Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DP0235

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt (2015/2072(IMM))

    ĠU C 407, 4.11.2016, p. 98–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/98


    P8_TA(2015)0235

    Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt (2015/2072(IMM))

    (2016/C 407/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt, mibgħuta fid-9 ta' Frar 2015 mill-imħallef li jippresiedi l-Kammergericht ta' Berlin (Ref. (3) 161 Ss 189/14 (14/15)) u mħabbra fis-seduta tal-plenarja tal-25 ta' Marzu 2015,

    wara li sema' lil Udo Voigt skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

    wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), u l-Artikoli 6(1), u (9) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0192/2015),

    A.

    billi l-imħallef li jippresiedi l-Kammergericht ta' Berlin ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Udo Voigt b'rabta ma' azzjoni legali dwar reat allegat;

    B.

    billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom;

    C.

    billi, skont l-Artikolu 46(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, membru tal-parlament ma jistax jiġi miżmum responsabbli jew arrestat għal reat punibbli mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-parlament, għajr għal ċerti ċirkostanzi speċifiċi;

    D.

    billi Udo Voigt jinsab akkużat b'inċitament u insulti kollettivi f'pubblikazzjoni maħruġa mill-Partit Demokratiku Nazzjonali tal-Ġermanja, li hu kien responsabbli għaliha bħala l-president tal-partit, fi żmien it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2006;

    E.

    billi l-akkużi huma manifestament mhux relatati mal-pożizzjoni ta' Udo Voigt bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jirriżultaw mill-pożizzjoni tiegħu bħala President tal-Partit Demokratiku Nazzjonali tal-Ġermanja;

    F.

    billi l-azzjonijiet allegati mhumiex marbuta ma' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-akkuża hija marbuta ma' azzjonijiet imwettqa fl-2006, ferm qabel ma Udo Voigt ġie elett fil-Parlament Ewropew fl-2014;

    G.

    billi Udo Voigt isostni li t-tul tal-proċeduri, li bdew fl-2006, għandu l-għan li jostakolaw ix-xogħol parlamentari tiegħu; billi, madankollu, it-talba preżenti għat-tneħħija tal-immunità hija sostnuta bi proċeduri ulterjuri li nfetħu bħala azzjoni ta' rimedju minn Udo Voigt innifsu, u għaldaqstant il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans japplika għal din l-oġġezzjoni;

    H.

    billi ma hemm l-ebda suspett li l-proċeduri huma attentat ta' ostakolu għax-xogħol parlamentari ta' Udo Voigt (fumus persecutionis), inkwantu li dawn bdew għadd ta' snin qabel ma huwa ħa l-kariga tas-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew;

    1.

    Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Udo Voigt;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Kammergericht ta' Berlin u lil Udo Voigt.


    (1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


    Top