Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1502

    Riżoluzzjoni (UE) 2016/1502 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2014

    ĠU L 246, 14.9.2016, p. 203–206 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1502/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/203


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1502 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-28 ta’ April 2016

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0095/2016),

    A.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2014 kien ta’ EUR 181 179 098, li jfisser żieda ta’ 8,47 % meta mqabbel mal-2013; billi 21,1 % tal-baġit tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni;

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2014 (“ir-rapport tal-Qorti”) stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Segwitu għall-kwittanza 2013

    1.

    Jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni mill-Aġenzija, li:

    din ħadet azzjoni korrettiva biex tifformalizza u tiddokumenta l-kriterji użati biex testernalizza parti mis-servizzi ta’ ċertifikazzjoni tagħha lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni nazzjonali u entitajiet kwalifikati; jinnota li l-Aġenzija aġġornat il-mudelli tad-dokumenti ġustifikattivi biex ittejjeb it-trasparenza tal-proċess ta’ esternalizzazzjoni;

    din rieżaminat u vverifikat għadd kbir ta’ dikjarazzjonijiet tal-interessi sabiex tiżgura li hi konformi mal-politika tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota barra minn hekk li ma ġie rreġistrat l-ebda każ ta’ “revolving door”; jiddispjaċih, madankollu, li l-ispjegazzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess min-naħa ta’ diversi membri tal-bord u persunal amministrattiv għadhom iridu jiġu pprovduti jew ivverifikati; jenfasizza l-fatt li, fl-interess ta’ aktar trasparenza, dan għandu jseħħ kemm jista’ jkun malajr;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    2.

    Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 97,1 %, li tfisser tnaqqis ta’ 0,9 % meta mqabbla mal-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 91,1 %, li tfisser tnaqqis ta’ 6,17 % meta mqabbla mal-2013;

    3.

    Jinnota li terz biss mill-baġit tal-Aġenzija ġej mis-settur pubbliku, u li ż-żewġ terzi l-oħra ġejjin mill-industrija; jesprimi t-tħassib tiegħu billi dawn ir-rabtiet finanzjarji mal-industrija jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tal-Aġenzija; jappella lill-Aġenzija toħloq salvagwardji sabiex tiżgura l-indipendenza tagħha u l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess;

    Impenji u riporti

    4.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija kompliet tnaqqas il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati, minn EUR 10 100 000 (11 %) fl-2012 u EUR 7 200 000 (7,7 %) fl-2013 għal EUR 5 900 000 (6,2 %) fl-2014; jinnota li r-riporti kienu ta’ EUR 3 600 000 (22 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u EUR 2 000 000 (38,1 %) għat-Titolu III (nefqa operattiva); jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li dawn ir-riporti kienu relatati man-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija; jinnota barra minn hekk li r-riporti inklużi fil-kampjun tal-Qorti kienu ġġustifikati kif xieraq;

    5.

    Jinforma lill-Aġenzija li din għandha żżomm il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena ta’ wara baxx kemm jista’ jkun, u dan fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà;

    Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

    6.

    Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-ippjanar tal-akkwisti tal-Aġenzija għandu jittejjeb, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kuntratti qafas; jindika li fl-2014, tliet proċeduri li kellhom jieħdu post kuntratti qafas eżistenti hekk kif dawn jiskadu, tnedew tard wisq; jinnota barra minn hekk li ġew estiżi żewġ kuntratti qafas eżistenti sa ma ġew stabbiliti dawk ġodda, u f’każ ieħor tnediet proċedura ta’ akkwist innegozjata sabiex jimtela l-vojt u tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ma kinitx konformi mar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija (1) minħabba l-bidla fit-tul ta’ żmien tal-kuntratt inizjali u l-użu ta’ proċedura nnegozjata, li taffettwa l-kompetizzjoni ġusta; jagħraf mill-Aġenzija li din introduċiet pjan ta’ akkwist rivedut biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kif inhu għaddej dan;

    7.

    Jinnota li l-Aġenzija eżaminat mill-ġdid l-organigramma tagħha tal-2014 approvat mill-awtoritajiet baġitarji fil-bidu tal-2014, u kkonkludiet li t-tqassim AST/AD u t-tqassim tal-gradi kellu jiġi adattat sabiex jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tal-Aġenzija; jinnota li l-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, adotta l-organigramma immodifikata li affettwat il-bilanċ bejn l-AD/AST u l-klassifikazzjoni ta’ 64 kariga iżda mhux l-għadd totali ta’ karigi jew il-volum ta’ approprjazzjonijiet tal-persunal previsti fil-baġit 2014;

    8.

    Jinnota r-riżultati tal-ewwel eżerċizzju għall-istabbiliment ta’ parametri riferenzjarji dwar impjiegi fl-Aġenzija, li wrew li 14 % tal-impjiegi kienu ddedikati għall-appoġġ u l-koordinazzjoni amministrattivi, 78,7 % għall-kompiti operattivi u 7,3 % għall-kompiti ta’ kontroll u finanzjarji; iqis li lista tal-persunal imqassma skont il-kategorija u s-settur kif ukoll skont is-sorsi ta’ finanzjament għall-attivitajiet tagħhom (miżati u imposti vs. sussidji tal-Unjoni) għandha wkoll tiġi inkluża fir-Rapport Annwali li jmiss sabiex tkun disponibbli stampa aktar dettaljata tar-riżorsi meħtieġa li jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE;

    9.

    Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu, kif iddikjarata fil-qafas tal-proċedura baġitarja, fir-rigward tal-membri tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom huma ffinanzjati minn miżati mħallsa mill-industrija u għaldaqstant mhux mill-baġit tal-UE, li t-tali persunal tal-Aġenzija ma għandux jiġi affettwat mit-tnaqqis ta’ 2 % applikat kull sena mill-Kummissjoni;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

    10.

    Jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija tistabbilixxi r-responsabbiltajiet, l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Aġenzija f’termini ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni u korrezzjoni tal-frodi; jieħu nota tal-fatt li fl-2014 inħatar uffiċjal kontra l-frodi u ġie stabbilit pjan ta’ azzjoni fil-kuntest tal-istrateġija kontra l-frodi, b’miżuri li għandhom jiġu implimentati għas-snin 2015 u 2016; jinnota li matul l-2014 ma ġie identifikat l-ebda każ ta’ frodi taħt l-istrateġija ta’ kontra l-frodi;

    11.

    Jinnota li fl-2014 l-Aġenzija adottat proċedura kunfidenzjali ta’ rappurtar ta’ sikurezza li tindirizza informazzjoni mingħand informaturi relatata ma’ allegati prattiki ħżiena u irregolaritajiet fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni rrappurtati minn individwi esterni; josserva li fl-2014 kien hemm 66 każ relatat ma’ din il-proċedura; jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija għandha stabbilita proċedura għall-informaturi u li fl-2014 ġie irreġistrat każ wieħed u ma wasal l-ebda appell;

    12.

    Josserva li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tad-Diretturi u l-Kapijiet tad-Dipartiment kollha tal-Aġenzija huma ppubblikati fuq is-sit web tagħha; jinnota barra minn hekk li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija kif ukoll tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha wkoll ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija;

    13.

    Jinnota li l-Aġenzija diġà stabbiliet u implimentat politika komprensiva dwar il-prevenzjoni u t-taffija tal-kunflitti ta’ interess kif ukoll dwar “ir-Rigali u l-Ospitalità” fil-“Kodiċi ta’ Kondotta għall-persunal tal-EASA” tagħha; jinnota li din il-politika tinkludi fost oħrajn l-istabbiliment ta’ Kumitat tal-Etika biex jivvaluta d-dikjarazzjonijiet tal-interessi li saru u sabiex jittratta kull każ relatat mal-Kodiċi ta’ Kondotta, kif ukoll l-istabbiliment ta’ taħriġ obbligatorju dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri kollha tal-persunal tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li ġie adottat ukoll kodiċi ta’ kondotta li jinkludi politika dwar il-prevenzjoni u t-taffija tal-kunflitti ta’ interess għall-membri tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija u għall-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha; jinnota li l-Aġenzija waslet biex teżamina mill-ġdid u taġġorna l-politiki tagħha dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-istatus tal-aġġornament tal-politika;

    14.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta’ interess, flimkien ma’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni li għaddejjin u l-inklużjoni tal-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b’mod obbligatorju matul il-proċeduri ta’ reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

    15.

    Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni, u fil-ġlieda kontriha, permezz ta’ approċċ olistiku, li jibda b’aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b’regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta’ interess, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta’ reġistri ta’ trasparenza u l-għoti ta’ riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta’ titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi rilevanti;

    Awditu intern

    16.

    Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq rieżami fl-2014 u ħareġ seba’ rakkomandazzjonijiet; josserva li matul l-awditi tal-IAS l-ebda sejba ma ġiet ikklassifikata bħala “Kritika” u li matul tliet awditi li saru bejn l-2009 u l-2013, erba’ sejbiet ġew ikklassifikati bħala “Importanti ħafna”; jinnota li l-Aġenzija ħadet azzjonijiet korrettivi relatati mar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi tal-IAS, u mmarkathom bħala “lesti għal rieżami” fit-tħejjija tal-awditu ta’ segwitu tal-IAS; jinnota li fl-2014 l-IAS ma wettaqx valutazzjoni formali dwar il-progress li sar mill-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jinnota li abbażi tal-informazzjoni mill-Aġenzija, fi Frar 2016 l-IAS irrapporta li l-erba’ rakkomandazzjonijiet kollha ibbażati fuq is-sejbiet u kkalssifikati bħala “importanti ħafna” kienu mmarkati bħala “implimentati”;

    Kontrolli interni

    17.

    Jinnota li fl-2014 il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija wettqet tmien inkarigi ta’ assigurazzjoni, ħarġet 56 rakkomandazzjoni u identifikat tliet riskji inerenti bi probabbiltà ta’ okkorrenza immarkata bħala “għolja” u impatt potenzjali immarkat bħala “sinifikanti”; jinnota, barra minn hekk, li mis-sitt azzjonijiet li tħejjew mill-Aġenzija biex jittaffa l-livell ta’ riskju, tnejn ingħalqu u l-erbgħa l-oħra kienu skedati biex jiġu implimentati sa Settembru 2016; jitlob lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-azzjonijiet li fadal;

    Prestazzjoni

    18.

    Jinnota li fl-2014 l-Aġenzija tat bidu għal bidliet fundamentali fil-mod kif taħdem sabiex tippermetti approċċ aktar proporzjonat u bbażat fuq il-prestazzjoni għas-sikurezza, u li rrieżaminat l-istruttura organizzattiva tagħha biex tħejji lilha nnifisha għall-bosta sfidi li se tiffaċċja fis-snin immedjati li ġejjin;

    Kummenti oħra

    19.

    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Aġenzija biex taqsam u tipprovdi servizzi għal aġenziji oħra sabiex jinħolqu sinerġiji; jinnota b’mod partikolari li l-Aġenzija toħroġ liċenzji mingħajr ħlas għall-iżvilupp ta’ għodod tar-riżorsi umani u li tospita s-segretarjat permanenti tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni; jinnota li l-Aġenzija tuża l-kuntratti ta’ qafas tal-Kummissjoni, servizzi tal-IT u oħrajn relatati u tiddependi fuq għadd partikolari ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni; jinkoraġġixxi lill-Aġenzija tuża akkwisti konġunti ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni kull fejn possibbli sabiex tiġġenera ffrankar fl-ispejjeż;

    20.

    Jirrikonoxxi l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex tagħmel titjib fl-effiċjenza u jkun hemm iffrankar; jieħu nota b’mod partikolari tal-proġett ta’ organizzazzjoni mill-ġdid tal-Aġenzija li kien immexxi mill-persunal intern tagħha għal perjodu ta’ seba’ xhur, filwaqt li proġett ekwivalenti mmexxi minn kumpanija esterna kieku kien jiġġenera spejjeż ħafna aktar ogħla;

    21.

    Jinnota bi tħassib li mill-2004 ’l hawn mindu bdiet topera l-Aġenzija, din qed taħdem biss abbażi ta’ korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti; jinnota madankollu li għadu ma ġiex iffirmat ftehim komprensiv dwar is-sede mal-Istat Membru ospitanti; jinnota madankollu li tali ftehim ikun jippromwovi t-trasparenza u s-sigurtà fir-rigward tal-kundizzjonijiet operattivi tal-Aġenzija u l-persunal tagħha; jirrikonoxxi li l-gvern tal-Istat Membru ospitanti dan l-aħħar beda diskussjonijiet informali mal-Aġenzija dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Aġenzija u lill-Istat Membru ospitanti jindirizzaw din il-kwistjoni bl-akbar urġenza u jinfurmaw lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress tan-negozjati;

    22.

    Jistieden lill-Aġenzija tipprovdi informazzjoni dwar jekk ir-rilokazzjoni tagħha se tikseb l-għan ta’ kosteffiċjenza;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-opportunità disponibbli din is-sena biex temenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 li jistabblixxi l-Aġenzija, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar il-kwartieri ġenerali u b’hekk l-Aġenzija tkun tista’ topera mingħajr xkiel; jistieden, għaldaqstant, lill-Aġenzija tinnotifikah rigward id-deċiżjoni finali dwar il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

    24.

    Jiddikjara li l-objettiv tal-Aġenzija huwa s-sikurezza tal-avjazzjoni, li huwa meqjus bħala ben pubbliku; iħeġġeġ lill-Aġenzija żżomm dan l-objettiv fl-istrateġija tal-Aġenzija u fid-deċiżjonijiet tal-ibbaġitjar u l-ġestjoni bbażati fuq il-prestazzjoni, u dan bħala prinċipju ewlieni fir-rigward tal-partijiet interessati tagħha li m’ għandu qatt jiġi ssagrifikat għal raġunijiet ta’ kompetittività, effiċjenza jew deregolazzjoni;

    25.

    Jenfasizza r-rwol fundamentali li għandha l-Aġenzija biex tiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni fl-Ewropa kollha; jirrikonoxxi li s-sena 2014, minħabba l-għajbien tal-ajruplan MH370, l-inċident drammatiku tal-ajruplan MH17, it-tiġrif tal-ajruplan QZ8501 tal-Air Asia u l-interferenzi tar-radar fuq l-Ewropa Ċentrali, kienet sena ta’ sfida għall-Aġenzija u għas-sikurezza tal-avjazzjoni b’mod ġenerali, u li b’hekk kien jeħtiġilha tittratta ma’ dispożizzjonijiet ġodda implimentattivi u ta’ superviżjoni dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir; jenfasizza li, fil-kuntest ta’ settur tal-avjazzjoni ċivili li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla, l-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex twettaq b’suċċess il-kompiti regolatorji u eżekuttivi tagħha, fl-oqsma tas-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, filwaqt li ma tikkompromettix l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha;

    26.

    Jenfasizza l-involviment tal-Aġenzija fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-istrumenti relevanti meħtieġa għall-implimentazzjoni prattika tal-ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

    27.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  https://easa.europa.eu/system/files/dfu/EASA%20MB%20Decision%2014-2013%20amending%20the%20FR_Final_signed_Annex.pdf

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top