EUR-Lex Access to European Union law

?

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0237

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2015 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2015)0156 – C8-0093/2015 – 2015/2076(BUD))

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 107–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 407/107


P8_TA(2015)0237

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: EGF/2015/000 TA 2015 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2015 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2015)0156 – C8-0093/2015 – 2015/2076(BUD))

(2016/C 407/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0156 – C8-0093/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta ' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (4),

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0185/2015),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'konsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.

billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015 huwa ta’ EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta’ dan l-ammont (jiġifieri EUR 811 825 fl-2015) jista’ jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir tat-tagħrif u l-ħolqien ta’ bażi ta’ għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta’ tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta’ awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.

billi l-Parlament Ewropew spiss enfasizza l-ħtieġa ta' viżibbiltà aħjar tal-FEG bħala strument komunitarju ta' solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

F.

billi l-ammont propost ta' EUR 630 000 jikkorrispondi għal madwar 0,39 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015;

1.

Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala għajnuna teknika biex tiffinanzja n-nefqa msemmija fl-Artikoli 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikoli 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.

Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG il-ġdid; jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG u s-seminars ta’ netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG;

3.

Jenfasizza li objettiv ewlieni ta' dawn il-laqgħat għandu jkun li tiġi analizzata l-evalwazzjoni ex-post tal-FEG (2007-2013) u li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jiġu diskussi bir-reqqa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi u rapport kompluti tal-fondi FEG diġà implimentati lill-Parlament Ewropew;

4.

Jilqa’ l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

5.

Jinnota li l-proċess ta’ integrazzjoni tal-FEG fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014) ilha għaddejja għal snin twal u l-ispejjeż rilevanti mill-baġit tal-FEG se jkomplu jkunu relattivament għolja għas-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin, sakemm jitlesta l-proċess ta’ integrazzjoni;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress tal-integrazzjoni fl-SFC2014 mill-bidu tagħha fl-2011 sal-2014;

7.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffukaw l-attivitajiet ta' netwerking tagħhom b'mod partikolari fuq li ġej:

a.

titjib tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-appoġġ tal-FEG fuq individiwi parteċipanti bil-modi li ġejjin:

il-baġit għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom jintużaw biex jiġi vvalutat l-impatt aktar fit-tul fuq benefiċjarji tal-FEG.

il-formula ta’ applikazzjoni tal-EGF u l-mudell għar-rapport finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ kontribuzzjoni mill-EGF għandhom ifakkru b’mod ċar l-obbligu li hemm fuq il-koordinatur tal-FEG u fuq l-Istat Membru li jipprovdu d-data dwar l-eżiti tal-impjiegi tal-benefiċjarji tnax-il xahar wara l-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll id-data rigward ir-rata ta’ impjieg fl-aħħar 12-il xahar, sa mill-implimentazzjoni tal-FEG fil-qasam konċernat, sabiex tinkiseb perspettiva iktar wiesgħa tal-impatt tal-FEG.

informazzjoni aktar dettaljata dwar il-miżuri li kellhom aċċess għalihom parteċipanti individwali għandha tiġi reġistrata u kkomunikata b’mod ċar sabiex, pereżempju, ikun hemm valutazzjoni aktar ċara tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji ta’ miżuri differenti.

l-approvazzjoni ta’ rapporti finali tal-applikazzjoni u l-għeluq finali tal-applikazzjoni għandhom isiru flimkien mal-għoti ta’ informazzjoni sħiħa dwar l-eżitu tal-benefiċjarji (f’livell aggregat). Qabel, id-data dwar l-eżitu tal-benefiċjarji ma kinitx kompluta.

b.

simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċess ta’ applikazzjoni bil-modi li ġejjin:

fuq il-livell nazzjonali l-proċess ta’ għoti ta’ assistenza għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandu jitħeġġeġ aktar biex jibda mingħajr stennija għall-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet;

meta dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu li jgħoddu l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG mid-data li fiha tiġi approvata applikazzjoni. Dan jippermetti li jiġi sfruttat il-perjodu ta’ finanzjament sħiħ ta’ 24 xahar.

c.

l-għoti ta' flessibbiltà akbar matul il-perjodu ta’ kunsinna bil-modi li ġejjin:

il-Kummissjoni għandha tipprovdi flessibbiltà akbar għall-Istati Membri biex jipprovdu miżuri addizzjonali hekk kif opportunitajiet/domandi ġodda jinqalgħu matul il-perjodu ta’ kunsinna lil hinn mill-miżuri deskritti fil-formola ta' applikazzjoni.

il-perjodu ta’ referenza meħtieġ biex jingħaddu s-sensji għall-applikazzjoni tal-FEG huwa meqjus bħala miżura restrittiva li taffettwa l-għan ta’ solidarjetà u s-suċċess tal-FEG u dan il-perjodu jista’ jiġi rivedut biex jippermetti flessibbiltà fil-forma ta’ addendum mal-formola ta’ applikazzjoni fejn jista’ jintwera li s-sensji seħħew minħabba l-istess raġunijiet u huma marbuta mas-sensji preżentati fl-applikazzjoni.

8.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa r-raġunijiet li rriżultaw, għal xi proġetti, f’dewmien f’termini ta’ approvazzjoni jew ta’ implimentazzjoni u li tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha pubblikament.

9.

Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-media u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

10.

Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni tkompli tkun imnaqqsa b'mod sinifikanti fl-2015; iqis li dan ma għandux ikollu effett negattiv fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni meħtieġa ta' materjal ta’ informazzjoni u gwida neċessarja;

11.

Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu iżjed il-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi b’mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-ogħla għadd ta' sinerġiji possibbli; l-interazzjoni bejn il-persuna ta' kuntatt nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u l-arranġamenti ta’ komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta’ informazzjoni (id-diviżjonijiet interni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet) għandhom isiru espliċiti u maqbula mis-sħab kollha kkonċernati;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi estiż l-aċċess għall-appoġġ mill-FEG lil żgħażagħ sal-età ta’ 25 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ (NEETs) f'livell indaqs tal-ħaddiema li jirċievu appoġġ f’reġjuni b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, jekk jintwera fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li hemm bżonn li tinżamm din il-miżura wara Diċembru 2017;

13.

Isejjaħ lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars ta' gruppi ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (5); jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta’ iktar koordinazzjoni fost dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali;

14.

Jitlob għall-pubblikazzjoni f'waqtha tal-evalwazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

15.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; jinnota, f’dan ir-rigward, ir-rieda tal-Parlament li jabbozza rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni li tqis il-funzjonament tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG u l-applikazzjonijiet eżaminati; jinnota li l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, li ssegwi t-talba tal-Parlament biex tiżgura li l-FEG ikun verament strument ta' urġenza u biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, għandha l-għan li tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni tal-FEG flimkien mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG; jilqa' t-tħaffif sinifikanti tal-eżami u l-awtorizzazzjoni ta' applikazzjonjiet li nħoloq permezz tal-Regolament il-ġdid dwar il-FEG;;

16.

Jenfasizza li evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li se titnieda fl-2015 għandha tqis ukoll l-impatt fit-tul tal-kriżi u tal-globalizzazzjoni fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għalhekk tevalwa l-possibbiltà li jitnaqqsu l-kriterji ta’ 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEG, kif issuġġerit mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2014.

17.

Jitlob lill-Istati Membri biex jenfasizzaw l-addizzjonalità tal-applikazzjonijiet tal-FEG, biex jinħolqu rabtiet aktar ċari ma’ fondi oħrajn u biex iqisu l-aktar modi xierqa għall-FEG biex jiżdied il-valur u jiġu evitati effetti ta’ ċaqliq;

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2014)0016.

(5)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(6)  Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/000 TA 2015 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (EU) 2015/1179.)


Top