This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015BP2210
Resolution of the European Parliament of 27 October 2015 with observations forming an integral part of the decision on discharge for implementation of the budget for the European Institute of Innovation and Technology for the financial year 2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013
ĠU L 314, 1.12.2015, p. 36–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/36 |
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tas-27 ta' Ottubru 2015
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0282/2015), |
Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet
1. |
Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (“l-Istitut”) għas-sena finanzjarja 2013, għat-tieni sena konsekuttiva, ma sabet l-ebda assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet; jinnota li fl-opinjoni tal-Qorti, il-kwalità taċ-ċertifikati kienet kompromessa peress li nħarġu minn kumpaniji tal-awditjar indipendenti kuntrattati minn benefiċjarji ta' għotjiet, li jkopru madwar 87 % tal-infiq tal-għotjiet; ifakkar, barra minn hekk, li sabiex jiġu indirizzati d-difetti relatati mal-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar, l-Istitut tejjeb l-istruzzjonijiet mogħtija lill-awdituri inkarigati miċ-ċertifikazzjoni u kkomunika l-istruzzjonijiet aġġornati lill-“Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni” (KKI), il-benefiċjarji tal-għotjiet tal-Istitut, f'Ġunju 2013; |
2. |
Jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li l-istruzzjonijiet imtejba rriżultaw f'titjib fil-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar riċevuti meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet tal-2013 li għalihom il-pagamenti finali saru fl-2014; |
3. |
Jirrikonoxxi li, ibda mill-ftehimiet ta' għotja tal-2014, l-Istitut juża l-istess metodoloġija taċ-ċertifikati tal-awditjar bħall-programmi l-oħrajn kollha fl-ambitu tal-programm qafas Orizzont 2020; josserva li l-użu ta' metodoloġija ta' ċertifikazzjoni aktar dettaljata u konsistenti kompla jżid l-assigurazzjoni miksuba matul il-verifiki ex ante; |
4. |
Ifakkar li l-Istitut introduċa verifiki komplementari ex post għat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet bħala t-tieni livell ta' assigurazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet; jirrikonoxxi li l-Istitut wettaq awditjar “fuq il-post” u kopra madwar 40 % tal-għotjiet imħallsa skont il-Ftehimiet ta' Għotja tal-2013; josserva li dan l-awditjar irriżulta fl-irkupru ta' EUR 263 239, mill-ammont totali ta' EUR 29 163 272 suġġett għal awditjar; jirrikonoxxi li r-rata ta' żball maqbud fil-kampjun awditjat hija 0,90 % u r-rata tal-iżball residwu hija 0,69 %, li hija taħt il-limitu tal-materjalità ta' 2 %; jikkonstata li l-Qorti ma għamlet l-ebda kumment jew sejba fir-rigward tal-verifiki ex ante jew ex post fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha għas-sena finanzjarja 2014; |
5. |
Jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li mill-2013 huwa tejjeb il-proċeduri ta' akkwist tiegħu u adotta approċċ proattiv wara li l-Qorti sabet l-iżbalji; josserva b'mod partikolari li l-Istitut ħassar iż-żewġ kuntratti qafas konklużi fl-2010 u fl-2012 li fihom ġiet identifikata irregolarità fl-użu tal-proċedura negozjata; josserva, barra minn hekk, li l-Istitut għamel reviżjoni tal-proċeduri, taċ-ċirkwiti u tal-mudelli interni tiegħu, bil-għan li jirrispetta totalment ir-regoli rispettivi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b'attenzjoni speċjali għall-ippjanar sod u għall-istima tal-bżonnijiet; jirrikonoxxi li fl-2015 l-Istitut irrekluta uffiċjal ieħor għall-akkwisti u wettaq sensiela ta' sessjonijiet ta' taħriġ dwar l-akkwist indirizzati lill-persunal tiegħu; |
6. |
Jirrikonoxxi li barra mill-kompitu ta' konsulenza eżegwit mill-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) tal-Istitut, dan tal-aħħar implimenta l-azzjonijiet segwenti:
|
7. |
Jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li ma nstab l-ebda żball fl-akkwist fir-rigward tas-sena 2014; josserva, barra minn hekk, li peress li r-rata tal-iżball residwu fl-infiq tal-għotjiet hija 0,69 %, ir-rata ta' żball kombinat għall-infiq amministrattiv u dak operattiv hija bejn wieħed u ieħor 0,5 % tal-pagamenti totali li saru fl-2014; jistenna bil-ħerqa r-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena 2014 biex jikkonferma dawn il-konklużjonijiet; |
8. |
Jaċċerta li l-Istitut kiseb iċ-ċertifikati ta' awditjar dwar l-ispejjeż tal-attivitajiet komplementari tal-KKI inkorsi fil-perjodu 2010–2014; josserva li l-Istitut għamel rieżami tal-portafoll tal-attivitajiet komplementari tal-KKI bil-għan li jiggarantixxi li jkunu aċċettati biss l-attivitajiet b'rabta ċara mal-valur miżjud tal-KKI ffinanzjati mill-Istitut; |
9. |
Jirrikonoxxi li l-finanzjament fornut mill-Istitut lill-KKI fil-perjodu 2010–2014 ma qabiżx il-limitu massimu ta' 25 % kif iffissat mill-Ftehimiet Qafas ta' Sħubija bejn il-KKI u l-Istitut; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
10. |
Josserva li l-Istitut tejjeb il-proċeduri ta' ppjanar u ta' monitoraġġ marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit; jieħu nota li tali proċeduri issa jinkludu valutazzjoni aktar rigoruża tal-attivitajiet kollha proposti b'impatt fuq il-baġit li jammonta għal aktar minn EUR 50 000, kif ukoll l-introduzzjoni ta' dokumenti addizzjonali ta' ppjanar li jiggarantixxu li l-bżonnijiet tar-riżorsi umani u finanzjarji jkunu identifikati sewwa u disponibbli għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ippjanati kollha; josserva, barra minn dan, li ssaħħet ir-rabta bejn l-attivitajiet ippjanati u l-allokazzjoni tar-riżorsi billi l-Programm ta' Ħidma Annwali ntrabat mal-baġit annwali; |
11. |
Josserva li l-Istitut, flimkien mal-KKI, tejjeb b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' assorbiment tal-ewwel mewġa ta' KKI għall-perjodu 2010–2014, b'rata medja ta' tkabbir annwali tal-għotjiet assorbiti mill-Istitut ta' 85 %; josserva, barra minn hekk, li l-Bord tat-Tmexxija tal-Istitut għażel u ħatar żewġ sħubijiet biex isiru l-KKI tat-tieni mewġa, li se jkomplu jgħollu l-kapaċità ta' assorbiment mis-sena 2015 u jżidu r-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit tal-Istitut; |
12. |
Ifakkar li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu I (infiq għall-persunal) hija dovuta prinċipalment għaċ-ċaqliq qawwi tal-persunal u l-adozzjoni straordinarja tar-regolamenti dwar l-aġġustamenti fis-salarji; jieħu nota li l-analiżi tal-intervisti ta' tmiem l-impjieg identifikat in-nuqqas ta' prospettiva ċara fir-rigward tal-karrieri, ambjent tax-xogħol diffiċli u pakkett ta' salarju mhux attraenti relatat mal-koeffiċjent ta' korrezzjoni għall-Ungerija bħala r-raġunijiet ewlenin għaċ-ċaqliq qawwi tal-persunal; |
13. |
Jikkonstata l-azzjonijiet meħuda mill-Istitut bil-għan li jtaffi ċ-ċaqliq qawwi tal-persunal; josserva partikolarment it-titjib fil-ġestjoni ta' postijiet vakanti, il-ħolqien ta' sistema ta' evalwazzjoni u ta' riklassifikazzjoni li joffri prospettiva professjonali aħjar u jsaħħaħ il-livell maniġerjali tan-nofs; jilqa' t-tnaqqis fir-rata ta' ċaqliq tal-persunal minn 20–25 % fil-perjodu 2012–2013 għal 12 % fl-2014; jieħu nota tal-fatt li l-erba' postijiet vakanti li baqa' se jimtlew gradwalment matul l-2015; |
Awditjar intern
14. |
Jirrikonoxxi li f'Ġunju 2014 is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta' awditjar ta' segwitu dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni li jirriżulta mir-“Rieżami Limitat dwar il-Ġestjoni tal-Għotjiet — Tħejjija għall-Ftehimiet ta' Għotja Annwali”; jieħu nota li l-IAS għalaq żewġ rakkomandazzjonijet mis-sitta oriġinali u li rakkomandazzjoni oħra niżlet mil-livell ta' “Kritika” għal dak ta' “Importanti Ħafna”; |
15. |
Jirrikonoxxi li f'Diċembru 2014 l-IAS għamel żjara ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Istitut sabiex jagħmel rieżami tal-progess li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet miftuħa; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li ż-żjara serviet biex l-IAS jirrikonoxxi aktar titjib fil-proċess ta' allokazzjoni tal-għotjiet annwali u li l-azzjonijiet dettaljati kollha ppreżentati lill-IAS matul iż-żjara, sew jekk kompletati, għaddejjin jew ippjanati, qegħdin jindirizzaw adegwatament ir-riskji evidenzjati mir-rieżami limitat tal-IAS; |
16. |
Josserva li mill-25 azzjoni li jirriżultaw mill-pjan ta' azzjoni, 18 ġew implimentati u li l-implimentazzjoni tas-seba' azzjonijiet li baqa' għadha għaddejja; josserva wkoll li tlieta minn dawk is-seba' azzjonijiet għandhom ikunu implimentati qabel it-tmiem tal-2015, wara li jkun ġie ffirmat il-Ftehim Qafas ta' Sħubija emendat bejn l-Istitut u l-KKI; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li baqa' miexja skont kif ippjanata; |
17. |
Josserva li l-IAC għamel seba' eżerċizzji ta' awditjar u impenji konsultattivi fl-2014 u jirrikonoxxi l-azzjonijiet li ħa l-Istitut fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAC. |