Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0554

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

/* COM/2013/0554 final - 2013/0268 (COD) */

52013PC0554

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. /* COM/2013/0554 final - 2013/0268 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Kuntest Ġenerali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (“Ir-Regolament Brussell I”) jistabbilixxi regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri u r-regoli li jimpedixxu proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti. Jippreskrivi wkoll regoli għar-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qrati nazzjonali fi Stati Membri oħra. Ikopri, fost affarijiet oħra, il-litigazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-privattivi. Fit-12 ta’ Diċembru 2012 ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali[1] (“Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)”), li jirriformola r-Regolament (KE) Nru 44/2001. Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 se jidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2015.

F’Diċembru 2012, intlaħaq ftehim fuq l-hekk imsejjaħ “pakkett tal-privattivi” – inizjattiva leġiżlattiva li tikkonsisti minn żewġ Regolamenti[2] (ir-“Regolamenti Unifikati tal-Privattivi”) u Ftehim internazzjonali (“Ftehim tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi” jew “il-Ftehim tal-UPC”), li wittew it-triq għall-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolamenti Unifikati tal-Privattivi ġew adottati f’kooperazzjoni msaħħa bl-inklużjoni ta' 25 Stat Membru (l-Istati Membri kollha minbarra l-Italja u Spanja). Il-Ftehim tal-UPC ġie ffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Ladarba r-Regolamenti japplikaw, se jkun possibbli li tinkiseb privattiva Ewropea b’effett unitarju – titolu legali jiżgura li jkun hemm protezzjoni uniformi għal invenzjoni madwar il-25 Stat Membru – fuq bażi ta' one-stop-shop, li tipprovdi vantaġġi fl-ispejjeż u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi.

L-Artikolu 89(1) tal-Ftehim tal-UPC jipprovdi li l-ftehim ma jistax jidħol fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-emendi tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) li jirregola r-relazzjoni bejn iż-żewġ strumenti. L-għan ta’ dawn l-emendi huwa doppju. L-ewwel nett, l-emendi għandhom l-għan li jiżguraw konformità bejn il-Ftehim tal-UPC u r-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), u t-tieni, li jindirizzaw il-kwistjoni partikolari tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni vis-à-vis l-konvenuti fi Stati mhux tal-Unjoni Ewropea.

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, it-tliet Stati Membri li huma Partijiet Kontraenti tat-Trattat tal-31 ta’ Marzu 1965 dwar l-istabbiliment u l-istatut ta' Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux iffirmaw Protokoll li jimmodifika l-imsemmi Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux hija qorti komuni għall-Belġju, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi li għandha l-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli komuni għall-Istati Membri tal-Benelux dwar diversi kwistjonijiet bħall-proprjetà intellettwali (b’mod partikolari ċerti tipi ta’ drittijiet li jirrelataw ma’ marki kummerċjali, mudelli u disinji). Sal-lum, il-kompitu tal-Qorti tal-Benelux jikkonsisti prinċipalment f’li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Madankollu, il-Protokoll tal-2012, joħloq il-possibbiltà li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux biex tinkludi l-kompetenzi ġurisdizzjonali fi kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Din il-possibbiltà tista’ tiġi eżegwita minn reviżjoni ta’ ftehimiet separati bejn l-Istati Membri tal-Benelux dwar kwistjonijiet speċifiċi; din ir-reviżjoni effettivament se tkun qed titrasferixxi l-ġurisdizzjoni mill-Qrati nazzjonali għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux. Bħala riżultat, simili għall-Ftehim tal-UPC, il-Protokoll għat-Trattat tal-Benelux jirrikjedi emenda għar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), l-ewwel nett, biex jiżgura l-konformità bejn it-Trattat rivedut u r-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), u t-tieni, biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ regoli ġurisdizzjonali komuni vis-à-vis il-konvenuti fi Stati mhux tal-Unjoni Ewropea.

1.2. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta għandha l-għan, l-ewwel nett, li tippermetti d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-UPC. L-Art. 89(1) tal-Ftehim tal-UPC jagħmel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dipendenti fuq l-emenda ta’ Regolament (KE) Nru 1215/2012. Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-konformità mar-Regolament Brussell I ta’ dan il-Ftehim kif ukoll mal-Protokoll tat-Trattat tal-Benelux tal-1965.

Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi se tkun qorti komuni għal ċerti Stati Membri u se tkun soġġetta għall-istess obbligi skont il-liġi tal-Unjoni bħala kwalunkwe qorti nazzjonali. Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi se jkollha kompetenza esklussiva, u b’hekk tissostitwixxi l-qrati nazzjonali, għal kwistjonijiet irregolati mill-Ftehim tal-UPC. Il-Ftehim tal-UPC jirregola d-distribuzzjoni interna tal-kompetenzi bejn id-diversi taqsimiet tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-infurzar tas-sentenzi tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi fl-Istati Membri Kontraenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux hija ugwalment qorti komuni għal ċerti Stati Membri li se jkollhom kompetenza ġurisdizzjonali fi kwistjonijiet li għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri Kontraenti kkonċernati.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kombinata u koerenti tal-Ftehim imsemmi hawn fuq u tal-Protokoll u tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin fIr-Regolament Brussell I (riformulazzjoni):

1.           Li jiġi ċċarat fit-test tar-Regolament li l-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux huma ‘qrati’ fis-sens tar-Regolament Brussell I;

2.           Li tiġi ċċarata l-operazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux sa fejn huma kkonċernati l-konvenuti domiċiljati fl-Istati Membri. Li jinħolqu regoli uniformi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali vis-à-vis konvenuti minn Stati terzi kontra tali konvenuti fi proċedimenti quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux f’sitwazzjonijiet fejn Ir-Regolament Brussell I fih innifsu ma jipprovdix għal regoli bħal dawn iżda jirreferi għal-liġi nazzjonali;

3.           Li tiġi ddefinita l-applikazzjoni tar-regoli dwar lis pendens u azzjonijiet relatati fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fuq naħa waħda u l-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li mhumiex Parti Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi fuq in-naħa l-oħra. Li tiġi ddefinita wkoll l-operazzjoni ta’ dawn ir-regoli matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 83(1) tal-Ftehim tal-UPC; u

4.           Tiġi ċċarata l-operazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti tal-ftehimiet internazzjonali rispettivi u l-Istati Membri li mhumiex.

Spjegazzjoni dettaljata dwar il-kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati hija mogħtija fil-punt 3 hawn taħt (“Elementi legali tal-proposta”).

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-pakkett tal-privattivi kien is-suġġett ta’ konsultazzjoni estensiva qabel l-adozzjoni tiegħu. Din il-konsultazzjoni wriet appoġġ wiesa’ mhux biss għall-ħolqien ta’ privattiva unifikata iżda wkoll għat-twaqqif ta’ sistema ġurisdizzjonali unifikata. Il-proposta preżenti tippermetti d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-UPC, kif previst fl-Artikolu 89(1) ta’ dan il-Ftehim. Peress li l-Protokoll li jimmodifika t-Trattat tal-1965 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux iqajjem kwistjonijiet identiċi bħall-Ftehim tal-UPC, iż-żewġ emendi għandhom isiru fl-istess ħin. Sa fejn għandhom x'jaqsmu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni vis-à-vis il-konvenuti minn Stati terzi, din il-kwistjoni ġiet ivvalutata b’mod estensiv fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (“Brussell I”)[3]. Din il-valutazzjoni kkonċernat l-armonizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni vis-à-vis il-konvenuti minn Stati terzi b’mod ġenerali; il-konklużjonijiet ta’ din il-valutazzjoni huma a fortiori rilevanti għall-armonizzazzjoni limitata prevista f’din il-proposta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-emendi proposti għar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) huma kif ġej:

· Id-dispożizzjonijiet li jindirizzaw ir-relazzjoni bejn il-Ftehim tal-UPC u l-Protokoll għat-Trattat tal-Benelux tal-1965 fuq naħa u r-Regolament Brussell I min-naħa l-oħra;

· Dispożizzjonijiet li jikkompletaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konvenuti minn Stati terzi f’tilwim ċivili u kummerċjali miġjuba quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fi kwistjonijiet koperti mill-Ftehim tal-UPC jew mill-Protokoll tat-Trattat tal-Benelux tal-1965.

Dawn l-emendi huma kkombinati f’erba’ dispożizzjonijiet ġodda, l-Artikoli 71a sa 71d tar-Regolament Brussell I .

3.1. L-inklużjoni espliċita tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux bħala ‘qrati’ fis-sens tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)

Bħala riżultat tad-diviżjoni interna tal-kompetenzi fi ħdan il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, konvenut jista’ jsib ruħu quddiem diviżjoni li ma tinsabx fi Stat Membru tal-qorti maħtura mir-regoli tar-Regolament Brussell I. Pereżempju, konvenut Olandiż li jkun qed jistenna li jkun imħarrek fil-pajjiż tad-domiċilju tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) jista’ jitressaq quddiem id-diviżjoni kompetenti ċentrali, reġjonali jew lokali li tista' tkun qiegħda fi Franza, fil-Ġermanja jew fir-Renju Unit (jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, skont fejn id-diviżjonijiet reġjonali jew lokali se jitwaqqfu). Dan hu relevanti wkoll meta l-konvenut ikun domiċiljat jew abitwalment residenti fi Stat Membru li ma jkunx Parti Kontraenti tal-Ftehim tal-UPS (pereżempju liċenzjat domiċiljat fi Spanja kellu jwettaq obbligu skont il-ftehim tal-liċenzja fil-Pajjiżi l-Baxxi; il-proċedimenti jinġiebu quddiem id-diviżjoni ċentrali Ġermaniża minflok dik tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala l-post tat-twettiq tal-obbligu) Bl-istess mod, bħala riżultat tat-trasferiment tal-kompetenzi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, konvenut, inkluż minn Stat Membru mhux kontraenti, jista’ jsib ruħu quddiem qorti li ma tkunx tinsab fi Stat Membru tal-qorti maħtura mir-regoli tar-Regolament Brussell I. Filwaqt li l-Artikolu 71 tar-Regolament Brussell I jippermetti konvenzjonijiet dwar kwistjonijiet partikolari li diġà jeżistu, ma jippermettix xi konvenzjonijiet ġodda bħal dawn. Bħala riżultat, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li kemm il-Qorti Unifikata tal-Privattivi kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jiġu kkunsidrati bħala qrati ta’ Stat Membru fis-sens tar-Regolament Brussell I, u b’hekk jiġi żgurat li r-Regolament japplika kollu kemm hu għal dawn il-qrati.

Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) ma jipprovdix għal definizzjoni tat-terminu “qorti”. Hu jillimita lilu nnifsu, fl-Artikolu 3, biex jinkludi ċerti awtoritajiet speċifiċi fi ħdan il-kunċett ta’ “qorti" għal skopijiet tal-operazzjoni tar-Regolament Brussell I. Premessa 11 tiċċara, madankollu, li t-terminu “qorti” għandu jinftiehem bħala li jinkludi qrati jew tribunali komuni għal diversi Stati Membri. Premessa 11 tirreferi espliċitament għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux meta hija teżerċita ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Il-premessa 11 tiċċara li s-sentenzi mogħtija minn qrati komuni bħal dawn għandhom jiġu rikonoxxuti u infurzati skont Ir-Regolament Brussell I. Madankollu, premessa ma għandhiex natura vinkolanti u ma tistax tiżgura bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza legali l-konformità tal-ftehimiet internazzjonali rispettivi mar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), u b’mod partikulari l-Artikolu 71 tiegħu. Għalhekk hija meħtieġa emenda leġiżlattiva speċifika. Din l-emenda ssegwi l-approċċ li ttieħed għal nutar Ungeriż u għall-awtorità Svediża tal-infurzar fl-Artikolu 3 tar-Regolament; hija tinkludi speċifikament il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fil-kunċett ta’ “qorti” tar-Regolament. Għal raġunijiet ta’ leġġibilità, il-bidliet kollha neċessarji relatati mal-Ftehimiet tal-UPC u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux huma kombinati f’erba’ dispożizzjonijiet ġodda (l-Artikoli l-ġodda 71a sa 71d).

Billi tiċċara li kemm il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jitqiesu bħala “qrati” fit-tifsira tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), din l-emenda se tiżgura li l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ dawn il-qrati se tiġi ddeterminata mIr-Regolament Brussell I; b’mod partikolari se jkun żgurat li l-konvenuti li jistennew li jiġu mħarrka fi Stat Membru speċifiku fuq il-bażi tar-regoli tar-Regolament Brussell I jistgħu jiġu mħarrka quddiem jew diviżjoni tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux li tinsab fi Stat Membru ieħor apparti mill-qrati nazzjonali maħtura fuq il-bażi tar-Regolament Brussell I. Iċ-ċertezza u previdibilità legali għall-konvenuti jirrikjedu li din il-bidla ta’ ġurisdizzjoni territorjali hija stipulata b’mod ċar fit-test tar-Regolament Brussell I.

3.2. L-operazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni b'rabta mal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fuq in-naħa l-waħda u mal-qrati tal-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti tal-Protokoll tal-Ftehim tal-UPC jew tal-Protokoll tat-Trattat tal-Benelux tal-1965 fuq in-naħa l-oħra.

Sabiex tinħoloq trasparenza sħiħa fuq l-applikazzjoni kombinata u koerenti tal-ftehimiet internazzjonali rispettivi u tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), dan tal-aħħar għandu jippreskrivi kif ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) japplikaw għall-Qorti Unifikata tal-Privattivi u għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, bl-istess mod bħalma jagħmel l-Artikolu 71 tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) għall-konvenzjonijiet internazzjonali l-oħrajn dwar kwistjonijiet partikolari. Kjarifiki simili jinstabu wkoll, pereżempju, fl-Artikoli 64 u 67 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

Ir-regola l-ġdida fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 71b, għalhekk tippreskrivi li l-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux se jkollhom ġurisdizzjoni fi kwalunkwe ħin meta qorti nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri Kontraenti rispettivi jkollu ġurisdizzjoni fuq il-bażi tar-regoli tar-Regolament Brussell I. A contrario, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux mhux se jkollhom ġurisdizzjoni meta l-ebda qorti nazzjonali ta’ Stat Membru Kontraenti ma jkollha ġurisdizzjoni skont Ir-Regolament Brussell I (pereżempju, meta ġurisdizzjoni skont Ir-Regolament Brussell I tkun tal-qrati ta’ Stat Membru mhux Kontraenti).

3.3. It-tlestija tar-regoli ġurisdizzjonali fir-rigward tal-konvenuti minn Stati terzi

L-Artikolu 31 tal-Ftehim tal-UPC jipprovdi li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi għandha tkun stabbilita f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jew, fejn applikabbli, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Konvenzjoni ta’ Lugano). Madankollu, sa fejn Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) u l-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni b’referenza għal-liġi nazzjonali (ara l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament u l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano), mhuwiex determinat liema regoli għandhom japplikaw sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati li huma komuni għal bosta Stati Membri bħalma huma l-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux. Barra minn hekk, referenza għal liġi nazzjonali waħda jew oħra għad-diversi diviżjonijiet tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi tista’ toħloq aċċess inugwali għall-ġustizzja f'sistema ġurisdizzjonali unifikata li ma tkunx tista' tiġi ġġustifikata għal kwalunkwe raġuni oġġettiva.

Diġà ġiet indirizzata problema simili fir-Regolament dwar it-Trademark eżistenti (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja) u fir-Regolament dwar id-disinn (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji), li kull wieħed fih sett komplut ta’ regoli uniformi dwar il-ġurisdizzjoni vis-à-vis il-konvenuti minn Stati terzi.

Għaldaqstant hu neċessarju li jitlestew ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) għall-kwistjonijiet li se jidħlu fil-kompetenza tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux sa fejn jikkonċerna lill-konvenuti domiċiljati fi Stati mhux tal-Unjoni Ewropea. Regoli ġurisdizzjonali uniformi diġà jeżistu f’ċerti sitwazzjonijiet (bħal ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-validità tal-privattivi, l-għażla ta' ftehimiet tal-qorti), iżda mhux f’oħrajn (bħal proċedimenti dwar ksur ta’ privattivi, ftehimiet ta’ liċenzjar fin-nuqqas ta’ għażla tal-qorti).

Il-proposta l-ġdida fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 71b, għalhekk testendi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament għal tilwim li jinvolvi konvenuti minn Stati terzi domiċiljati fi Stat terz. Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux biex joħorġu miżuri provviżorji, inklużi miżuri kawtelatorji, hija żgurata anke meta l-qrati ta’ Stati terzi jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-kwistjoni. Din l-estensjoni se tapplika mingħajr ħsara għall-Ftehim tal-2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li diġà jirregola s-sitwazzjoni tal-konvenuti Daniżi u l-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 dwar l-istess suġġett li diġà tirregola s-sitwazzjoni tal-konvenuti Svizzeri, Norveġiżi, u Islandiżi.

Bħala riżultat ta’ din l-estensjoni, l-aċċess għall-Qorti Unifikata tal-Privattivi u għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux se jkun żgurat f’sitwazzjonijiet fejn il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru tal-UE hekk kif jiġi żgurat l-aċċess f’sitwazzjonijiet fejn il-konvenut huwa domiċiljat fi Stat Membru tal-UE. Barra minn hekk, tali aċċess ikun żgurat indipendentement minn liema istanza jew diviżjoni fi ħdan il-Qorti Unifikata tal-Privattivi li quddiemha titressaq pretensjoni.

Barra minn hekk, il-proposta l-ġdida fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 71b, tistabbilixxi forum wieħed addizzjonali għal tilwim li jinvolvi konvenuti domiċiljati barra mill-UE. Il-proposta tipprevedi li konvenut li mhuwiex mill-UE jista’ jiġi mħarrek quddiem qorti fil-post fejn jinsabu beni mobbli li huma proprjetà tiegħu, sakemm il-valur tagħhom ma jkunx insinifikanti meta mqabbel mal-valur tal-pretensjoni u t-tilwima jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża. Il-forum ta’ fejn jinsabu l-assi jibbilanċja l-assenza tal-konvenut mill-Unjoni. Bħalissa teżisti regola bħal din fi grupp imdaqqas ta’ Stati Membri u għandha l-vantaġġ li tiżgura li sentenza tkun tista’ tiġi infurzata fl-Istat fejn tingħata. Hija regola li toqgħod aħjar fil-filosofija ġenerali tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) minn regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni sussidjarja bħal dawk previsti fir-Regolamenti dwar trademarks u disinji msemmija hawn fuq li jippermettu proċeduri kontra konvenuti minn Stati terzi li jinġiebu, b’mod partikolari, quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu (forum actoris). Forum ibbażat fuq l-assi jista' jiżgura l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux f’sitwazzjonijiet fejn ir-regoli tal-ġurisdizzjoni estiżi tar-Regolament ma jipprevedux għal ġurisdizzjoni u fejn tali ġurisdizzjoni tista’ tkun xierqa. Pereżempju, fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi, il-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-assi tiżgura li l-Qorti jkollha ġurisdizzjoni vis-à-vis konvenut Tork li jikser privattiva Ewropea li tkopri bosta Stati Membri u t-Turkija.

3.4. L-operazzjoni tar-regoli dwar lis pendens u azzjonijiet relatati b'rabta mal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fuq in-naħa l-waħda u l-qrati tal-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti tal-Ftehim tal-UPC jew tal-Protokoll tat-Trattat tal-Benelux tal-1965 fuq in-naħa l-oħra.

Barra minn hekk, ir-regola l-ġdida fl-Artikolu 71c tippreskrivi li r-regoli dwar lis pendens u l-azzjonijiet relatati tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) japplikaw bejn il-Qorti Unifikata tal-Privattivi tal-Benelux jew il-Qorti tal-Ġustizzja fuq in-naħa l-waħda u l-qrati tal-Istati Membri mhux Kontraenti fuq in-naħa l-oħra. Fl-aħħar nett, dan l-Artikolu jippreskrivi wkoll li r-regoli tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) japplikaw meta, waqt il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 83(1) tal-Ftehim tal-UPC, il-proċedimenti jitressqu quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi fuq in-naħa l-waħda u quddiem il-qrati nazzjonali ta’ Stati Membru Kontraenti għal dak il-Ftehim fuq in-naħa l-oħra.

3.5. It-tħaddim tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar f’relazzjoni bejn l-Istati Membri li rratifikaw il-Ftehim tal-UPC u l-Istati Membri li ma rratifikawx il-Ftehim tal-UPC

Sabiex tinħoloq trasparenza sħiħa fuq l-applikazzjoni kombinata u koerenti tal-ftehimiet internazzjonali rispettivi u tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), dan tal-aħħar għandu jippreskrivi kif ir-regoli tiegħu dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar se japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi u l-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għal dawk il-ftehimiet. Dispożizzjonijiet simili jinsabu fl-Artikolu 71 tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) fir-rigward ta’ konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn dwar kwistjonijiet partikolari u fl-Artikoli 64 u 67 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

L-Artikolu 71d il-ġdid għalhekk jirregola r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fl-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fl-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għal dawn il-ftehimiet fi kwistjonijiet irregolati minn dawn il-ftehimiet li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali.

2013/0268 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 67(4) u l-punti (a), (c) u (e) tal-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Fid-19 ta’ Frar 2013, ċerti Stati Membri ffirmaw Ftehim fuq Qorti Unifikata tal-Privattivi. Dan il-Ftehim jipprovdi li dan m’għandux jidħol fis-seħħ qabel l-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215 rigward ir-relazzjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Ftehim.

(2)       Fil-15 ta’ Ottubru 2012, it-tliet Stati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-31 ta’ Marzu 1965 dwar l-istabbiliment u l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, iffirmaw Protokoll li jimmodifika dan it-Trattat, filwaqt li joħloq il-possibbiltà li jingħataw ċerti kompetenzi ġurisdizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fi kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(3)       Huwa meħtieġ li tiġi rregolata r-relazzjoni bejn il-ftehimiet internazzjonali msemmija hawn fuq u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(4)       Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jitqiesu bħala qrati fi ħdan it-tifsira ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu żgurati ċertezza u prevedibbiltà legali għal konvenuti li jistgħu jitressqu quddiem dawk il-qrati fi Stat Membru differenti minn dak indikat mir-regoli ta’ dan ir-Regolament.

(5)       Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ konvenuti li ma jkunux domiċiljati fi Stat Membru. Sa fejn għandhom x'jaqsmu l-kwistjonijiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, ir-regoli ta’ dan ir-Regolament għandhom għalhekk japplikaw għal konvenuti domiċiljati fi Stati Membri li mhumiex tal-Unjoni. Ir-regoli eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni jiżguraw li hemm rabta mill-qrib bejn il-proċedimenti li japplika għalihom ir-Regolament u t-territorju tal-Istati Membri li tiġġustifika l-estensjoni tagħhom għall-konvenuti irrispettivament minn fejn jinsab id-domiċilju tagħhom. Barra minn dan, dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni sussidjarja.

(6)       Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar lis pendens u azzjonijiet relatati, bil-għan li jiġu evitati l-proċeduri paralleli u sentenzi irrikonċiljabbli, għandhom japplikaw meta jinġiebu l-proċedimenti quddiem il-qrati tal-Istati Membri fejn japplikaw il-ftehimiet internazzjonali msemmija hawn fuq u quddiem il-qrati tal-Istati Membri fejn dawn il-ftehimiet ma japplikawx.

(7)       Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar lis pendens u azzjonijiet relatati għandhom japplikaw ugwalment fejn, matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 83(1) tal-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi, il-proċeduri li jirrigwardaw ċerti tipi ta’ tilwim dwar il-privattivi Ewropej kif definit f’dik id-dispożizzjoni jitressqu quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi fuq in-naħa l-waħda u quddiem il-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru Kontraenti għall-Ftehim tal-UPC min-naħa l-oħra.

(8)       Sentenzi mogħtija mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi jew mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi f'konformità ma’ dan ir-Regolament.

(9)       Sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi għandhom ikomplu jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri l-oħra skont dan ir-Regolament.

(10)     Dan ir-Regolament għandu jibda japplika fl-istess ħin tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 sabiex ikun jista' jidħol fis-seħħ kif suppost il-Ftehim tal-UPC u jsir it-trasferiment effettiv tal-kompetenzi għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux.

(11)     Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)        Fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, is-sentenza l-ġdida li ġejja hija miżjuda fl-aħħar tal-premessa 14:

“Regoli ġurisdizzjonali uniformi għandhom japplikaw ukoll irrispettivament mid-domiċilju tal-konvenut f’każijiet fejn qrati komuni għal diversi Stati Membri jeżerċitaw ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”

(2)        Fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, l-Artikoli 71a, 71b, 71c, u 71d huma mdaħħla:

"Artikolu 71 a

1.       Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, qorti komuni għal diversi Stati Membri (“Qorti komuni”) tkun qorti ta’ Stat Membru meta, skont il-Ftehim li jistabilixxiha, teżerċita ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

2.       Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kull waħda mis-segwenti tkun qorti komuni:

(a)      il-Qorti Unifikata tal-Privattivi stabbilita skont il-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi iffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 (“il-Ftehim tal-UPC");

(b)     il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux stabbilita mit-Trattat tal-31 ta’ Marzu 1965 dwar l-istabbiliment u l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (il-“Ftehim tal-Benelux”).

Artikolu 71b

Il-ġurisdizzjoni ta’ qorti komuni tiġi determinata kif ġej:

1.       Il-qorti komuni jkollha ġurisdizzjoni f’każ fejn, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru parti fi ftehim li jistabbilixxi qorti komuni jkollhom ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet irregolati minn dak il-ftehim.

2.       Meta il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, u dan ir-Regolament ma jagħtix b'mod ieħor ġurisdizzjoni fuqu, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II jibdew japplikaw jekk il-konvenut kien domiċiljat fi Stat Membru. L-Artikolu 35 japplika anki jekk il-qrati ta’ Stati mhux Membri jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-kwistjoni.

3.       Meta l-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru u l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament, il-konvenut jista’ jiġi mħarrek quddiem il-qorti komuni jekk:

a)       xi proprjetà tal-konvenut tkun fi Stat Membru li jkun parti għall-Ftehim li jistabbilixxi l-qorti komuni;

b)       il-valur tal-proprjetà ma jkunx insinifikanti meta mqabbel mal-valur tal-pretensjoni;

c)       it-tilwima jkollha rabta suffiċjenti ma' xi Membru Stat li jkun parti għall-Ftehim li jistabbilixxi l-qorti komuni.

Artikolu 71c

1.       Artikoli 29 sa 32 japplikaw meta jinġiebu l-proċedimenti f’qorti komuni u f’qorti ta’ Stat Membru li ma jkunx parti tal-Ftehim li jistabbilixxi din il-qorti komuni.

2.       Artikoli 29 sa 32 japplikaw fejn matul iż-żmien ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 83(1) tal-Ftehim tal-UPC jinġiebu proċedimenti fil-Qorti Unifikata tal-Privattivi u f’qorti ta’ Stat Membru li jkun parti tal-Ftehim tal-UPC.

Artikolu 71d

F’materji ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni, dan ir-Regolament japplika għar-rikonoxximent u għall-infurzar ta'

a)       sentenzi mogħtija mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi jew mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-Ftehimiet tal-UPC jew tal-Benelux; u

b)       sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-Ftehimiet tal-UPC jew tal-Benelux li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għal tali Ftehimiet".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mill-10 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 351, 20. 12. 2012, p. 1.

[2]               Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, ĠU L X; Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/202 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli ta’ traduzzjoni, ĠU L

[3]               SEC(2010) 1547 final tal-14.12.2010.

[4]               ĠU C , , p. .

Top