This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0537
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Annual Report on the European Union's Humanitarian Aid and Civil Protection Policies and their Implementation in 2013
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar il-Politiki tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-Implimentazzjoni tagħhom fl-2013
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar il-Politiki tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-Implimentazzjoni tagħhom fl-2013
/* COM/2014/0537 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar il-Politiki tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea u l-Implimentazzjoni tagħhom fl-2013 /* COM/2014/0537 final */
Werrej Punti ewlenin. 3 Kuntest globali 4 L-emerġenzi qed jiżdiedu. 4 Ksur tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali 5 Żminijiet ekonomiċi diffiċli 5 OPERAZZJONIJIET ta’ għajnuna umanitarja. 6 Tħejjija għad-diżastri u
reżiljenza. 11 Tfal tal-Paċi tal-UE. 12 Rabta ma’ strumenti oħra tal-UE. 12 Operazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili 12 Rizorsi umani u finanzjarji 14 Politika tal-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni
ċivili 17 Konklużjoni 19
Introduzzjoni Dan
ir-Rapport Annwali jiddefinixxi l-kisbiet politiċi ewlenin u
l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u
l-protezzjoni ċivili, imwettqa prinċiparjament mid-Direttorat
Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili
(ECHO) matul l-2013. Filwaqt li ma jiddeskrivix fid-dettall ix-xogħol u
l-azzjonijiet kollha mwettqa, jippreżenta l-attivitajiet primarji u
l-iżviluppi ewlenin. Il-mandat
tal-ECHO jinkludi kemm l-assistenza umanitarja kif ukoll il-protezzjoni
ċivili. Permezz ta' dawn iż-żewġ mekkaniżmi ewlenin
l-Unjoni Ewropea (UE) tista' tiżgura l-għoti ta' assistenza ta'
sokkors rapida u effettiva lil nies li jiffaċċjaw il-konsegwenzi
immedjati ta' diżastri. L-għajnuna
umanitarja pprovduta mill-UE toffri assistenza ta’ sokkors lill-persuni
l-aktar fil-bżonn f’pajjiżi terzi. Hija tagħti toffri
għajnuna vitali lil dawk milquta minn diżastri naturali u
diżastri kkawżati mill-bniedem, u tħejji lill-komunitajiet li
jkunu vittmi ta' kriżijiet rikorrenti biex jiffaċċjaw l-effetti
ta’ emerġenzi futuri. B'mod komplimentari mal-assistenza umanitarja,
l-operazzjonijiet ta' protezzjoni ċivili joffru appoġġ
immedjat permezz ta’ timijiet ta’ esperti, tagħmir ta’ salvataġġ
u monitoraġġ f’ħin reali, ta’ diżastri li jkunu qed
jiżviluppaw, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha. Kull meta
jfaqqa’ diżastru, l-assistenza tkun meħtieġa immedjatament.
F'dan il-kuntest intervent fil-pront u effettiv mill-komunità internazzjonali
jista' jagħmel differenza bejn ħajja u mewt. Aktar minn nofs[1]
il-finanzjament globali provdut biex jindirizza l-ħtiġijiet ta’
persuni milquta minn sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali u dawk
magħmula mill-bniedem huwa pprovdut mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Permezz
tal-azzjonijiet umanitarji tagħha, l-UE tipprovdi reazzjoni immedjata
għad-diżastri, tħejji komunitajiet għall-isfidi li jkunu
ġejjin u tippromwovi bil-qawwa r-rispett għal-liġi umanitarja
internazzjonali. Punti ewlenin Permezz
tal-istrumenti tal-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili,
fl-2013 l-UE pprovdiet assistenza ta' emerġenza sostanzjali bbażata
fuq il-bżonnijiet, b'finanzjament totali ta'
EUR 1 353 miljun f'impenji[2]. Xi
fatti u ċifri ewlenin: ·
Kienu megħjuna madwar 124 miljun persuna[3]
milquta minn diżastri naturali, magħmula mill-bniedem jew
kriżijiet li jieħdu fit-tul; ·
Ingħatat għajnuna umanitarja f'aktar minn 90
pajjiż mhux tal-UE; ·
L-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha kienet fuq ta' quddiem
nett fil-kriżijiet il-kbar kollha madwar id-dinja, notevolment
b’reazzjoni għall-kriżi tas-Sirja, u kienet l-akbar donatur ta'
għajnuna internazzjonali; ·
Kollaborazzjoni bla preċedent tal-UE ġiet mobilizzata matul il-mega diżastru kkawżat
mit-tifun Haiyan fil-Filippini; Ingħataw EUR 180
miljun mill-UE u l-Istati Membri tagħha, minbarra assistenza in natura; ·
L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE[4]
kienet ikkonfermata; din se toffri 18 000 opportunità ta’ volontarjat bejn
l-2014 u l-2020; ·
Il-Mekkaniżmu
tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE[5]
ġie attivat 36 darba (wara talbiet għall-assistenza,
għal twissijiet minn qabel, u/jew monitoraġġ); Fl-2013
sar pass importanti bl-inawgurazzjoni taċ-Ċentru għal Rispons
ta’ Emerġenza (ERCC) f’Mejju 2013, li jiffaċilita ħafna
l-immaniġġjar tal-operazzjonijiet – speċjalment f’termini ta’
koordinazzjoni u reazzjoni għad-diżastri – b’sistema ta' tħaddim
sħiħa 24/7 (mill-1 ta’ Ottubru 2013). Il-missjoni
ewlenija tal-ERCC hija li tipprovdi appoġġ operazzjonali,
sensibilizzazzjoni u analiżi tas-sitwazzjoni integrati
għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet permezz kemm tal-istrument
tal-għajnuna umanitarja kif ukoll tal-protezzjoni ċivili. Kuntest globali L-emerġenzi qed jiżdiedu Madwar
id-dinja, id-diżastri naturali qed jiżdiedu fil-frekwenza,
il-kumplessità u s-severità u dawn qed jiġu aggravati minn sfidi
bħat-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni rapida u s-sottożvilupp.
Anki l-kunflitti armati u l-kriżijiet fit-tul qabdu xejriet globali
inkwetanti. Matul l-2013, bħala l-ikbar donatriċi umanitarja
fid-dinja, l-UE u l-Istati Membri tagħha rreaġixxew b’determinazzjoni
għal dawn l-isfidi. Is-sena 2013 kienet immarkata minn għadd għoli ħafna ta'
kriżijiet u diżastri umanitarji, u minn vulnerabbiltà kbira. Ix-xejriet
annwali jindikaw li l-ħtiġijiet qegħdin dejjem aktar ikunu akbar
mir-riżorsi disponibbli. It-twassil tal-għajnuna umanitarja u
tal-protezzjoni ċivili qiegħed ukoll isir aktar kumpless u
minħabba l-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali
b’konsegwenzi kbar, il-kriżijiet umanitarji qed jiġru bi
preavviż iqsar minn qabel. Statistika
ppubblikata miċ-Ċentru għar-Riċerka dwar
l-Epidemjoloġija tad-Diżastri (CRED)[6] u
l-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju mid-Diżastri
(UNISDR)[7] turi li
kien hemm 356 diżastru naturali ta' daqs varjabbli matul l-2013[8]. Dawn id-diżastri
qatlu aktar minn 20 000 persuna u affettwaw 99 miljun persuna madwar
id-dinja kollha. Fil-livell globali, l-Asja reġgħet kienet
għal darb'oħra l-kontinent l-aktar affettwat minn diżastri
naturali. Dan kien rifless kemm f'termini ta' għadd ta' diżastri
(44 % tad-diżastri madwar id-dinja) kif ukoll fl-għadd ta' vittmi
(80 %). L-impatt tad-diżastri fuq ekonomiji inqas żviluppati
huwa partikolarment sinifikanti: pereżempju, il-ħsara kkawżata
mit-Tifun Haiyan fil-Filippini u mill-għargħar fil-Bangladexx u
l-Możambik. L-Afrika kienet affettwata ħafna kemm min-nixfa kif ukoll
mill-għargħar. Il-konsegwenzi tad-diżastri maġġuri
kienu devastanti u varjati: intilfu l-ħajjiet, u nqerdu djar,
uċuħ ta' raba' u l-għajxien ta' nies. Ksur tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali Il-kunflitti armati mhux internazzjonali jibqgħu
l-kawża prinċipali tad-diżastri umanitarji magħmula
mill-bniedem, bil-popolazzjonijiet ċivili tkun
dejjem aktar esposta għall-vjolenza u s-sofferenza. F'kunflitti ta'
dan it-tip ħafna drabi jkun hemm nuqqas ta' rispett, mill-awturi, lejn
il-liġi umanitarja internazzjonali (IHL) u l-prinċipji tagħha. Is-sena 2013 rat l-organizzazzjonijiet umanitarji
jaffaċċjaw problemi dejjem akbar biex jiksbu aċċess
għal nies li jeħtieġu l-għajnuna. Il-gvernijiet u
l-milizzji jew il-gruppi armati ħafna drabi jċekknu l-ispazju
umanitarju u xi drabi jinjoraw il-protezzjoni l-aktar bażika garantita
mill-IHL. Ir-restrizzjonijiet
tal-aċċess li ħabbtu wiċċhom magħhom
l-organizzazzjonijiet umanitarji kienu l-iktar
prevalenti f'żoni ta' kunflitt u/jew fejn kien hemm nuqqas evidenti
tal-istat tad-dritt minħabba ostakoli politiċi. Fl-2013
is-sitwazzjoni u l-ambjent operazzjonali kumplessivi ddeterjoraw,
partikolarment fis-Sirja, l-Afganistan u r-Repubblika Ċentru-Afrikana
(CAR). F'pajjiżi oħrajn, ma ġie osservat l-ebda titjib
fis-sigurtà mis-sena l-oħra, b'mod partikolari fis-Somalja, ir-Repubblika
Demokratika tal-Kongo (RDK) u l-Jemen. F'ħafna
żoni ta' kunflitt (eż. is-Somalja, is-Sirja u l-CAR) il-ħaddiema
umanitarji raw metodi ta' gwerra partikolarment brutali. Dawn kienu jinkludu
attakki fuq nies ċivili u l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma
tal-gwerra. L-inċidenza ta' attakki fuq ħaddiema
tal-għajnuna umanitarja, inklużi ħtif, espulsjonijiet u
qtil, kienet fil-livell tal-2012. Atturi umanitarji jkollhom il-ħin kollu
jindirizzaw riskji bħal dawn biex jimmitigawhom. Żminijiet ekonomiċi diffiċli Matul
l-aħħar ftit snin l-impatt tad-diżastri madwar id-dinja kollha
ġebbed bi kbir il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-komunità umanitarja
internazzjonali. Fl-2013, in-Nazzjonijiet Uniti
nedew l-akbar appell konsolidat ta’ finanzjament li qatt sar għal
USD 13-il biljun għal bżonnijiet umanitarji f’24
pajjiż. Hemm distakk dejjem jikber bejn il-bżonnijiet
umanitarji globali li qegħdin jogħlew, minn naħa waħda, u r-riżorsi
finanzjarji disponibbli dejjem aktar skarsi biex jirrispondu għal dawn
il-bżonnijiet, min-naħa l-oħra. Dan huwa l-każ
speċjalment fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet
ħafna pajjiżi donaturi tal-Punent. Il-vulnerabilità kronika preżenti
f'ħafna partijiet tad-dinja hija kkumplikata aktar mill-kriżi
ekonomika globali. Dan
ifisser li donaturi għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex
jirreaġixxu għad-diżastri b’mod iktar effiċjenti, billi
jagħmlu użu iktar aħjar mir-riżorsi limitati tagħhom.
Għall-Kummissjoni, dan ifisser l-identifikazzjoni ta' żieda
fl-effiċjenza meta tkun qed taħdem mas-sħab tagħha. OPERAZZJONIJIET ta’ għajnuna umanitarja Il-mandat
tal-UE skont l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE), ir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja[9] u l-Kunsens
Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja[10]
huwa li tiġi salvata u ppreservata l-ħajja. L-operazzjonijiet tal-UE
jimmiraw ukoll li jipprevjenu jew inaqqsu s-sofferenza u li tiġi
salvagwardjata l-integrità u d-dinjità tal-individwi billi tingħata
għajnuna u protezzjoni fi żminijiet ta' kriżijiet umanitarji.
Il-Kummissjoni tiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni ma’ u fost l-Istati
Membri tal-UE dwar azzjoni u politika umanitarja, sabiex issaħħaħ
l-effiċjenza u l-komplementarjetà[11]
tal-assistenza umanitarja. Il-prijorità
kumplessiva hija li jiġi żgurat li l-għajnuna tiġi
mmaniġġjata bl-aktar mod effiċjenti possibbli, u b'hekk
jiġi garantit li l-assistenza li l-UE twassal lin-nies fil-bżonn
jkollha l-effett massimu u tirrispetta l-prinċipji tal-liġi
internazzjonali. L-UE tirrispetta dejjem il-prinċipji umanitarji
tal-imparzjalità, in-newtralità, l-umanità u l-indipendenza, u tipprovdi
għajnuna mingħajr rigward għal kwalunkwe aġendi
politiċi u irrispettivament min-nazzjonalità tal-vittmi u r-reliġjon,
il-ġeneru, l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni politika
tagħhom. Fl-2013, l-UE ffinanzjat operazzjonijiet f’għadd ta’
emerġenzi li rriżultaw minn katastrofi naturali inkluż: ·
Iċ-ċiklun tropikali Haiyan li laqat il-Filippini f’Novembru 2013 u kkawża
ħsara u deżolazzjoni bla preċedent. It-tifun, fost
l-akbar li qatt ġie rreġistrat, ħalla eluf mejta u madwar 4
miljun ruħ spustati u affettwa bejn 14 u 16-il miljun ruħ. Timijiet
ta’ esperti tal-protezzjoni ċivili u umanitarja mill-UE ntbagħtu
fiż-żoni l-aktar milquta fi żmien ftit sigħat wara
d-diżastru, biex joffru appoġġ għall-isforzi ta’ sokkors u
jivvalutaw l-aktar bżonnijiet akuti. L-UE u l-Istati Membri tagħha
pprovdew għajnuna umanitarja kunsiderevoli u assistenza in natura, li
qabżet EUR 180 miljun. Fuq talba tal-Gvern
tal-Filippini, ġie attivat il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE,
li jippermetti koordinazzjoni msaħħa tal-isforzi ta’ sokkors Ewropej
u l-faċilitazzjoni ta’ loġistika, inkluż permezz ta’
kontribuzzjonijiet tal-UE għall-ispejjeż tat-trasport.
Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tagħti appoġġ biex
tgħin fir-riabilitazzjoni fit-terminu medju, biex b’hekk tgħin
lill-poplu fl-isforzi tiegħu biex jerġa’ jibni ħajtu.
http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/philippines_haiyan_en.pdf ·
Fis-Saħel,
il-kriżi persistenti tal-ikel u n-nutriment kompliet tipperikola
l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies: kważi 16-il miljun ruħ kienu
f’riskju ta' nuqqas ta’ ikel, u fost dawn, tmien miljuni kienu fi bżonn
ta' assistenza ta’ emerġenza fl-ikel. Il-bini tar-reżiljenza
għall-komunitajiet l-aktar vulnerabbli biex ikunu jistgħu
jaffaċċjaw il-kriżijiet futuri, kien prijorità fl-2013.
Unitajiet domestiċi vulnerabbli kienu qed jitħabtu biex jirkupraw
wara l-kriżi severa tal-ikel u n-nutrizzjoni li laqtet ir-reġjun
fl-2012. Għal dan l-għan, l-UE kienet mutur ewlieni biex ġiet
stabbilita l-inizjattiva AGIR-Saħel[12],
li tlaqqa' lill-partijiet konċernati fil-mira ta' ’Daqshekk Ġuħ'
(Zero Hunger) għas-Saħel matul l-20 sena li ġejjin. Sostenn biex
tinbena r-reżiljenza huwa prijorità politika ewlenija kemm madwar id-dinja
kif ukoll fl-Ewropa. Il-Pjan Majjistru Reġjonali AGIR
għall-Prijoritajiet ta' Reżiljenza, li jistabbilixxi prinċipji,
azzjonijiet prijoritarji u indikaturi f’ħafna dettall, ġie adottat
formalment f’Pariġi f’April 2013 mill-organizzazzjonijiet
reġjonali u donaturi prinċipali li jgħinu lis-Saħel. http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/sahel_en.pdf ·
Tliet
snin wara t-terremot devastanti tal-2010, il-bżonnijiet umanitarji f’Ħaiti
għadhom kbar. Mill-1,5 miljun ruħ oriġinali, 130 000
persuna kienu għadhom spustjati, il-pajjiż kien għad għandu
l-akbar epidemija tal-kolera fid-dinja u kien qed jaffronta nuqqas ta’ sigurtà
strutturali fl-ikel. L-UE baqgħet impenjata bis-sħiħ biex tgħin
lis-superstiti ta' Ħaiti. Fl-2013 ġew allokati
EUR 30,5 miljun f'għajnuna umanitarja tal-UE biex jgħinu
aktar lill-persuni bla dar, lill-vittmi tal-kolera kif ukoll lil dawk milquta
minn l-uragan Sandy u t-tempesta tropikali Isaac. Bl-għajnuna tal-fondi
tal-UE, l-organizzazzjonijiet umanitarji wettqu firxa wiesgħa ta’
operazzjonijiet ta’ emerġenza. Bħala eżempju tal-impatt konkret
tal-isforzi tal-UE biex tiġi indirizzata l-epidemija tal-kolera, fl-ewwel
sena wara li faqqgħet, il-finanzjament tal-UE għamilha possibbli li
jiġi kkurati 158 814 ruħ, jiġu sostnuti 26 faċilita
tas-saħħa u jiġu pprovduti 42 unità tal-kura, reidrazzjoni orali
ta’ 122 500 ruħ, aċċess għal faċilitajiet tas-sanità
aħjar għal 894 511 ruħ u d-distribuzzjoni ta’ kits
tal-iġjene għal 1,3 miljun ruħ. Ir-reazzjoni tal-UE kkontribwiet
biex jonqos l-għadd ta’ każijiet ġodda u jiġu salvati
għadd sinifikanti ta’ ħajjiet, peress li rata tal-mortalità naqset
bin-nofs minn 2,4 % f’Novembru 2010 għal 1,2 %
f’Diċembru 2013. http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/haiti_en.pdf Barra minn hekk, l-UE tat
għajnuna umanitarja biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-diżastri
naturali li ġejjin: ·
nixfa fi: il-Kambodja, il-Vjetnam, il-Laos, il-Messiku,
Ġibuti u l-Etjopja ·
għargħar fi: il-Bangladexx, il-Kambodja, il-Vjetnam,
il-Laos, l-Indja, l-Etjopja, il-Kenja, il-Możambik, in-Niġerja, Santa
Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini; ·
ċikluni/uragani/tempesti tropikali fi: il-Filippini,
il-Bangladexx, il-Kambodja, il-Vjetnam, ir-Repubblika Dominikana, Kuba,
Ħaiti, il-Ġamajka, il-Paċifiku; ·
terremoti fi: il-Filippini, l-Indoneżja; ·
epidemiji fi: l-Afganistan, il-Burkina Faso, is-Somalja, ir-RDK,
in-Niġerja, iż-Żimbabwe, il-Kenja, ir-Repubblika Dominikana,
il-Messiku, il-Laos, il-Kirgiżistan. Fl-indirizzar ta’ dan
it-tip ta’ diżastri, il-Kummissjoni adottat strateġija fuq
żewġ binarji: ·
Reazzjoni
mgħaġġla, billi tiġi pprovduta għajnuna umanitarja u
billi tiġi ffaċilitata u kkoordinata l-għajnuna tal-protezzjoni
ċivili. ·
Tħejjija
għad-diżastri, billi jiġu identifikati dawk iż-żoni
ġeografiċi u l-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli
għad-diżastri naturali u li għalihom huma stabbiliti programmi
speċifiċi ta' tħejjija għad-diżastri. Fl-2013, l-UE kompliet is-sostenn tagħha
għall-programmi DIPECHO[13]
fil-Kawkasu tan-Nofsinhar (l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja),
il-Karibew, l-Amerika Ċentrali, l-Amerika t’Isfel, il-Paċifiku,
in-Nofsinhar tal-Afrika u l-Asja Ċentrali. F’termini ta’ kriżijiet maħluqa mill-bniedem,
l-UE appoġġjat operazzjonijiet ta’ sokkors f’diversi kunflitti, li
wħud minnhom issa huma kkunsidrati kriżijiet fit-tul u kumplessi: ·
Il-kunflitt u l-gwerra ċivili b'effetti kbar fis-Sirja,
b’esodu massiv ta’ refuġjati Sirjani lejn il-pajjiżi ġirien
(inkluż il-Libanu, it-Turkija, il-Ġordan u l-Iraq) kien jitlob
reazzjoni umanitarja tal-UE fuq skala kbira sa mill-bidu nett. Hu stimat li
9,3 miljun ruħ, li kważi nofshom huma tfal, sa tmiem l-2013
kienu affettwati mill-vjolenza li qed isseħħ u kienu fi bżonn
ta’ għajnuna umanitarja fis-Sirja. Sa tmiem l-2013 kienu ġew spostati
internament madwar 6,5 miljun persuna filwaqt li l-għadd ta’
rifuġjati fil-pajjiżi ġirien – li f’Diċembru kien aktar
minn 2,3 miljuni – jenfasizza d-dimensjoni reġjonali kumplessa
tad-diżastru. L-għajnuna Ewropea laħqet lill-popolazzjoni
milquta mill-kriżi fis-Sirja kif ukoll lir-refuġjati u
lill-komunitajiet ospitanti fir-reġjun u kellha impatt immedjat fuq dawk
fil-bżonn ta’ għajnuna. Fl-2013, l-UE mobilizzat
EUR 350 miljun għal għajnuna umanitarja minbarra
l-finanzjament tas-snin preċedenti, li tella' r-reazzjoni totali tal-UE u
l-Istati Membri tagħha għal aktar minn EUR 2 biljuni minn
tmiem l-2011. Barra minn hekk, assistenza materjali (bħal ambulanzi,
heaters, kutri u pakketti tal-iġjene) ġiet pprovduta
lill-pajjiżi ġirien li qed jospitaw lir-refuġjati Sirjani. Dan
kien jinkludi appoġġ minn Stati Membri oħra lill-Bulgarija, li
kellha fluss dejjem akbar ta’ refuġjati Sirjani matul is-sena. Filwaqt l-operazzjonijiet
umanitarji tal-Kummissjoni taw l-akbar prijorità lil operazzjonijiet li jsalvaw
il-ħajjiet fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien, b’enfasi
speċjali fuq l-aktar persuni vulnerabbli, inklużi persuni spustati
internament (IDPs), refuġjati u komunitajiet ospitanti[14], strumenti oħra
tal-UE (ENPI, DCI, IFS, IPA)[15]
kienu diretti lejn l-istabbilizzazzjoni u operazzjonijiet b'tul medju u twil,
li ffukaw l-aktar fuq il-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u
t-titjib tas-servizzi bażiċi (ħasil, saħħa, edukazzjoni)
lill-komunitajiet ospitanti kif ukoll it-titjib tal-opportunitajiet
tal-għajxien għal dawn il-komunitajiet. Ġew organizzati, b’mod
regolari, laqgħat ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi differenti
tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar
il-kriżi fis-Sirja biex jiddiskutu l-istrateġiji u l-programmar
ħalli l-impatt tar-rispons tal-UE jiġi mmassimizzat u jiġi
evitat kwalunkwe riskju ta’ duplikazzjoni. L-UE kellha rwol importanti
fis-sejħa għal aktar fondi minn donaturi oħra, u fittxet li
tiżgura li l-assistenza tkun tindirizza l-bżonnijiet
tal-popolazzjonijiet spustati madwar is-Sirja kollha u mhux biss fil-punti
sħan. L-UE ppromwoviet ukoll l-aċċess umanitarju biex
jiżdied l-għadd tal-organizzazzjonijiet ta' sokkors awtorizzati
jipprovdu assistenza fis-Sirja biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet
li qed jiżdiedu. Aċċess bla xkiel għal żoni ta’
kunflitt madwar il-pajjiż kollu u t-talba biex iċ-ċivili
(inklużi l-ħaddiema umanitarji u l-persunal mediku) u
l-faċilitajiet ikunu protetti kif xieraq kienu fost l-azzjonijiet ta’
prijorità. http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/syria_en.pdf
·
L-UE
pprovdiet appoġġ umanitarju sinifikanti (EUR 77 miljun)
lill-popolazzjoni fit-Tramuntana tal-Mali affettwata mill-kunflitt armat
li għaddej bħalissa. Kważi 70 % tal-faċilitajiet
tas-saħħa kienu qed jaħdmu u hu stmat li madwar 900 000
ruħ ibbenefikaw minn għajnuna tal-ikel immirata bis-saħħa
tal-appoġġ ipprovdut mis-sħab tal-UE. Mill-2013, il-Kummissjoni
żgurat użu koordinat tal-għajnuna umanitarja tal-UE u
l-istrumenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, fil-fażi ta’
tranżizzjoni. Barra minn hekk, EUR 20 miljun kienu allokati
mill-Istrument għall-istabbiltà[16] għal
azzjonijiet fuq terminu qasir ta’ stabbilizzazzjoni u sigurtà. Parti
mill-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Mali ġiet approvata permezz ta’
deċiżjoni EDF/LRRD[17] ta’
EUR 23 miljun. Dan il-pakkett kellu l-għan li
jappoġġja l-aċċess għal servizzi bażiċi
matul il-perjodu tranżizzjonali filwaqt li l-Kummissjoni, permezz
tad-DEVCO, għamlet impenn inizjali ta’ EUR 225 miljun f'kuntratt biex
jinbena l-Istat ħalli tgħin lill-Gvern tal-Mali jirrestawra l-awtorità
tal-Istat, id-dritt, l-ordni u d-demokrazija u jipprovdi servizzi
bażiċi madwar il-Mali kollu. Fiż-żewġ
pajjiżi, l-UE tat appoġġ attiv lir-refuġjati, billi
rrestawrat l-aċċess għall-kura tas-saħħa,
b'enfażi fuq in-nutrizzjoni u l-assistenza tal-ikel u l-għoti ta'
protezzjoni. http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/mali_en.pdf ·
Ir-Repubblika
Ċentru-Afrikana (CAR) ilha f'sitwazzjoni umanitarja katastrofika minn
Diċembru 2012. Għal żmien twil wisq, il-kriżi ma
ngħatax attenzjoni sinifikanti mill-komunità internazzjonali usa’.
Is-sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni f’CAR kienet prijorità ewlenija
għall-Kummissjoni fl-2013, u l-Kummissarju Georgieva wettqet
żewġ missjonijiet fil-pajjiż kif ukoll ikkoorganizzat
laqgħa ta’ livell għoli dwar il-kriżi waqt l-Assemblea
Ġenerali tan-NU tal-2013, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti u Franza. L-UE
allokat EUR 39 miljun f'għajnuna umanitarja lill-CAR – u b’hekk
saret id-donatur internazzjonali ewlieni tal-pajjiż. Minn dawn,
EUR 18,5 miljun ġew provduti sa nofs Diċembru 2013, hekk
kif il-vjolenza interkomunali żdiedet b’mod drammatiku wara
l-5 ta’ Diċembru 2013, u dan ġiegħel mijiet ta’
eluf fil-kapitali Bangui u madwar il-pajjiż kollu biex jaħarbu minn
djarhom. Il-maġġoranza tal-azzjonijiet finanzjati kienu ffukati fuq
attivitajiet li jsalvaw il-ħajja. Il-fondi kienu allokati l-aktar
għal proġetti tas-saħħa biex dawk l-aktar vulnerabbli jkunu
jistgħu jibbenefikaw minn kura tas-saħħa primarja u sekondarja
peress li s-settur tas-saħħa pubblika huwa kważi
ineżistenti fil-parti l-kbira tal-pajjiż. Barra minn hekk, l-UE
organizzat titjiriet ripetuti fil-pajjiż biex tgħin fit-trasport
tal-għajnuna umanitarja u l-persunal tal-għajnuna f’ambjent ta'
sigurtà diffiċli ħafna. L-UE organizzat titjiriet speċjali
mill-Ewropa li ġarrew 37 tunnellata fi provvisti mediċi, u
żewġ titjiriet minn Najrobi li wasslu kenn u oġġetti ta’
emerġenza lil aktar minn 100 000 persuna spustata (kutri u
oġġetti bażiċi tad-dar bħal għodod tal-kċina,
sapun, xbieki tan-nemus). Sabiex tintervjeni malajr, l-UE xtrat direttament u
bagħtet aktar minn fuq 20 000 folja tal-plastik biex jinbena kenn
għal persuni spustati f’Bangui u wkoll fil-kampanja. http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/car_en.pdf Matul is-sena, l-UE
żammet il-fokus partikolari tagħha fuq il-“kriżijiet minsija”
tad-dinja, u allokat 15 % tal-finanzjament kumplessiv biex tgħin lil
nies maqbuda f’diżastri li ta' spiss ikunu fit-tul, u li
fil-biċċa l-kbira ma jkollhomx l-attenzjoni tal-komunità
internazzjonali. Ir-reazzjoni tal-UE
għall-kriżijiet baqgħet immotivata mill-ħtiġijiet u
kienet imfassla għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull
sitwazzjoni. Ingħatat għajnuna b'diversi mezzi u f'diversi setturi
bħas-saħħa (inkluż appoġġ psikoloġiku,
finanzjar ta' kliniċi), il-protezzjoni (inkluż attivitajiet li
jindirizzaw il-vjolenza sesswali), l-ikel u oġġetti mhux tal-ikel,
il-kenn, l-ilma/is-servizzi sanitarji, ir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni.
It-tabella turi d-distribuzzjoni tal-għajnuna f'kull settur ta' intervent
fl-2013:[18] Tħejjija għad-diżastri u reżiljenza L-importanza
li jinbnew l-istat ta' preparazzjoni u l-elastiċità ta' komunitajiet
vulnerabbli hija murija mill-impatt dejjiemi fuq il-ħajja u
l-għajxien fis-segwitu ta' kriżijiet kbar, bħat-terremot
tal-2010 fil-Ħaiti u n-nixfa rikorrenti fil-Qarn tal-Afrika u
s-Saħel. Dawn id-diżastri juru kemm huwa kruċjali li jiġu
indirizzati kif suppost ir-riabilitazzjoni fit-tul u l-bżonnijiet ta'
żvilupp fl-istadji bikrin ferm tar-reazzjoni umanitarja. Sabiex jitnaqqas
l-impatt devastanti ta’ diżastri rikorrenti u jittejbu ġenwinament
il-prospetti għall-iżvilupp sostenibbli, huwa essenzjali li l-atturi
umanitarji u tal-iżvilupp jaħdmu id f’id. Il-Kummissjoni, permezz
tal-ECHO u l-EuropeAid, żiedet l-isforzi f’termini ta' bini
tar-reżiljenza fil-pajjiżi vulnerabbli għall-kriżijiet.
Il-Komunikazzjoni tar-Reżiljenza tal-Kummissjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni
tagħha jipprovdu l-politika u l-qafas operazzjonali biex jiżdiedu
l-isforzi tal-UE għall-bini tar-reżiljenza f’livelli differenti u
f'ambitu ġeografiku estiż. Fl-2013,
il-Kummissjoni ssuktat bl-isforzi tagħha biex tippromwovi inizjattivi
tar-reżiljenza, bħalma huma l-inizjattivi ewlenin AGIR u SHARE[19],
li għandhom l-għan li jżidu t-tħejjija tal-pajjiżi
tal-Lvant u tal-Punent tal-Afrika għal diżastri naturali
rikorrenti. http://ec.europa.eu/echo/en/what/humanitarian-aid/resilience
Barra
minn hekk, il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri biex tiżviluppa
pożizzjoni tal-UE biex tgħin tifforma reviżjoni ambizzjuża
tal-Qafas għal Azzjoni ta’ Hyogo, li għandu jiġi
miftiehem f’konferenza internazzjonali fl-2015, billi tuża wkoll
l-esperjenza u l-kisbiet fl-Ewropa, u bil-ħsieb li jkun hemm aktar
sinerġiji bejn it-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri u l-adattament
għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, bħala parti mis-sistema
umanitarja internazzjonali, l-UE kellha rwol ewlieni fl-inkoraġġiment
ta’ pajjiżi u reġjuni oħra biex iżidu s-sehem tagħhom
fit-tħejjija u r-reazzjoni umanitarja. Dan kien jinkludi
ħidma ma’ ekonomiji emerġenti sabiex jiġu mobilizzati b’mod
aktar effettiv riżorsi għal azzjoni umanitarja u r-reazzjoni
għad-diżastri. Tfal tal-Paċi tal-UE Bl-inizjattiva Tfal
tal-Paċi tal-UE, l-UE wettqet l-impenn tagħha li tgħin tfal
madwar id-dinja li qed jiġu mċaħħda milli jikbru fil-paċi.
L-inizjattiva, li tnediet fl-2012 wara li l-UE ngħatat il-Premju Nobel
għall-Paċi, iffinanzjat inizjattivi edukattivi għal aktar minn
28 000 tifel u tifla vittmi ta’ kunflitti mill-Pakistan, l-Etjopja,
ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kolombja, u refuġjati Sirjani
fl-Iraq. Il-proġetti jipprovdu lit-tfal b’aċċess għal
ambjent sikur għat-tagħlim, kif ukoll b’appoġġ
psikoloġiku biex ifejjaq l-esperjenzi tal-gwerra trawmatiċi
tagħhom. F’Novembru 2013, l-UE kkonfermat id-deċiżjoni
tagħha li tkompli u tħaffef l-inizjattiva billi ħabbret fondi
addizzjonali għal proġetti ġodda fl-2014 li jimmiraw li jassistu
80 000 tifel u tifla. http://ec.europa.eu/echo/en/what/humanitarian-aid/children-of-peace
Rabta ma’ strumenti oħra tal-UE L-operazzjonijiet
ECHO jagħmlu sforż biex ikunu koerenti u komplimentarji ma’
azzjonijiet finanzjati minn strumenti oħra tal-UE. Abbażi
tal-azzjonijiet DIPECHO preċedenti, l-Istrument għall-Istabbiltà
ffinanzja 3 000 “brigadier” f’Ħaiti sabiex jissaħħu
l-mekkaniżmi ta’ reazzjoni tal-istrutturi pubbliċi tal-protezzjoni
ċivili. Eżempju ieħor huwa l-kontribuzzjoni tal-azzjonijiet ta’
emerġenza ffinanzjati mill-UE għal żvilupp fuq perjodu ta’
żmien twil: kennijiet resistenti għaċ-ċikluni għandhom
duratura ta' aktar minn għaxar snin u b'hekk jipprovdu lis-superstiti
b'dar lil hinn mill-ewwel fażi tal-emerġenza; attivitajiet li
jiġġeneraw dħul finanzjati mill-UE, flimkien ma’ sussidji
tal-kiri, f’ħafna każijiet jikkontribwixxu biex jiġu restawrati
l-mekkaniżmi biex wieħed jgħaddi u għal attivitajiet
ekonomiċi sostenibbli fuq skala żgħira. L-ERCC sostna Stati
Membri tal-UE u sħab assoċjati matul diżastri u kriżijiet
fit-territorju tal-Unjoni u lil hinn minnu permezz tas-servizz
tal-Immaniġġjar tal-Emerġenzi Copernicus, li huwa
mmaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea. L-ERCC
bbenefika wkoll mill-appoġġ analitiku u tekniku, tas-servizz
xjentifiku intern tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka. Fl-aħħar nett, ir-reazzjoni diretta
tal-għajnuna umanitarja tal-UE u l-miżuri ta’ kontroll fir-rigward
tal-epidemiji tal-kolera kienu implimentati flimkien mal-proġetti
tal-infrastruttura tal-bini ta' istituzzjonijiet finanzjati permezz tal-istrumenti
tal-iżvilupp tal-UE. Operazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili Il-Kummissjoni
tistinka biex tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn
it-32 stat parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili
tal-UE sabiex tiġi mtejba l-prevenzjoni ta', it-tħejjija
għal u l-protezzjoni kontra d-diżastri naturali,
teknoloġiċi jew magħmula mill-bniedem, kemm ġewwa u kemm
barra l-Ewropa. Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE (EUCPM) ġie
attivat 36 darba matul l-2013, inkluż għal talbiet għal
assistenza, għal twissijiet minn qabel, u monitoraġġ.
Il-maġġoranza
ta’ dawn l-attivazzjonijiet kienu relatati ma’ diżastri naturali (temp
ħażin, tempesti, nirien forestali, għargħar, ċikluni
tropikali, terremoti, tsunamijiet), u 10 kienu jinvolvu diżastri magħmula
mill-bniedem (l-istabbiliment ta’ kampijiet għar-refuġjati
minħabba inkwiet ċivili, inċidenti kimiċi u tat-trasport).
Saru erba’ talbiet għal assistenza minn stati parteċipanti u 12-il
talba li wasslu minn pajjiżi li mhumiex fl-EUCPM. Iċ-Ċentru l-ġdid tal-Koordinazzjoni tar-Reazzjonijiet
ta’ Emerġenza (ERCC), li ġie stabbilit fl-ECHO f’Mejju 2013,
bħala s-suċċessur taċ-Ċentru tal-Monitoraġġ
u l-Informazzjoni (MIC), huwa l-qalba operazzjonali tal-EUCPM.
L-assi ewlenin tiegħu huma: il-kapaċità li jittratta ma diversi
emerġenzi fl-istess ħin f'żoni ta' ħin differenti; li
jimmonitorja l-perikli 24/7; li jiġbor u janalizza informazzjoni dwar
id-diżastri f’ħin reali; li jipprepara pjanijiet biex jintużaw
esperti, timijiet u tagħmir; u li jaħdem mal-Istati Membri biex
jimmappja l-assi disponibbli u jikkoordina l-isforzi tar-reazzjoni
għad-diżastri tal-UE billi jqabbel l-offerti ta’ assistenza
mal-ħtiġijiet tal-pajjiż milqut mid-diżastru. L-ERCC jaġixxi bħala ċentru ta’
informazzjoni u punt fejn isiru t-talbiet għal assistenza mill-Istati
Membri tal-UE. L-ERCC
għandu wkoll rwol importanti fil-promozzjoni, tas-sensibilizzazzjoni dwar
is-sitwazzjonijiet li jkunu jirrikjedu reazzjoni għad-diżastri,
fil-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħra u l-Istati Membri. Fir-rigward
tad-diżastri naturali fl-2013, il-Mekkaniżmu ġie attivat
b’reazzjoni għaċ-ċikluni tropikali fil-Filippini, il-Mjanmar,
il-Madagaskar; għargħar fl-Ewropa
Ċentrali, u fin-Niġerja; nirien forestali fil-Portugall,
il-Bożnja u Ħerzegovina u kundizzjonijiet ta’ temp ħażin fit-Tramuntana
tal-Ewropa. Il-pajjiżi
parteċipanti fl-EUCPM offrew assistenza lill-Ġordan, il-Libanu u
l-Bulgarija biex jgħinu fl-isforzi tal-gvernijiet nazzjonali sabiex
jindirizzaw il-fluss tar-refuġjati fit-territorju tagħom
b'riżultat tal-kriżi tas-Sirja. Il-kumplimentarità bejn
l-għoti tal-assistenza umanitarja u tal-protezzjoni ċivili kienet
żgurata f’dawn il-każijiet kollha. Bħala
parti mill-politika tal-protezzjoni ċivili, u f'kooperazzjoni mal-Istati
Membri, il-Kummissjoni għenet ukoll fit-tħejjija
għad-diżastri u fl-attivitajiet ta' prevenzjoni fl-UE. Dan kopra fost
l-oħrajn taħriġ tal-persunal tal-protezzjoni ċivili u
eżerċizzji ta' simulazzjoni fuq skala kbira, skambju ta' esperti, u
proġetti ta' kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u t-tħejjija. Fl-2013,
b’appoġġ għall-operazzjonijiet fuq il-post, il-Kummissjoni
pprovdiet lill-Istati Membri tal-UE u lill-utenti assoċjati b'referenza u
l-qies tal-ħsara u b'mapep tal-gradazzjoni permezz tas-servizz ta'
Copernicus (Servizz tal-Immaniġġjar ta' Emerġenza -
Operazzjonijiet Inizjali - tal-GMES), li għalihom l-ERCC huwa l-uniku punt
għal talbiet ta' attivazzjoni. Fl-2013, is-servizz ġie attivat 42
darba (li minnhom 18-il attivazzjoni kienu għal għargħar u 11-il
attivazzjoni kienu relatati ma’ kriżijiet tar-refuġjati u ta' Persuni
Spostati Internament) u ħejjiet mapep derivati mis-satelliti għal
diversi tipi ta’ dizastri jew kriżijiet. Rizorsi umani u finanzjarji Għat-tieni
sena konsekuttiva, l-għajnuna umanitarja tal-UE qabżet
il-EUR 1,3 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-baġit
tal-UE. Dan intlaħaq permezz ta’ żidiet sostanzjali tal-ammont
inizjali ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u żieda ugwali fl-għadd
ta’ interventi u vittmi milħuqa. Madankollu, iż-żidiet
fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament, minkejja li kienu sostanzjali, ma
ppariġġawx għal kollox il-ħtiġijiet identifikati li
rriżultaw mill-impenji legali (kuntratti) preċedenti u ġodda. Matul
l-2013, il-Kummissjoni għalhekk waqqfet serje ta’ miżuri ad hoc,
essenzjalment billi rranġat mill-ġdid l-iskedi ta’ pagament, sabiex
jiġu indirizzati dawn ir-restrizzjonijiet finanzjarji. Id-Direttur
Ġenerali tal-ECHO (bħala l-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega),
b’rispett sħiħ tal-prinċipju tal-immaniġġjar finanzjarju
tajjeb, ippreżenta talbiet biex jissaħħaħ il-baġit u
ħa miżuri ta' mitigazzjoni ad hoc biex jimmaniġġja
l-livell insuffiċjenti tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament, li inkludew
it-tnaqqis fl-avvanz tal-pagamenti (prefinanzjament) u l-posponiment ta’
pagamenti finali. Dan żgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet u ppermetta
lill-Kummissjoni tilħaq l-objettivi operazzjonali tagħha,
għalkemm l-impatt finanzjarju ta’ dawn il-miżuri ħoloq xi
problemi fil-fluss tal-flus, speċjalment għal xi wħud mill-NGOs
iżgħar sħab. Madwar
98 % tal-baġit umanitarju u tal-protezzjoni l-ċivili tal-UE
tal-2013 intuża għal attivitajiet operazzjonali, filwaqt li madwar
2 % koprew l-aspetti amministrattivi u ta’ politika. Fir-rigward
tar-riżorsi umani, 53 % huma persunal operazzjonali, filwaqt li
l-bqija huma maqsumin bejn l-appoġġ amministrattiv u ta' politika. Livelli
rekord ta’ assistenza kienu possibbli grazzi għal żieda kumplessiva
fil-produttività li rriżultat mir-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri,
is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċessi. Din l-ottimizzazzjoni
kienet ir-riżultat tal-"Analiżi tal-Proċess
tal-Operat" interna li tnediet fl-2011. Din l-analiżi kienet
prijorità maniġerjali ewlenija f’dawn l-aħħar snin bil-għan
li tottimizza l-proċessi tal-operat u s-sistemi ta’ appoġġ biex
jiżdiedu kemm l-effiċjenza kif ukoll il-kwalità/effikaċja
fl-ECHO kollu. L-għan aħħari huwa li jitjieb il-mod li
wieħed ikampa bih f'każ ta' diżastru, biex b'hekk jitnaqqas
l-impatt devastanti fuq il-popolazzjonijiet affettwati u l-għajxien
tagħhom. Ingħataw
fondi tal-UE lir-reġjuni li ġejjin (ċifri arrotonditi, f'miljuni
ta' EUR f'approprjazzjonijiet ta' impenji):[20] Il-biċċa
l-kbira tal-fondi tal-UE fl-2013 kienu, bħas-snin preċedenti,
allokati lill-Afrika (40 %). Ingħatat ukoll assistenza sostanzjali
lil-Lvant Nofsani (is-Sirja u l-pajjiżi ġirien), u lill-Asja
Ċentrali u tax-Xlokk għal diżastri naturali li laqtu hemmhekk. L-UE
ma timplimentax programmi ta' assistenza umanitarja hija stess.[21]
Bħala donatur ta’ għajnuna umanitarja, l-UE tissodisfa l-missjoni
tagħha billi tiffinanzja azzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet
sħab li ffirmaw Ftehim ta' Qafas ta’ Sħubija (FPA) mal-UE.
Is-sħab tal-UE jinkludu firxa wiesa' ta' korpi professjonali — NGOs
Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni tas-Salib
l-Aħmar u varji aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (li l-Kummissjoni
ffirmat Ftehim ta' Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) magħhom).
L-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri jitqiesu wkoll bħala
sħab. Din
il-firxa wiesgħa ta' sħab li jimplimentaw, tippermetti lill-UE tkopri
lista dejjem tikber ta' ħtiġijiet f'partijiet differenti tad-dinja,
ħafna drabi f'sitwazzjonijiet li qed ikunu dejjem aktar kumplessi.
L-għotjiet u l-kontribuzzjonijiet immaniġġjati mill-Kummissjoni
jingħataw billi jintgħażlu l-aħjar proposti li jaslu.
L-analiżi tal-2013 tal-ftehimiet umanitarji ffirmati kienet: ·
48 %
tal-azzjonijiet imwettqa minn NGOs (115-il sieħeb) ·
42 %
minn aġenziji tan-NU (16-il sieħeb) ·
9 %
minn organizzazzjonijiet internazzjonali (3 isħab) ·
1 %
bħala kuntratt dirett tat-titjiriet tal-ECHO (2 is-sħab). Fl-2013
il-Kummissjoni kellha 321 membru tal-persunal jaħdmu fil-kwartieri
ġenerali tagħha tal-ECHO fi Brussell. Barra minn hekk sabiex tkun
f'pożizzjoni li tirrispondi għad-dizastri fil-pajjiżi mhux fl-UE,
il-Kummissjoni żammet in-netwerk uniku tagħha ta’ esperti fil-qasam
tal-ECHO mifrux madwar id-dinja. 149 espert fil-qasam u 315-il membru
tal-persunal lokali ammontaw biex fil-31 ta’ Diċembru 2013
464 persuna kienu jaħdmu fid-39 uffiċċju fuq il-post tal-ECHO
tal-Kummissjoni. Ir-responsabbiltà ewlenija tagħhom kienet li jwettqu
valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet immedjatament wara diżastru, biex
jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti umanitarji ffinanzjati
mill-UE. Mill-perspettiva
tas-sigurtà, il-Kummissjoni ħadet aktar passi biex issaħħaħ
is-sistemi tal-immaniġġjar tas-sigurtà u finanzjarji tagħha. Dan
seħħ kemm fil-kwartieri ġenerali u kemm fuq il-post permezz ta'
koordinazzjoni u kollaborazzjoni mtejba mas-sħab umanitarji, billi
ġew immonitorjati u saru żjarat tal-proġetti, u billi saru
kontrolli, awditjar u evalwazzjonijiet ex-ante. Politika tal-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni
ċivili Fl-2013
ġew żviluppati diversi inizjattivi ta’ importanza strateġika
fil-livell ta’ politika. Il-prijoritajiet ta’ politika fil-qasam
tal-għajnuna umanitarja kienu l-effikaċja tal-għajnuna,
l-orjentament lejn ir-riżultati u l-impatt. Dawn ġew definiti
bħala prijoritajiet tal-immaniġġjar kemm
għar-reviżjoni tal-Ftehimiet ta' Qafas ta’ Sħubija tal-ECHO u
kif ukoll għat-twaqqif ta’ Ftehimiet ta’ Delega ġodda
għall-Immaniġġjar Indirett. Fost
l-attivitajiet ewlenin kien hemm l-iżvilupp ta’ gwida ċara dwar
kwistjonijiet tematiċi u intradixxiplinarji bħalma huma
r-reżiljenza, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, WASH (water,
sanitation and hygiene), il-ġeneru, in-nutrizzjoni u oħrajn, u
d-disseminazzjoni mmirata, strateġiji ta’ taħriġ u
l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Dawn
l-attivitajiet jgħinu biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet
tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli affettwata minn kriżi jiġu
indirizzati b’mod effiċjenti u effikaċi. Barra minn hekk, saru sforzi
konkreti biex tiġi ggwidata u mrawma l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar ir-Reżiljenza u l-konnessjoni bejn l-azzjonijiet
umanitarji u tal-iżvilupp. Fl-2013
kien hemm qbil dwar leġiżlazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili
riveduta. Dan se jkompli jtejjeb l-ippjanar tal-operazzjonijiet ta’
reazzjoni Ewropej għad-diżastri u jiżgura mmaniġġjar
aktar effikaċi, effiċjenti u koerenti tad-diżastri fis-snin li
ġejjin. Fost affarijiet oħra, il-leġiżlazzjoni l-ġdida
tippermetti l-ħolqien ta’ pula volontarja ta' assi tal-Istati Membri
(timijiet, tagħmir) disponibbli għall-użu immedjat bħala
parti minn intervent Ewropew konġunt. Il-prevenzjoni u t-tħejjija huma
koperti wkoll mil-leġiżlazzjoni riveduta. Fl-2013
intlaħaq qbil politiku dwar ir-regolament għall-istabbiliment tal-programm
tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. L-għan tal-inizjattiva
Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE huwa li jingħata kontribut biex tissaħħaħ
il-kapaċità tal-Unjoni biex tipprovdi għajnuna umanitarja
bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata lejn li tippriżerva
l-ħajja, tipprevjeni t-tbatija umana u ssaħħaħ
ir-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli jew milquta minn diżastru,
partikolarment permezz tat-tħejjija għad-diżastri, it-tnaqqis
tar-riskji ta’ diżastri, u t-tisħiħ tar-rabta bejn is-sokkors,
ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp. F’Diċembru
2013, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ħarġu
Komunikazzjoni Konġunta dwar "L-Approċċ Komprensiv tal-UE
lejn il-Kunflitti u l-Kriżijiet Esterni”, li tistabbilixxi għadd ta’
passi konkreti li l-UE, kollettivament, għandha tieħu fl-oqsma
tat-twissija bikrija u t-tħejjija, il-prevenzjoni tal-kunflitti,
ir-rispons u l-immaniġġjar tal-kriżijiet sa rkupru bikri, l-istabilizzazzjoni
u l-bini tal-paċi. Filwaqt li f’dan il-kuntest is-servizzi
tal-Kummissjoni, inkluż l-ECHO, jikkoordinaw mill-qrib mas-SEAE, in-natura
speċifika tal-għajnuna umanitarja (li hija bbażata fuq
il-prinċipji umanitarji u fuq il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni
affettwata) tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ. Iż-żieda
tal-koerenza u l-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha
f'reazzjoni għal diżastru jew kriżi fit-tul hija element
importanti biex tiġi mtejba l-effiċjenza tal-kontribuzzjoni
tal-għajnuna kumplessiva tal-UE. Mill-2009 l-koordinazzjoni mal-Istati
Membri seħħet prinċipalment fil-Grupp ta' Ħidma
tal-Kunsill dwar Għajnuna Umanitarja u Alimentari (COHAFA) li
l-Kummissjoni tieħu sehem fih. Fuq livell
strateġiku, il-COHAFA jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv
għall-koerenza u l-komplementarjetà tal-attivitajiet ta' għajnuna
umanitarja tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Bħal fis-snin
preċedenti, fl-2013 seħħ skambju annwali
tal-politiki/strateġiji, l-informazzjoni u l-analiżi li għamlet
il-Kummissjoni. Fl-2013 il-Kummissjoni żiedet ukoll l-isforzi tagħha
biex issegwi u tikkontribwixxi għall-ħidma tal-kumitati tal-Parlament
Ewropew. Il-Parlament Ewropew kien infurmat rigward l-inizjattivi u
l-prijoritajiet tal-politika, kif ukoll dwar ir-reazzjoni tal-Kummissjoni
għal kriżijiet speċifiċi. F'Diċembru 2012,
il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tiġbor l-opinjonijiet
tal-partijiet interessati dwar l-isfidi, l-objettivi u l-alternattivi biex
titkabbar aktar l-effettività u l-impatt tal-għajnuna umanitarja tal-UE.
Hija qieset il-kuntest globali li qed jinbidel fil-bidu tas-seklu 21. Il-konsultazzjoni
mal-partijiet konċernati “Adattat għall-Għan” ingħalqet
f’Marzu 2013 b’55 risponsta, li rappreżentaw aktar minn mitt parti
konċernata. Bħala segwitu, ġiet organizzata konferenza
għall-partijiet konċernati f’Ġunju 2013 li laqqgħet
flimkien kważi mitt parteċipant. Huwa ppjanat li r-riżultati
tal-konsultazzjoni jikkontribwixxu fl-oqsma rispettivi ta’ politika bħar-reżiljenza,
l-innovazzjoni u l-protezzjoni ċivili. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija vitali
fis-sitwazzjoni umanitarja li qiegħda tinbidel dejjem aktar. Matul
l-2013, l-UE kompliet titkellem f’forums multilaterali. B’involviment ewlieni
fl-Aġenda Trasformattiva, l-UE mmirat li ttejjeb ir-reazzjoni umanitarja
kollettiva permezz ta’ koordinazzjoni, tmexxija u responsabbiltà globali
aħjar. Bl-adozzjoni tal-motto “Naġixxu flimkien għal dawk
fil-bżonn”, minn Lulju 2013 l-UE, permezz tal-Kummissjoni, qed tippresedi
l-Grupp ta’ Appoġġ tad-Donaturi tal-OCHA (ODSG) (il-mandat idum sa
Lulju 2014). L-ODSG huwa mekkaniżmu importanti
għall-konsultazzjoni mad-donaturi umanitarji dwar l-attivitajiet
tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni
tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA). L-implimentazzjoni
tal-politika tal-assistenza umanitarja tal-ikel ġiet ukoll segwita
matul is-sena. L-impenn tal-UE lejn assistenza umanitarja tal-ikel effettiva
jintwera permezz tal-ħidma fuq il-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari
(FAC). B'konsolidazzjoni tar-rwol ċentrali li ħadet fin-negozjar
tal-FAC, l-UE qed timmira li tieħu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni
tal-FAC. Id-direzzjoni tal-politika tal-FAC rat bidla minn għajnuna
alimentari għal assistenza alimentari, il-promozzjoni ta’ assistenza bbażata
fuq flus, fejn adattat, u bl-użu tal-Konvenzjoni bħala pjattaforma
biex titmexxa 'l quddiem l-aġenda politika u l-ideat u
l-approċċi innovattivi f’fora internazzjonali. Il-Kummissjoni
baqgħet ukoll impenjata li ssostni l-iżvilupp u ssaħħaħ
it-tħejjija umanitarja u l-kapacità ta' reazzjoni gobali kollettivi.
Fl-2013, EUR 21 miljun kienu għad-dispożizzjoni tal-programmi
tal-kapaċità tar-reazzjoni umanitarja mtejba, biex jgħinu 18-il
proġett ġdid ta’ bini tal-kapaċità għal perjodu massimu ta’
sentejn. Dawn kienu qed jitwettqu mill-aġenziji tan-NU, NGOs u
l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet
tan-Nofs Qamar Aħmar. Il-programmi jiffokaw fuq: ·
Struttura umanitarja globali mtejba: saret enfasi fuq it-tisħiħ tas-sistema tar-reazzjoni
umanitarja, pereżempju billi ġew inkuraġġiti
s-sinerġiji bejn is-sħab u l-ġbir flimkien ta’ riżorsi u
għodod (bħal timijiet ta’ reazzjoni rapida) biex jiżguraw
kontinġenza għall-funżjonijiet tal-aġenziji kap ta'
raggruppamenti. ·
Assistenza
tal-ikel u nutrizzjonali: li jiġu appoġġjati
l-inizjattivi li jżidu l-implimentazzjoni tal-Politika tal-Assistenza
Umanitarja tal-Ikel Ewropea u l-koordinazzjoni f’dan ir-rigward. Konklużjoni Matul
l-2013, l-UE rreaġixxiet b’mod effikaċi għall-ħtieġa
dejjem tikber għal reazzjoni ta’ emerġenza u l-għajnuna ta’
sokkors madwar id-dinja kollha, u laħqet aktar minn 120 miljun
ruħ. L-UE rnexxielha żżomm il-livelli għolja ta’
għajnuna tal-2012 (aktar minn EUR 1,3 biljun[22]) u
rreaġixxiet għall-emerġenzi ewlenin kollha (is-Sirja,
ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Filippini, is-Saħel,
eċċ.) u rifdet ir-rwol tal-UE bħala d-donatur globali ewlieni
fl-għajnuna umanitarja. L-għadd
ta’ diżastri madwar id-dinja qed ikompli jiżdied; xejra li mistennija
tkompli bit-tibdil fil-klima. Dan jitlob azzjoni umanitarja dejjem aktar
effiċjenti. Minħabba l-kuntest tal-kriżi ekonomika, saru aktar
sforzi biex kull euro jintuża sew. Dan ma fissirx biss li jiġi
żgurat li l-għajnuna xierqa tasal għand dawk li jinsabu fl-aktar
bżonn fil-ħin tajjeb, iżda wkoll li jinstabu modi biex isir
aktar b'inqas. Fl-2013, enfasi sinifikanti kienet imqiegħda fuq
iż-żieda fil-veloċità u l-effiċjenza u l-qtugħ
tad-duplikazzjoni ta' proċessi u azzjonijiet. Sar
progress importanti fuq l-azzjoni tal-protezzjoni ċivili, inkluż
il-ftuħ ta’ Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni ta’
Emerġenza (ERCC) u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida
tal-UE dwar il-protezzjoni ċivili li ssaħħaħ bil-kbir
l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fir-reazzjoni għad-diżastri.
L-emerġenza fil-Filippini b’mod partikolari kienet ta' eżempju
tat-taħlita b’suċċess ta’ assistenza umanitarja u
operazzjonijiet ta' protezzjoni ċivili, u kollaborazzjoni mill-qrib bejn
il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Immedjatament wara li seħħ
id-diżastru, l-Istati Membri kollha rreaġixxew pożittivament
għat-talbiet għal għajnuna li ġew ikkoordinati mill-ERCC u
kkumplimentati mill-assistenza umanitarja u oħra fil-pront li tat l-UE. Informazzjoni
ġenerali dwar l-ECHO tinstab f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm Informazzjoni
finanzjarja dwar il-prestazzjoni tal-Kummissjoni fl-2013 fl-għajnuna
umanitarja u l-protezzjoni ċivili tinstab fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/echo/funding/key_figures/echo_en.htm Informazzjoni
operazzjonali mis-snin preċedenti tinstab fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/echo/about/annual_reports_en.htm [1] Skont l-aktar informazzjoni riċenti
disponibbli (2013) (Assistenza Umanitarja Globali:
http://www.globalhumanitarianassistance.org). [2] EUR 1 326 miljun għal
għajnuna umanitarja u EUR 27 miljun għall-protezzjoni
ċivili (EUR 20 miljun fl-UE, EUR 7 miljun barra mill-UE). [3] Li minnhom 106 miljun persuna ġew
megħjuna permezz ta’ għajnuna umanitarja u għajnuna alimentari u
18-il miljun persuna permezz ta’ programmi ta’ tħejjija
għad-diżastri. [4] Ir-Regolament
(UE) Nru 375/2014 dwar l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE
ġie adottat fit-3 ta’ April 2014. Madwar 18 000 individwu se
jipparteċipaw fl-inizjattiva mill-2014-2020, permezz ta' bigħt ta’
ċittadini tal-UE bħala voluntiera li jħarrġu nies minn
pajjiżi li mhumiex fl-UE milquta minn diżastri u opportunitajiet ta’
volontarjat onlajn. Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/echo/en/what/humanitarian-aid/eu-aid-volunteers [5] Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili
tal-UE (EUCPM) fl-2013 kien jikkonsisti minn 32 stat (28 Stat Membru tal-UE kif
ukoll dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda,
il-Liechtenstein u n-Norveġja), li jikkooperaw fil-qasam tal-protezzjoni
ċivili u nħoloq biex jappoġġja l-isforzi tagħhom biex
jipprevjenu, iħejju għal u tirreaġixxu għal diżastri
naturali jew ikkaġunati mill-bniedem fl-UE jew lil hinn minnha.
L-assistenza tista' tieħu l-forma ta' assistenza in natura,
tagħmir u timijiet, jew tinvolvi li jintbagħtu esperti biex iwettqu
valutazzjonijiet. Tiddependi fuq ir-riżorsi tal-gvern u, jekk ikun hemm
bżonn ta' assistenza f'pajjiżi lil hinn mill-UE, ġeneralment
taħdem b'mod parallel mal-għajnuna umanitarja. Il-qalba operattiva
tal-EUCPM huwa ċ-Ċentru għal Rispons ta’ Emerġenza (ERCC)
aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Kwalunkwe pajjiż, fl-UE jew mhux, affettwat minn diżastru jew
mgħakkes mill-kobor tiegħu jista' jappella għal għajnuna permezz
tal-ERCC. [6] www.cred.be. [7] www.unisdr.org. [8] Skont l-istess sorsi, fl-2012 kien hemm 310
diżastru naturali ta’ daqsijiet differenti. [9] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96
tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja. [10] Il-Kunsens huwa dikjarazzjoni konġunta bejn
il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew li
tistabbilixxi viżjoni komuni mmirata biex ittejjeb l-koerenza,
l-effettività u l-kwalità tar-reazzjoni umanitarja tal-UE. [11] Artikolu 214(6) tat-TFUE [12] AGIR — l-Alleanza Globali
għall-Inizjattiva tar-Reżiljenza [13] DIPECHO (Tħejjija
għad-Diżastri - ECHO) huwa programm speċifiku ddedikat
għat-tħejjija għad-diżastri. Huwa mmirat lejn komunitajiet
vulnerabbli ħafna li jgħixu f'xi wħud mill-aktar reġjuni
f'riskju ta' diżastru fid-dinja. [14] Il-Kummissjoni tat assistenza umanitarja
multisettorjali lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti
fil-pajjiżi ġirien kif ukoll lill-popolazzjonijiet milquta fis-Sirja
fejn il-kenn/NFIs, l-ikel, il-ħasil, is-saħħa u l-protezzjoni
kienu s-setturi ewlenin. [15] ENPI – Strument tal-politika ewropea dwar
il-viċinat DCI – Strument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; IFS
– Strument għall-Istabilità; IPA – Strument għall-assistenza ta’
qabel l-adeżjoni [16] Ir-Regolament
(UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li
jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi [17] Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u
l-Iżvilupp [18] Dan it-tqassim huwa simplifikat fis-sens li
jassoċja l-proġetti ma' settur wieħed uniku. Fil-prattika,
il-maġġoranza tal-proġetti huma marbuta ma' aktar minn settur
wieħed. Pereżempju, iċ-ċifra għat-tħejjija
għad-diżastri (DP) (5,49 %) tirreferi għal dawk il-proġetti
finanzjati mill-UE primarjament marbuta mat-tħejjija tad-diżastri.
Madankollu, jekk inqisu l-kuntratti kollha inkluż komponenti sinifikanti
għat-tħejjija għad-diżastri imma li s-settur
prinċipali tal-intervent għalihom mhuwiex DP, nilħqu total ta'
15 %. [19] SHARE - Appoġġ għar-Reżiljenza
tal-Qarn tal-Afrika [20] Għall-protezzjoni ċivili l-figuri fit-tabella
mhumiex maqsumin skont il-pajjiż/reġjun. [21] Operazzjoni waħda tiġi operata direttament,
jiġifieri l-programm tat-Titjiriet tal-ECHO fir-Repubblika Demokratika
tal-Kongo u l-Kenja biex tipprovdi appoġġ loġistiku
f'reġjun suxxettibbli għal problemi ta' aċċess. [22] Il-Kummissjoni biss, mhumiex inklużi
l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE.