Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0317

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar ir-riforma tal-istruttura tas-sistema bankarja tal-UE (2013/2021(INI))

    ĠU C 75, 26.2.2016, p. 80–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/80


    P7_TA(2013)0317

    Riforma tal-istruttura tas-sistema bankarja tal-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar ir-riforma tal-istruttura tas-sistema bankarja tal-UE (2013/2021(INI))

    (2016/C 075/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 120 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni,

    wara li kkunsidra r-rapport tat-2 ta’ Ottubru 2012 tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Riforma tal-Istruttura tas-Sistema Bankarja tal-UE (HLEG) (1),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-G20 li saru f’Londra fl-2009, f’Cannes fl-2011 u f’Moska fl-2013,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, espożizzjonijiet kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u l-proposti tal-20 ta’ Lulju 2011 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (COM(2011)0453) u għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment (COM(2011)0452), rispettivament,

    wara li kkunsidra l-proposta tas-6 ta’ Ġunju 2012 għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KEE, id-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (COM(2012)0280),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 2012,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ta’ Ottubru 2011 bl-isem ta’ “Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions” u ta’ Novembru 2012 bl-isem ta’ “Intensity and Effectiveness of SIFI Supervision”,

    wara li kkunsidra d-dokument konsultattiv tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja ta’ Novembru 2011 bl-isem ta’ “Global systemically important Banks: assessment methodology and the additional loss absorbency requirement”,

    wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-Istati Membri u internazzjonali dwar ir-riforma strutturali tas-servizzi bankarji, inkluż il-Loi de séparation et de régulation des activités bancaires Franċiża, it-Trennbankengesetz Ġermaniża, ir-rapport tal-Kummissjoni Indipendenti dwar il-Banek u r-riformi tal-Vickers fir-Renju Unit, u r-regoli tal-Volcker fl-Istati Uniti,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bl-isem "Implicit Guarantees for Bank Debt: Where Do We Stand? (2) u r-rapport tal-OECD 'The Elephant in the Room: The Need to Deal with What Banks Do‘ (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar l-Ibbankjar Parallel (4),

    Wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Eurogrupp tal-25 ta' Marzu 2013 dwar il-kriżi f'Ċipru (5)

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0231/2013),

    A.

    billi, mill-bidu tal-kriżi ’l hawn, ingħataw aktar minn EUR 1.6 triljun (12.8 % tal-PDG tal-UE) f’għajnuniet mill-istat lis-settur finanzjarju bejn l-2008 u tmiem l-2011 (inkluża r-rikapitalizzazzjoni ta’ Northern Rock fl-2007), li minnhom madwar EUR 1 080 biljun marru fuq garanziji, EUR 120 biljun fuq assi danneġġati u EUR 90 biljun fuq miżuri ta’ likwidità (6); billi l-Kummissjoni talbet ristrutturar sostanzjali tal-banek li rċevew l-għajnuna, inkluża t-tneħħija ta' ċerti attivitajiet, biex tkun żgurata vijabbiltà futura mingħajr aktar sostenn pubbliku u biex ikunu bbilanċjati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mis-sussidji li jingħataw;

    B.

    billi dan is-salvataġġ finanzjarju ffinanzjat mill-istat wassal għal żieda enormi ta' dejn pubbliku fl-Istati Membri tal-UE;

    C.

    billi fil-ħames snin ta’ wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali tal-2008, l-ekonomija tal-UE tkompli tkun fi stat ta’ riċessjoni, fejn l-Istati Membri baqgħu jipprovdu sussidji u garanziji impliċiti lill-banek anke minħabba l-implimentazzjoni inadegwata tal-qafas ekonomiku u fiskali;

    D.

    billi l-OECD fir-rapport tagħha tal-2012 ikkalkulat il-valur tal-garanziji impliċiti mill-istat, f'termini ta' ffrankar ta' spejjeż lill-banek tal-UE, għal madwar USD 100 biljun għall-2012 b'varjazzjonijiet wiesgħa bejn il-banek u l-Istati Membri u l-akbar benefiċċju akkwistat mill-akbar banek, partikolarment jekk ikunu meqjusa dgħajfa, u l-banek ibbażati fl-Istati Membri bl-akbar rata ta' kreditu sovran. Barra minn hekk ir-rapport isib li tali garanziji jestendu lil hinn minn dawk il-banek ikklassifikati bħala SIFIs (istituzzjoniji finanzjarja sistemikament importanti) skont il-metodoloġija tal-Bord għal Stabbiltà Finanzjarja;

    E.

    Billi qafas regolatorju Ewropew dgħajjef b'teħid tar-riskju eċċessiv, lieva eċċessiva, kapital ta' ekwità u rekwiżiti tal-likwidità inadegwati, kumplessità eċċessiva fis-sistema bankarja globali, setturi bankarji kbar iżżejjed f'ekonomiji żgħar, nuqqas ta' kontrolli u superviżjoni, espansjoni eċċessiva tal-kummerċ tad-derivati, valutazzjonijiet ta' klassifikazzjoni żbaljati, sistemi għall-għoti ta' bonuses eċċessivi u sistemi inadegwati għall-ġestjoni tar-riskji kienu fl-għeruq tal-kriżi finanzjarja, li fil-biċċa l-kbira tagħha intensifikat minħabba espożizzjonijiet eċċessivia tal-proprjetà immobbli, aktar milli attivitajiet tas-suq tal-kapital, u minħabba superviżjoni insuffiċjenti;

    F.

    billi t-telf tal-prudenza fl-istandards tal-kontabbiltà bħala konsegwenza li l-adozzjoni tal-istandards tar-rappurtar finanzjarju internazzjonali kellha u jkompli jkollha rwol ċentrali li tippermetti lill-banek jagħtu opinjoni tal-kontijiet tagħhom li ma tkunx dejjem preċiża u ġusta b'referenza partikolari għall-IAS 39 dwar dispożizzjonijiet ta' telf fuq self;

    G.

    billi fl-Ewropa ġew akkumulati riskji anke mill-banek kummerċjali, li taw self fis-settur tal-proprjetà fuq il-bażi ta’ ġestjoni tar-riskju difettuża u li ma tħarisx fil-bogħod;

    H.

    billi, kif enfasizzat fl-analiżi tal-HLEG, l-ebda mudell ta' negozju ma ffunzjona b'mod partikolarment tajjeb jew b'mod partikolarment ħażin matul il-kriżi finanzjarja;

    I.

    billi l-profitti fis-settur finanzjarju ħafna drabi ġew privatizzati iżda r-riskji u t-telf ġew nazzjonalizzati; billi f’ekonomija soċjali tas-suq, ir-riskju u r-responsabbiltà għandhom jimxu id f’id;

    J.

    billi d-dgħufija attwali ta’ wara l-kriżi tas-sistema bankarja Ewropea turi l-ħtieġa ta’ tisħiħ tal-arkitettura tas-superviżjoni finanzjarja u tal-ġestjoni tal-kriżi Ewropej inklużi riformi strutturali għal ċerti banek sabiex jinqdew il-ħtiġijiet aktar mifruxa tal-ekonomija;

    K.

    billi l-banek m'għandhomx ikunu sovrani fuq l-interess pubbliku;

    L.

    billi l-Att Glass-Steagall tal-Istati Uniti tal-1933 dwar is-separazzjoni bankarja għen biex jipprovdi soluzzjoni għall-agħar kriżi finanzjarja globali li kienet seħħet qabel il-kriżi attwali u billi minn meta l-Att tħassar fl-1999, kien hemm żieda konsiderevoli f’investiment bankarju spekulattiv u fallimenti finanzjarji;

    M.

    billi ttieħdu għadd ta' inizjattivi importanti tal-UE biex jevitaw kriżi bankarja ġdida, iżidu l-protezzjoni ta' dawk li jħallsu t-taxxi u tal-klijenti u joħolqu sistemi b'saħħithom u sostenibbli ta' ħlas.

    N.

    billi t-tmien edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tal-Kummissjoni (minn Diċembru 2012) tindika b’mod ċar li l-fiduċja tal-konsumatur fl-UE fis-servizzi bankarji hija baxxa bħal qatt qabel;

    O.

    billi l-pakkett ta' salvataġġ finanzjarju reċenti għal Ċipru oriġinarjament kien jinkludi taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha, b'hekk dgħajjef il-fiduċja fl-iskema tad-depożitu garantit ta' dak il-pajjiż;

    P.

    billi studju tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) jissuġġerixxi li ladarba l-volum ta’ self tas-settur privat jaqbeż il-PDG tal-pajjiż bħala kejl tad-daqs tas-settur finanzjarju u l-impjieg relattiv f’dak is-settur jikber b’mod mgħaġġel, settur finanzjarju kbir wisq jista’ jkollu impatt negattiv fuq iż-żieda fil-produttività, peress li r-riżorsi umani u finanzjarji jonqsu bil-kbir mill-oqsma l-oħra ta’ attività finanzjarja (7);

    Q.

    billi, fir-rigward tal-kriżi f'Ċipru, l-Eurogrupp ikkonferma l-prinċipju li d-daqs tas-settur bankarju meta mqabbel mal-PDG ta’ Stat Membru għandu jkun limitat sabiex jindirizza l-iżbilanċi tas-settur bankarju u jippromovi l-istabbiltà finanzjarja, li permezz tagħha, fin-nuqqas ta' fondi tal-UE għar-riżoluzzjoni, il-limiti fuq id-daqs, il-kumplessità u l-interkonnessjoni tal-banek ikunu ta' benefiċċju għall-istabbiltà sistemika;

    R.

    billi s-separazzjoni pura tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’fergħat tal-investiment u fergħat tal-konsumaturi ma tindirizzax il-problema dwar SIFIs u r-relazzjoni bejn il-volum tal-Fond dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni fuq naħa u l-bilanċ tal-istituzzjonijiet li huma sistemikament relevanti għall-kreditu, il-pagament u d-depożitu fuq l-oħra;

    S.

    billi jidher li hemm differenzi bejn l-Istati Membri dwar proċess ta' trasformazzjoni lejn settur bankarju aktar sostenibbli, inqas sistemiku u vijabbli;

    T.

    billi l-HLEG ikkonkludiet li l-kriżi finanzjarja kienet uriet li l-ebda mudell ta' negozju partikolari ma ffunzjona b'mod partikolarment tajjeb jew b'mod partikolarment ħażin fis-settur bankarju Ewropew; billi l-analiżi tal-HLEG uriet teħid eċċessiv ta' riskju, ħafna drabi f'negozju ta' strumenti ferm kumplessi jew relatati ma' self ta' bejgħ ta' djar mingħajr protezzjoni adegwata tal-kapital, serħan eċċessiv fuq finanzjament fuq terminu qasir u rabtiet qawwija bejn istituzzjonijiet finanzjarji li kkawżaw riskju sistemiku ta' livell għoli fil-perjodu ta' qabel il-kriżi finanzjarja;

    U.

    billi l-HLEG jenfasizza li tikketti sempliċi, bħal operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur jew bank tal-investiment, ma jiddeskrivux b'mod adegwat il-mudell ta' negozju ta' bank u lanqas il-prestazzjoni tiegħu jew il-livell ta' riskju; billi l-mudelli ta' negozju huma diversi b'dimensjonijiet ewlenin differenti, bħad-daqs, l-attivitajiet, il-mudell ta' dħul, il-kapital u l-istruttura ta' fondi, is-sjieda, l-istruttura korporattiva, u l-ambitu ġeografiku, u evolvew sostanzjalment matul iż-żmien;

    V.

    billi jidher ċar li riskji jistgħu joriġinaw kemm f'banek għall-konsumatur u kemm fil-parti tal- investiment;

    W.

    billi l-proposta tal-Kummissjoni għandha tipprovdi għal approċċ għal riformi strutturali tas-settur bankarju Ewropew ibbażat fuq il-prinċipji konsistenti ma' u kumplimentari għal, leġiżlazzjoni tal-Unjoni li diġà teżisti jew li se titressaq għas-servizzi finanzjarji; billi l-Awtorità Bankarja Ewropea għandu jkollha rwol ewlieni bl-iżvilupp ta' standards tekniċi relevanti biex tiżgura applikazzjoni u infurzar konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), fl-Unjoni kollha;

    X.

    billi istituzzjonijiet lokali u reġjonali deċentralizzati fis-settur bankarju fl-Istati Membri wrew lilhom infushom li huma stabbli u ta’ benefiċċju f’termini ta’ finanzjament tal-ekonomija reali;

    Y.

    billi huwa meħtieġ li l-banek iżommu livelli aktar għoljin ta' kapital u ta' kwalità aħjar ta' kapital, u jkollhom riżervi ta' likwidità akbar u finanzjament aktar fit-tul.

    Z.

    billi, peress li la hija possibbli u lanqas mixtieqa li ssir separazzjoni tal-bank wara l-falliment, hemm il-ħtieġa ta’ rkurpu effettiv u reġim ta’ riżoluzzjoni sabiex l-awtoritajiet jiġu pprovduti b’sett kredibbli ta’ għodod, inkluż bank tranżitorju, sabiex ikunu jistgħu jintervjenu kmieni u malajr biżżejjed f’bank dgħajjef jew li jkun se jfalli sabiex jippermettu li jkomplu bil-funzjonijiet essenzjali finanzjarji u ekonomiċi, filwaqt li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja u jiżguraw li jiġi impost telf xieraq fuq l-azzjonijiet u l-kredituri li ħadu r-riskju li jinvestu fl-istituzzjoni inkwistjoni, u mhux fuq il-kontribwenti jew min jiddepożita l-flus; billi tali pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni mhumiex meħtieġa għal tipi oħra ta' kumpanija privata, u dan jissuġġerixxi li hemm problema speċifika fis-suq tas-servizzi finanzjarji; billi li kieku s-suq qiegħed jiffunzjona sew, istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jfallu finanzjarjament mingħajr il-bżonn ta' pjan ta' rkupru u riżoluzzjoni, u dan juri li l-problema tinsab fi ħdan l-istruttura ta', u l-interkonnessjonijiet bejn, l-istituzzjonijiet finanzjarji;

    AA.

    billi l-awtoritajiet superviżorji u tar-riżoluzzjoni għandhom jingħataw l-awtorità meħtieġa biex ikunu jistgħu jneħħu b’mod effikaċi l-ostakli għall-kapaċità ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-banek għandhom ikunu mġiegħla jagħtu prova tal-kapaċità ta’ riżoluzzjoni tagħhom; billi l-introduzzjoni ta’ reġimi ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni obbligatorji tipprovdi opportunità biex tiġi influwenzata l-istruttura bankarja, titnaqqas il-kumplessità tal-istituzzjonijiet u tillimita jew ittemm is-setturi u l-prodotti kummerċjali;

    AB.

    billi, fir-rigward tat-tmiem ta' garanzija impliċita li ħafna banek għandhom, fost l-għodda l-aktar importanti fir-reġim ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni propost mill-Kummissjoni hemm is-setgħa tal-awtoritajiet li jintervjenu kmieni, sew qabel ma s-sitwazzjoni ssir mhux vijabbli, biex jitolbu l-banek jibdlu l-istrateġija tan-negozju tagħhom, id-daqs jew il-profil tar-riskju sabiex tista' ssir riżoluzzjoni mingħajr rikors għal sostenn finanzjarju pubbliku straordinarju;

    AC.

    billi l-banek m'għandhom qatt ikunu daqshekk kbar li l-falliment tagħhom jikkawża riskji sistemiċi għall-ekonomija kollha u għalhekk jesiġu li l-gvern u l-kontribwenti jsalvawhom, u b'hekk tinġieb fi tmiemha l-problema li huma “wisq kbar biex ifallu”;

    AD.

    billi l-banek m’għandhomx aktar jikbru daqshekk – anke fi Stat Membru wieħed – li jikkostitwixxu riskju sistemiku f’nazzjon-stat bil-kontribwenti jkollhom iġorru l-prezz tat-telf;

    AE.

    billi s-settur bankarju tal-UE jibqa’ kkonċentrat ħafna: l4 grupp bankarju Ewropew li huma istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi globali (SIFIs), u 15-il bank Ewropew għandu 43 % tas-suq (f’termini tad-daqs tal-assi) u jirrappreżenta 150 % tal-PDG tal-UE-27, bl-Istati Membri individwali li saħansitra jirreġistraw proporzjoni akbar; billi l-propozjon tad-daqs tal-bank għall-PDG ittriplika mis-sena 2000; billi l-propozjon tad-daqs tal-bank għall-PDG kiber b’erba’ darbiet fil-Lussemburgu, l-Irlanda, Ċipru, Malta u r-Renju Unit; billi hemm firxa kbira ta' diversità fis-settur bankarju Ewropew kemm f'termini ta' daqs kif ukoll ta' mudell tan-negozju;

    AF.

    billi m'hemmx evidenza mill-passat li mudell ta' separazzjoni jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv biex tkun evitata kriżi finanzjarja futura jew li jonqos ir-riskju tagħha;

    AG.

    billi attwalment l-istat jiggrantixxi u jissussidja b'mod impliċitu s-sistema finanzjarja kollha permezz ta' sostenn ta' likwidità, ta' skemi ta' garanzija tad-depożiti u ta' programmi ta' nazzjonalizzazzjoni; billi huwa biss xieraq għall-istat li jiggarantixxi servizzi essenzjali li jiżguraw it-tmexxija mingħajr xkiel tal-ekonomija reali bħas-sistemi ta' pagamenti u l-faċilitajiet ta' overdraft; billi riforma stutturali hija sempliċement l-iżgurar li l-istat jiggarantixxi biss servizzi essenzjali u li s-servizzi mhux essenzjali jkunu fis-suq bi prezz;

    AH.

    billi s-swieq kapitali jeħtieġ li jkunu jistgħu jilħqu l-ħtiġijiet finanzjarji Ewropej fi żmien ta' self bankarju ristrett ferm; hemm ħtieġa fl-Ewropa għal żieda fid-disponibbiltà ta' sorsi ta' finanzjament alternattivi, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' alternattivi ta' suq ta' kapital, biex tonqos id-dipendenza fuq il-finanzjament mill-banek, kif identifikat fil-green paper tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea;

    AI.

    billi l-finanzjament tal-ekonomija reali mill-banek hi ogħla b'mod sinifikanti f'ħafna mill-Istati Membri aktar milli hi fir-Renju Unit jew fl-Istati Uniti;

    AJ.

    billi hemm xewqa kbira għal kompetizzjoni msaħħa fl-industrija bankarja Ewropea; billi l-ammont aggregat ta' rekwiżiti leġiżlattivi u regolatorji fuq il-banek, għalkemm verament meħtieġa għal ħafna raġunijiet, fihom riskju li joħolqu ostakli għad-dħul u, għalhekk, jiffaċilitaw it-tisħiħ tal-pożizzjonijiet tal-gruppi bankarji dominanti attwali;

    AK.

    billi s-settur bankarju tal-UE jrid iħabbat wiċċu ma' bidliet strutturali kbar li jirriżultaw minn bidliet fis-sitwazzjoni tas-suq u riformi regolatorji komprensivi bħall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ Basel III;

    AL.

    billi r-rapport tal-Kummissjoni Indipendenti dwar il-Banek u r-riformi Vickers fir-Renju Unit jiddikjaraw diversi drabi li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom huma approċċ ta' politika għall-banek tar-Renju Unit;

    1.

    Jilqa’ l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG dwar ir-riforma bankarja u jqishom kontribuzzjoni soda;

    2.

    Jilqa' l-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE tas-16 ta' Mejju 2013;

    3.

    Huwa tal-fehma li l-inizjattivi nazzjonali ta' riforma strutturali jeħtieġu qafas tal-UE biex jippreservaw u jostakolaw il-frammentazzjoni tas-suq uniku tal-UE, filwaqt li jirrispettaw id-diversità tal-mudelli bankarji nazzjonali;

    4.

    Huwa tal-fehma li l-proposti attwali għar-riformi tar-regoli tas-sistema bankarja tal-UE huma indispensabbli (inklużi d-Direttiva u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, id-Direttiva dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-inizjattivi ta’ bbankjar parallel); jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq direttiva għal riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE sabiex jindirizzaw problemi li jinqalgħu mill banek li “wisq kbar biex ifallu”, u jenfasizza li din għandha tkun kumplimentari għar-riformi msemmija hawn fuq;

    5.

    Jinsisti li valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni għandha tinkludi valutazzjonijiet tal-HLEG, Volker, Vickers, proposti Franċiżi u Ġermaniżi għal riforma strutturali, li għandha telenka l-ispejjeż, kemm għall-finanzi pubbliċi kif ukoll għall-istabbiltà finanzjarja, imposti mill-falliment ta' bank bbażat fl-UE waqt il-kriżi attwali, kif ukoll tal-ispejjeż potenzjali għas-settur bankarju tal-UE u l-konsegwenzi possibbli, pożittivi u negattivi għall-ekonomija reali, u li għandha tipprovdi informazzjoni dwar in-natura tal-mudell universali bankarju attwali tal-UE, inkluż id-daqs u l-karti tal-bilanċ tal-attivitajiet bl-imnut u ta' investiment tal-banek universali relevanti li joperaw fl-UE u dwar garanziji impliċiti possibbli li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-banek; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tissupplimenta il-valutazzjoni tal-ICTs tagħha b'analiżi kwantitattiva fejn possibbli, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi bankarja nazzjonali.

    6.

    Ifakkar lill-Kummissjoni bit-twissija maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li l-innovazzjoni finanzjarja tista’ xxekkel l-għanijiet tar-riformi strutturali, u jinsisti li r-riformi strutturali għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni perjodika (8);

    7.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar ir-regolament tas-settur bankarju parallel li tqis il-prinċipji tar-riforma strutturali bankarja li għaddejja;

    8.

    Iqis li l-objettiv ta' kull riforma bankarja għandha tkun li jagħti sistema bankarja sikur, stabbli, effettiv u effiċjenti li jopera f'ekonomija tas-suq kompetittiva u riżervi l-bżonnijiet tal-ekonomija reali, u tal-Konsumaturi u l-klijenti permezz tal-ċiklu ekonomiku; huwa tal-fehma li r-riforma strutturali għandha tistimola tkabbir ekonomiku billi tappoġġa l-għoti ta’ kreditu lill-ekonomija, b’mod partikolari lill-SMEs u n-negozji l-ġodda, tipprovdi kapaċità akbar ta’ rkupru kontra l-possibbiltajiet ta’ kriżi finanzjarja, terġa’ tkabbar il-fiduċja u l-kunfidenza fil-banek u tneħħi r-riskji fuq il-finanzi pubbliċi;

    A.    Il-prinċipji għal riforma strutturali

    9.

    Iqis li r-riforma strutturali għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

    riskji eċċessivi għandhom jitnaqqsu, il-kompetizzjoni għandha tiġi żgurata, il-kumplessità għandha titnaqqas u l-interkonnettività limitata billi tipprovdi għall-funzjonament separat ta' attivitajiet essenzjali, inkluż il-kreditu, il-ħlas, id-depożitu u attivitajiet oħra relatati mal-konsumaturi u attivitajiet riskjużi mhux essenzjali;

    governanza korporattiva għandha tittejjeb u għandhom jinħolqu inċentivi għall-banek biex jistabbilixxu strutturi organizzazzjonali tarsparenti, iżidu fir-responsabbiltà u jinfurzaw sistema ta' rimunerazzjoni responsabbli u sostenibbli;

    riżoluzzjoni u rkupru effettiv tal-banek u għandhom iseħħu billi jiġi żgurat li meta l-banek isru insostenibbli jitħallew ifallu u/jew jissolvew b'mod ordnat mingħajr il-ħtieġa ta' salvataġġ finanzjarju għal dawk li jħallsu t-taxxi.

    il-kunsinna ta' kreditu essenzjali, servizzi ta' ħlas u depożitu għandhom jiġu żgurati b'mod mhux affettwat minn problemi operattivi, telf finanzjarju, nuqqasijiet ta' finanzjament jew ħsara fir-reputazzjoni li tirriżulta u mir-riżoluzzjoni jew l-insolvenza;

    ir-regoli ta' ekonomija tas-suq kompetittiv għandhom jiġu rispettati b'tali mod li l-kummerċ u l-attivitajiet ta' investiment riskjużi ma jibbenefikawx minn garanziji jew sussidji impliċiti, mill-użu ta' depożiti assigurati jew minn salvataġġ finanzjarju għal għal min iħallas it-taxxa, u mhux l-attivitajiet ta' kreditu u depożitu għandhom iġorru r-riskji u l-ispejjeż assoċjati ma' dawk l-attivitajiet, iżda l-attivitajiet ta' kummerċ u investiment;

    kapital adegwat, ingranaġġ u likwidità għandhom ikunu disponibbli għall-attivitajiet bankarji kollha;

    l-entitajiet separati għandu jkollhom sorsi differenti ta' finanzjament, bl-ebda ċaqliq mhux meħtieġ ta' kapital u likwidità bejn dawn l-attivitajiet; il-provvista ta' regoli adegwati dwar kapital, ingranaġġ u likwidità għandha tiġi kkalibrata għall-mudelli tan-negozju tal-attivitajiet, inklużi karti tal-bilanċ separati, u tipprovdi limiti fuq l-espożizzjoni ta' attivitajiet essenzjali ta' kreditu u ta' depożitu għall-kummerċ mhux essenzjali u attivitajiet ta' investiment, fi ħdan jew 'il barra minn grupp bankarju;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-proposta tal-BĊE biex jiġi stabbilit kriterju ċar u li jista’ jiġi rinfurzat għas-separazzjoni; jenfasizza li s-separazzjoni għandha tippreserva s-suq uniku tal-UE u tipprevjeni l-frammentazzjoni tiegħu, filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-mudelli bankarji nazzjonali (9)

    11.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu valutati riskju sistemiku ppreżentat kemm mill-entitajiet separati kif ukoll mill-grupp kollu kemm hu, fejn jitqiesu bis-sħiħ espożizzjonijiet li mhux imdaħħla fil-karta tal-bilanċ;

    12.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-Istati Membri jaċċertaw li l-banek jkollhom fis-seħħ oqfsa għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċari u kredibbli li jinkludu kapital suffiċjenti għal attivitajiet ta' kreditu, ħlas u depożitu, obbligazzjonijiet għall-ippleġġjar intern u assi likwidi li jippermettuhom, fil-każ ta' falliment, li żżommu l-aċċess tad-depożitanti għall-fondi, jipproteġu servizzi essenzjali – b'mod partikolari attivitajiet ta' kreditu, ħlas u depożitu – mir-riskju ta' falliment diżordinat, iħallsu depożitanti fil-ħin u jevitaw effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja;

    13.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti, abbażi tal-qafas leġiżlattiv dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u għall-Irkupru u r-Riżoluzzjoni, jassiguraw li jkun hemm divrenzjar xieraq – f'termini ta' kapital, ingranaġġ, obbligazzjonijiet għall-ippleġġjar intern, riżervi ta' kapital u rekwiżiti ta' likwidità xierqa – bejn l-entitajiet separati, b'enfasi fuq rekwiżiti ta' kapital aktar għoljin għal attivitajiet riskjużi mhux essenzjali;

    B.    Il-governanza korporattiva

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-proposti stabbiliti fir-rapport tal-HLEG fil-qasam tal-governanza korporattiva ta’ banek separati fl-evalwazzjoni bir-reqqa tagħha tal-impatt ta' separazzjoni u alternattivi potenzjali, inklużi a) mekkaniżmi ta’ governanza u kontroll, b) ġestjoni tar-riskji, c) skemi ta’ inċentivi, d) żvelar tar-riskji u e) sanzjonijiet;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji (10);

    16.

    Huwa tal-fehma li d-direttiva adottata dan l-aħħar dwar is-superviżjoni prudenti ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment fiha qafas xieraq tar-rekwiżiti dwar il-governanza tal-banek, inkluż tal-membri tal-bord eżekuttiv u mhux eżekuttiv tagħhom;

    17.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin biex jintlaħaq ftehim dwar id-Direttiva proposta dwar l-Iskema għal Garanzija tad-Depożiti u żżid il-protezzjoni tal-konsumatur bl-introduzzjoni ta' preferenzi tad-depożitur;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-obbligu li l-membri tal-bord eżekuttiv kollha f'entità ta' bank ikunu responsabbli bħala membri tal-bord eżekuttiv għal din l-entità tal-bank biss;

    19.

    Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet li jintroduċu responsabbiltà personali għall-membri tal-bord; jissuġġerixxi li f'dan il-kuntest il-Kummissjoni għandha tesplora kif jista' jitħeġġeġ ritorn lejn il-mudell ta' sħubija tal-ġestjoni tal-kumpaniji;

    20.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-ABE jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u komprensiva tal-qafas leġiżlattiv dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital, b'attenzjoni partikolari għad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens u r-remunerazzjoni; jistieden lill-ABE u lill-Kummissjoni jippreżentaw rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet relevanti mill-Istati Membri; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bir-riforma tal-kultura ta’ kumpens u rimunerazzjoni tal-banek billi tagħti prijorità lill-inċentivi fit-tul għal rimunerazzjoni li tvarja b’perjodu itwal ta’ differiment sal-irtirar kif ukoll biex jippromwovu t-trasparenza inklużi talanqas spjegazzjonijiet u valutazzjonijiet fuq firxiet interni ta' rimunerazzjoni, bidliet relevanti u devjazzjonijiet settorjali komparattivi;

    21.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li s-sistemi ta’ rimunerazzjoni jagħtu prijorità lill-użu ta’ strumenti bħal bonds soġġetti għal rikapitalizzazzjoni, u ishma, aktar milli kontanti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital;

    22.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li s-sistemi ta’ kumpens u rimunerazzjoni fil-livelli kollha ta’ bank jirriflettu r-rendiment ġenerali u jkunu ffukati fuq servizz tal-konsumaturi ta’ kwalità u stabbiltà finanzjarja fit-tul aktar milli fuq profitti immedjati, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital;

    23.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi reġimi ta’ sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati għal persunal legali u naturali, u l-pubblikazzjoni tal-livelli ta’ sanzjonijiet u tal-informazzjoni dwar dawk li jiksru r-regoli;

    24.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel dispożizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti, u kif applikabbli l-mekkaniżmu uniku ta' kontroll (SSM), jikkonformaw mal-prinċipji tar-riforma strutturali.

    25.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li jiġu allokati riżorsi u setgħat adegwati lis-superviżuri nazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti ta' superviżjoni inkluż l-MSU;

    26.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel studju biex jiġi żgurat li l-istandards ta' kontabilità użati mill-istituzzjonijiet finanzjarji jagħtu stampa ġenwina u ġusta tas-saħħa finanzjarja tal-banek; jirrimarka li l-kontijiet huma s-sors ewlieni ta' informazzjoni għall-investitur biex ikun jista' jifhem jekk kumpanija hijiex f'periklu li tiġi likwidata; jinnota li l-awdituri jistgħu japprovaw biss kontijiet jekk dawn ikunu veri u ġusti, indipendentement mill-istandards finanzjarji użati minn dawk li jippreparaw rendikonti finanzjarji; jemmen li jekk l-awdituri mhumiex ċerti jekk kumpanija hijiex f'periklu li tiġi likwidata ma għandhomx japprovaw il-kontijiet ta' kontabilità tal-kumpanija, anke jekk dawn ikunu tfasslu skont l-istandards ta' kontabilità; dan madanakollu għandu jservi ta' mutur għal ġestjoni aħjar tal-kumpanija kkonċernata; jissuġġerixxi li standards internazzjonali ta' rappurtar finanzjarju mhux bilfors jagħtu stampa vera u ġusta tal-kontijiet ta' kontabilità, kif jidher fħafna eżempji ta' banek li fallew finanzjajrament minkejja li l-kontijiet ta' kontabilità tagħhom ġew approvati mill-awdituri;

    C.    It-tisħiħ tal-kompetizzjoni ġusta u sostenibbli

    27.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ kompetizzjoni effettiva sabiex tiġi żgurata sistema bankarja li taħdem tajjeb u effiċjenti u li tiffinanzja l-ekonomija reali billi tiżgura l-aċċess universali għal servizzi bankarji u tnaqqas l-ispejjeż tas-servizzi bankarji; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li regoli ta' superviżjoni, fost dispożizzjonijiet oħra, gaħndhom iqisu l-profil tar-riskju, l-ambitu reġjonali u l-mudell kummerċjali tal-istituzzjonijiet rispettivi;

    28.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu diversifikazzjoni akbar tas-sistema bankarja tal-UE billi jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw sistema bankarja orjentata aktar lejn il-konsumatur, pereżempju permezz ta’ kooperattiva, soċjetà immobiljari, self bejn il-pari, finanjzament kollettiv u mudelli ta’ banek ta’ tfaddil, fejn jiġu żvelati b'mod trsparenti l-livelli differenti ta' riskju għall-konsumatur;

    29.

    Jinnota li, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u l-istabbiltà tas-sistema bankarja Ewropea, huwa importanti li tiġi indirizzata b'mod effettiv il-kwistjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji sistematikament importanti (jiġifieri dawk li huma kbar wisq biex ifallu), li l-problemi tagħhom wasslu għal eskalazzjoni fl-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja, billi tiġi razzjonalizzata l-iskala tal-attivitajiet tal-gruppi bankarji u billi titnaqqas id-dipendenza fejn il-gruppi huma kkonċernati;

    30.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib modi li jħeġġu u jippromwovu “self ibbażat fuq relazzjoni” jew “self ibbażat fuq l-għarfien” fl-inizjattivi leġiżlattivi. Dawn għandhom jimmiraw li jevitaw approċċ “immarka l-kaxxa” u minflok jiffokaw fuq il-promozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u etiku għal dawk jagħmluha ta' intermedjarji u li jsellfu lin-negozji;

    31.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu bħala objettiv ċar tagħhom il-promozzjoni u l-iżgurar ta' kompetizzjoni effettiva, u biex iħeġġu diversità u orjentazzjoni lejn il-klijent akbar fis-settur bankarju tal-UE;

    32.

    Jitlob lill-Kummissjoni tressaq miżuri jintroduċu l-portabilità tal-kont u li li jippromwovu websajts aċċessibbli li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet u s-saħħa finanzjarja tal-banek u b'hekk issaħħaħ id-dixxiplini permezz ta' qlib tal-konsumatur infurmat minn bank għal ieħor u jgħinu billi jtejbu l-għażla tal-konsumatur fis-settur bankarju billi jnaqqsu l-ostakoli għal dħul u ħruġ u japplikaw regoli proporzjonati għall-klijenti ġodda fis-suq;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq ir-riformi strutturali meħtieġa speċifikati f’dan ir-rapport, li, filwaqt li jżommu l-integrità tas-suq intern, jirrispettaw id-diversità tas-sistemi bankarji nazzjonali u jiżguraw rwol b'saħħtu għall-ABE biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta fl-UE kollha;

    o

    o o

    34.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/high-level_expert_group/report_en.pdf

    (2)  http://www.oecd.org/finance/financial-markets/Implicit-Guarantees-for-bank-debt.pdf

    (3)  http://www.oecd.org/daf/fin/financial-markets/44357464.pdf

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0427.

    (5)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ecofin/136487.pdf

    (6)  COM(2012)0778.

    (7)  “Reassessing the impact of finance on growth”, minn Stephen G. Cecchetti u Enisse Kharroubi, id-Dipartiment Monetarju u Ekonomiku tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, Lulju 2012: http://www.bis.org/publ/work381.pdf

    (8)  http://www.eba.europa.eu/cebs/media/Publications/Other%20Publications/Opinions/EBA-BS-2012-219--opinion-on-HLG-Liikanen-report---2-.pdf and http://www.ecb.int/pub/pdf/other/120128_eurosystem_contributionen.pdf

    (9)  http://www.ecb.int/pub/pdf/other/120128_eurosystem_contributionen.pdf

    (10)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 7.


    Top