li jiġu introdotti miżuri għall-promozzjoni tal-aċċess tal-liv min-naħa tal-missirijiet, b'mod partikolari għaliex il-missirijiet li jieħdu l-liv tal-familja jibnu relazzjoni aħjar ma' wliedhom u għandhom aktar probabbiltà li jkollhom rwol attiv fil-kompiti futuri relatati mal-indukrar tat-tfal;

W.

billi l-istudji tal-Eurofound urew aspetti li jinfluwenzaw ir-rati ta' teħid tal-liv tal-ġenituri min-naħa tal-missirijiet, jiġifieri: il-livell ta' kumpens, il-flessibbiltà tas-sistema tal-liv, id-disponibbiltà ta' informazzjoni, id-disponibbiltà u l-flessibbiltà tal-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u l-biża' ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol minħabba l-fatt li wieħed jieħu l-liv;

X.

billi d-disponibbiltà ta', u aċċess għal, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) li jkunu adegwati u ta' kwalità, indukrar għal persuni dipendenti oħra u servizzi soċjali ta' kwalità għolja huma wieħed mill-fatturi prinċipali li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi hemm nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri kura tat-tfal ta' kwalità u aċċessibbli għal-livelli kollha ta' dħul; billi għal 27 % tal-Ewropej, il-kwalità baxxa tal-indukrar tat-tfal tagħmilha diffiċli biex jaċċessaw dawn is-servizzi (26); billi l-kisba ta' servizzi ta' kwalità jfisser investiment f'taħriġ tal-ħaddiema li jindukraw it-tfal (27); billi huma biss 11-il Stat Membru li laħqu l-ewwel mira ta' Barċellona (indukrar tat-tfal disponibbli għal mill-inqas 90 % tat-tfal bejn l-età ta' 3 snin u l-età skolastika obbligatorja) u 10 Stati Membri biss laħqu t-tieni mira (mill-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta' 3 snin)19 (28);

Y.

billi l-edukazzjoni u l-indukrar fit-tfulija bikrija u l-esperjenzi tat-tfal bejn u it-twelid u l-età ta' 3 snin għandhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp konjittiv tagħhom, peress li jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali fl-ewwel ħames snin;

Z.

billi l-politiki ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom ukoll jippermettu lilll-ġenituri jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn uliedhom, filwaqt li jiżguraw il-mezzi finanzjarji, il-ħin u l-appoġġ meħtieġ għall-ommijiet u l-missirijiet;

AA.

billi l-Ewropa hija kontinent bl-ikbar numru ta' ċittadini anzjani u proċess ta' tixjiħ li se jibqa' għaddej matul id-deċennji li ġejjin; billi ħafna Stati Membri huma nieqsa minn biżżejjed faċilitajiet ta' indukrar għal żmien twil biex jindirizzaw iż-żieda fil-bżonnijiet ta' indukrar u l-istaġnar jew it-tnaqqis fl-indikatur ta' snin ta' ħajja b'livell tajjev ta' saħħa; billi l-biċċa l-kbira tal-impjiegi maħluqa fl-indukrar formali fid-dar lill-qraba anzjani huma mħallsa ħażin u jeħtieġu kwalifiki baxxi (29).

AB.

billi fl-UE, 80 % tal-bżonnijiet ta' indukrar huma pprovduti minn indukraturi informali; billli madwar 3,3 miljun Ewropew li għandhom bejn 15 u 34 sena kellhom jieqfu mix-xogħol full-time tagħhom minħabba nuqqas ta' faċilitajiet għat-tfal dipendenti jew qraba anzjani;

AC.

billi l-ICT u t-teknoloġiji emerġenti biddlu l-ambjenti tax-xogħol u tal-impjiegi, il-kulturi organizzattivi u l-istrutturi fis-setturi kollha; billi dawk li jfasslu l-politika jridu jżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex jiżguraw li l-istandards soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi jimxu 'l quddiem minflok imorru lura f'dawn iċ-ċirkostanzi l-ġodda;

AD.

billi l-kombinazzjoni tal-indukrar u x-xogħol imħallas għandha impatt importanti fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol u r-rati ta' impjiegi, b'mod partikolari għan-nisa li matul ħajjithom jista' jkollhom responsabbiltajiet ta' indukrar ta' wlied uliedhom u/jew ta' ġenituri anzjani (30);

AE.

billi f'xi sistemi legali fl-UE ma teżistix l-individwalizzazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u ta' sigurtà soċjali, u n-nisa jingħataw biss drittijiet derivati permezz tar-relazzjoni tagħhom mal-irġiel, inkluż l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-pensjonijiet; billi l-Istati Membri li jimponu d-dipendenza tal-mara miżżewġa/omm qegħdin jimponu diskriminazzjoni diretta kontra n-nisa, u jiċħdu d-drittijiet ta' ċittadinanza sħiħa lin-nisa permezz tal-mod selettiv li bih jitwasslu s-servizzi tal-istat;

AF.

billi huma meħtieġa politiki mmirati lejn is-suq tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sabiex jitqiesu l-ostakoli intersezzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom nisa vulnerabbli bħan-nisa b'diżabilità, nisa żgħażagħ, nisa migranti u refuġjati, nisa minn sfondi ta' minoranza etnika u nisa LGBTI f'termini ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u s-sigurtà tal-impjiegi;

AG.

billi l-fatt li l-ħaddiema jingħataw ħin frank għall-iżvilupp personali u tat-taħriġ fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja mingħajr ma ssir diskriminazzjoni kontrihom, jibbenefika l-benessri tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-ekonomija b'aktar ħiliet u produttività ogħla (31);

AH.

billi l-implimentazzjoni ta' politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata minnha nnifisha mhux se tipproduċi benefiċċji għall-ħaddiema sakemm ma tiġix akkumpanjata minn politiki biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja, flimkien ma' politiki biex jitrawmu u jiġu promossi, fost l-oħrajn, l-attivitajiet kulturali, rikreattivi u sportivi;

Prinċipji ġenerali

1.

Jirrimarka li l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja huwa kunċett wiesa' li jinkludi politiki ġenerali kollha ta' natura leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva immirati lejn il-promozzjoni bilanċ xieraq u proporzjonat bejn id-diversi aspetti ta' ħajjet in-nies; iqis li l-kisba ta' bilanċ ġenwin bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jeħtieġ politiki robusti, trasversali, strutturali u komprensivi, inklużi inċentivi u miżuri effikaċi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, l-indukrar u l-ħin imqatta' mal-familja u l-ħbieb, u l-ħin għar-rekreazzjoni u l-iżvilupp personali; jinnota li fuq kollox tenħtieġ bidla kulturali fis-soċjetà, li titratta l-isterjotipi tas-sessi sabiex ix-xogħol u l-kura jinqasmu b'mod iktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa;

2.

Jenfasizza li l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja jeħtieġ jiġi garantit bħala dritt fundamentali għal kulħadd, fl-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, permezz ta' miżuri li jkunu disponibbli għal kulħadd, li jmorru lil hinn minn ommijiet, missirijiet żgħażagħ u indokraturi; jappella għall-introduzzjoni ta' qafas li jiżgura dan id-dritt bħala l-għan bażiku tas-sistemi soċjali u jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromwovu, kemm fis-settur pubbliku u privat, mudelli tal-benesseri kummerċjali li jirrispettaw id-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; iqis li dan id-dritt għandu jiġi integrat fl-attivitajiet tal-UE li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq din il-kwistjoni;

3.

Jirrimarka li l-UE qed tiffaċċja bidliet demografiċi bla preċedent: iż-żieda fil-medja tat-tul tal-ħajja, rati iktar baxxi ta' twelid, bidliet fl-istrutturi familjari flimkien ma' forom ġodda ta' bini ta' relazzjonijiet u (ko)abitazzjoni, ġenituri f'età avvanzata u migrazzjoni, li jippreżentaw sfidi ġodda għall-UE; jinsab imħasseb li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi meħtieġa għal politiki ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex tiġi ggarantita d-disponibilità u l-aċċess għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità bi prezz li jintlaħaq; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki pożittivi u inċentivi għall-appoġġ tat-tiġdid demografiku, iż-żamma tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u l-promozzjoni tal-benesseri u l-iżvilupp tal-persuni u tas-soċjetà kollha kemm hi;

4.

Jenfasizza li r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE ggravat minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, opportunitajiet ta' impjieg prekarji u l-inċertezza rigward il-futur u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol qed iwasslu biex iż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ professjonali, jitilfu l-interess li jkollhom it-tfal bil-għan li jibqgħu attivi f'suq tax-xogħol dejjem aktar kompettitiv; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromwovu ambjenti tax-xogħol favur il-familja, pjanijiet ta' rikonċiljazzjoni, programmi għar-ritorn lura għax-xogħol, kanali ta' komunikazzjoni bejn l-impjegati u min iħaddem, u inċentivi għan-negozji u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari biex jiżguraw li n-nies mhux qed ikunu penalizzati ekonomikament minħabba li jkollhom it-tfal u li l-aspirazzjonijiet leġittimi ta' karriera ma jmorrux kontra l-pjanijiet familjari; jenfasizza barra minn hekk li l-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri jistgħu jiġu applikati effettivament b'benefiċċji għas-soċjetà u l-ekonomija jekk jiġu applikati flimkien ma' strumenti oħra ta' politika, inkluż il-forniment ta' ndukrar tat-tfal ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq;

5.

Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni lejn il-politiki dwar il-bilanċ bejn x-xogħol u l-ħajja privata bħala kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi soċjoekonomiċi; jistieden lis-sħab soċjali Ewropej joħorġu bi ftehim dwar pakkett komprensiv ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni, biex filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà tippreżenta proposta għal pakkett bħal dan bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 fil-kuntest tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali mħabbar jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim bejn is-sħab soċjali; jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi għandhom jinkludu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala bażi legali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali lejn pilastru tad-drittijiet soċjali, li jwassal għal investiment soċjali reali li jenfasizza primarjament l-investiment fin-nies;

6.

Jilqa' t-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tiġbor il-fehmiet u rispons dwar numru ta' prinċipji essenzjali biex jiġu appoġġjati swieq tax-xogħol u sistemi ta' assistenza soċjali li jiffunzjonaw tajjeb u ġusti fiż-żona tal-euro;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw politiki u miżuri li jirrikonoxxu d-diversità li qed tiżdied tar-relazzjonijiet tal-familja, inkluż is-sħubiji ċivili u l-arranġamenti tat-trobbija tat-tfal mill-ġenituri u min-nanniet, kif ukoll id-diversità tas-soċjetà kollha kemm hi, b'mod partikolari biex jiggarantixxu li t-tfal ma jiġux iddiskriminati minħabba l-istatus maritali tal-ġenituri jew il-kostituzzjoni tal-familja tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu dokumenti legali b'mod reċiproku bil-għan li jiġi ggarantit il-moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u jipprovdu miżuri li jappoġġaw lil dawk li huma l-aktar żvantaġġjati jew esklużi minn leġislazzjoni u politiki eżistenti, bħal familji b'ġenitur wieħed, koppji mhux miżżewġin, koppji tal-istess sess, migranti, persuni li jaħdmu għal rashom jew l-hekk imsejħa 'konjuġi ta' għajnuna', u l-familji li membru wieħed jew aktar tagħhom għandhom diżabilità;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jqisu l-Konvenzjoni tal-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat CRPD tan-NU tal-2015 lill-UE;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-benesseri u l-aħjar interessi tat-tfal ikunu wieħed mill-kunsiderazzjonijiet ewlenin fl-iżvilupp, fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal (32) u jissorveljaw mill-qrib il-progress tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu inizjattivi, bħal Garanzija għat-Tfal, li tqiegħed lit-tfal fil-qalba ta' politiki għat-tnaqqis tal-faqar eżistenti sabiex it-tfal kollha jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata bħala parti minn pjan integrat Ewropew għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

11.

Iqis li l-faqar fost it-tfal huwa marbut mal-faqar tal-ġenituri, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar u l-Benesseri tat-Tfal u jużaw il-qafas ta' monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi msemmi fiha;

12.

Jenfasizza l-importanza li jiġi inkorporat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fil-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fl-istrateġiji korporattivi bil-għan li jkun żgurat li kulħadd jiġi appoġġjat fi żminijiet differenti matul il-ħajja tagħhom u jkun jista' jipparteċipa b'mod attiv fis-suq tax-xogħol bi drittijiet tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali;

13.

Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u ugwaljanza aktar imsaħħa bejn is-sessi huma essenzjali għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-indukraturi nisa u l-ommijiet waħedhom, u għall-kisba tal-għan tal-emanċipazzjoni tan-nisa; jenfasizza li t-trasformazzjoni u l-adattament tas-suq tax-xogħol huma essenzjali għall-emanċipazzjoni ekonomiku tan-nisa sabiex jitqiesu ċ-ċikli tal-ħajja tan-nisa;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' trasformazzjoni u biex jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu sehem aktar ugwali tal-attivitajiet ta' indukraru x-xogħol domestiku, li jiffokaw wkoll fuq id-dritt u l-ħtieġa li l-irġiel jerfgħu responsabbiltajiet tal-indukrar mingħajr ma jiġu stigmatizzati u ppenalizzati; iqis li għandha ssir enfasi fuq in-negozji u dawn għandhom jingħataw appoġġ fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni;

15.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jaffettwa b'mod partikolari l-ħaddiema nisa u biex jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja u l-azzjoni legali, inkluż billi jżidu l-ammont ta' informazzjoni offruta dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-assistenza legali, jekk meħtieġa; jistieden f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu politiki għat-titjib tal-infurzar tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, inkluż iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet legali rigward it-trattament indaqs permezz tat-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni, it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi (33) u l-għoti tas-setgħa lil korpi ta' ugwaljanza nazzjonali biex iwettqu investigazzjonijiet formali fuq inizjattiva tagħhom stess ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tingħata għajnuna lill-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni;

16.

Jenfasizza li n-nuqqas ta' data komprensiva, affidabbli u aġġornata regolarment dwar l-ugwaljanza jagħmilha iżjed diffiċli biex tiġi pprovata l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, b'mod partikolari diskriminazzjoni indiretta; jappella lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-ugwaljanza b'mod sistematiku u jagħmluha disponibbli, bl-involviment tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali u tal-qrati, inkluż bil-ħsieb li ssir analiżi u monitoraġġ ta' din id-data għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tippromwovi aktar dan il-ġbir ta' data permezz ta' Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri, u billi l-Eurostat jiġi inkarigat bl-iżvilupp tal-konsultazzjonijiet li għandhom l-għan li jintegraw id-diżaggregazzjoni tad-data abbażi tar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni fl-indikaturi tal-Istħarriġ Soċjali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tikkoopera mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ittejjeb il-kwantità u l-kwalità ta' data diżaggregata skont is-sess b'mod sistematiku;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi b'mod regolari l-progress miksub f'oqsma kritiċi ta' tħassib kif inhu identifikat fil-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni li għalihom diġà ġew żviluppati indikaturi mill-EIGE, filwaqt li jitqiesu l-eżiti ta' dawn ir-reviżjonijiet fil-valutazzjoni tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE;

18.

Jinnota r-rwol importanti tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 2000/78/KE, li jikkontribwixxu biex titqajjem kuxjenza u għall-ġbir tad-data, iżommu kuntatt mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn, jindirizzaw in-nuqqas ta' rapportar u jagħmlu l-proċessi tal-ilment aktar aċċessibbli; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol, il-kapaċitajiet u l-indipendenza tal-korpi ta' ugwaljanza, inkluż l-Equinet, fosthom permezz tal-għoti ta' finanzjament adegwat; jitlob b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet previsti fid-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali 2006/54/KE, li tiggarantixxi aċċess għall-ġustizzja u azzjoni legali;

19.

Iqis li hu meħtieġ li jiġi pprovdut taħriġ xieraq fuq il-leġiżlazzjoni ta' nondiskriminazzjoni fl-impjieg u l-ġurisprudenza għall-impjegati ta' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u korpi ta' infurzar tal-liġi u għall-ispetturi tax-xogħol; jemmen li taħriġ bħal dan huwa wkoll ta' importanza kritika għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u l-forza tal-pulizija;

20.

Jistieden lill-Istati Membri biex flimkien mal-Kummissjoni jiggarantixxu li d-drittijiet għal allokazzjonijiet soċjali mogħtija mill-politiki pubbliċi jkunu aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa u għall-irġiel, sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jgawdi d-drittijiet tiegħu u biex ikunu jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

Li n-nisa u l-irġiel jaqilgħu u jindukraw indaqs

21.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fix-xogħol imħallas u mhux imħallas u li tiġi promossa l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet u l-ispejjeż tal-indukrar għat-tfal u dipendenti bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali, inkluż billi jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi ta' interess ġenerali; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' proposti speċifiċi biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata;

22.

Jiddeplora l-persistenza tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju fundamentali ta' paga ugwali għal xogħol ugwali għall-ħaddiema nisa u rġiel stabbilita fl-Artikolu 157 tat-TFUE, li tolqot b'mod partikolarilin-nisa li għandhom u li qed irabbu t-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu ppjanar dwar il-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex issaħħaħ l-istatus tal-impenn strateġiku tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex tintegra perspettiva tas-sessi fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiżgura li l-ħidma dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ma ssirx inqas prijorità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta Strateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal wara l-2015 b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jirritornaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-indukrar, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-impjieg mill-ġdid, fl-istess karigajew f'karigaekwivalenti jew simili, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija jew trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala, applikazzjoni għal u/jew teħid ta' liv tal-familja, u perjodu ta' protezzjoni wara r-ritorn tagħhom ħalli jkunu jistgħu jaġġustaw mill-ġdid f'xogħolhom;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili fil-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament adegwat għal dawn il-politiki, ta' ftehimiet kollettivi u ta' negozjar kollettiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, u ta' riċerka u skambji ta' prattiki tajbin;

26.

Jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom hija kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata tal-impjiegi inġenerali ta' 75 % u biex tingħata spinta lill-PDG; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u jżidu l-investiment favur l-impjieg tan-nisa f'impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi u fil-pożizzjonijiet fejn in-nisa huma sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u fis-setturi tal-ekonomija ekoloġika, jew f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni għolja fis-setturi kollha;

Tipi ta' liv relatati mal-familja u mal-indukrar

27.

Jinnota li l-Kummissjoni rtirat ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità u jitlob li din tressaq proposti ambizzjużi bi standards ta' livell għoli, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jitħallsu kif ukoll koperti minn protezzjoni soċjali matul il-perijodu ta' liv tal-maternità biex jappoġġaw lill-familji u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, isaħħaħ l-indipendenza soċjali u ekonomika tan-nisa u biex ikun evitat li jiġu penalizzati finanzjarjament talli jkollhom it-tfal; jenfasizza li liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

28.

Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba dwar it-tipi differenti ta' liv fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali; jinnota li aċċess aħjar għal tipi differenti ta' liv jipprovdi lill-persuni b'perspettiva ta' liv dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u jżid il-parteċipazzjoni fix-xogħol, l-effiċjenza ġenerali u s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol; jinnota li fejn m'hemmx dispożizzjonijiet għal-liv, jew fejn dawk eżistenti huma kkunsidrati bħala insuffiċjenti, is-sħab soċjali, jista' jkollhom rwol importanti fl-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda jew fl-aġġornament ta' dawk attwali għal-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri;

29.

Jappella lill-Istati Membri jipprovdu sostituzzjoni ta' dħul u protezzjoni soċjali xierqa matul kwalunkwe liv relatat mal-familja jew mal-indukrar sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema bi dħul baxx ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' liv, bl-istess kundizzjonijiet, bħall-oħrajn;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri u jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali biex jikkunsidraw li joffru estensjoni xierqa tat-tul minimu tal-liv tal-ġenituri b'sostituzzjoni ta' dħul adegwat u bi protezzjoni soċjali minn erbgħa għal mill-inqas sitt xhur u biex tiżdied l-età tat-tfal li għalihom jista' jittieħed il-liv tal-ġenituri; jenfasizza li l-ġenituri għandhom jingħataw il-flessibilità biex jużaw il-liv fi frazzjonijiet differenti jew kollu kemm hu; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jikkunsidraw mill-ġdid is-sistemi tagħhom ta' kumpens finanzjarju għal-liv tal-ġenituri bil-għan li jintlaħaq livell adegwat ta' sostituzzjoni tad-dħul li jaġixxi bħala inċentiv u jinkoraġġixxi wkoll lill-irġiel jeżerċitaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri lil hinn minn perjodu ta' żmien minimu ggarantit mid-Direttiva; itenni li l-liv tal-ġenituri għandu jinqasam ugwalment bejn il-ġenituri u li parti sinifikanti għandha tibqa' mhux trasferibbli (34); jenfasizza li ż-żewġ ġenituri għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod rigward id-drittijiet għad-dħul u t-tul ta' żmien tal-liv;

31.

Jinnota żieda fil-vulnerabilità ta' ġenituri li jaħdmu li għandhom tfal b'diżabilità; Jistieden għalhekk, lill-Kummissjoni biex ittejjeb u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/18/UE rigward il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u regoli dettaljati għall-għoti tal-liv tal-ġenituri lil dawk li għandhom it-tfal b'diżabilità jew b'mard inkapaċitanti serju jew fit-tul; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jestendu l-possibbiltà ta' liv tal-ġenituri għal dawn il-ġenituri wara l-età statutorja tat-tfal previst fid-Direttiva u li jingħatalhom aktar liv tal-maternità, tal-paternità (fejn jeżisti) u liv tal-ġenituri;

32.

Jemmen li l-promozzjoni tal-individwalizzazzjoni tad-dritt għal arranġamenti ta' liv, kif ukoll ir-rwol tal-missirijiet fit-trobbija ta' wliedhom billi jieħdu l-liv, huma essenzjali biex jntlaħaq il-bilanċ bejn is-sessi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-mira ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel fl-Istrateġija Ewropa 2020;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sabiex tagħti lok lill-ġenituri bi tfal jew b'persuni dipendenti oħra jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, inizjattivi b'bażi soda u koerenti dwar:

(1)

direttiva dwar il-liv tal-paternità b'mhux anqas minn ġimagħtejn liv obbligatorju bi ħlas sħiħ;

(2)

direttiva dwar il-liv tal-indukraturi li tissupplementa l-forniment ta' indukrar professjonali, li tippermetti lill-ħaddiema jindukraw persuni dipendenti u toffri lill-indukratur rimunerazzjoni u protezzjoni soċjali xierqa; talbiet għal flessibbiltà xprunati mill-impjegati u biżżejjed inċentivi għall-irġiel sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-liv tal-indukraturi;

(3)

standards minimi applikabbli fl-Istati Membri kollha biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta' ġenituri u tfal adottivi u biex jiġu stabbiliti l-istess drittijiet bħal dawk tal-ġenituri naturali,

jirrikonoxxi li xi Stati Membri diġà ħadu miżuri proattivi dwar il-liv tal-paternità u l-liv tal-indukraturi;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu “care credits” (krediti tal-indukrar) permezz ta' leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bħala perjodi ekwivalenti għall-akkumulazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni sabiex jiġu protetti dawk li jieqfu għal ftit mill-impjieg biex jipprovdu ndukrar informali u mhux imħallas lil persuna dipendenti jew membru tal-familja u biex jiġi rikonoxxut il-valur tax-xogħol ta' dawn l-indukraturigħas-soċjetà kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

Indukrar għal persuni dipendenti

35.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv il-miri ta' Barċellona sal-2020 u japprovaw l-Qafas ta' Kwalità tal-2014 dwar l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal;

36.

Ifakkar li l-investiment f'servizzi soċjali, inkluż l-infrastruttura, jiġġenera ammont ta' impjiegi konsiderevoli, li jwassal ukoll għal dħul addizzjonali sinifikanti għas-settur pubbliku f'taxxi tal-impjieg u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jitlob lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u l-indukrar ta' kwalità fit-tfulija bikrija u servizzi ta' ndukrar għall-anzjani u dipendenti; jistedinhom jiżguraw id-disponibbiltà, prezz li jintlaħaq u aċċess universali għal dawn is-servizzi billi, pereżempju, iżidu n-nefqa pubblika fuq servizzi ta' ndukrar, inklużi skemi għal għajxien indipendenti, u billi jsir użu aħjar mill-fondi tal-UE; jitlob li r-reviżjoni tal-QFP tintuża wkoll biex jiżdied l-investiment fis-servizzi soċjali u fl-infrastruttura, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-FSE, l-FEŻR u l-FEIS; jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-għoti ta' aċċess bla ħlas għal servizzi ta' ndukrar għall-familji li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali; jinnota wkoll l-impatt sproporzjonat tan-nuqqas ta' investiment fi strutturi u servizzi pubbliċi tal-indukrar fuq il-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza kbira tagħhom huma nisa;

37.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ix-xogħol li jsir minn nies li jiddedikaw il-ħin u l-ħiliet tagħhom biex jieħdu ħsieb lill-anzjani u persuni dipendenti;

38.

Jenfasizza li l-indukrar ta' tfal b'diżabilità joħloq sfidi partikolari għall-ġenituri li jaħdmu, u dan għandu jkun rikonoxxut mis-soċjetà u appoġġjat mill-politiki pubbliċi u n-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri biex fl-għoti ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal ta' qabel l-iskola jagħmlu enfasi mhux biss fuq l-aċċessibbiltà iżda anki fuq il-kwalità ta' dak l-indukrar, b'mod partikolari għal tfal li ġejjin minn ambjent żvantaġġat u tfal b'diżabbilità;

39.

Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-politiki fiskali bħala lieva qawwija li żżid il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-trawwim tal-impjieg tan-nisa;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu miri għall-indukrar tal-anzjani, persuni b'diżabilità u persuni dipendenti oħrajn, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod ta' monitoraġġ li għandhom ikejlu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u prezz li jintlaħaq; jistieden lill-Eurostat, il-Eurofound u lill-EIGE (għall-Indiċi tal-Ġeneru tiegħu), biex jiġbru data relevanti u jwettqu studji b'appoġġ għal din il-ħidma;

41.

Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu n-netwerk ta' servizzi speċjalizzati li jipprovdu l-indukrar ta' persuni anzjani, u b'mod speċifiku biex jibnu netwerks ta' servizzi fid-djar; f'dan is-sens, jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal politiki dwar l-indukrar tal-anzjani biex dan jiġi adattat għal bżonnijiet individwali u, jekk possibbli, biex issir enfasi fuq il-post ta' ndukrar preferut tagħhom;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem lejn standards kwalitattivi Ewropej għas-servizzi kollha ta' ndukrar, inklużi d-disponibbiltà, l-aċċessibiltà u l-prezz li jintlaħaq tagħhom, li jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-proċess ta' titjieb tal-istandards fil-qasam tal-indukrar; ifakkar l-oqfsa eżistenti bħalma huma l-Qafas Ewropew ta' Kwalità għal Servizzi ta' Ndukrarfit-Tul, li għandha tittieħed ispirazzjoni minnhomt; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki li jippermettu u jakkomodaw id--deistituzzjonalizzazzjoni tal-indukrar fit-tul, fejn ikun possibbli u bl-appoġġ ta' ndukrar ibbażat fil-komunità;

43.

Jirrimarka li element importanti fil-kisba ta' servizzi ta' kwalità huwa l-investiment fil-forza tax-xogħol (35); jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromowovu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u impjieg ta' kwalità għall-indukraturi, fosthom permezz ta' paga diċenti, rikonoxximent tal-istatus ta' indukraturi u l-iżvilupp ta' mogħdijiet ta' taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja għall-indukraturi;

Impjiegi ta' kwalità

44.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-livelli għolja ta' ħaddiema foqra fl-Ewropa kollha, b'xi nies li jkollhom jaħdmu aktar u aktar fit-tul, anke li jikkombinaw diversi impjiegi, sabiex jaqilgħu paga li tiggarantixxi l-għajxien; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw qafas ta' politika għall-pagi b'miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u l-garanzija ta' pagi adegwati għall-ħaddiema kollha, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' pagi minimi fil-livell nazzjonali li jiggarantixxu ħajja dinjituża, skont il-prattiċi nazzjonali; jappella lill-Istati Membri jappoġġaw in-negozjar kollettiv bħala fattur importanti fl-iżvilupp ta' politiki dwar il-paga;

45.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u fuq id-dritt li jieħdu ħin frank mingħajr ma dan jitnaqqas minħabba żieda fil-mobbiltà u rekwiżiti ta' flessibbiltà; jenfasizza l-fatt li żieda fil-flessibbiltà tista' tirriżulta f'intensifikazzjoni tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol attwalment esperjenzata min-nisa – fil-forma ta' pagi aktar baxxi, forom mhux standard ta' impjieg u responsabbiltà sproporzjonata għal kompiti domestiċi mhux imħallsa – jekk ma jitteħidx minn qabel approċċ ċar dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

46.

Jappella lill-Eurofound jiżiluppa aktar l-attivitajiet tiegħu għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-impjiegi permezz ta' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, ibbażat fuq il-kunċett ta' impjieg ta' kwalità li jinkludi: qligħ, prospetti, kwalità tal-ħin tax-xogħol, l-użu ta' ħiliet u d-diskrezzjoni, l-ambjent soċjali, ir-riskju fiżiku u l-intensità fuq ix-xogħol; jappella, barra minn hekk, lill-Eurofound biex tiżviluppa r-riċerka tagħha dwar politiki, ftehimiet tas-sħab soċjali u prattiki tal-kumpaniji li jappoġġaw l-impjiegi ta' kwalità (36); jappella lill-Eurofound ikompli jimmonitorja l-okkorenza ta' arranġamenti dwar il-ħin tax-xogħol u jipprovdi analiżi tal-politiki pubbliċi u l-ftehimiet mas-sħab soċjali f'dan il-qasam, inkluża valutazzjoni dwar kif dawn jiġu negozjati u l-appoġġ għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jappella lill-Eurofound biex tiżviluppa riċerka dwar kif il-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu jistgħu jiġġestixxul-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol tagħhom flimkien u kif jistgħu jiġu appoġġjati bl-aħjar mod;

47.

Jenfasizza li, min-naħa waħda, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jrid ikun ibbażat fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u fuq id-dritt li jieħdu ħin frank mingħajr ma dan jitnaqqas minħabba żieda fil-mobbiltà u rekwiżiti ta' flessibbiltà; jindika, min-naħa l-oħra, id-differenzi fis-sitwazzjoni personali u tal-familja ta' kull ħaddiem u għalhekk iqis li l-impjegati għandhom jingħataw il-possibilità li jużaw arranġamenti ta' xogħol flessibbli sabiex jadattaw dawn għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li tali flessibbiltà iffokata fuq l-impjegati tista' tippromwovi rati ogħla ta' impjiegi fost in-nisa; jenfasizza li l-impjegati u min iħaddem għandhom responsabbiltà kondiviża biex ifasslu u jaqblu dwar l-aktar arranġamenti xierqa; jappella lill-Kummissjoni tindirizza s-sitwazzjoni fl-Istati Membri dwar “Dritt li jitolbu arranġamenti flessibbli ta' xogħol”;

48.

Jappoġġa “smart working” (xogħol intelliġenti) bħala metodu ta' organizzazzjoni ta' xogħol permezz ta' taħlita ta' flessibilità, awtonomija u kollaborazzjoni, li mhux neċessarjament jeħtieġu li l-ħaddiem ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol jew f'post predefinit u li tippermettilhom li jimmaniġġjaw huma stess is-sigħat tax-xogħol tagħhom, filwaqt li tkun żgurata konsistenza ma' massimu ta' sigħat ta' xogħol kuljum u kull ġimgħa stabbiliti mil-liġi u permezz ta' ftehimiet kollettivi; jenfasizza, għalhekk, il-potenzjal ta' ħidma intelliġenti biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari għall-ġenituri li jirritornaw jew li jidħlu fis-suq tax-xogħol wara l-liv tal'-maternità jew tal-ġenituri; jiċħad, madankollu, bidla minn kultura ta' preżenza ta' kultura ta' disponibbiltà permanenti; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, biex meta jiżviluppaw politiki tax-xogħol intelliġenti, biex jiżguraw li dawn ma jimponux piż addizzjonali fuq il-ħaddiem, iżda pjuttost isaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jżidu l-benesseri tal-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-kisba ta' riżultati tal-impjiegi biex jiġi evitat l-abbuż ta' dawn il-forom ġodda ta' xogħol; jappella lill-Istati Membri biex jippromwovu l-potenzjal tat-teknoloġija bħad-data diġitali, l-Internet b'veloċità għolja, teknoloġija tal-awdjo u tal-vidjo għal arranġamenti ta' telexogħol;

49.

Jenfasizza li mudelli alternattivi bħall-kooperattivi u l-mutwalitajiet għandhom potenzjal enormi biex imexxu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi u bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali emerġenti tax-“xogħol intelliġenti”, minħabba l-livell ogħla ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistudjaw l-impatt tal-kooperattivi u l-mudelli kummerċjali alternattivi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment fis-setturi tat-teknoloġija, jistabbilixxu politiki biex jippromwovu u jaqsmu l-mudelli tal-aħjar prattiki;

50.

Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-ammont ta' xogħol part-time involontarju, b'mod partikolari fost in-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar, li żżid ir-riskju tagħhom ta' faqar fost il-ħaddiema; jenfasizza li meta ħaddiem jagħżel xogħol part-time, il-kwalità tal-impjieg tiegħu u n-non-diskriminazzjoni kontrih meta mqabbel ma' ħaddiema full-time jridu jiġu garantiti f'konformità mad-Direttiva tax-Xogħol part-time (37), u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għall-applikazzjoni ta' din id-direttiva; jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema li jaħdmu part-time, il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw it-twaqqif tax-xogħol u l-ħaddiema b'distakki fil-karriera jew b'perjodi fejn ġew maħduma inqas sigħat ikollhom id-dritt ta' aċċess għal skema ta' pensjoni diċenti mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni;

51.

Huwa mħasseb dwar l-abbuż ta' kuntratti ta' sigħat żero f'xi Stati Membri u l-użu abbużiv ta' kuntratti temporanji, kuntratti involontarji, irregolari, imprevedibbli u t-tul eċċessiv ta' sigħat ta' xogħol u apprendistati ta' kwalità baxxa, li jagħmel bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata impossibbli fuq medda twila ta' żmien; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex jitrattaw b'mod urġenti s-sitwazzjoni ta' impjieg prekarju, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa;

52.

Jirrimarka li sigħat tax-xogħol eċċessivi u irregolari u perjodi ta' serħan inux suffiċjenti, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-impjiegi u obbligi sproporzjonati ta’ prestazzjoni mitluba, jikkostitwixxu fatturi maġġuri ta' livelli ogħla ta' stress, livell baxx ta' saħħa fiżika u mentali u inċidenti u mard relatati max-xogħol; jirrimarka li l-ħinijiet tax-xogħol flessibbli u prevedibbli jinfluwenzaw b'mod pożittiv il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (38); jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw il-ħinijiet tax-xogħol u jiżguraw perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti kollha; ifakkar l-obbligu tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u biex tikkunsidra li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li qed jonqsu milli jikkonformaw magħha;

53.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati biex jiffokaw fuq l-organizzazzjoni innovattiva fuq il-post tax-xogħol u biex jibbilanċjaw kemm il-ħtiġijiet tax-xogħol u l-ħajja privata kif ukoll il-produttività/profittabbiltà tan-negozju; jinnota li r-rabta pożittiva bejn iż-żieda fl-impjiegi tan-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kompetittività tan-negozju, f'termini ta' tnaqqis fl-assenteiżmu, il-marġini tal-potenzjal tal-produzzjoni, il-fatturat, l-attrazzjoni tat-talent, il-lealtà, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' assistenza soċjali, iż-żieda fl-istandard tal-għajxien u l-ħin liberu, ġiet ppruvata b'mod wiesa' mill-aħjar prattiki fl-Ewropa f'numru ta' intrapriżi kbar jew netwerks tal-SMEs;

54.

Jenfasizza li n-nisa u l-persuni LGBTI jiffaċċjaw ostakoli u sorsi ta' stress speċifiċi bbażati fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, inkluż fastidju, esklużjoni, diskriminazzjoni jew sterjotipi tas-sessi, li jħallu impatt negattiv fuq il-benesseri tagħhom fuq ix-xogħol, u li jheddu s-saħħa mentali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu progress fil-karriera tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu aktar passi sabiex jindirizzaw dawn il-kundizzjonijiet avversi billi jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta' leġiżlazzjoni rilevanti kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja sensittivi lejn is-sessi, u jaħdmu ma' trejdjunjins u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

55.

Jistieden lill-Istati Membri jibnu u jsaħħu korpi nazzjonali ta' spezzjoni tax-xogħol billi jipprovdulhom il-kundizzjonijiet finanzjarji u r-riżorsi finanzjarji u umani li jagħtuhom preżenza effettiva fil-post u b'hekk ikunu jistgħu jiġġieldu l-insigurtà tal-impjiegi, l-impjieg mhux regolat, u d-diskriminazzjoni fix-xogħol u fil-paga, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

56.

Jappella lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2006/54/KE dwar it-Trattament Ugwali u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva, u tippromwovi fost il-kumpaniji l-implimentazzjoni ta' pjanijiet dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru, inklużi azzjonijiet dwar id-desegregazzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħlas u miżuri li jappoġġaw il-karrieri tan-nisa; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-korpi ta' ugwaljanza fl-assistenza lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u biex jiġu indirizzati l-isterjotipiċi tal-ġeneru; jappella lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri leġiżlattivi li jiżguraw il-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol;

57.

Jerġa' jtenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta l-Proposta għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

58.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu s-sigurtà soċjali, il-protezzjoni soċjali u r-remunerazzjoni fil-każ ta' liv minħabba mard sabiex ikun permess bilanċ ġenwin bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

Il-Kwalità tal-ħajja

59.

Jirrimarka li l-“kwalità tal-ħajja” hija kunċett usa' mill-“kundizzjonijiet tal-ħajja” u tirreferi għall-benesseri ġenerali tal-individwi f'soċjetà, billi tidentifika numru ta' dimensjonijiet tal-eżistenza tal-bniedem bħala essenzjali għal ħajja tal-bniedem kompluta (39);

60.

Jenfasizza li l-inugwaljanza fil-qasam tar-rikreazzjoni u l-kondiviżjoni mhux indaqs tar-responsabbiltajiet bejn in-nisa u l-irġiel jista' jkollha impatt fuq l-iżvilupp personali, it-tagħlim ta' ħiliet u lingwi ġodda, l-parteċipazzjoni soċjali, politika, kulturali u l-ħajja komunitarja tan-nisa, u b'mod speċjali fuq is-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa;

61.

Jenfasizza li kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż is-segregazzjoni tal-ġeneri, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi dwar il-ġeneri u livelli għoljin ta' stress fil-ġestjoni tal-ħajja professjonali u dik privata qed jiġu riflessi fir-rata għolja ta' inattività fiżika tan-nisa u għandhom impatt enormi fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom (40); itenni l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi permezz tal-promozzjoni u d-difiża tal-ugwaljanza bejn is-sessi tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni, mill-iskola primarja 'l quddiem; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex iwettqu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni kif ukoll programmi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġġieldu kontra l-isterjotipi;

62.

Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-iżvilupp personali tal-ħaddiema, inkluż l-importanza li wieħed jibqa' aġġornat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li dejjem jinbidlu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja; jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jipprovdu għal liv għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, inkluż fi Stati Membri terzi; jappella biex iwettqu it-tagħlim kemm ġewwa u barra mix-xogħol, inklużi opportunitajiet ta' studju mħallas, li jkunu aċċessibbli għall-ħaddiema kollha, partikolarment dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet żvantaġġjati, u b'enfasi fuq l-impjieg tan-nisa f'setturi fejn in-nisa huma strutturalment sottorappreżentati;

63.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi; jappella lill-Istati Membri jippromwovu miżuri immirati biex jistabbilixxu skemi ta' introjtu minimu adegwat f'konformità mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali li jagħmluha possibbli li n-nies kollha jgħixu ħajja dinjituża, li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u li jiżguraw l-indipendenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

o

o o

64.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

(2)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 163.

(3)  ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.

(4)  ĠU L 353, 28.12.2013, p. 7.

(5)  ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(7)  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(8)  ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2016)0059.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2015)0207.

(11)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 110.

(12)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.

(13)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2015)0351.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2016)0042.

(17)  Testi adottati, P8_TA(2016)0226.

(18)  ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8.

(19)  It-3073 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, organizzata fi Brussell fis-7 ta' Marzu 2011.

(20)  Eurostat 2015 Demography Report (Rapport tal-Eurostat dwar id-Demografija għall-2015).

(21)  Eurofound (2015). First findings: Sixth European Working Conditions Survey" (L-ewwel riżultati: Is-Sitt Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol)

(22)  http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do

(23)  Eurofound (2013): Caring for children and dependants: Effect on careers of young workers (L-indukrar tat--tfal u l-persuni dipendenti: L-effetti fuq il-karrieri tal-ħaddiema żgħażagħ).

(24)  Eurofound (2015): First findings: Sixth European Working Conditions Survey" (L-ewwel riżultati: Is-Sitt Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol)

(25)  Data tal-Eurostat għall-2010, Rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (SWD(2016)0054).

(26)  Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja 2012 tal-Eurofound

(27)  Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Indukrar fit-tfulija bikrija: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi – Rieżami sistematiku)

(28)  Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', (COM(2013)0322),

(29)  Eurofound (2013), Caring for children and dependants: Effect on carers of young workers (Nindukraw it-tfal u d-dipendenti: L-effetti fuq l-indukraturi tal-ħaddiema żgħażagħ).

(30)  Eurofound report, Sustainable work over the life course: Concept paper (Rapport tal-Eurofound, Xogħol sostenibbli matul il-ħajja: Dokument ta' kunċett – 2015)

(31)  CEDEFOP Research Paper: Training leave Policies and practices in Europe (Liv għat-taħriġ: Politiki u prassi fl-Ewropa), 2010.

(32)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE.

(33)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE (P8_TA(2015)0351).

(34)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (P8_TA(2016)0226).

(35)  Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Indukrar fit-tfulija bikrija: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi – Reviżjoni sistematika)

(36)  Rapport tal-Eurofound “Trends in job quality in Europe” (Xejriet fil-kwalità tax-xogħol fl-Ewropa – 2012) u r-rapport tal-Eurofound dwar “Convergence and divergence of job quality in Europe 1995-2010” (Konverġenza u diverġenza tal-kwalità tal-impjiegi fl-Ewropa 1995-2010 (2015)).

(37)  Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE.

(38)  Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound.

(39)  It-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja tal-Eurofound

(40)  L-Istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Differences in Men's and Women's Work, Care and Leisure Time' (Id-differenzi bejn ix-xogħol, l-indukrar u l-ħin ta' rikreazzjoni tan-nisa u tal-irġiel).


Top