Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AR1415

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari

    ĠU C 88, 21.3.2017, p. 83–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 88/83


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari

    (2017/C 088/16)

    Relatur:

    Is-Sinjura Winter (DE/PSE), Segretarja tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u l-Kultura fil-Kanċellerija tal-Istat ta’ Thüringen

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari”

    COM(2015) 614 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex, permezz ta’ mudell ċirkolari aktar robust li jippreserva l-valur tal-prodotti, materjali u r-riżorsi fiċ-ċiklu ta’ ħajja, tistabbilixxi ekonomija sostenibbli, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, b’teknoloġija avvanzata, li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u tuża anqas minnhom, u b’hekk jinħolqu vantaġġi kompetittivi u impjiegi fl-Ewropa;

    2.

    jenfasizza li sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, il-miżuri għandhom jitfasslu bl-istess mod fl-Istati Membri kollha — skont l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (1) — sabiex iwasslu għal opportunitajiet ta’ impjieg fl-oqsma l-ġodda tas-swieq tax-xogħol li jinħolqu mill-ekonomija ċirkolari (kostruzzjoni ta’ bini ekoloġiku sostenibbli, ġestjoni tal-iskart, eċċ.) u l-ħaddiema jitħarrġu skont id-domanda. B’appoġġ u taħriġ xieraq, ħafna persuni qiegħda jistgħu jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol waqt li għall-oħrajn jistgħu jinfetħu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.

    3.

    jenfasizza li bosta problemi li huma kkawżati mill-produzzjoni u l-konsum fl-UE għandhom impatt fuq partijiet oħrajn tad-dinja, b’mod partikolari fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi b’ekonomiji emerġenti, u li hemmhekk huma mistennija wkoll riperkussjonijiet pożittivi permezz tal-bidla fil-produzzjoni u l-konsum. Il-KtR jimpenja ruħu li jissodisfa r-responsabbiltajiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-UE li jirriżultaw; għalhekk jirrakkomanda, anke fid-dawl tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016, li ssir enfasi fuq miżuri li jiżguraw li fuq livell internazzjonali jiġu implimentati wkoll barra l-UE l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi;

    4.

    jenfasizza li biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża ta’ ekonomija ċirkolari magħluqa, hemm bżonn tar-rieda fil-livelli politiċi kollha sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan. Dawn il-miżuri jinkludu d-disinn ekoloġiku tal-prodotti u s-servizzi, il-prevenzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u l-użu mill-ġdid tal-materjali u l-komponenti, kif ukoll it-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi, u l-ipproċessar ta’ sustanzi diffiċli sabiex jitħeġġu r-responsabbiltà, ir-riċiklabbiltà, l-adattabiltà għat-titjib tal-kwalità (upgradability) u d-durabbiltà. Barra minn hekk, hemm bżonn bidliet dejjiema fil-perċezzjoni pubblika dwar din it-tema u fl-imġiba tal-konsumatur kif ukoll li jinħoloq suq stabbli għall-prodotti u l-materjali bbażati fuq il-materja prima sekondarja;

    5.

    jappoġġja l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari (2) fit-talba tagħhom għal implimentazzjoni ambizzjuża u f’waqtha tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri li t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari teħtieġ impenn u azzjoni fuq żmien twil, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika tal-UE, u fil-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri, inkluż l-involviment attiv tal-livelli kollha tal-gvern mal-atturi ekonomiċi u soċjali kollha involuti kif ukoll iċ-ċittadini;

    6.

    jirrimarka, f’dan ir-rigward, li s-servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ spiss jitwettqu bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 14 tat-TFUE u li l-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, fost affarijiet oħra, jipprovdi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni. Dan jippermetti l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-aħjar soluzzjonijiet ta’ ġestjoni tal-iskart fil-livell reġjonali u lokali;

    7.

    jirrimarka li l-atturi u s-setturi għandhom jikkooperaw flimkien b’mod effettiv sabiex tinħoloq ekonomija ċirkolari fuq skala kbira. L-iżvilupp konġunt tal-prodotti, it-trasparenza permezz tal-IT u l-iskambju tal-informazzjoni, is-sistemi konġunti tal-ġbir ta’ data, l-istandards settorjali, u l-armonizzazzjoni tal-inċentivi u l-mekkaniżmi ta’ intermedjazzjoni jistgħu jitnedew permezz tat-twaqqif ta’ pjattaformi u clusters fis-setturi differenti, fejn l-intrapriżi u dawk li jfasslu l-politika jaħdmu flimkien;

    8.

    jemmen li l-istrateġija għal ekonomiija ċirkolari b’mod ġenerali bil-għan li jkun hemm bidla ġenwina fil-paradigma għandha tkun ibbażata fuq tħabrik biex jinkisbu l-aħjar soluzzjonijiet ekoloġiċi tul iċ-ċiklu tal-ħajja (“cradle-to-cradle”), jiġifieri dawk li huma indipendenti mill-firxa attwali ta’ regolamenti, strateġiji u strumenti legali individwali, u li l-adattament jew estensjoni tagħhom għandhom jgħinu biex jintlaħaq l-għan ġenerali;

    9.

    jinsab konvint li dan jista’ jseħħ biss jekk minbarra l-proposti fuq perjodu qasir imsemmijin fil-pjan ta’ azzjoni, jiġu stabbiliti wkoll miri speċifiċi u realistiċi għall-perjodu ta’ żmien medju u twil, biex iservu ta’ bażi robusta li tippermetti lill-partijiet kollha jħejju l-ippjanar essenzjali u jissodisfaw ir-rekwiżiti infrastrutturali;

    10.

    jirrakkomanda għalhekk, li minħabba t-tul tal-proċessi tal-iżvilupp tal-politiki u tal-implimentazzjoni, jitqies il-perjodu sal-2050 (3) u jiġu stabbiliti għanijiet u azzjonijiet intermedji għall-perjodu sal-2030;

    11.

    iqis li l-ewwel pass importanti għandu jkun it-twettiq ta’ valutazzjoni kritika, li tiddetermina fejn il-programmi ta’ finanzjament, l-għajnuna u l-miżuri regolatorji mhumiex effettivi jew saħansitra huma kontraproduttivi, u liema kwistjonijiet ta’ prijorità għandhom jiġu indirizzati f’liema perjodi ta’ żmien;

    12.

    iqis li, minħabba l-ambitu limitat tagħhom, il-programmi ta’ riċerka, il-miżuri ta’ finanzjament u l-istrumenti volontarji jistgħu jaqdu biss rwol ta’ appoġġ fl-indirizzar bis-sħiħ tal-isfidi għall-UE. Eżempju li juri l-effettività baxxa tagħhom hija l-iskema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li ilha teżisti 20 sena, u ġiet implimentata minn bejn wieħed u ieħor 4 000 intrapriża u istituzzjoni mhux kummerċjali b’madwar 10 000 sit fl-UE kollha. B’kuntrast għal dan, madwar 30 miljun intrapriża ma għamlux użu minn dan l-istrument;

    13.

    jirrakkomanda dispożizzjonijiet leġislattivi ambizzjużi, li għandhom jiġu akkumpanjati b’miżuri ta’ appoġġ. Barra minn hekk għandhom jiġu segwiti approċċi innovattivi bħal pereżempju l-approċċ “Top-Runner” (4). Minn dan jibbenefikaw mhux biss ir-riżorsi naturali u l-ambjent, iżda b’mod partikolari l-konsumaturi li fit-tul igawdu minn spejjeż aktar baxxi, kif ukoll l-ekonomija li jkollha vantaġġ fuq l-ekonomiji f’kompetizzjoni magħha rigward l-innovazzjoni;

    14.

    jinnota li għadd ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs) diġà introduċew diversi inizjattivi għall-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari. Dawn l-inizjattivi huma inizjattivi tajbin, li ħaddieħor jista’ jsegwi. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja pjattaformi eżistenti għall-iskambju tal-esperjenzi;

    15.

    jinnota b’dispjaċir li l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni ma għandhom l-ebda rwol fil-pjan ta’ azzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa dawn l-aspetti flimkien mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u ma’ msieħba oħrajn, u tippromovi l-iżvilupp u l-iskambju tal-għarfien u ta’ proċeduri adatti, ippruvati u ttestjati rilevanti bil-ħsieb ta’ sensibilizzazzjoni; f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ moduli speċifiċi ta’ speċjalizzazzjoni fil-korsijiet rilevanti li jwasslu għal lawrja u korsijiet adatti ta’ taħriġ b’kooperazzjoni mill-qrib bejn in-negozji, il-qasam tar-riċerka u s-settur tal-edukazzjoni;

    Id-disinn tal-prodott u l-proċessi tal-produzzjoni

    16.

    jinnota li l-Kummissjoni tibbaża fuq l-strateġiji eżistenti u f’ħafna oqsma hemm nuqqas ta’ miżuri speċifiċi, bħalma huma pereżempju, il-kriterji uniformi għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji. Il-proposti leġislattivi mħabbra għal aktar responsabbiltà tal-prodott għandhom iroddu aktar dettalji dwar kif il-produtturi għandhom jinternalizzw l-ispiża totali tal-prodotti tul il-katina kollha tal-valur;

    17.

    jirrakkomanda li, sabiex jintlaħqu l-miri ġenerali u sabiex ikun hemm konsistenza fl-oqsma politiċi kollha, għandhom jiġu inklużi proċeduri fil-monitoraġġ tal-approvazzjonijiet ta’ sussidju, biex jiġi żgurat li fil-ġejjieni ma jingħata l-ebda finanzjament għal siti ta’ produzzjoni jew għal żvilupp ta’ prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-ekodisinn;

    18.

    jenfasizza li reviżjoni fundamentali tar-regolament dwar l-ekodisinn hija essenzjali (5) u għandu jiġi eżaminat l-iffissar ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn speċifiċi għas-settur u għall-prodott;

    19.

    jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni Ewropea biex mill-iktar fis possibbli tippreżenta Pjan ta’ Ħidma ambizzjuż dwar l-Ekodisinn li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE (Direttiva dwar l-Ekodisinn) li suppost kellha tkopri l-perjodu 2015-2017;

    20.

    jenfasizza li l-iskart u prodotti sekondarji mill-manifattura jistgħu jservu bħala materji primi sekondarji għal produzzjonijiet oħrajn kif ukoll li għad hemm potenzjal kbir għal simbjożi industrijali fid-dawl ta’ ekonomija ċirkolari ġenwina f’dan il-qasam; b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li jiffurmaw parti mill-qafas ekonomiku ta’ bosta reġjuni. B’rabta ma’ dan, għandhom jitnaqqsu l-ostakli legali eżistenti għall-SMEs sa fejn huwa prattikabbli, u f’regoli ġodda dawn għandhom jinżammu f’livell minimu. Jeħtieġ, pereżempju, jiġu adottati l-miżuri li jinsabu fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart sabiex jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddikjaraw li ċerti sustanzi huma prodotti sekondarji jew li ċertu skart m’għadux jitqies hekk;

    21.

    jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu regolamenti ekonomiċi vinkolanti dwar l-akkwist sostenibbli u l-kooperazzjoni matul il-katina tal-valur f’każ li l-impenji imposti minnhom stess ma jkunux qed jintlaħqu f’perjodi ta’ żmien raġonevoli u b’mod suffiċjenti. Huma għandhom jagħmlu dan b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

    22.

    jinnota li, minkejja l-użu baxx tal-EMAS li jissemma fil-punt 12, dan l-istrument għandu fil-prinċipju potenzjal kbir għall-identifikazzjoni u l-fehim dwar flussi materjali (ineffiċjenti u/jew li jagħmlu ħsara lill-ambjent) fil-proċessi (tal-produzzjoni), u għalhekk jilqa’ bi pjaċir il-fatt li, fil-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni qieset it-titjib ta’ dan l-istrument għall-benefiċċju tal-intrapriżi, b’mod partikolari għall-SMEs. Jinnota li, bħala sistema ta’ ġestjoni unika, l-EMAS hija wkoll mod eċċellenti għal verifika affidabbli ta’ dawn il-flussi ta’ materjali minħabba t-trasparenza u l-kontroll sistemiċi tagħha;

    23.

    għalhekk jirrakkomanda l-integrazzjoni tal-EMAS b’mod aktar ferm f’leġislazzjoni oħra u l-infurzar relatat minn kif sar sal-lum, bħala għodda volontarja għal verifika affidabbli ta’ dokumenti u data ta’ sostenn;

    Konsum

    24.

    jenfasizza li fir-rigward tal-problema dwar iċ-ċikli dejjem iqsar tal-użu tal-prodotti, eż. tat-tagħmir elettroniku u l-ħwejjeġ, l-imġiba tal-konsumatur u x-xejriet soċjali huma aktar rilevanti mill-obsoloxxenza teknika mistennija jew reali;

    25.

    jenfasizza, f’dan l-isfond primarjament soċjali u etiku, li l-Kummissjoni, l-Istati Membri, kif ukoll b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-livell politiku li huwa l-eqreb lejn iċ-ċittadini, għandhom jimplimentaw miżuri għall-edukazzjoni, l-edukazzjoni ulterjuri u l-kwalifiki sabiex itejbu b’mod sinifikanti s-sensibilizzazzjoni u l-fehim, kemm miċ-ċittadini, kif ukoll mill-ekonomija, tar-relazzjonijiet bejn il-konsum sostenibbli u mhux sostenibbli, it-tnaqqis tal-iskart u l-konservazzjoni tar-riżorsi u tal-ambjent, ir-responsabbiltà tal-produttur u l-ħolqien u r-reklamar tal-prodotti. Jirrakkomanda li tali aspetti jiġu integrati aktar fi programmi edukattivi u f’kampanji ta’ informazzjoni;

    26.

    jirrakkomanda li l-firxa sħiħa ta’ impatti ambjentali tal-prodotti jiġu indikati b’mod ċar permezz ta’ tikkettar adatt, waqt li titqies l-esperjenza miksuba mis-sistemi eżistenti ta’ tikkettar. It-tikketta għandha tkun sempliċi, faċli biex tinftiehem u l-indikazzjonijiet fuq it-tikketta għandhom ikunu trasparenti u verifikabbli;

    27.

    jaħseb li l-approċċ tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF) huwa adatt sew għal dan il-għan, iżda jinnota li għad hemm bżonn ta’ sforzi konsiderevoli għall-iżvilupp metodoloġiku tiegħu u anke li l-PEF tkun tista’ tindirizza b’mod effettiv l-għadd kbir ta’ tikketti u konsegwentament in-nuqqas ta’ trasparenza meta din tkun vinkolanti f’livell universali. Għal dan l-iskop, il-ġestjoni tagħha għandha tkun faċli għall-produtturi, mingħajr ma jkollhom jissagrifikaw il-valur informattiv u l-kontrollabbiltà tagħha, filwaqt li din għandha wkoll tqis il-kompetittività tagħhom u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ marka Ewropea li permezz tagħha tintlaħaq reputazzjoni ċara u pożittiva li twitti t-triq għall-ekonomija ċirkolari. Peress li hemm ħtieġa ta’ strateġija għall-marka u l-komunikazzjoni dwarha, jinħtieġ pjan għall-implimentazzjoni tagħha, pereżempju programmi għat-titjib u kampanji ta’ reklamar fil-livell Ewropew;

    28.

    jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, permezz ta’ riformi fiskali fuq perjodu ta’ żmien medju, jintaxxaw il-konsum tal-materji primi b’rata ogħla mill-materji primi, is-sustanzi u l-komponenti sekondarji li jistgħu jerġgħu jintużaw, sabiex b’hekk jiżdied b’mod sinifikanti l-inċentiv għall użu mill-ġdid ta’ materji primi, sustanzi u komponenti li diġà jiċċirkolaw fl-ekonomija minflok jintużaw materji primi ewlenin ġodda; Jista’ jkun hemm il-bżonn li d-Direttiva tal-UE dwar il-VAT tiġi riveduta sabiex ma timpedixxix divrenzjar fir-rati tal-VAT għal dan il-għan. Il-Kummissjoni u l Istati Membri, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaħdmu aktar biex irawmu l-użu ta’ materji primi, materjali u komponenti sekondarji, anke bl-użu ta’ strumenti ekonomiċi adegwati oħra;

    29.

    jirrikonoxxi li l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) jista’ jkun xprun importanti għall-ekonomija ċirkolari minħabba s-sehem kbir tiegħu fil-prodott domestiku gross. Il-KtR jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw sehem kbir ħafna fil-volumi tal-akkwist madwar l-UE u għalhekk dawn għandhom rwol ewlieni fl-APE; Dan jagħti lill-ekonomija ekoloġika l-istimolu li teħtieġ biex tikber u jillibera wkoll potenzjal kbir għall-impjiegi, u b’hekk tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs u tal-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi (6);

    30.

    jinnota li għad ma hemmx implimentazzjoni fuq skala kbira tal-APE, li ilu promoss għal ħafna snin, u għalhekk jilqa’ bi pjaċir kull inizjattiva tal-Kummissjoni li twassal għal implimentazzjoni aktar effiċjenti ta’ din il-politika ta’ akkwist; jenfasizza l-fatt li fl-akkwist pubbliku huwa importanti li ma jitqiesx biss l-iktar prezz baxx, iżda tiġi kkunsidrata wkoll “l-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża”. Dan ifisser aktar enfasi fuq ix-xiri ta’ soluzzjonijiet li għandhom kost totali taċ-ċiklu tal-ħajja orħos, juru prestazzjoni teknoloġika qawwija u huma kumplessivament aktar sostenibbli; dan it-tip ta’ prattiki għandu jiġi inkluż fir-Regolamenti tal-Fondi Strutturali, peress li b’dan il-mod jista’ jittejjeb id-dħul fis-suq ta’ materja prima sekondarja;

    31.

    jinnota li, anke jekk l-Istati Membri tal-UE jkunu implimentaw ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (7), jeżistu opportunitajiet oħra għal akkwist sostenibbli, kompettitiv, li jiġġenera l-innovazzjoni, u trasparenti, bħal pereżempju regoli iktar intelliġenti u użu akbar ta’ proċeduri elettroniċi; huwa tal-fehma li n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, għandhom jingħataw għarfien aħjar dwar l-opportunitajiet ġodda li jippreżentaw ir regoli tal-UE riveduti dwar l-akkwist pubbliku;

    32.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jfasslu linji gwida u proposti sabiex jippromovu l-użu tal-APE. Il-Manwal “Bying Green! A Handbook on green public procurement” maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea huwa bidu xieraq għal dan il-għan; jitlob, barra minn hekk, li tiġi stabbilita lista, li għandha tiġi aġġornata regolarment, għal dan il-manwal, li tinkludi materji primi sekondarji u materjal ieħor eliġibbli għall-APE, kif ukoll prodotti li jsiru b’dawn is-sustanzi u materjali;

    33.

    jitlob li, fid-dawl ta’ modifiki futuri tal-qafas legali tal-UE li daħal fis-seħħ fl-2016, l-APE jitqies b’mod obbligatorju fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, jekk dawn ikunu ogħla mil-livelli limiti għal sejħa għal offerti madwar l-UE, u għal proġetti li huma finanzjati mill-fondi pubbliċi. L-akkwist pubbliku ekoloġiku għandu jiġi implimentat f’kull każ fir-rigward ta’ programmi ta’ ffinanzjar tal-UE, sabiex dawn il-proġetti jkunu jistgħu jservu bħala mudell u impuls għall-applikazzjoni tal-APE;

    34.

    jirrakkomanda, għalhekk, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku (2014/24/UE) biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-leġislazzjoni tal-UE, kif ukoll konsistenza mar-rakkomandazzjoni preċedenti, sabiex fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku tingħata prijorità għal prodotti u soluzzjonijiet sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi, u l-għoti ta’ ġustifikazzjoni jkun mandatorju fil-każ tar-rifjut tagħhom; jirrakkomanda wkoll li tiġi applikata forma ta’ monitoraġġ li tivvaluta u tqabbel l-kostijiet tal-proċeduri ta’ akkwist konvenzjonali, li huma purament orjentati lejn il-prezz, il-prestazzjoni u l-profitt, ma’ dawk tal-APE tul il-katina kollha tal-valur; jirrakkomanda, barra minn hekk, li jiġu żviluppati s-sistemi li jippubblikaw il-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti sabiex tiġi pprovduta informazzjoni komparabbli dwar il-proġetti differenti u l-kriterji tagħhom jekk meħtieġ;

    Ir-rimi tal-iskart

    35.

    jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rigward tal-intenzjoni tagħha biex taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni tal-UE, u jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti f’dan il-qasam. Il-KtR jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jinvolvu mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-miżuri tekniċi u fiskali neċessarji, kif ukoll fl-iskambju ta’ prattiki tajba;

    36.

    itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jippromovu l-introduzzjoni ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari fiż-żoni inqas żviluppati, kif ukoll biex jiġu implimentati aktar malajr strumenti ekonomiċi, bħal pereżempju l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, it-tariffi għar-rimi f’miżbla, u s-sistemi ta’ ħlas għall-produzzjoni tal-iskart (8);

    37.

    jenfasizza li minħabba d-differenzi li hemm bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-UE f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-miri ffissati mil-liġijiet Ewropej attwali dwar il-ġestjoni tal-iskart, huwa importanti ħafna li jitħeġġu l-kooperazzjoni u d-diffużjoni ta’ prattiki tajbin fil-qasam, b’mod li jiġu megħjuna l-Istati Membri u r-reġjuni inqas avvanzati biex jilħqu l-għanijiet finali; dan japplika b’mod partikolari, fil-każ tar-reġjuni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni u r-reġjuni insulari u ultraperiferiċi, li għandhom pressjoni kbira ta’ popolazzjoni, u b’distanzi kbar għall-faċilitajiet tal-ipproċessar tal-iskart, peress li f’dawn ir-reġjuni huwa prattikament impossibbli li jintlaħaq l-għan tal-iskart żero;

    38.

    jenfasizza li hemm bżonn li l-konsumaturi jiġu involuti ħafna aktar fl-azzjonijiet kollha relatati mar-rimi tal-iskart. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbli għall-ipproċessar tal-iskart solidu muniċipali għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar il-proċedura tal-ipproċessar u l-monitoraġġ tar-riċiklaġġ tal-materjali kollha, sabiex il-konsumaturi jiġu involuti aktar fl-eliminazzjoni jew ir-riċiklaġġ xieraq ta’ dan il-materjal;

    39.

    jenfasizza li kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar ir-rimi tal-iskart huma fattur importanti għall-kompetittività tal-SMEs fis-suq uniku Ewropew;

    40.

    jilqa’ l-pjani tal-Kummissjoni biex tindirizza r-rwol tal-irkupru tal-enerġija mill-iskart fil-politika tal-enerġija u tal-klima. Il-KtR jenfasizza li, sabiex jiġi minimizzat l-ammont ta’ skart u jitqies iċ-ċiklu ta’ ħajja, dawn il-pjani għandhom ikunu bbażati fuq il-ġerarkija tal-iskart tal-UE, u li l-mudell tal-ekonomija ċirkolari bi kwoti għoljin ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ ma għandux jiġi evitat favur il-produzzjoni tal-enerġija (9);

    41.

    jirrimarka wkoll li t-trattament fi stallazzjonijiet termali effiċjenti ħafna (minn skart għal enerġija) huwa utli għal skart li ma jistax jiġi evitat jew riċiklat, partikolarment fejn dan iwassal għal użu simultanju ta’ enerġija. Fl-istess ħin, id-daqs kbir iżżejjed tal-infrastrutturi għar-rimi jew l-inċinerazzjoni tal-iskart għandu jiġi evitat;

    42.

    jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li żżid l-infurzar tar-Regolament rivedut dwar il-vjeġġi tal-iskart, u b’hekk jiġu indirizzati l-esportazzjoni illegali tal-iskart prodott fil-fażi ta’ wara l-konsumatur kif ukoll il-vjeġġi ta’ skart lejn impjanti ta’ trattament ta’ standard inferjuri fi ħdan jew barra l-UE. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvolvi mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti fl-attivitajiet tagħha kif ukoll tippromovi l-iżvilupp ta’ Skambju Elettroniku ta’ Data għall-vjeġġi tal-iskart u tiżviluppa gwida dwar ippjanar tal-ispezzjonijiet adatt, li r-rekwiżit għaliha kien introdott mill-aħħar reviżjoni tad-Direttiva;

    Tisħiħ tas-suq tal-materji primi sekondarji

    43.

    huwa tal-fehma ġenerali li, fejn meħtieġ, l-istandards ta’ kwalità għandhom jiġu stabbiliti mill-industriji li jużaw il-materji primi, peress li l-manifatturi tal-prodotti biss jafu liema huma l-kwalitajiet li l-materji primi u s-sustanzi jrid ikollhom għall-produzzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza madankollu li mhijiex l-oriġini iżda l-kwalità ta’ prodott li għandha tkun il-fattur determinanti;

    44.

    iqis, madankollu, li l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tanalizza u telimina l-ostakli legali attwali li jimpedixxu jew ifixklu l-użu ta’ materji primi sekondarji, sakemm dan ma jipprekludix aspetti relatati mas-sikurezza (eż. sustanzi niġġiesa, mard tal-annimali, iġjene);

    45.

    jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika l-punti ta’ relazzjoni bejn il-leġislazzjoni tal-kimika, tal-prodotti u dik tal-iskart u jqis li dan għandu jsir kemm jista’ jkun malajr. Il-KtR jenfasizza, f’dan il-kuntest, li s-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi u tossiċi permezz ta’ alternattivi sikuri li huma disponibbli jew li għad iridu jiġu żviluppati, kif ukoll it-traċċabbiltà ta’ kimiki perikolużi fil-katina tal-valur u fiċ-ċikli tal-materjali, huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-ekonomija ċirkolari;

    Oqsma ta’ prijorità

    46.

    jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-plastik, jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent (10), u jenfasizza li, fir-rigward tal-użu tal-plastik f’ċerti setturi, għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex ir-riċiklaġġ tal-plastik jiġi faċilitat jew biex jitnaqqas l-użu tiegħu f’ċerti setturi. Il-plastik li fih sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa, m’għandux jerġa’ jintuża jew jiġi riċiklat jekk l-inkwinanti ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċess ta’ trattament u jitneħħew miċ-ċiklu tal-materjali. Plastik li fih sustanzi li jagħmlu l-ħsara għandu jitneħħa miċ-ċirkolazzjoni, pereżempju bl-inċinerazzjoni. Huwa importanti li l-Kummissjoni tikkunsidra dan l-aspett waqt it-tfassil tar-regoli u l-livelli mmirati. Barra minn hekk, għandha tfittex li tiżgura li l-produzzjoni primarja tkun ħielsa kemm jista’ jkun malajr minn sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem;

    47.

    josserva li bosta materjali kkombinati ġodda jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq l-ambjent (pereżempju, l-insulazzjoni, l-iffrankar tal-piż, eċċ.), iżda min-naħa l-oħra jistgħu jippreżentaw sfidi ġodda matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom fir-rigward tal-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi;

    48.

    jikkritika l-fatt li t-temi importanti ta’ “rimi ta’ skart (littering)” u “tnixxija (leaching) tal-plastik” mhumiex indirizzati f’aktar dettall fil-pjan ta’ azzjoni u, għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti importanza akbar lil dawn il-kwistjonijiet fl-istrateġija dwar il-plastik fl-ekonomija ċirkolari, imħabbra għall-2017, u tistabbilixxi miri ċari biex jinstabu soluzzjonijiet;

    49.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromovu inizjattivi mmexxija mis-suq li jagħtu spinta lill-użu ta’ materjali rriċiklati, billi joħolqu inċentivi fiskali u ekonomiċi għan-negozji sabiex jużaw mudelli ta’ negozju li jibbażaw fuq l-ekonomija ċirkolari, u għall-konsumaturi biex jixtru prodotti u servizzi li jappoġġjaw l-ekonomija ċirkolari;

    50.

    iqis li t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel mhuwiex biss ekonomiku u ekoloġiku, iżda wkoll aspett etiku importanti tal-ekonomija ċirkolari, u jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu relatati mal-pakkett leġislattiv u l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar l-iskart tal-ikel (11);

    51.

    huwa tal-fehma li l-miżuri dwar il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-valur ma humiex kwistjoni li tikkonċerna biss lill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-intrapriżi, iżda li l-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet tal-UE oħrajn jaqdu rwol deċiżiv minħabba r-rabta ta’ din it-tema ma’ oqsma politiċi oħrajn (eż. regolamenti tal-iġjene/protezzjoni tal-konsumatur, standards tal-kummerċ, sussidji agrikoli);

    52.

    iqis li hija essenzjali li ssir valutazzjoni komprensiva tal-industrija tal-kostruzzjoni minħabba l-iskala u l-kumplessità dejjem tikber tal-iskart ta’ dan is-settur. L-ekodisinn tal-prodotti ta’ kostruzzjoni, b’mod partikolari, għandu jqis iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, u għalhekk għandu jiġi applikat aktar għal din il-kategorija ta’ prodotti; minkejja li l-interess sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fis-settur tal-kostruzzjoni fl-UE huwa indiskutibbli, l-approċċi nazzjonali pubbliċi u privati differenti jżidu l-kumplessità tal-ambjent tax-xogħol għall-partijiet interessati kollha. In-nuqqas ta’ għanijiet, indikaturi u data komuni kif ukoll in-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku tal-approċċi differenti jistgħu rapidament jannullaw il-progress li jkun intlaħaq u jwasslu għal distorsjonijiet fis-suq intern fil-qasam tal-ippjanar, id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manifattura;

    53.

    huwa tal-fehma li, fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għall-qasam tal-proprjetà immobbli u tal-kostruzzjoni, il-proġetti għandhom jitfasslu “skont l-istrati”, jintgħażlu materjali u komponenti speċifiċi, u sa minn kmieni fl-istadju tal-kostruzzjoni l-bini jkun iqis il-proċessi taż-żarmar u l-adattabilità. F’dan ir-rigward, għandu jiġu involut is-settur industrijali, u jkun hemm definizzjoni mill-ġdid tal-iskart bħala riżorsa prezzjuża, u l-bini għandu jsir “bank ta’ materjal” għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għal dan il-għan, hemm bżonn li jinħolqu strutturi tal-materjal u komponenti li jkunu jistgħu jitwaqqgħu jew jiżżarmaw totalment jew parzjalment, b’tali mod li d-diversi komponenti jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw, il-materjal jista’ jiġi riċiklat u l-bini kollu jerġa’ jinbena xi mkien ieħor;

    54.

    jenfasizza r-rilevanza reġjonali tal-ekonomija ċirkolari tal-iskart mill-kostruzzjoni, peress li dan mhuwiex ekonomikament adattat għal trasport fuq distanzi twal minħabba l-massa u l-piż tiegħu u għalhekk jibqa’ ġeneralment fir-reġjun ta’ oriġini tiegħu;

    55.

    iqis l-industrija tal-kostruzzjoni bħala qasam importanti ta’ azzjoni tal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika; l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu l-pijunieri biex jagħtu aċċess wiesa’ tas-suq għal proċessi u prodotti, bħal pereżempju aggregati sekondarji li ġejjin mill-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni ta’ toroq u infrastrutturi innovattivi u ekoloġiċi, kemm bħala sidien ta’ bini pubbliku, kif ukoll bħala dawk responsabbli għall-ħolqien u l-manutenzjoni tal-infrastruttura (12);

    56.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol partikolarment importanti fl-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni, u għandhom jingħataw appoġġ fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ekonomija ċirkolari f’dan is-settur permezz ta’ linji gwida tal-UE;

    57.

    itenni li l-iżvilupp ta’ indikaturi għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-binjiet f’termini taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom huwa importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE, u huwa wkoll prerekwiżit għall-iżvilupp ta’ miri u standards ġenerali għall-ħarsien tal-ambjent fis-settur tal-kostruzzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp ta’ dawn l-indikaturi (13);

    58.

    jinnota li t-temi dwar il-prodotti mediċinali u n-nanomaterjali bħala skart jew skart mormi fl-ambjent huma neqsin mill-pjan ta’ azzjoni u għandhom jiġu indirizzati fi żmien qasir bħala prijoritajiet addizzjonali permezz ta’ strateġiji adatti għal dan;

    Innovazzjoni, investiment u miżuri orizzontali oħrajn

    59.

    jilqa’ bi pjaċir il-fatt li fil-pjan ta’ azzjoni l-Kummissjoni tieħu l-impenn li tappoġġja lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex isaħħu l-miżuri tal-ekonomija ċirkolari tagħhom permezz ta’ miżuri mmirati, u li tipprovdihom ukoll fondi permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-EFSI, LIFE, l-Orizzont 2020 jew COSME biex jiżviluppaw proġetti tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn il-Fondi u l-programmi differenti u li jiġi ssemplifikat l-użu tagħhom. Jappella għal approċċ imsejjes fuq punt uniku ta’ kuntatt;

    60.

    jinnota, f’dan il-kuntest, li dawn l-istrumenti finanzjarji ta’ spiss mhumiex imfassla għall-ħtiġijiet tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jitlob għalhekk li dawn jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet finanzjarji u amministrattivi tagħhom; hemm bżonn li l-miżuri u l-istrumenti jitfasslu skont ir-realtajiet differenti tar-reġjuni tal-Ewropa, b’mod partikolari d-densità tal-popolazzjoni u t-tqassim tagħha fit-territorju;

    61.

    ifakkar li l-programmi operattivi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej diġà kienu ġew stabbiliti qabel il-pjan ta’ azzjoni u għalhekk il-miżuri ta’ investiment għall-ekonomija ċirkolari ma setgħux jiġu ppjanati b’tali mod li jippermettu wkoll proġetti iżgħar għat-tnaqqis tal-iskart; għall-iżvilupp ta’ netwerks għall-użu mill-ġdid, it-tiswija, u l-ekonomija kollaborattiva; għall-ittestjar ta’ proċessi ġodda dwar l-għażla u t-trattament tal-iskart; għall-bini tal-kapaċità għall-SMEs; u għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku;

    62.

    jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tieħu kunsiderazzjoni akbar ta’ dan fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss, u biex b’mod aktar ġenerali, fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss għall-fondi strutturali u ta’ investiment, tagħti lit-tema tal-ekonomija ċirkolari l-istess prijorità għolja kif ingħatat lit-tema tat-tibdil fil-klima;

    63.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi “it-teknoloġiji rivoluzzjonarji”, li jistgħu jibdlu b’mod drastiku jew jieħdu post segmenti tas-suq sħaħ, b’mod aktar effettiv bħala parti mill-ekonomija ċirkolari, biex jiġi garantit użu aħjar tal-għarfien;

    Monitoraġġ u governanza

    64.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi rapporti ta’ progress regolari dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni lill-Kumitat tar-Reġjuni, tiddiskuti regolarment mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-progress miksub u tistħarreġ il-possibbiltà ta’ talbiet għal opinjonijiet ta’ prospettiva lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex ikun jista’ jikkontribwixxi diġà sa mill-fażi ta’ preparazzjoni tal-politika;

    Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  COM(2014) 446 final, COM(2016) 381 final.

    (2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tal-20 ta’ Ġunju 2016, (mhux disponibbli bil-Malti) http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/env/2016/06/st10444_en16_pdf/

    (3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar “L-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari” (2014/2208(INI)).

    (4)  CdR 140/2011.

    (5)  CoR-2014-04083, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2014/2208(INI).

    (6)  COM(2014) 440 final, COM(2014) 446 final.

    (7)  Id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE.

    (8)  CDR 4083/2014.

    (9)  CDR 3751-2013.

    (10)  CDR 3751-2013.

    (11)  CdR 6646/2015.

    (12)  Ara: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “EU GPP Criteria for Office Building Design, Construction and Management” tal-20 ta’ Mejju 2016, SWD(2016) 180 final.

    (13)  CDR 4084/2014.


    Top