EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE1244

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Perikli u ostakli għas-Suq Uniku” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 125, 21.4.2017, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Perikli u ostakli għas-Suq Uniku”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2017/C 125/01)

Relatur:

Oliver RÖPKE

Data tad-deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.1.2016

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

Adottata fis-sezzjoni

13.1.2017

Adottata fil-plenarja

25.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

166/62/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-suq uniku huwa kisba ewlenija u huwa element ewlieni fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Għandu jkun il-bażi tal-prosperità fl-Ewropa. L-introduzzjoni tal-euro u l-Ftehim ta’ Schengen kienu passi deċiżivi biex jiġi kkompletat is-suq uniku. Madankollu, it-tnejn qegħdin jiġu dejjem aktar taħt pressjoni, xi ftit minħabba interessi nazzjonali li ma jaħsbux fil-ġejjieni, u parti sinifikanti tal-popolazzjoni Ewropea li dejjem aktar qed tikkontestahom, parzjalment minħabba t-tħassib reali taċ-ċittadini Ewropej.

1.2

Il-KESE dejjem kien favur, il-moviment liberu tal-merkanzija, s-servizzi, il-kapital, il-pagamenti u l-persuni u li jinżamm il-bilanċ meħtieġ bejn il-linji politiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Huwa essenzjali li nibqgħu fit-triq lejn il-konverġenza ekonomika u soċjali fost l-Istati Membri.

1.3

Għal żvilupp ulterjuri tas-suq uniku, għandhom jitneħħew ostakli bla bżonn, biex niżguraw it-tkabbir, l-impjiegi, il-prosperità fit-tul u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna. Dan jikkonċerna b’mod partikolari ostakli tas-suq bħan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki u diplomi, ir-restrizzjonijiet tekniċi fil-livell lokali, l-ostakoli regolatorji minħabba leġislazzjoni nazzjonali differenti, u l-koordinazzjoni inadegwata tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku fil-livell tal-UE.

1.4

Il-KESE huwa mħasseb billi s-suq intern tal-UE bilkemm kellu tkabbir mill-kriżi finanzjarja 'l hawn. L-ekonomija taż-żona tal-euro fil-fatt naqset b’1,6 % bejn l-2008 u l-2015. Min-naħa l-oħra, reġjuni ekonomiċi oħra tad-dinja, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Awstralja għaddew sew lill-UE fid-domanda domestika u t-tkabbir ekonomiku. Għaldaqstant huma meħtieġa sforzi qawwija biex l-Ewropa terġa' lura lejn l-objettivi ta’ politika tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.5

Il-KESE jenfasizza mill-ġdid l-importanza tal-mobilità transkonfinali għan-negozji u l-ħaddiema. Madankollu, ma għandux jintesa li hemm nuqqas ta’ appoġġ għall-prinċipji tas-suq intern f’parti sinifikanti tal-popolazzjoni ġenerali. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija ż-żieda fir-riskju tat-tkomplija tal-prattiki inġusti u illegali fil-każ tal-forniment transkonfinali ta’ servizzi. Riskju għoli ta’ abbuż idgħajjef il-fiduċja tal-ħaddiema u l-kumpaniji onesti fis-suq intern.

1.6

Għandhom jittieħdu azzjonijiet deċiżivi biex jilqgħu kontra dawn ix-xejriet u huwa importanti li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fl-interess tan-negozji wkoll. Suq intern li jaħdem sew jeħtieġ konformità mal-leġislazzjoni Ewropea u nazzjonali fit-twettiq tal-attivitajiet transkonfinali. Din hija r-raġuni għalfejn il-maġġoranza tal-membri tal-KESE għalhekk jappoġġjaw l-isforzi kollha biex tiġi indirizzata t-talba tal-President Juncker biex fl-UE l-istess xogħol fl-istess post ikun remunerat bl-istess mod fil-prattika.

1.7

Minkejja li s-suq uniku għandu bażi soċjali b’saħħitha fit-TFUE u fil-leġislazzjoni sekondarja, l-UE għandha tiżgura bilanċ aħjar bejn l-libertajiet tas-suq u d-drittijiet soċjali fundamentali fil-leġislazzjoni primarja. Dan biex jindirizza t-tħassib ta’ ħafna nies li jħossu li l-interessi soċjali u r-rekwiżiti tagħhom fis-suq intern dejjem qed jiġu salvagwardati inqas.

1.8

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-fatt li qed tiġi vverifikata l-effiċjenza tal-liġi tal-UE. Din l-inizjattiva jista’ jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv mhux meħtieġ meta l-istess qasam ikun soġġett għal-leġislazzjoni nazzjonali u reġjonali differenti. Huwa fl-interess tal-SMEs, li l-leġislazzjoni armonizzata tiġi eżaminata għan-neċessità tagħha. Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu li standards għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur mhumiex piż bla bżonn.

1.9

Il-KESE jenfasizza l-fehma tiegħu li s-suq uniku diġitali għandu jkun prijorità politika minħabba l-potenzjal ta’ tkabbir enormi tiegħu. L-inċertezzi legali eżistenti fil-qasam tal-impjiegi, l-ekonomija u l-affarijiet tal-konsumatur jeħtieġ li jkunu studjati u jitneħħew malajr. Il-Kummissjoni għandha timplimenta qafas legali ċar għal forom ġodda ta’ ekonomija u mudelli ta’ negozju ġodda fis-suq uniku, inklużi forom differenti ta’ ekonomija kollaborattiva, bil-għan li tneħħi l-lakuni regolatorji. Il-leġislazzjoni applikabbli għandha tiġi rispettata bis-sħiħ u, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni ġusta.

1.10

Anke l-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha tibqa’ fil-quċċata tal-aġenda peress li l-allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital li dan iġib miegħu jista’ joħloq effetti pożittivi kemm għall-ekonomija u l-impjieg kif ukoll għall-konsumaturi. L-għadd ta’ żviluppi reċenti, bħall-Brexit, m’għandux iwassal għal dewmien bla bżonn jew kompromessi fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani.

1.11

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li lakuni fis-sistemi tat-taxxa jwasslu għal kompetizzjoni inġusta fis-suq intern. Għaldaqstant, huwa jappoġġja l-ħidma lejn bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, ir-rappurtar skont il-pajjiz, kif ukoll l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu indirizzati l-evitar tat-taxxa u r-rifuġji fiskali. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ rata komuni minima tat-taxxa korporattiva tikkostitwixxi komplement siewi għal dawn l-inizjattivi u twaqqaf il-ġirja lejn l-orħos rata tat-taxxa.

1.12

Is-servizzi pubbliċi, magħrufa wkoll bħala servizzi ta’ interess ġenerali, jaqdu rwol importanti fil-qafas tal-ekonomija tas-suq soċjali u huma essenzjali għall-popolazzjoni. Is-servizzi ta’ interess ġenerali huma parti mill-valuri komuni tal-UE u għandhom rwol fit-trawwim tal-koeżjoni soċjali u territorjali.

1.13

Dan ir-rwol tal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali għandu jkun ikkunsidrat bħala parti mill-“prinċipji u l-kondizzjonijiet” li l-UE tista’ tistabbilixxi għal dawn is-servizzi. Fil-kuntest tar-riformi ppjanati tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-KESE jenfasizza l-Protokoll Nru 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, skont liema l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

1.14

Fil-kuntest tal-akkwist pubbliku, hemm bżonn azzjoni kontra prattiki inġusti, li jwasslu għal offerti taħt il-livell ġust, jistgħu ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-paga minima fis-seħħ fid-dispożizzjonijiet u l-prattiki legali nazzjonali rispettivi u fl-aħħar mill-aħħar f’ħafna każijiet, jistgħu jirriżultaw f’ħafna spejjeż żejda. B’mod partikolari, għandu jkun hemm trasparenza dwar il-prezz u s-servizz tal-aħjar offerta u l-ispejjeż żejda li jistgħu jintalbu sussegwentement. L-għan għandu jkun li japplika l-prinċipju tal-aħjar offerta mhux tal-irħas offerta.

2.   L-isfidi għas-suq uniku

2.1

L-integrazzjoni Ewropea għandha ssegwi l-għan li jinkiseb il-bilanċ meħtieġ bejn il-linji politiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, il-kapital, il-pagamenti u l-persuni għandu jiġi kkumplementat billi jiġu rrispettati d-drittijiet soċjali fundamentali inkorporati fit-Trattati tal-UE permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-drittijiet soċjali fundamentali jridu jiġu infurzati fis-suq intern fil-prattika. Fl-istess ħin kwalunkwe xkiel żejjed persistenti fis-suq uniku għandu jitneħħa biex tiġi żgurata l-prosperità fit-tul u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

2.2

Il-KESE fakkar kemm-il darba, l-aktar reċentament fl-Opinjoni tiegħu dwar “Naġġornaw is-Suq Uniku” (1), li s-suq uniku huwa fattur ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea, bil-potenzjal li jġib benefiċċji tanġibbli u li jiġġenera tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji Ewropej.

2.3

Is-suq uniku huwa kisba kbira u għandu jipprovdi s-sisien tal-prosperità Ewropea. It-tnedija tal-euro fiż-żona tal-euro u l-Ftehim ta’ Schengen kienu mumenti kritiċi fit-triq lejn il-ħolqien ta’ suq uniku komuni. Madankollu issa jinsabu taħt pressjoni kbira, u dan juri kemm huma differenti l-interessi tal-Istati Membri tal-UE. Sa ċertu punt, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u s-sorveljanza għadhom iseħħu fuq livell nazzjonali.

2.4

Il-KESE jinnota li għad hemm ostakli sinifikanti għas-suq fil-forma ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki u diplomi, kurrikula separati, restrizzjonijiet tekniċi lokali, ostakli regolatorji li jirriżultaw prinċipalment mill-frammentazzjoni tas-suq uniku minħabba oqfsa legali nazzjonali differenti, piżijiet amministrattivi bħall-konformità mar-regoli nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana jew nuqqas ta’ faċilitajiet tal-gvern elettroniku u nuqqas ta’ koordinazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku fil-livell Ewropew.

2.5

Il-Kummissjoni tipprova timplimenta armonizzazzjoni sħiħa f’xi oqsma, li jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni eżistenti f’xi Stati Membri. Il-KESE jenfasizza li huwa oppona miżuri bħal dawn f’għadd ta’ opinjonijiet. L-armonizzazzjoni sħiħa, fejn tiġi segwita mill-Kummissjoni, għandha tintlaħaq, iżda fl-istess ħin għandu jinżamm il-livell eżistenti ta’ protezzjoni.

2.6

Iċ-ċittadini fl-Istati Membri qed iħossu aktar li l-Ewropa ftit qed taħdem biex tipproteġi l-istandards soċjali u tad-dħul jew biex tikseb ġustizzja fiskali u tariffi soċjali ġusti. Is-suq uniku għandu dimensjoni soċjali solida bbażata fuq it-TFUE u l-leġislazzjoni sekondarja tal-UE, iżda għandu jitqies bilanċ aħjar bejn il-politiki tal-libertajiet ekonomiċi tas-suq u d-drittijiet soċjali fundamentali.

2.7

Il-miżuri ppreżentati skont il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali għandhom jirriflettu l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u jibnu fuq il-konvinzjoni li l-iżvilupp ekonomiku għandu jwassal għal aktar progress soċjali u koeżjoni u li, filwaqt li jiġu żgurati xbieki ta’ sikurezza adatti f’konformità mal-valuri Ewropej, il-politika soċjali għandha wkoll titqies bħala fattur produttiv.

2.8

Minkejja l-bosta kisbiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, il-konverġenza ekonomika u soċjali reali bejn l-Istati Membri għadhom 'il bogħod, u hemm differenzi kbar fil-pagi u l-istandards soċjali. Il-pagi aktar baxxi eżistenti f’xi Stati Membri huma minħabba l-iżvilupp storiku u d-diversità naturali tas-suq intern estensiv Ewropew u jirriflettu l-livelli ta’ produttività lokali u ħafna fatturi oħra inklużi l-interessi tal-investituri. Minkejja dan, għandha tingħata aktar attenzjoni għad-dumping soċjali li għandu jkun definit bħala prattika illegali u abbużiva ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli fir-rigward tar-remunerazzjoni tax-xogħol jew il-ħlas tal-assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa biex b’hekk jinkiseb vantaġġ inġust fuq il-kompetituri (2).

2.9

Minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja, jiġifieri matul il-perjodu mill-2008 sal-2015, it-tkabbir tas-suq uniku kien ta’ 0,4 %, kważi l-ebda tkabbir f’termini reali. Fiż-żona tal-euro, is-suq uniku saħansitra naqas b’1,6 %. Il-parti l-kbira tar-reġjuni ekonomiċi l-oħra ħallew l-Unjoni Ewropea lura ħafna f’termini tad-domanda domestika (pereżempju, l-Istati Uniti +8,8 %, l-Awstralja +17,9 %, il-Ġappun +3,8 %) (3). Il-miżuri maħsuba biex jagħtu spinta lid-domanda fis-suq uniku bħalma huma l-Pjan Ewropew għall-Investimenti bil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, għad ma kellhomx l-effett meħtieġ.

2.10

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-objettivi soċjali u tal-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020 ibbażati fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ma jistgħux jintlaħqu (4). It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-implimentazzjoni kajmana ta’ riformi strutturali importanti u n-nuqqas ta’ domanda fis-suq uniku s’issa wasslu għall-effett oppost: ir-rata ta’ impjieg naqset minn 70,3 % fl-2008 għal 69,2 % fl-2014. Madankollu, għandha tilħaq il-75 % sal-2020. Minflok it-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni milquta mill-faqar u l-esklużjoni soċjali b’20 miljun sal-2020, dan żdied b’4,9 miljuni fl-2014. Barra minn hekk, sal-aħħar tal-2015, kien hemm sitt miljun persuna oħra qiegħda fl-UE aktar milli qabel il-kriżi.

2.11

Aspett ieħor importanti fl-istrateġija Ewropa 2020 huwa l-edukazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-fatt li s-sehem tal-popolazzjoni li ħalliet l-edukazzjoni u t-taħriġ bikri naqas minn 14,2 % fl-2008 għal 11 %. Il-kisba tal-edukazzjoni terzjarja ukoll tjiebet u żdiedet minn 31,3 % għal 38,7 % bejn l-2008 u l-2015. Il-KESE laqa’ l-istrateġija dwar il-ħiliet tal-Kummissjoni Ewropea u josserva li livell għoli ta’ kwalifiki huwa indispensabbli biex jattira kumpaniji u biex jinħolqu impjiegi ġodda.

2.12

Il-ħruġ tar-Renju Unit jirrappreżenta sfida kbira għas-suq uniku Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda li n-negozjati futuri jkunu bbażati fuq ir-rispett lejn il-valuri fundamentali tas-suq uniku, mingħajr ma jkun permess li jintgħażel dak li jaqbel.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1    L-impjieg indipendenti u l-mobbiltà tal-ħaddiema fis-suq uniku

3.1.1

Il-mobbiltà tax-xogħol tista’ tkun importanti biex il-kumpaniji jkollhom aċċess għall-ħaddiema tas-sengħa, għal dawk li jaħdmu għal rashom u biex il-ħaddiema jkollhom opportunitajiet ta’ xogħol, aċċess għal ħiliet ġodda u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Madankollu, għad hemm ostakli kbar.

3.1.2

Studju li jeżamina l-ostakli u l-ispejjeż (5) juri li minbarra l-iffrankar tal-ispejjeż għas-servizzi amministrattivi, iċ-ċittadini u n-negozji, is-servizzi interoperabbli tal-gvern elettroniku huwa mistenni li jkollhom impatt partikolarment kbir fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema. It-titjib tar-rikonoxximent ta’ lawrji professjonali huwa kruċjali kemm biex il-kumpaniji kif ukoll il-ħaddiema jaqsmu l-fruntieri.

3.1.3

Fl-opinjoni tiegħu dwar “L-abbuż mill-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha” (6), il-KESE enfasizza li l-impjieg indipendenti fittizju jista’ jwassal għall-evażjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-evażjoni tat-taxxa u l-abbuż mid-drittijiet tax-xogħol u xogħol mhux iddikjarat, u għandu għalhekk jiġi eliminat. F’dan ir-rigward il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjattaforma Ewropea dwar ix-xogħol mhux dikjarat, li diġà hija stabbilita, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba (7).

3.1.4

L-għan ta’ din il-pjattaforma hu li tipprevjeni u tiskoraġġixxi x-xogħol mhux iddikjarat permezz ta’ kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-Istati Membri, bħall-ispettorati tax-xogħol, l-awtoritajiet tat-taxxa u s-sigurtà soċjali. Din il-kooperazzjoni tinkludi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni u l-miżuri ta' skoraġġiment, l-identifikazzjoni ta’ prinċipji komuni għall-ispezzjonijiet ta’ min iħaddem, il-promozzjoni ta’ skambji tal-persunal u t-taħriġ konġunt u l-iffaċilitar ta’ azzjonijiet ta’ kontrolli konġunti.

3.1.5

Ħafna ħaddiema illum jitqiesu bħala “fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom” u mhux impjegati, kif kien il-każ fil-passat. Dawn il-persuni ma għandhomx kuntratt ta’ impjieg minħabba li jaħdmu għal rashom skont l-istatus tagħhom b'impjieg indipendenti. F’relazzjoni ta’ impjieg bħal din, f’ħafna każijiet m’hemmx bżonn il-konformità mal-liġi nazzjonali tax-xogħol. Kriterji ċari u vinkolanti għandhom jintużaw biex jiġi vvalutat jekk xi ħadd ikunx fil-fatt impjegat jew jaħdimx għal rasu b’mod ġenwin. Għal din ir-raġuni, il-KESE kkritika l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata b’membru uniku bħala proposta “li teħtieġ żvilupp ulterjuri” (8). Din tpoġġi l-mikrointrapriżi, l-SMEs u dawk li ġenwinament jaħdmu għal rashom partikolarment taħt pressjoni.

3.2    Is-suq uniku u l-istazzjonar tal-ħaddiema

3.2.1

Id-Direttiva tal-1996 tistabbilixxi l-qafas regolatorju tal-UE biex jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-għanijiet li jiġi promoss u ffaċilitat il-forniment transkonfinali tas-servizzi, il-ħarsien tal-ħaddiema stazzjonati u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet indaqs bejn il-kompetituri barranin u dawk lokali.

3.2.2

Id-Direttiva dwar l-infurzar (9) tal-2014 tipprovdi għal strumenti ġodda u msaħħa biex tiġġieled u tissanzjona l-evażjoni, il-frodi u l-abbużi u tikkumplementa d-Direttiva 96/71/KE u tikkontribwixxi għal qafas kumpless aktar effettiv għall-istazzjonar tal-ħaddiema.

3.2.3

Il-KESE reċentament adotta opinjoni separata li tirrifletti l-proposta tal-KE dwar reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u li tikkummenta fuq il-bidliet u l-proposti ewlenin (10) fuq il-bażi tat-talba li saret mill-President Juncker, fil-linji gwida politiċi tiegħu għall-Kummissjoni li jmiss, biex: “fl-Unjoni tagħna, l-istess xogħol fl-istess post għandu jitħallas bl-istess mod (11)”.

3.2.4

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Mobilità iżjed ġusta tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE” (12), il-KESE ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza prattiki inġusti li jwasslu għal dumping soċjali. Din il-problema qed issir dejjem aktar urġenti billi eżempji prattiċi mill-Istati Membri juru li r-riskju ta’ dumping soċjali u tal-pagi jiżdied sew fil-kuntest transkonfinali. Kontrolli mill-BUAK (13) fl-Awstrija urew li, mis- 7 238 impriża Awstrijaka spezzjonati fl-2015, 38 kienu suspettati li mhux qed iħallsu biżżejjed lill-impjegati tagħhom skont il-liġi dwar il-ġlieda kontra d-dumping soċjali u tal-pagi. Dan ifisser li 0,53 % tan-negozji kienu suspettati li mhux qed iħallsu biżżejjed lill-impjegati tagħhom. Fl-istess perjodu, saru kontrolli fuq 1 481 negozju li joperaw fl-Awstrija imma bbażati f’pajjiżi oħra tal-UE. Minn dawn in-negozji, 398 kienu suspettati li mhux qed iħallsu biżżejjed lill-impjegati tagħhom, jiġifieri kien hemm dumping tal-pagi. Dan jammonta għal 26,87 %.

3.2.5

Fil-każ tal-kumpaniji barranin li joperaw fuq bażi transkonfinali u li jużaw ħaddiema stazzjonati, il-probabbiltà ta’ dumping tal-pagi hija 50 darba ogħla minn dik ta’ fornituri lokali. Dan għandu jkun ta’ twissija dwar (in-nuqqas ta’) funzjonament tas-suq uniku. Ir-riskju għoli ta’ abbuż idgħajjef ħafna l-fiduċja tal-ħaddiema Ewropej fis-suq intern.

3.2.6

Problema oħra hija l-istazzjonar fittizju tal-ħaddiema. Każijiet li jinvolvu l-istazzjonar fittizju ta’ ħaddiema, jiġifieri l-abbuż permezz ta’ ċertifikati tal-istazzjonar A1 foloz, huma indikattivi tad-diffikultajiet kkawżati minn attestazzjonijiet, ċertifikati jew dokumenti simili maħruġa uffiċjalment jew minn korpi pubbliċi. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-mikrointrapriżi, l-SMEs u l-ħaddiema tas-sengħa biex jikkompetu ma’ kompetituri oħrajn li jaġixxu b’mod żleali. Għaldaqstant l-istazzjonar fittizju tal-ħaddiema għandu jiġi eliminat.

3.2.7

Dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet modifika għar-Regolament (KE) Nru 883/04 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-KESE ser jadotta opinjoni separata b’konformità ma’ talba tal-Kummissjoni Ewropea fejn qed tistenna l-iżvilupp ta’ sistema modernizzata ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali li twieġeb għar-realtà soċjali u ekonomika fl-Istati Membri u b’rispett lejn il-prinċipji tal-liġi tal-UE, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni.

3.2.8

Il-KESE jieħu nota tal-proposta ta’ passaport ta’ servizzi (jew karta ta’ identità ta’ servizzi), li għandu jelimina l-bżonn ta’ diversi talbiet għal informazzjoni u dokumentazzjoni diġà pprovduti lill-Istat Membru tal-oriġini, permezz tal-ħolqien ta’ repożitorju komuni ta’ dokumenti elettroniċi. Il-KESE jopponi kull dgħjufija tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. Huwa se jiżviluppa opinjoni separata dwar dan.

3.3    Ir-REFIT u r-regolamentazzjoni aħjar

3.3.1

Fil-prinċipju, miżuri biex jivverifikaw jekk ir-regolamentazzjoni tal-UE hix effettiva, għandhom ikunu milqugħa. Ftehim interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jista’ jipprovdi arranġament utli li jagħmilha aktar faċli biex jintlaħaq l-għan ta’ regolamentazzjoni tal-UE aktar sempliċi u effettiva. F’termini ta’ kooperazzjoni, madankollu, għandu jiġi żgurat li l-istandards legali Ewropej li joffru benefiċċji ta’ politika soċjali jew ekonomika jkunu protetti u mhux ikkontestati.

3.3.2

L-SMEs huma affettwati kemm bħala konsumaturi kif ukoll bħala ħaddiema. Skont il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” huwa partikolarment importanti li jiġu evitati piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs. Tinħtieġ politika ta’ protezzjoni tal-konsumatur, ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 169 TFUE, għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

3.3.3

Ir-REFIT jista’ wkoll ikollha rwol importanti biex jitnaqqsu l-ispejjeż regolatorji li huma applikati meta l-istess qasam ikun soġġett għal regoli reġjonali differenti. L-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tista’ tirriżulta f’iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż u tippromovi t-tkabbir fir-reġjuni tal-UE billi jitneħħew dawn l-ostakoli. Għalhekk għandha tiġi eżaminata biex jiġi vverifikat jekk hijiex fattibbli.

3.3.4

Ħafna mill-atti leġislattivi li għandhom jiġu eżaminati fil-qafas tal-programm REFIT biex titnaqqas il-burokrazija jikkonċernaw regoli ġuridiċi li jħarsu l-istandards tal-impjegati u tal-konsumatur, u għalhekk huma ta’ benefiċċju soċjopolitiku u ekonomiku konsiderevoli. Il-KESE jisħaq mill-ġdid dwar il-fehma tiegħu li standards għoljin għall-konsumatur mhumiex piż bla bżonn.

3.3.5

Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2014 (14) u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li r-regolamentazzjoni intelliġenti ma tneħħix l-obbligu li jkunu osservati r-regoli dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema kif ukoll l-istandards għall-ugwaljanza bejn is-sessi jew ir-regoli dwar il-protezzjoni ambjentali. Barra minn hekk, il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” m’għandux iwassal biex il-mikrointrapriżi u l-SMEs jiġu eżentati mil-leġislazzjoni, għalkemm il-leġislazzjoni għandha tikkunsidra l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom.

3.3.6

Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tkompli bl-inizjattiva leġislattiva ppjanata dwar il-parrukkiera, minkejja li hemm qbil fost l-imsieħba soċjali Ewropej dwar din il-kwistjoni, huwa kompletament inkomprensibbli. L-approċċ tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipji u l-valuri tad-djalogu soċjali, il-konformità mal-prinċipju tar-rappreżentattività, u huwa estremament limitat, minħabba li nuqqas ta’ regolamentazzjoni fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol jista’ jwassal għal mard okkupazzjonali u b’hekk għal spejjeż konsiderevoli kemm għan-negozji kif ukoll għas-settur pubbliku.

3.3.7

Il-KESE jenfasizza d-dikjarazzjoni komuni tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar bidu ġdid għal djalogu soċjali bbażat fuq l-eżiti tal-gruppi tematiċi li jsemmi l-interazzjoni bejn id-djalogu soċjali tal-UE u l-approċċ għar-regolamentazzjoni aħjar.

3.3.8

Il-KESE jilqa’ t-tnedija ta’ djalogu fil-pjattaforma REFIT li nħolqot reċentement. Barra mill-objettiv li jkun iktar faċli biex isir in-negozju u jiġu salvagwardati l-istandards għall-ħaddiema, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-esperti tal-Pjattaforma għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu protetti fl-isforzi tagħhom biex jissemplifikaw il-liġi tal-UE.

3.4    L-ekonomija diġitali, forom ġodda tal-ekonomija u mudelli ġodda tan-negozju

3.4.1

Is-suq uniku diġitali għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet, minħabba l-benefiċċji li jistgħu jinkisbu jekk jitlesta suq uniku f’dan il-qasam. Il-qligħ potenzjali tal-PDG mit-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, huwa stmat għal EUR 415-il biljun (15) fis-sena.

3.4.2

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-inċertezzi legali eżistenti fil-qasam tal-impjieg, fl-oqsma ekonomiċi u tal-konsumaturi jeħtieġ li jiġu analizzati u indirizzati. Hawnhekk għandhom jitqiesu l-ħarsien soċjali u tax-xogħol u l-istandards tal-protezzjoni tal-konsumatur eżistenti u jiġi żgurat qafas legali affidabbli għan-negozju. M’għandux ikun hemm regoli differenti bejn id-dinja “kollha diġitali” u d-dinja “mhux diġitali” fis-suq uniku diġitali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi standards legali li jistgħu jintużaw għas-suq uniku diġitali u mhux diġitali.

3.4.3

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat” (16), il-KESE jilqa' l-proposta għal Regolament dwar l-imblukkar ġeografiku, kemm għal kumpaniji kif ukoll għal konsumaturi, bħala element indispensabbli tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (DSM). Dan huwa, madankollu, pass żgħir u mhux se jwassal għal tibdil sinifikanti. Il-prattika tal-imblukkar ġeografiku, jiġifieri diskriminazzjoni f’termini tal-aċċess tal-konsumaturi għal servizzi online fuq il-bażi tar-residenza, l-indirizz ġeografiku tal-Internet jew in-nazzjonalità tagħhom, għandha tintemm. Id-direzzjoni mill-ġdid tal-konsumaturi lejn sit web lokali bi prezzijiet ogħla tikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni fis-suq uniku. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li COMPET f’Novembru 2016 diġà laħaq l-approċċ ġenerali għat-test propost u jenfasizza b’mod ċar li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-diskriminazzjoni tal-prezzijiet u d-divrenzjar tal-prezzijiet.

3.4.4

F’oqsma bħalma huma l-imblukkar ġeografiku, il-konsenja transkonfinali tal-pakketti, l-assigurazzjoni transkonfinali, il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u s-swieq finanzjarji għandu jitqies li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma prinċipalment responsabbli biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ transfruntiera u biex jiġi żgurat funzjonament aħjar tas-suq.

3.4.5

Il-fluss liberu tad-data jitlob protezzjoni akbar tad-data personali u tal-privatezza li se tkun kruċjali fil-ġejjieni, u għandha tingħata konsiderazzjoni għal politika koerenti dwar il-big data, is-servizzi tal-cloud u l-Internet tal-oġġetti.

3.4.6

Id-diġitalizzazzjoni dejjem tiżdied tal-ekonomija toħloq mudelli ta’ negozju ġodda, tiftaħ opportunitajiet ġodda, iżda toħloq ukoll sfidi ġodda. Il-KESE kellu diskussjonijiet fil-fond dwar dan il-fenomenu ġdid li wasslu għal għadd ta’ opinjonijiet (17).

3.4.7

Il-Kummissjoni għandha wkoll tavvanza bil-proposta tagħha għal portal diġitali uniku, biex dan l-istrument isir verament effettiv.

3.4.8

L-intraprenditorija soċjali u kollaborattiva hija kruċjali għall-koeżjoni soċjali, sabiex tiżgura tkabbir ekonomiku effiċjenti u sostenibbli għaċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE għal darb’oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq firxa sħiħa ta’ miżuri ta’ politika indispensabbli sabiex, fil-livell tal-UE u fid-diversi Stati Membri, il-forom u l-modi differenti tal-ekonomija kollaborattiva jkunu appoġġjati, implimentati, u jakkwistaw kredibbiltà u fiduċja (18).

3.5    Il-ħolqien ta’ suq uniku għall-kapital

3.5.1

Fl-2015, il-Kummissjoni ħabbret Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Swieq Kapitali. Il-Kumitat (19) jemmen li din l-Unjoni għandha tipprijoritizza l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja li hija tassew importanti għall-UE u għandha twassal għal allokazzjoni tal-kapital li tkun aħjar u aktar effiċjenti, b’impatt pożittiv kemm fuq l-investiment u t-tkabbir kif ukoll fuq l-impjieg u l-konsumaturi. Preċedentement il-Kumitat (20) esprima wkoll it-tħassib tiegħu li r-riżultat aħħar ser idum biex jinkiseb, u fid-dawl ta’ għadd ta’ żviluppi reċenti bħal Brexit, u oħrajn imsemmija hawn fuq (fil-punt 2), dan it-tħassib jista’ biss ikompli jiżdied.

3.5.2

Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi mill-inqas 33 miżura li għandhom jiġu implimentati f'diversi oqsma fuq il-perjodu qasir u fit-tul, inklużi proposti biex jissaħħu s-swieq ta’ titolizzazzjoni. B'dan il-mod, jistgħu jkunu disponibbli fondi addizzjonali, partikolarment għall-SMEs u għall-unitajiet domestiċi. Il-Kumitat (21) jappella biex dawn il-miżuri jiġu implimentati fil-perjodu qasir, waqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sigurtà, it-trasparenza u l-infurzar. Bi tħassib simili għas-sigurtà u l-istabbiltà, il-Kumitat (22) iddikjara f'diversi okkażjonijiet li l-entitajiet mhux bankarji għandhom jiġu indirizzati u regolati.

3.5.3

Ir-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE u l-infurzar tagħhom ma kinux biżżejjed biex jipprevjenu operazzjonijiet spekulattivi, dejn eċċessiv u teħid ta’ riskju irresponsabbli li wasslu għall-kriżi finanzjarja b’konsegwenzi serji għas-soċjetà kollha kemm hi. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni biex tressaq proposta rigward dejn żejjed ta’ unitajiet domestiċi privati.

3.6    Politika tat-tassazzjoni

3.6.1

Kif kien saħaq il-KESE fl-2012 fir-rapport tiegħu dwar “Ostakli għas-Suq Uniku Ewropew”, il-lakuni fil-politika tat-tassazzjoni jwasslu għal kompetizzjoni inġusta. Il-pjani tal-Kummissjoni Ewropea għal bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva għandhom jintlaqgħu tajjeb. Il-KESE waqqaf grupp ta’ studju dwar din il-kwistjoni. Sabiex titwaqqaf it-tellieqa 'l isfel dwar it-taxxa korporattiva u biex tinkiseb politika fiskali aktar ġusta, tista’ wkoll tiġi prevista l-possiblità tal-introduzzjoni ta’ rata minima tat-taxxa korporattiva.

3.6.2

L-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali bejn l-Istati Membri u passi legali biex jitwaqqfu l-aktar metodi komuni użati biex ikun evitat li titħallas it-taxxa għandhom jiġu milqugħa. Talba ewlenija hawnhekk hija li, f’kull pajjiż, jiġi introdott rekwiżit ta’ rappurtar għan-negozji li joperaw b’mod transkonfinali mingħajr ma jiżdiedu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa.

3.6.3

Għandha tittieħed ukoll azzjoni kontra r-rifuġji fiskali. F’seduta tal-Parlament Ewropew, Joseph Stiglitz, ekonomista u rebbieħ tal-Premju Nobel, appella għal azzjoni globali kontra dawn is-sistemi ta’ evażjoni tat-taxxa (23). L-akkademiku Franċiż Gabriel Zucman stima li madwar EUR 5 800 biljun tal-assi finanzjarji jinsabu f’rifuġji fiskali madwar id-dinja, li 80 % minnhom mhumiex intaxxati (24). Il-Kummissjoni issa qed tissuġġerixxi miżuri fuq livell internazzjonali sabiex jiġu indirizzati r-rifuġji fiskali.

3.6.4

Bħala l-ewwel pass, għandu jiġi żgurat li jiġu implimentati ftehimiet ta’ assistenza reċiproka u li jitwettaq l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi individwali. Għall-kumpaniji multinazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat netwerk internazzjonali ta’ awditjar tat-taxxa. Fil-każ ta’ trasferimenti ta' assi u kapitali lejn pajjiżi kklassifikati bħala rifuġji fiskali, punt ta' tluq jista' jkun li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu obbligati jirrappurtaw dwar it-trasferimenti li jkunu qed jagħmlu (25).

3.7    Servizzi ta’ interess ġenerali, id-Direttiva dwar is-Servizzi

3.7.1

Il-KESE diġà enfasizza l-ostakli eżistenti fis-settur tas-servizzi fir-rapport tiegħu tal-2012 dwar l-ostakli għas-suq uniku. Il-Kummissjoni sabet li ħafna Stati Membri mhumiex qed jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-UE bil-miżuri regolatorji, li jagħmluha diffiċli għall-Kummissjoni li tivvaluta jekk regola ġdida hix ġustifikata u proporzjonata.

3.7.2

Għalhekk il-Kummissjoni qed tippjana li tirriforma l-proċedura ta’ notifika, li issa għandha tapplika wkoll għas-servizzi li bħalissa huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li l-proposti ma jkunux imfassla b’tali mod li joħolqu dubju dwar is-sovranità jew il-prinċipju demokratiku tal-Istati Membri.

3.7.3

Is-servizzi ta’ interess ġenerali, għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija tas-suq soċjali. Għaċ-ċittadini huwa kruċjali li jkun hemm akkomodazzjoni, ilma u enerġija, servizzi tad-drenaġġ u tar-rimi tal-iskart, trasport pubbliku, kura tas-saħħa, servizzi soċjali, servizzi għaż-żgħażagħ u għall-familji, kultura u komunikazzjoni. Is-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom post fost il-valuri komuni tal-UE u jaqdu rwol fit-trawwim tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Dan ir-rwol tal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali għandu jkun ikkunsidrat bħala parti mill-“prinċipji u l-kondizzjonijiet”.

3.7.4

Fir-rigward tar-riforma ppjanata tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-KESE jenfasizza l-protokoll Nru 26 tat-Trattat tal-UE dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, l-interpretazzjoni legalment vinkolanti tal-Artikolu 14 tat-TFUE, li jikkostitwixxi l-interpretazzjoni legalment vinkolanti tal-Artikolu 14 tat-TFUE: l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont is-sitwazzjoni kulturali, soċjali u ġeografika differenti. Fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, li għandhom isiru disponibbli skont il-ħtiġijiet tal-utenti, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità, sikurezza, affordabbiltà u trattament ugwali u għandhom jiġu promossi l-aċċess universali u d-drittijiet tal-utenti, u tiġi żgurata l-effiċjenza u l-ġestjoni tajba tagħhom fl-istess ħin.

3.8    L-akkwist pubbliku

3.8.1

Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, ma hemm l-ebda statistika dwar l-ispejjeż effettivi meta mqabbla mal-ispejjeż mressqa mill-aħjar offerent fil-proċess tas-sejħa għall-offerti. F’ħafna każijiet, hemm spejjeż ogħla sinifikanti (26).

3.8.2

Spiss, l-offerenti rebbieħa joperaw b’mod inġust, ibaxxu l-ispejjeż tal-offerti tagħhom taħt prezz ġust u jużaw sottokuntratturi mhux affidabbli. Sussegwentement, spiss ikun hemm spejjeż ta’ segwitu, li jaqbżu l-prezz tat-tieni jew it-tielet l-aħjar offerent.

3.8.3

Sabiex jitrażżan dan il-fenomenu, bosta miżuri huma meħtieġa: l-introduzzjoni ta’ proċess ta’ akkwist elettroniku għandu joħloq kapaċità ta’ ġbir ta’ statistika li għandha tagħmilha possibbli li tidentifika l-offerenti b’offerti baxxi u tinkoraġġixxi lil dawk responsabbli biex jaġixxu b’mod pożittiv. Fil-qafas tal-istħarriġ statistiku, il-prezz tal-aqwa offerta u l-ispejjeż reali sussegwenti mġarrba għandhom ikunu rreġistrati ċentralment sabiex tinħoloq it-trasparenza rigward l-ispejjeż żejda possibbli. Offerti bbażati fuq prezzijiet li ma jilħqux ir-rekwiżiti minimi kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali rispettivi għandhom jiġu esklużi mill-proċess sabiex tiġi l-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-istandards ta’ kwalità.

Brussell, il-25 ta’ Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 1.

(2)  Social dumping: political catchphrase or threat to labour standards? — Magdalena Bernaciak, Dokument ta’ Ħidma 2012, Istitut Ewropew għat-Trade Unions.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ ECFIN, bażi ta’ data Ameco.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, 3 ta’ Marzu 2010, COM(2010)2020 final.

(5)  “Reducing costs and barriers for businesses in the Single Market”(It-tnaqqis tal-ispejjeż u l-ostakli għan-negozji fis-Suq Uniku), studju tal-Kumitat IMCO tal-PE, DĠ għall-politiki interni.

(6)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14.

(7)  COM (2014) 221 final, Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat.

(8)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 19.

(9)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11-31).

(10)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 81.

(11)  Diskors tal-ftuħ waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, 15 ta’ Lulju 2014.

(12)  ĠU L 264, 20.7.2016, p. 11.

(13)  Austrian Construction Workers Leave and Severance Pay Fund, Annual statistics 2015.

(14)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66.

(15)  L-istudju “Reducing Costs and Barriers for Businesses in the Single Market”.

(16)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 93.

(17)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 28, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 86; ĠU C 389, 21.10.2016, p. 50.

(18)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36.

(19)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17, (punti 1.2.1.3. u 1.7.2).

(20)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17, (punt 1.12).

(21)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1, (punti 1.2, 1.6. u 1.7).

(22)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17, (punt 1.9 u 3.8); ĠU C 251, 31.7.2015, p. 33, (punti 1.5 u 4.2).

(23)  Ara, il-Kamra tal-aħbarijiet tal-Parlament Ewropew, Ref. 20161114STO51063 tas-17.11.2016.

(24)  Ara Steueroasen: wo der Wohlstand der Nationen versteckt wird (Ir-rifuġji fiskali: fejn huwa moħbi l-ġid tan-nazzjonijiet), Gabriel Zucman, 2014, Suhrkamp-Verlag.

(25)  ĠU L 264, 20.7.2016, p. 93.

(26)  Il-każ tal-Ajruport ta’ Berlin, il-proġett Skylink tal-Ajruport ta’ Vjenna jew l-istazzjon ferrovjarju ta’ Stuttgart.


Top