EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE6638

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” (opinioni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” (opinioni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 226/01

Relatur: is-Sur Siecker

Korelatur: is-Sur Ribbe

Nhar it-18 ta' Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fit-3 ta' Marzu 2014.

Matul il-297 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta' Marzu 2014 (seduta tal-25 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'123 vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-progress fit-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju qed iseħħ bil-mod wisq. Jekk l-UE trid tilħaq l-għanijiet għall-2050, kif inhuma stabbiliti f'diversi dokumenti tal-Kummissjoni, maqbulin mill-Istati Membri u bl-appoġġ ta' diversi Opinjonijiet tal-KESE, b'mod kosteffettiv u soċjalment aċċettabbli, irridu nħaffu l-proċess. Dan jista' jintlaħaq permezz ta' qafas regolatorju ċar u effettiv, flimkien ma' strumenti bbażati fuq is-suq li jirriżultaw minnu u li jkunu prevedibbli. L-għanijiet tat-tnaqqis tal-karbonju kif miftiehma mill-Istati Membri huma mfassla biex inaqqsu r-rata tat-tnaqqis tar-riżorsi u t-tisħin globali sabiex tiġi evitata kriżi ambjentali futura. L-għan għalll-perjodu ta' żmien medju biex dan jintlaħaq se jkollu jinkludu espansjoni kbira tal-enerġijji rinnovabbli, u tnaqqis gradwali u sostanzjali tal-faħam sakemm ma jirriżultax li l-qbid tal-karbonju (carbon capture) ikun vijabbli u soċjalment aċċettabbli.

1.2

L-effett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' bħalissa tefa' l-enfasi fuq l-ipprezzar tal-enerġija minħabba l-impatt tal-prezzijiet għolja tal-enerġija fuq l-ispejjeż tal-enerġija għad-djar fil-kuntest tal-awsterità u l-kompettitività. L-enerġija titqies bħala piż li jxekkel l-irkupru pjuttost milli parti mis-soluzzjoni. Filwaqt li dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat, huwa kruċjali li s-settur tal-enerġija b'mod partikolari jkun jista' jopera bi programm fuq perjodu ta' żmien twil għal tranżizzjoni fejn ikun hemm impenn kemm għal direzzjoni ċara kif ukoll għal stabbiltà fid-diversi politiki u l-mekkaniżmi ta' appoġġ relatati. L-importanza tal-istrumenti bbażati fuq is-suq hija li dawn għandhom iressqu 'l quddiem it-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku.

1.3

Ir-riforma fiskali ambjentali għandha l-għan li tuża mekkaniżmi tas-suq biex tindirizza riperkussjonijiet negattivi relatati mal-użu ta' riżorsi naturali: dan isir b'mod li ma jkollux effetti baġitarji billi jitnaqqsu l-piżijiet tat-taxxi fuq ix-xogħol. Fl-istess ħin, ir-riforma fiskali ambjentali timplimenta l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas b'mod aktar sistematiku, permezz tal-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali u permezz tat-trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis. B'riżultat t'hekk, ir-riforma tikkoreġi fallimenti tas-suq, ittejjeb l-effiċjenza ekonomika, tgħin biex jiżviluppaw industriji ġodda li jipprovdu impjiegi sostenibbli u lokali, toħloq ambjent ċar u prevedibbli għal investimenti ekoinnovattivi, u tikkontribwixxi għar-restwar tal-istabbiltà fiskali wara r-reċessjoni billi toħloq dħul addizzjonali.

1.4

Il-prezzijiet tal-enerġija għolew fis-setturi kollha. Dan qed joħloq reazzjoni negattiva mill-familji u mill-industrija f'ħafna Stati Membri. Tinħtieġ riċerka dettaljata biex tistabbilixxi l-oriġini ta' din iż-żieda (produzzjoni, distribuzzjoni, taxxi), u tiddetermina fejn l-enerġijji rinnovabbli kkontribwixxew għal prezzijiet ogħla tal-elettriku u fejn wasslu għal prezzijiet stabbli jew orħos. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimxu 'l quddiem b'sensittività bir-riforma fiskali ambjentali, b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi, u jħejju għal riforma aktar fundamentali fis-sistemi fiskali tagħhom meta jasal iż-żmien. Element ewlieni ta' din ir-riforma għandu jkun l-assigurazzjoni ta' prezzijiet tal-karbonju li jkunu adatti fl-UE u, għaldaqstant, anke f'livell globali maqbul. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel ir-riforma fiskali ambjentali parti integrali u permanenti mis-semestru Ewropew, b'enfasi partikolari biex tiġi inkoraġġita l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

1.5

Bħalissa l-użu tal-istrumenti bbażati fuq is-suq mhuwiex konsistenti u koerenti biżżejjed. L-Istati Membri tal-UE ma jisfruttawx bis-sħiħ l-opportunitajiet li toffri t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għall-innovazzjoni u l-immodernizzar tal-industrija u biex jissaħħaħ l-impjieg. Is-settur awtomobilistiku huwa eżempju tajjeb kif l-għan biex jitnaqqas l-użu tal-fjuwils idrokarburi ntlaħaq b'suċċess bl-użu ta' taħlita tajba ta' strumenti regolatorji u oħrajn ibbażati fuq is-suq. Hemm bżonn li nsaħħu u ntejbu l-istrumenti bbażati fuq is-suq b'mod li jibgħat sinjal qawwi lis-swieq. Il-Kumiktat jitlob lill-Istati Membri biex isegwu u jimplimentaw il-prinċipji tal-aħjar prattika adottati reċentament fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-swieq interni tal-enerġija u l-gwida ta' akkumpanjament (1). Ma għandux ikun hemm dubju li l-ikkompletar tas-suq uniku se jneħħi d-differenzi kbar fil-prezzijiet tal-enerġija fost l-Istati Membri. Barra dan, l-ikkompletar tan-netwerks tal-enerġija bejn l-istati għandu jnaqqas l-ispiża tat-tranżizzjoni għall-enerġiji rinnovabbli minħabba li l-impjanti ta' riżerva jsiru disponibbli b'mod aktar mifrux.

1.6

Minbarra l-politiki relatati mal-enerġija, il-Kumitat jinnota li l-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jintużaw aktar billi jiġu applikati għal strateġiji oħra biex jittejjeb l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju bħalma huma r-riċiklaġġ, il-ġestjoni tal-iskart aktar sostenibbli u l-agrikoltura aktar sostenibbli.

1.7

Ir-riforma tat-taxxi ambjentali tħeġġeġ ċaqliq fil-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq l-użu tar-riżorsi, u b'hekk tiffaċilita ż-żamma tal-impjiegi eżistenti u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda ġewwa bosta setturi ekonomiċi. Inkella f'xi setturi partikolari bħal dak tal-enerġija, jistgħu jiġu intaxxati l-emissjonijiet dannużi tas-CO2 prodotti mill-fjuwils fossili u d-dħul jintuża biex jissussidja l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda iktar nodfa bħal dawk rinovabbli u l-effiċjenza fl-enerġjia bil-għan li tintlaħaq taħlita ta' enerġija ħafna iktar sostenibbli waqt li l-preżżijiet u l-kontijiet tal-enerġija jinżammu fl-livell iktar affordabbli. Din tista' tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni fiskali b'impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg li jkun iżgħar minn dak ta' taxxi diretti jew indiretti oħrajn. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taqdi rwol ta' koordinazzjoni u tixpruna l-promozzjoni tar-riforma tat-taxxi ambjentali.

1.8

Il-Kumitat iqis li mhuwiex aċċettabli li l-attivitajiet li jagħmlu ħsara ambjentali u mhumiex ġustifikati għadhom jiġu ssussidjati fl-UE direttament mill-baġits pubbliċi u indirettament bħala “spejjeż esterni” li mhumiex internalizzati fil-prezzijiet tal-prodotti minħabba nuqqas ta' implimentazzjoni tal-“prinċipju ta' min iniġġes iħallas”. Dawn is-sussidji joħolqu distorsjoni fis-swieq u jxekklu t-transizzjoni għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-UE ilha impenjata għal diversi snin sabiex tneħħi gradwalment is-sussidji ta' ħsara ambjentali, u biex tinternalizza l-ispejjeż esterni. Minħabba l-għan tal-UE ta' tneħħija ta' dawn is-sussidji sal-2020, il-Kumitat huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' attivitajiet suffiċjenti. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu inventarji u pjanijiet ta' azzjoni għat-tneħħija tas-sussidji ta' ħsara ambjentali kif previst fl-għan. Il-Kummissjoni għandha tkun il-fattur ewlieni li jikkoordina u jmexxi f'dan il-qasam ukoll, ngħidu aħna billi tinkludih fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

1.9

L-enerġija mix-xemx u mir-riħ għandha impatt ambjentali ħafna inqas minn dik mill-fjuwils fossili. L-aħjar forom ta' produzzjoni tal-enerġija nadifa jikkunsidraw l-interessi soċjali u ambjentali kif ukoll il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, iżommu l-produzzjoni f'pajjiżha u jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija, kif ukoll joħolqu impjiegi ġodda. Madankollu l-enerġija nadifa ma tistax tikkompeti fis-suq fuq l-istess livell għax kemm l-enerġija mill-fjuwils fossili kif ukoll dik nukleari jirċievu sussidji (diretti u indiretti) fuq livell ogħla milli l-enerġija mis-sorsi rinovabbli. L-enerġija nadifa trid tingħata opportunità ġusta biex tiżviluppa. Dan jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-produzzjoni tal-enerġija.

1.10

Għalkemm l-għan ġenerali ta’ tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huwa ġeneralment aċċettat, il-ħeffa ta’ tranżizzjoni u l-metodi magħżula għadhom jiġu diskussi b'mod intensiv. Hemm tħassib dwar x'jiġri fin-nuqqas ta' rikonoxximent tal-impatt tar-riċessjoni u l-kriżi tad-dejn fuq il-kapaċità li tiflaħ għaliha l-ekonomija tal-Ewropa. Hemm ukoll tħassib li t-tħaffif tal-miżuri ta' tranżizzjoni, fil-perjodu ta' żmien qasir sa medju ser ikun ta’ ħsara għall-kapaċità kompetittiva. Fl-aħħar nett, bħalissa hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-benefiċċji ekonomiċi li l-miżuri tranżitorji se jġibu u hemm sentiment li effetti negattivi qed jiġu injorati. Din l-Opinjoni tirrikonoxxi dan it-tħassib u tagħraf li dan se jkun suġġett ta’ diskussjoni kontinwa. Madankollu, il-Kumitat jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżidu s-sens ta’ urġenza fit-twettiq b’suċċess tal-futur b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Istati Membri Ewropej ma kienux attivi biżżejjed biex jaġġustaw l-ekonomiji tagħhom għat-tibdil tal-klima. Fl-UE kien hemm dibattitu komprensiv u fundamentali dwar jekk huwiex meħtieġ li s-soċjetà tiġi adattata għall-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima. Minn dan ħareġ qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż titjib ekoloġiku (greening) tal-ekonomija. Din id-direzzjoni politika hija kkonfermata f'diversi dokumenti: l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli 2001, u riveduta fl-2006, is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, l-inizjattiva ewlenija 'Ewropa effiċjenti fir-riżorsi' taħt l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi, u l-Pjan Direzzjonali għal mixja lejn ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050. Il-Kumitat appoġġa din l-ambizzjoni f'diversi Opinjonijiet.

2.2

Fl-aħħar ħames snin l-Istati Membri kollha ffaċċjaw, sa ċertu punt, l-isfidi li rriżultaw mill-kriżi bankarja u l-kriżi tad-dejn sovran, li lkoll kienu aggravati mit-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. L-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija għad-djar u l-industrija fil-kuntest tal-awsterità u fil-kuntest ta’ kompetizzjoni globali bi prezz iktar baxx qajmet mistoqsijiet dwar il-mod li bih qed tiġi implimentata l-politika tal-UE dwar l-ambjent u l-enerġija minħabba l-effetti sekondarji negattivi potenzjali tagħha. Is-sitwazzjoni hija kritika u jeħtieġ li tiġi indirizzata. L-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom jiġu applikati b’mod li jagħtu riżultati kemm fuq l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija kif ukoll biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku.

2.3

Għalkemm id-dibattitu nħoloq parzjalment minħabba t-tibdil fil-klima, id-diskussjoni hija wkoll dwar l-ekonomija u l-progress soċjali. L-Ewropa għandha ħafna x'tirbaħ jekk tmexxi t-transizzjoni għal ekonomija inklużiva u ekoloġika. Studju reċenti tal-Kummissjoni kkonferma li l-industrija Ewropea s'issa żammet il-pożizzjoni tagħha fis-suq dinji bis-saħħa tal-intensità relattivament baxxa tal-użu tagħha tal-enerġija u l-użu mifrux tal-enerġiji rinnovabbli (2). Il-Kumitat ġibed l-attenzjoni dwar l-opportunità li l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbionju tipprovdi għal mudelli ġodda ta' negozju sostenibbli u għall-bidla industrijali (3). Transizzjoni li tirnexxi u rapida mhijiex biss sfida, iżda dan il-mudell ekonomiku u ekoloġiku joffri wkoll lill-Unjoni l-aħjar opportunità biex tibqa' poter ekonomiku dinji. Fl-istess waqt hemm tħassib li fuq perjodu ta' żmien qasir il-prezzijiet tal-enerġija huma wieħed mill-fatturi li jwasslu għad-deindustrijalizzazzjoni u dan dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat. B'mod partikolari l-industriji b'intensità enerġetika għolja qed jintlaqtu mill-preżżijiet baxxi tal-gass fl-Istati Uniti u fir-Russja. Madanakollu, għall-maġġoranza kbira tal-industriji l-ispejjeż tal-enerġija jibqgħu fattur inqas sinifikanti fil-kompetittività mill-produttività u l-ispejjeż tax-xogħol inġenerali. Il-Kummissjoni għamlet il-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju bħala element kruċjali tal-inizjattiva ewlenija tagħha għall-promozzjoni ta' industrija Ewropea aktar b'saħħitha (4) iżda issa ġibdet ukoll l-attenzjoni għall-fatt li t-tranżizzjoni għandha ssir b'mod li tikkunsidra r-realtajiet ekonomiċi u politiċi attwali (5).

2.4

M'hemmx dubju li t-transizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għandha żżid is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Illum il-ġurnata l-Ewropa timporta aktar minn kemm jiswew EUR 500 biljun f'gass u żejt, parzjalment minn reġjuni politikament mhux stabbli. Is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet ta' fjuwil bil-produzzjoni tal-enerġija b'livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-UE se żżid ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea u tgħin biex il-ktajjen ta' valur jinżammu fl-Ewropa. Jekk din it-transizzjoni ssir f'waqtha, b'ġestjoni intelliġenti tal-pass tal-bidla u bil-bilanċ ġust bejn l-interessi ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali, din tkun tista' taqdi rwol ewlieni biex tingħeleb il-kriżi ekonomika.

2.5

Din it-transizzjoni ma tistax isseħħ għad-detriment tal-kompetittività tal-Ewropa u r-rekwiżit bażiku huwa livell ogħla ta’ attività ekonomika li tinvolvi aktar negozji f’numru akbar ta' setturi li jimpjegaw aktar nies. F’dan il-kuntest, huwa impossibbli li ninjoraw l-impatt ta’ enerġija rħisa, prinċipalment mill-gass tax-shale li wassal biex il-manifattura tal-Istati Uniti terġa' tqum fuq saqajha. L-ekonomija tal-UE tinħtieġ ħafna qawmien industrijali bħal dan biex in-nies jerġgħu jsibu x-xogħol u jiżdied id-dħul mit-taxxi. Parti minn dan it-tip ta' qawmien se tkun teħtieġ aktar ċertezza u kapaċità akbar tal-politika tal-enerġija tal-UE biex tirreaġixxi għal pressjonijiet globali, filwaqt li tinżamm l-aġenda ġenerali ta' ekonomija b’livell baxx ta’emissjonijiet tal-karbonju.

2.6

L-għan tal-UE huwa li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu bi 80 sa 95 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990. Il-Kummissjoni tistma li kull sena 1,5 % addizzjonali tal-PDG Ewropew għandu jiġi investit fit-transizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju sabiex jinkiseb dak l-għan. Jekk ma jsir xejn, il-Kummissjoni tistma li jkun hemm spiża ta' EUR 50 biljun fis-sena. Madankollu, għal għaxriet ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE li jinsabu qiegħda jew qed iġarrbu standards tal-għajxien inferjuri dawn l-“ispejjeż futuri” huma ħafna inqas reali mid-diffikultajiet preżenti. Sakemm ma tiġix riżolta din l-ansjetà li qed tidher, jistgħu jkunu meħtieġa konsiderevolment aktar ħin u flus biex jinkiseb l-għan.

2.7

L-ambizzjoni u r-regolamenti huma prinċipalment kliem; il-politika hija msejsa fuq fatti. Ma ttieħditx biżżejjed azzjoni fir-rigward tal-għanijiet. Hemm bosta raġunijiet għal dan: il-kriżi finanzjarja, nuqqas ta' azzjoni mill-Istati Membri, bidla tal-politika fid-direzzjoni opposta mill-Istati Membri u oppożizzjoni mill-industrija tal-gass u ż-żejt. Però, barra dan hemm inċertezzi u aġġustamenti ġenwini kkawżati mill-impatt mhux mistenni ta' żviluppi jew avvenimenti ġodda, pereżempju l-iżvilupp mgħaġġel tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti u Fukushima. It-tipi ta' politiki ta' 'waqfien u bidu mill-ġdid' li jirriżultaw minn dan ma jipprovdux il-qafas stabbli u prevedibbli li hemm bżonn. Biex il-proċess tat-tranżizzjoni jitkompla mingħajr dewmien għandna bżonn bilanċ bejn il-flessibiltà fil-politiki bl-impenn meħtieġ għal investiment fuq perjodu ta' żmien twil u firxa ta' strumenti bbażati fuq is-suq li jservu ta' appoġġ. Dan jitlob djalogu intensiv bejn il-partijiet interessati kollha fil-katina tal-enerġija, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, l-industrija u l-pubbliku ġenerali.

2.8

Bħas-swieq kollha, is-suq tal-enerġija jirreaġixxi għas-sinjali tal-prezzijiet fi ħdan il-qafas regolatorju fis-seħħ. Jekk is-suq tal-enerġija mhux qed jipprovdi t-taħlita tal-enerġija prevista fil-pjan ta' tranżizzjoni allura s-sinjali tal-prezzijiet huma ħżiena. Is-sinjali jistgħu jiġu mibdulin iżda għandu jiġi żgurat li l-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali ma jiġux żvataġġati bil-kbir.

2.9

Il-bidla għal ekonomiija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għandha tikkunsidra l-impatti soċjali, b'mod partikolari fuq l-impjiegi. Il-Kummissjoni ddikjarat li t-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika kien pożittiv matul ir-reċessjoni u huwa previst li jibqa' pjuttost b'saħħtu. Is-setturi tal-użu effiċjenti tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli waħidhom jistgħu joħolqu 5 miljun impjieg sal- 2020 (6). Transizzjoni ġusta t

eħtieġ politiki ta' impjieg attivi sabiex tiżgura impjiegi deċenti. Għal dan huwa kruċjali li jkun hemm qawmien tal-ekonomija u tar-rekwiżiti assoċjati magħha f'termini ta' poltika tal-enerġija, infrastruttura u swieq. L-impatti fuq familji bi dħul baxx u fuq il-prezzijiet tal-enerġija għandhom jiġu kkunsidrati b'attenzjoni. Barra minn hekk, fis-settur tal-enerġija, il-prezzijiet tal-enerġija spiss ma jirriflettux b'mod korrett l-ispejjeż veri ta' sorsi differenti tal-enerġija. Għall-kuntrarju tal-prezz tal-enerġija rinnovabbli ħafna mill-ispejjeż għall-enerġija konvenzjonali mhumiex irrappurtati separatament fil-prezzijiet tal-enerġija u ma jitħallsux għalihom fil-kontijiet tal-enerġija; minflok, dawn jiġu assorbiti bħala sussidji mill-baġit tal-gvern u jiġu moħbija f'forma ta' spejjeż esterni għall-effetti ħżiena fuq is-saħħa u l-ambjent.

2.10

Il-qasam kumpless tal-prezzijiet tal-enerġija u l-impatt tal-ispejjeż kemm fuq il-konsumaturi domestiċi kif ukoll fuq dawk industrijali ġie eżaminat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa (7). Waħda mill-konklużjonijiet hija li l-miżuri ffinanzjati “mill-komponent tat-taxxa u l-imposta, relatati mal-politika tal-enerġija, fil-prezzijiet”, il-qasam li ra l-akbar żieda f’dawn l-aħħar snin, għandhom jiġu applikati b’mod kemm jista’ jkun kosteffettiv.

3.   L-istrumenti bbażati fuq is-suq

3.1   Kummenti ġenerali

3.1.1

Tfassal ammont mhux ħażin ta' regolamentazzjoni tal-UE biex jintlaħaq tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju. Qafas regolatorju waħdu mhux se joffri s-soluzzjoni; jinħtieġu inċentivi finanzjarji u ekonomiċi bbażati fuq il-prinċipju tal-inċentivi u s-sanzjonijiet sabiex iservu ta' bażi għat-transizzjoni. L-istrumenti bbażati fuq is-suq, bħalma huma t-taxxi ambjentali, l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u r-riforma tas-sussidji, għandhom rwol importanti f'dak il-proċess (8).

3.1.2

Dawn l-istrumenti jistgħu jbiddlu r-riżultat tal-attività tas-suq minħabba li jtejbu s-sistema tas-sinjali tal-prezzijiet billi jinternalizzaw l-ispejjeż esterni u joffru iktar flessibbiltà għan-negozji biex jilħqu l-objettivi u jinkoraġġixxu l-effiċjenza u l-innovazzjoni.

3.1.3

L-UE u l-Istati Membri żviluppaw ċerti għodod, bħalma huma r-riforma tat-taxxi ambjentali, it-tneħħija gradwali ta' sussidji li jagħmlu l-ħsara, in-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-akkwist ekoloġiku. Fil-prinċipju, l-istrumenti disponibbli jistgħu jkunu effettivi. Il-problema hija l-implimentazzjoni fil-leġislazzjoni, l-applikazzjoni adatta, il-kontroll u l-infurzar, u li dan isir f'kuntest fejn jiġi żgurat l-appoġġ għaċ-ċittadin. Jekk din il-katina ma tiġix żviluppata biżżejjed hemm riskju reali li l-istrumenti ma jaħdmux tajjeb u jwasslu għal riżultati ta' standard inferjuri filwaqt li jġibu magħhom spejjeż żejda għall-familji u l-industrija. Xhieda ta' din l-inkoerenza huma d-differenzi qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija bejn l-Istati Membri.

3.1.4

Jekk l-UE trid li tilħaq l-għanijiet tagħha għal livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju, hemm bżonn inħaffu l-proċess u nikkonvinċu l-opinjoni pubblika. Neħtieġu nsaħħu l-iffrankar tal-enerġija u nissostitwixxu l-provvista tal-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili bl-enerġija rinnovabbli – dawn it-tnejn huma fatturi ewlenin fit-transizzjoni għal ekonomija ekoloġika. Fit-tranżizzjoni minn provvista tal-enerġija mill-karbonju għal dik rinnovabbli, għandhom jiġu previsti fjuwils ta' riżerva u stadji intermedji li jużaw ngħidu aħna l-gass jew l-enerġija nukleari. Il-mod kif l-Istati Membri japplikaw l-istrumenti disponibbli ma jipprovdix stimolu b'saħħtu biżżejjed biex is-suq jaħdem aħjar. Strumenti importanti bħat-taxxi ekoloġiċi mhux qed jintużaw kemm suppost.

Fil-biċċa l-kbira dan hu minħabba li t-taħlita tal-enerġija disponibbli għal kull Stat Membru tvarja b'mod konsiderevoli skont il-ġeografija, il-klima, ir-riżorsi naturali u l-istorja, il-pjanijiet ta' azzjoni għat-tnaqqis tas-CO2 tal-Istati Membri u l-użu tagħhom tal-istrumenti bbażati fuq is-suq.

3.1.5

Fil-fehma tal-Kumitat, l-enerġija rinnovabbli għandha tkun parti mit-taħlita u għandha tingħata prijorità b'mod li jassigura li l-politiki tal-enerġija jappoġġjaw kemm l-iżvilupp ekonomiku kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Minkejja dan, għalkemm iċ-ċirkostanzi tal-Istat Membru jvarjaw, il-KESE huwa ħerqan li jara grilji tal-enerġija transEwropej lesti malajr kemm jista’ jkun. Dawn il-konnessjonijiet jistgħu jżidu riżorsa addizzjonali siewja għal kull strateġija nazzjonali.

3.1.6

Il-politika ambjentali għandha tkun marbuta mill-qrib ma' oqsma oħra ta' politika. Il-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-elettriku f'żoni rurali tista' toħloq ħafna impjiegi addizzjonali. Bil-fondi li jirriżultaw mill-għaqda tal-politika ambjentali mal-politika reġjonali, il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali tkun tista' tittejjeb b'mod sinifikanti.

3.2   It-taxxi ambjentali

3.2.1

L-idea wara taxxi bħal dawn hija dik li jiddaħħal prezz għall-attivitajiet ekonomiċi li jniġġsu l-ambjent biex b'hekk jintwerew l-ispejjeż vera tal-produzzjoni u l-konsum li ma jidhrux fil-prezzijiet tas-suq, u dan skont il-“prinċipju ta' min iniġġes iħallas”. Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Polonja, fejn in-negozji li jniġġsu għandhom jagħtu ħlas għall-Fond Nazzjonali għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Ġestjoni tal-Ilma li minnu jingħataw inċentivi ta' ħlas għal programmi ta' sostenibbiltà. Id-dritt li jiġu imposti taxxi diretti u indiretti fl-UE huwa f'idejn l-Istati Membri. Hemm biss għadd limitat ta' Stati Membri li għandhom taxxi ambjentali speċifiċi; jeżistu xi eżempji tajbin (jiġifieri l-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka, il-Pajjizi l-Baxxi, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Estonja). Il-livell ta' bidla fit-taxxa jvarja fost l-Istati Membri; l-ammont totali ta' flus involuti huwa stmat li jlaħħaq aktar minn EUR 25 biljun fis-sena (9).

3.2.2

Minkejja s-suċċess tat-taxxi ambjentali f'xi Stati Membri, ir-riforma tat-taxxi ambjentali ma tilħaqx il-potenzjal sħiħ tagħha, li ġġib bidla estensiva fil-politika fiskali. Għandu jiġi enfasizzat li r-riforma tat-taxxi ambjentali toffri opportunitajiet kbar ħafna, b'mod partikolari bħala parti mill-miżuri għall-irkupru tal-impjiegi. Jekk jitwettaq fil-prattika l-motto tal-Kummissarju Hedegaard, “intaxxa dak li tuża, u mhux il-qligħ”, u l-piżijiet tat-taxxa jgħaddu mix-xogħol għall-użu tar-riżorsi, allura jonqsu l-ispejjeż tax-xogħol għal min iħaddem u jitħaffef il-ħolqien ta' impjiegi ġodda, mhux biss fin-“niċeċ ekolġiċi” iżda f'bosta setturi ekonomiċi. Ir-riforma tat-taxxi ambjentali għandha tkun bażi għar-ristrutturar ġenerali meħtieġ fil-finanzi tal-gvern bil-għan ta' konsolidazzjoni fiskali. Naturalment riforma ta' din ix-xorta ma għandhiex iżżid il-piż globali tat-taxxa, u għandha tkun kosteffettiva u ekoeffiċjenti. Għandhom jiġu eviatati ż-żidiet fil-prezz tal-enerġija li jmorru lil hinn mill-ambitu ta' ffrankar tal-ispejjeż permezz tal-effiċjenza.

3.2.3

Ir-riforma tat-taxxi ambjentali tista' tgħin ukoll fl-irkupru minn defiċits fiskali. It-taxxi ambjentali jistgħu jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni fiskali filwaqt li jkollhom inqas impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg minn taxxi diretti jew indiretti oħra bħalma huma t-taxxa fuq id-dħul jew il-VAT (10). Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-approċċ tagħha biex tikkunsidra l-benefiċċji tar-riformi tat-taxxi ambjentali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fis-semestru Ewropew.

3.3   It-tneħħija gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara

3.3.1

L-UE għandha l-għan li, sal-2020, tneħħi gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali (11). Il-Kummissjoni wegħdet dan fl-2006 u, fl-2009. Fl-2009 ukoll, is-Summit tal-G-20 qabel li jagħti bidu għat-tneħħija gradwali ta' “sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jħeġġu l-konsum ħali”. Dan l-impenn kien inkluż ukoll fil-qafas tal-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku u fir-rilżutati tal-konferenza Rio+20. Minkejja dawn il-wegħdiet kollha, s'issa għadu ma sarx biżżejjed.

3.3.2

F'livell globali, l-OECD rrappurtat dwar is-sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali fil-pajjiżi membri: l-appoġġ dirett mill-baġit kif ukoll il-konċessjonijiet tat-taxxa għall-fjuwils fossili jammontaw għal USD 55 sa 90 biljun fis-sena (12). L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tikkalkula li s-sussidji tal-fjuwils fossili fid-dinja kollha jammontaw għal USD 523 biljun u tirreferi għal dawn is-sussidji bħala l-akbar għadu għall-pubbliku (13). Il-Bank Dinji jistma li s-sussidji tal-fjuwils fossili jlaħħqu USD 775 biljun fis-sena. Jekk il-politiki ma jinbidlux, is-sussidji għall-fjuwils fossili se jiżdiedu b'rata għolja ħafna fi ftit snin u se joħolqu ħafna problemi żejda. L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji sal-2020 se tnaqqas sostanzjalment id-domanda għall-enerġija u se tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'1,7 gigatunnellati, filwaqt li żżid id-dħul addizzjonali għall-gvernijiet.

3.3.3

Sal-lum għad m'hemmx data komprensivi dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili fl-UE; iċ-ċifri minn diversi sorsi jvarjaw. L-istampa ġenerali hija li huma ssussidjati sew. Fil-livell tal-UE il-fjuwils fossili huma ssussidjati sa EUR 68,8 biljun fis-sena, inkluż EUR 26 biljun f'sussidji diretti u sa EUR 42,8 biljun li l-Istati Membri u ċ-ċittadini jkollhom iħallsu bħala kumpens għall-impatti negattivi soċjali u għas-saħħa (14). Is-sussidji ta' ħsara ambjentali ma ddaħħlux biex jagħmlu ħsara diretta lis-saħħa u lill-ambjent, u kellhom għanijiet pożittivi oħra fosthom il-provvista ta' enerġija rħisa minn sorsi lokali u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu jekk xorta għadhomx iridu jappoġġjaw dawk l-għanijiet u jekk iva, kif jistgħu jagħmlu dan f'mod li ma jagħmilx ħsara ambjentali. Dan jista' jibda jsir billi jitwaqqaf inventarju tal-UE li jagħti stampa ġenerali ta' dawn is-sussidji.

3.3.4

Minbarra s-sussidji diretti mill-baġits pubbliċi u l-ispejjeż esterni tas-saħħa, iridu jiġu kkunsidrati l-ispejjeż l-oħra tal-effetti negattivi ambjentali li jirriżultaw mill-kombustjoni ta' fjuwils fossili, bħal spejjeż ta' segwitu għall-ħsarat ambjentali u maltempati u għargħar qawwija kkawżati mit-tisħin tal-klima. Dawn “l-spejjeż esterni” huma l-konsegwenza ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tal-“prinċipju ta' min iniġġes iħallas”. L-Aġenzija Federali għall-Ambjent fil-Ġermanja tistma li l-ispejjeż ambjentali esterni tal-ġenerazzjoni ta' karbonju huma ta' EUR 80 għal kull tunnellata ta' CO2  (15) li jfissru piż addizzjonali ta' EUR 290 biljun. Abbażi tal-fatt li 3,652 biljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2 huma kkawżati minn attivitajiet ta' kombustjoni ta' fjuwil (16). L-impjanti tal-enerġija nukleari jirċievu sussidi totali ta' EUR 35 biljun fl-UE, li ma tinkludix l-ispejjeż li jkopru r-riskji ta' aċċidenti u r-rimi tal-iskart. L-enerġija rinnovabbli tirċievi EUR 30 biljun f'sussidji diretti kull sena.

3.3.5

Minkejja dawn l-inugwaljanzi, it-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli qed tiżviluppa malajr; il-prezz tal-enerġija rinnovabbli naqas b'mod mgħaġġel f'dawn l-aħħar snin (il-prezz tal-pannelli solari naqas b'85 %) u s-settur ħoloq ħafna impjiegi filwaqt li l-prezz tal-enerġija fossili dejjem jibqa' għoli. F'Ottubru 2013, gruppi b'interess fis-settur tal-enerġija talbu biex ma jibqgħux jingħataw sussidji għall-enerġija rinnovabbli, u żieda fis-sussidji għall-enerġija nukleari. Jekk dan iseħħ, l-enerġija rinnovabbli mhix se tkun tista' tikkompeti ma' sistemi oħra ta' provvista tal-enerġija minħabba nuqqas ta' kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd.

3.3.6

Mhux is-sussidji kollha huma dannużi. F'sitwazzjonijiet fejn teknoloġija ġodda kellhom bżonn jiġu żviluppati biex jappoġġjaw l-ekonomija iktar sostenibbli tal-futur, jista' jkun utli li jingħataw sussidji biex jappoġġjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-infrastuttura inizjali sakemm it-teknoloġiji l-ġodda jkunu jistgħu jikkompetu fis-suq. Appoġġ bħal dan kien kruċjali fl-ewwel stadji tal-iżvilupp tal-enerġija rinovabbli u hemm bżonn li jibqa' jingħata sakemm l-enerġija rinovabbli tkun stabbilita sew bħala sors ta' enerġija kompetittiva għall-futur.

3.3.7

Skont il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi, l-Istati Membri jkunu identifikaw is-sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali li huma l-iktar sinifikanti permezz ta' metodi stabbiliti, jkunu ħejjew pjanijiet u skedi taż-żmien biex itemmu gradwalment dawn is-sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali, u rrapurtaw dwar dan bħala parti mill-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom. Dawn il-passi ma ġewx implimentati biżżejjed. Studju mid-DĠ ENV fl-2012 jagħti ħarsa ġenerali lejn l-għotjiet u tipi oħra ta' sussidji (17) li ngħataw u li jagħmlu ħsara ambjentali fl-UE u jipproponi pjan direzzjonali għar-reviżjoni ta' dawn l-għotjiet. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra din l-għodda fis-semestru Ewropew attali.

3.4   L-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet

3.4.1

L-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) hija l-istrument ekonomiku ewlieni tal-Ewropa, u hija bbażata fuq il-prinċipju tal-limiti massimi u n-negozjar, u mmirata biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Is-sistema hija maħsuba biex tagħti inċentiv qawwi biex il-kumpaniji jinvestu fil-prevenzjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li tagħtihom il-flessibbiltà li jagħmlu dan bl-aktar mod effiċjenti.

3.4.2

L-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet attwalment qed tħabbat wiċċha ma' żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda li jwassal biex l-inċentiv tal-prezz ma jinkoraġġix biżżejjed l-investiment meħtieġ f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Il-provvista żejda ta' kwoti tal-emissjonijiet tirriżulta prinċipalment mill-kriżi ekonomika qawwija li ma kinitx mistennija u minħabba użu mifrux ta' krediti internazzjonali. Tinħtieġ b'mod uġenti riforma strutturali tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet sabiex l-iskema sservi ta' inċentiv qawwi għall-investiment f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-eċċess ta' kwoti jinħtieġ jitneħħa mis-suq u d-drittijiet li jifdal għandhom ikunu marbuta ma' miri futuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li se jkunu neċessarji biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050. Riforma bħal din għandha tqis ukoll l-fattibbiltà teknoloġika u l-vijabbiltà ekonomika tal-industriji u tikkunsidra b'attenzjoni l-potenzjal ta' konsegwenzi mhux intenzjonati fil-futur.

3.5   L-aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri

3.5.1

Għandhom jittieħdu aktar passi biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju; bħalma hu l-aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri, li hija sistema mmirata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet indaqs. Taħt din is-sistema, il-prezz tal-oġġetti importati jiżdied fuq il-fruntieri fuq il-bażi ta' kalkolu tal-massa tal-emissjonijiet għal dawk l-oġġetti. Mudelli fi studju reċenti (18) juru li l-aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri jista' jnaqqas sostanzjalment ir-rilokazzjoni tal-karbonju f'setturi rilevanti.

3.5.2

Madankollu, xi msieħba kummerċjali ewlenin tal-Ewropa ma jaqblux mal-aġġustamenti tal-karbonju fuq il-fruntieri fil-forma li qed tiġi diskussa bħalissa. Din il-kwistjoni għandha tiġi negozjata fid-WTO. It-trattat jippermetti li jitiqesu temi “mhux kummerċjali”. Ma għandhiex tiġi sottovalutat d-diffikultà li dan isir fin-nuqqas ta' ftehim dinji dwar l-ipprezzar tal-karbonju. It-tħassib jista' jiġi indirizzat permezz ta' tfassil aħjar tal-aġġustamenti tal-karbonju fuq il-fruntieri. Il-punt kruċjali huwa li aġġustament tat-taxxi fuq il-karbonju fuq il-fruntieri mhuwiex għodda anti-dumping iżda jikkontribwixxi għal politika dinjija għal klima sostenibbli, sakemm dan jitfassal sew.

3.6   Il-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli

3.6.1

Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mill-fatturi essenzjali għat-transizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; l-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jaqdu rwol importanti hawnhekk. L-introduzzjoni ta' dawn l-istrumenti hija f'idejn l-Istati Membri; għadd minnhom għażlu strumenti differenti biex jissussidjaw l-enerġija rinnovabbli: appoġġ għall-investiment u appoġġ operattiv inkluż sistema ta' pprezzar għat-tqegħid fuq il-grilja. L-esperjenzi f'diversi Stati Membri juru li din is-sistema tal-aħħar wasslet għall-ogħla żieda fil-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, ta' spiss billi offriet rati garantiti u vantaġġjużi ta' redditu fuq l-investiment.

3.6.2

Madanakollu, huwa importanti li t-tariffi “feed-in” biex jinkoraġixxu l-installazzjoni ta' tipi ta' enerġija rinovabbli ma jkunux finanzjati biss minn żieda fil-prezzijiet tal-enerġija b'mod ġenerali għax dan jista' joħloq reazzjoni pubblika negattiva għat-tariffa u l-enerġija rinovabbli. Madankollu, b'xorti ħażina, dan ġara f'ħafna postijiet u r-reazzjoni negattiva hija tassew reali. Tinħtieġ azzjoni korrettiva urġenti biex issaħħaħ l-appoġġ taċ-ċittadini favur ir-revoluzzjoni ekoloġika.

3.6.3

Il-fatt li l-Istati Membri għandhom skemi ta' appoġġ differenti jikkontribwixxi għall-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tal-enerġija. Il-Kumitat jirrakkomanda l-użu ta' strumenti bbażati fuq is-suq li jiffavorixxu l-integrazzjoni ta' skemi nazzjonali fis-suq Ewropew tal-enerġija. L-użu ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, kif definiti fid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli tal-2009, huwa wkoll ta' importanza kbira biex jiġu sfruttati aktar is-sinerġiji fi ħdan is-suq tal-elettriku (19).

3.7   L-istrumenti bbażati fuq is-suq fis-settur awtomobilistiku

3.7.1

B’mod ġenerali, is-settur awtomobilistiku kien eżempju tajjeb ta’ applikazzjoni ta' strumenti bbażati fuq is-suq li rnexxiet. L-għan tat-tranżizzjoni huwa li jitnaqqas u finalment jiġi eliminat l-użu ta’ fjuwils tal-idrokarburi fis-settur. L-istrateġija hija magħmula minn erba’ elementi: regolamentazzjoni, teknoloġija, infrastruttura u strumenti bbażati fuq is-suq. Ir- regolamentazzjoni tintuża biex ittejjeb l-effiċjenza tal-fjuwil u jitnaqqsu l-emissjonijiet minn vetturi ġodda b'magna ta' kombustjoni interna (ICVs). It-teknoloġija tagħmilha possibbli li jkun hemm konformità mar-regolamenti dwar l-idrokarburi u biex jiġu żviluppati vetturi elettriċi (EV). Ladarba l-użu tal-vetturi elettriċi jinfirex se tkun meħtieġa infrastruttura li tinvolvi punti għall-iċċarġjar imkejjel bil-miter, skambju ta' batteriji, eċċ., sabiex tissostitwixxi u, finalment, tieħu post l-infrastruttura tal-provvista ta’ idrokarburi. L-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tranżizzjoni aktar ma jsir żvilupp fir-regolamentazzjoni, it-teknoloġija u l-infrastruttura.

3.7.2

L-aktar applikazzjoni ovvja tal-istrumenti bbażati fuq is-suq kienet iż-żieda fit-taxxi fuq il-fjuwils idrokarburi. Bħala effett din ġiegħlet lis-sidien tal-vetturi b'magna ta' kombustjoni interna biex jużaw vetturi iżgħar li jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-fjuwil, it-trasport pubbliku u r-roti. Sar ukoll adattament tat-tassazzjoni tal-vetturi b'magna ta' kombustjoni interna biex jitħeġġeġ ix-xiri u l-użu ta’ vetturi effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, kemm permezz ta’ taxxi fuq il-prezzijiet tax-xiri kif ukoll permezz ta' taxxi annwali fuq l-użu tal-vettura. L-istess sistema ta’ tassazzjoni differenzjata tal-vetturi qed tintuża biex tiffavorixxi l-vetturi elettriċi, għalkemm għad hemm ħafna ostakli oħra biex l-użu tal-vetturi elettriċi jkun jista' jinfirex.

3.8   L-akkwist ekoloġiku

3.8.1

L-akkwist pubbliku huwa attur tas-suq kbir u jirrappreżenta 16 % tal-PDG tal-UE. Għalhekk, l-akkwist pubbliku ekoloġiku huwa strument importanti għall-promozzjoni ta' prodotti u servizzi ekoloġiċi. F'dawn l-aħħar snin, permezz tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-Komunikazzjoni dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku, il-Kummissjoni ħadmet fuq sistema komprensiva ta' gwida u appoġġ. Abbażi ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għan indikattiv li sal-2010 50 % tal-infiq kollu għandu jkun ekoloġiku. Dan l-għan għadu 'l bogħod milli jintlaħaq u għandu jingħata prijorità akbar fil-pjanijiet ta' azzjoni tal-Istati Membri.

3.9   Investimenti mis-settur privat

3.9.1

It-trasformazzjoni lejn tendenza aktar sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum fis-settur tal-enerġija u oħrajn timplika ristrutturar fundamentali tal-ekonomija. Il-gvernijiet u l-politiki tal-gvern waħidhom ma jistgħux jiksbu dan. Jinħtieġ l-involviment tas-soċjetà kollha dwar il-kwistjonijiet, u djalogu kollaborattiv estensiv mal-partijiet interessati kollha involuti sabiex jintlaħaq kunsens u jingħata impenn għat-tibdiliet meħtieġa. Skont il-Pjan direzzjonali għal ekonomija b'użu baxx ta' karbonju, is-setturi privati u dawk pubbliċi għandhom jinvestu EUR 270 biljun fis-sena għall-erba' deċennji li jmiss. Terz ta' dawn l-investimenti jista' jiġi ffinanzjat minn fondi pubbliċi; il-bqija għandhom jiġu ffinanzjati mis-settur privat. Dawn huma investimenti fuq perjodu ta' żmien twil; il-Kummissjoni tqis li dan l-investiment huwa sfida ċentrali sabiex tressaq lill-UE lura fid-direzzjoni ta' ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, pereżempju permezz ta' fondi ta' investiment Ewropew fuq terminu twil (ELTIFs) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

3.9.2

Kif irrakkomandat mill-OECD f'Dokument ta' Ħidma dwar l-Ambjent mill-2012, il-gvernijiet għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta' infrastruttura strateġiċi u komprensivi, marbutin b'mod sħiħ mal-miri nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, biex b'hekk jippermettu li jsir investiment f'infrastruttura b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għall-klima, u investiment fit-tkabbir ekoloġiku. Il-Kummissjoni għandha tfittex ukoll opportunitajiet sabiex tinħoloq klima ta' investiment tal-ELTIFs b'rabta ma' futur sostenibbli. F'dan ir-rigward, il-prijoritajiet ta' investiment tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u tal-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq terminu twil għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet tal-Pjanijiet Direzzjonali 2050 tal-UE għal ekonomija b'użu baxx ta' karbonju u dwar l-enerġija, l-Istrateġija ta' adattament, u l-Pakkett tal-UE 2030 dwar il-klima u l-enerġija li qed jiġi diskuss bħalissa.

3.9.3

Dawn il-fondi jistgħu jagħmlu dan it-tip ta' investiment aktar faċli. Minħabba li l-maturità fuq perjodu ta' żmien twil tal-assi li jridu jiġu ffinanzjati huwa allinjat mar-responsabbiltà tal-investituri istituzzjonali, dawn it-tipi ta' fondi jistgħu jattiraw wkoll riżorsi mis-suq tal-kapital. Il-kundizzjoni hija naturalment li dawn l-investimenti jkunu attraenti għax ir-riskji – b'mod partikolari r-riskji regolatorji – jkunu limitati, minħabba li hemm possibbiltà ta' qligħ biżżejjed, u minħabba li l-proġetti li fihom isir l-investiment ikunu finazjarjament u teknikament tajba.

3.9.4

Il-fondi u l-istrumenti finanzjarji innovattivi maħsubin biex jattiraw ir-riżorsi tas-suq tal-kapital huma milqugħa. Madankollu, is-settur bankarju se jkompli jiffinanzja parti kbira tal-ekonomija Ewropea bi strumenti ta' dejn tradizzjonali. L-istandards ta' prattiki bankarji ekoloġiċi huma għalhekk rekwiżit essenzjali biex issir bidla fil-finanzjament privat, minn investimenti konvenzjonali għal investimenti b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija jeħtieġ li l-istrumenti finanzjarji innovattivi jikkatalizzaw finanzjament privat għal investimenti li mhumiex possibbli mod ieħor.

Brussell, 25 ta' Marzu 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  SWD(2013) 439 final.

(2)  European Commission,, Energy Economic Developments in Europe, European Economy 1/2014 (mhux disponiobbli bil-Malti).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Mudelli tan-negozju għat-tkabbir sostenibbli, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-bidliet industrijali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) , ĠU C 133/8, 9.5.2013.

(4)  COM(2012) 582 final, p. 8-12.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummiassjoni dwar “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” [COM(2014)15]

(6)  COM (2012) 173 final.

(7)  COM (2014) 21 final.

(8)  COM (2007) 140 final.

(9)  Institute for European Environmental Policy (IEEP), Reforming environmental taxes and harmful subsidies: challenges and opportunities, p. 6.

(10)  Vivid Economics, Carbon taxation and fiscal consolidation: the potential of carbon pricing to reduce Europe’s fiscal deficits, rapport imħejji għal European Climate Foundation u Green Budget Europe, Mejju 2012.

(11)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020

(12)  OECD, Fossil fuel subsidies: billions up in smoke?, 2013

(13)  European Wind Energy Association, stqarrija għall-istampa, 4.2.2013

(14)  Iċ-ċifri dwar sussidji diretti ttieħdu minn OECD (2013), Inventory of Estimated Budgetary Support and Tax Expenditures for Fossil Fuels 2013, OECD u minn IVM Institute for Environmental Studies (2013), 'Budgetary support and tax expenditures for fossil fuels: an inventory for six non-OECD EU countries'; iċ-ċifri dwar l-impatti fuq is-saħħa ttieħdu minn rapport ta' HEAL (Health and Environment Alliance), The unpaid health bill – how coal power plants make us sick, rapport ippubblikat fl-2013; ara wkoll l-artiklu f'Süddeutsche Zeitung tal-14 ta' Ottubru 2013 http://www.sueddeutsche.de/wirtschaft/foerderung-der-energiebranche-oettinger-schoent-subventionsbericht-1.1793957

(15)  Federal Environmental Agency, Schätzung der Umweltkosten in den Bereichen Energie und Verkehr, 2012

(16)  Sors: EU energy in figures – statistical pocketbook 2013.

(17)  Institute for European Environmental Policy, Study supporting the phasing-out of environmental harmful subsidies, October 2012.

(18)  Vivid Economics, Carbon taxation and fiscal consolidation: the potential of carbon pricing to reduce Europe’s fiscal deficits, rapport mħejji mill-European Climate Foundation u l-Green Budget Europe, Mejju 2012

(19)  SWD(2012) 164 final


Top