This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE6389
Opinion of the European Economic and Social Committee on the communication from the Commission on ‘Delivering the internal electricity market and making the most of public intervention’ C(2013) 7243 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku’ ” C(2013) 7243 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku’ ” C(2013) 7243 final
ĠU C 226, 16.7.2014, p. 28–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 226/28 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku’”
C(2013) 7243 final
2014/C 226/05
Relatur: is-Sur Coulon
Korelatur: is-Sur Ioniţă
Nhar il-5 ta' Awwissu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku”
C(2013) 7243 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta' Marzu 2014.
Matul l-497 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta' Marzu 2014 (seduta tal-25 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni l-ġdida li għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati Membri gwida dwar kif jista' jsir l-aħjar użu mill-intervent pubbliku. Huwa jqis din bħala opportunità biex il-politiki jiġu kkalibrati mill-ġdid fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-Istati Membri u biex tingħata spinta ġdida lill-proċess tal-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku tal-UE, billi jkun hemm aktar attenzjoni fuq il-benefiċċji għaċ-ċittadini (b'mod partikolari l-aktar nies vulnerabbli) u l-qerda tal-faqar enerġetiku fi ħdan l-Unjoni. |
1.2 |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkjarifikati t-termini “intervent pubbliku” u “għajnuna mill-Istat”. Li jsir l-aħjar użu mill-intervent pubbliku ma jfissirx li b'mod sistematiku l-intervent jew l-għajnuna għandhom jitnaqqsu jew jiżdiedu iżda pjuttost għandhom jiġu ottimizzati. |
1.3 |
Il-KESE jappella għal aktar konsistenza Ewropea fl-intervent pubbliku nazzjonali u lokali sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' impatt kontroproduttiv. |
1.4 |
Huwa jirrakkomanda biex il-Kummissjoni toqgħod attenta li l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tagħha ma jfixklux il-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. |
1.5 |
Suq tal-elettriku integrat aħjar, aktar profond u fluwidu għandu jkun ta' benefiċċju għall-produtturi u l-konsumaturi (inklużi l-SMEs, l-artiġġjani u produtturi oħra fuq skala żgħira). Madankollu l-fruntieri nazzjonali jkomplu jiffurmaw ostakoli b'saħħithom f'termini ta' regolamenti, kapaċità ta' trażmissjoni, struttura tal-prezzijiet, eċċ. |
1.6 |
Il-KESE jfakkar li huwa urġenti li jiġu żviluppati l-infrastrutturi tat-trasport u jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku. |
1.7 |
Huwa jappoġġja l-idea li l-iskemi tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli jiġu Ewropizzati u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffaċilita aktar il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tiġi promossa l-għajnuna transkonfinali. |
1.8 |
Il-KESE jaqbel li l-appoġġ għat-teknoloġiji ġodda għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid hekk kif dawn jimmaturaw. Huwa jaħseb li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjoni ċara ta' x'inhi enerġija matura – definizzjoni li tista' tiġi żviluppata maż-żmien. |
1.9 |
Il-KESE jaqbel li s-suq intern tal-elettriku mhuwiex għan fih innifsu. Dan għandu jitfassal għall-benefiċċju tal-konsumaturi kollha, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli. Il-KESE jenfasizza l-idea li jiġu żviluppati miżuri fil-livell Ewropew biex l-utenti jingħataw is-setgħa bħala protagonisti prinċipali fis-suq Ewropew tal-elettriku, sabiex isiru “konsumaturi-atturi”. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha f'dan ir-rigward u tressaq miżuri u inizjattivi bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli tal-intervent pubbliku bħala mod kif jinqered il-faqar enerġetiku. |
1.10 |
Il-KESE jenfasizza li l-elettriku huwa kommodità komuni essenzjali u jrid jiġi ġestit bħala tali. Fl-interess ekonomiku ġenerali, Stat Membru jista' jorbot miegħu ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-aċċess universali għall-enerġija għandu jkun fil-qalba tal-politika Ewropea tal-enerġija u mnaqqax fit-Trattat. Fl-interessi tal-kompetizzjoni, il-fatt li jsir l-aħjar użu mill-intervent pubbliku fis-settur tal-enerġija m'għandux iwassal għal obbligi mnaqqsa jew limitati ta' servizz pubbliku li l-Istati Membri għażlu li jimplimentaw. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun ferm viġilanti dwar dan il-punt u jitlobha tieħu miżuri sabiex jiġu pprovduti salvagwardji aħjar għall-obbligi ta' servizz pubbliku u sabiex tjkompli ssaħħaħhom aktar, irrispettivament mil-limiti attwali ta' awsterità. |
2. Daħla
2.1 |
Fl-2008, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għanijiet ambizzjużi ta' klima u enerġija (3x20). Il-qafas Ewropew il-ġdid dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 tat-22 ta' Jannar 2014 ser ikun is-suġġett ta' opinjoni fil-futur tal-KESE. L-Istati Membri għamlu progress lejn il-ksib tal-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli, fil-biċċa l-kbira bħala riżultat ta' intervent pubbliku. |
2.2 |
Barra minn hekk, fi Frar 2011 il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE ddikjaraw li l-għan kien li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat sal-2014. Minn dak iż-żmien lil hawn il-Kummissjoni ppubblikat għadd ta' dokumenti għal dan il-għan. Nhar il-15 ta' Novembru 2012 hija ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti”, li tinkludi valutazzjoni inizjali tas-suq intern tal-enerġija u pjan ta' azzjoni biex dan jiġi kkompletat. Il-Komunikazzjoni ġiet segwita minn seduta pubblika dwar is-suq intern tal-enerġija, l-adegwatezza tal-kapaċita ta' ġenerazzjoni tal-enerġija u l-mekkaniżmi ta' kapaċità. |
2.3 |
Nhar il-5 ta' Novembru 2013 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni oħra, “Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku”, flimkien ma' ħames dokumenti li tħejjew minn dipartimenti tal-Kummissjoni li jinkludu gwida dwar il-mekkaniżmi ta' kapaċità, il-mekkaniżmi ta' appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-Isati Membri fil-qasam tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u soluzzjonijiet ta' rispons għad-domanda. |
2.4 |
Il-Kummissjoni tinnota li l-ħolqien tas-suq intern u li jiġu segwiti għanijiet ta' klima/enerġija taw bidu għal sfidi ġodda li jitolbu forom ġodda ta' intervent pubbliku, l-aktar fil-livell nazzjonali: għalhekk l-ispinta sabiex jiġu żviluppati u appoġġjati sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-iżgurar ta' kapaċitajiet ta' produzzjoni adegwati, eċċ. |
2.5 |
L-għan ta' din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li tipprovdi lill-Istati Membri gwida dwar kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-intervent pubbliku, jaġġustaw il-miżuri ta' intervent eżistenti u jfasslu oħrajn ġodda. Jekk l-intervent pubbliku ma jkunx imfassal tajjeb, dan jista' jxekkel is-suq b'mod serju u jgħolli l-prezzijiet tal-enerġija kemm għad-djar kif ukoll għan-negozji. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġabret lista ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu qabel kwalunkwe intervent pubbliku: l-identifikazzjoni ta' problema speċifika u l-kawża tagħha waqt li jintwera li s-suq mhuwiex kapaċi jsolviha; il-valutazzjoni tal-interazzjoni ma' għanijiet oħra tal-politika tal-enerġija u l-koordinazzjoni tad-diversi strumenti ta' politika pubblika; il-valutazzjoni tal-alternattivi; il-minimizzazzjoni tal-impatt fuq is-sistemi tal-elettriku; l-ispejjeż tal-intervent li jinżammu baxxi; il-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż għall-manifatturi u l-individwi privati; il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-tneħħija progressiva ta' dawn il-miżuri ladarba jintlaħaq l-għan. |
2.6 |
Skont il-Kummissjoni, l-għan huwa li gradwalment jinbena suq Ewropew tal-enerġija fejn il-provvista u d-domanda jiffunzjonaw sew, is-sinjali tal-prezzijiet ikunu konformi mal-għanijiet tal-politiki, l-atturi jgawdu minn kundizzjonijiet indaqs u l-ġenerazzjoni tal-enerġija tkun effiċjenti. Hekk kif it-teknoloġiji jimmaturaw, dawn gradwalment għandhom ikunu soġġetti għall-prezzijiet tas-suq, filwaqt li l-miżuri ta' appoġġ eventwalment għandhom jintemmu. Fil-prattika dan ifisser it-tneħħija progressiva tat-tariffi supplimentari u l-bidla lejn primjums supplimentari u strumenti oħra ta' appoġġ li jinkoraġġixxu lill-produtturi jirrispondu għat-tendenzi tas-suq. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkoordinaw aħjar l-istrateġiji tal-enerġija rinnovabbli tagħhom sabiex inaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi f'termini ta' prezzijiet u taxxi tal-enerġija. L-iskemi ta' appoġġ għandhom jiġu allinjati aktar mill-qrib ma' xulxin. |
2.7 |
Il-Komunikazzjoni, għalkemm mhijiex legalment vinkolanti, tiddefinixxi l-prinċipji bażiċi li l-Kummissjoni ser tapplika meta tivvaluta l-intervent pubbliku relatat mal-iskemi ta' appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-mekkaniżmi li jaffettwaw il-kapaċità u l-miżuri għall-aġġustament tad-domanda tal-konsumaturi. Dawn il-prinċipji għaldaqstant ser ikollhom impatt fuq kif jiġu applikati r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat u fuq kif tiġi implimentata l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tipproponi strumenti legali li jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu implimentati bis-sħiħ. |
3. Il-kummenti tal-KESE
3.1 B'mod kostanti l-KESE qal li huwa jara s-suq intern tal-enerġija bħala opportunità u li jrid jittieħed kull pass biex jiġi żgurat li dan jaħdem għall-benefiċċju tal-konsumaturi industrijali u domestiċi, u jinvolvi mill-qrib lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-faqar enerġetiku (1).
Lejn suq uniku: neliminaw il-fruntieri
3.2 |
Il-KESE dejjem approva l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija. Il-KESE jinnota wkoll li għal dan il-għan huwa jappoġġja l-prinċipju li tiġi stabbilita komunità Ewropea tal-enerġija. Din il-komunità Ewropea tal-enerġija tagħmilha possibbli li tissaħħaħ il-governanza komuni tal-kwistjonijiet tal-enerġija bl-aqwa mod possibbli billi jiġu promossi s-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni fir-rigward b'mod partikolari tal-kwistjonijiet tas-suq u tal-infrastruttura. |
3.3 |
Is-suq intern ma jistax jeżisti sakemm ikun għad hemm “fruntieri nazzjonali” għan-negozjar tal-enerġija, u l-kapaċità transkonfinali għandha tiġi ttrattata bħal kwalunkwe linja jew pajp li ma jaqsamx il-fruntieri. Il-Komunikazzjoni għandha tenfasizza li mhumiex biss id-differenzi fir-regolamenti nazzjonali, iżda wkoll l-aċċess għall-kapaċità transkonfinali, li jibqgħu ostakolu importanti għall-eliminazzjoni de facto tal-fruntieri fis-suq intern tal-enerġija. Pereżempju, il-ġeneralizzazzjoni ta' metodoloġija tal-ipprezzar “dħul-ħruġ” u tal-allokazzjoni tal-kapaċità għat-trażmissjoni fl-Istati Membri kollha tista' tagħti spinta lill-kummerċ transkonfinali, u din tkun ippreferuta minn mudell “punt għal punt” peress li toħloq inċentivi għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni (TSOs) biex dawn jinvestu fl-eliminazzjoni tat-tfixkil tal-kapaċità bħalma hemm fil-fruntieri taż-żoni tagħhom ta' servizz. Dan għandu jkun ta' benefiċċju għall-protagonisti kollha tas-suq, inklużi dawk fis-suq tal-enerġija rinnovabbli intermittenti. Apparti n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSOs), il-Kummissjoni u l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) iridu jerġgħu jeżaminaw il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni u jimponu obbligi fuq it-TSOs fir-rigward tal-iskambji tal-enerġija. Hemm bżonn ta' analiżi mill-ġdid biex jiġi żgurat li ma jeżisti l-ebda “tfixkil artifiċjali” potenzjali fil-fruntieri nazzjonali li jista' jirrestrinġi l-flussi tal-enerġija bejn l-Istati Membri. Dan it-“tfixkil artifiċjali” jista' jinħoloq minn politiki nazzjonali ta' protezzjoni li għandhom l-għan li jintroduċu tariffi nazzjonali uniformi jew minn abbużi kummerċjali potenzjali tat-TSOs nazzjonali li jmexxu t-tfixkil tal-enerġija domestika lejn il-fruntieri taż-żoni tagħhom ta' servizz. Regoli bħal dawn jinkoraġġixxu lit-TSOs sabiex imexxu l-investimenti tagħhom lejn interkonnessjonijiet transkonfinali aħjar tal-grilji tat-trażmissjoni. |
3.4 |
Il-KESE jappella sabiex jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku bil-għan li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija. Huwa jappoġġja l-inizjattivi kollha sabiex l-użu u l-effiċjenza tan-netwerks tal-elettriku jsiru aktar fluwidi bil-għan li tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli. Għalhekk huwa japprova l-kooperazzjoni bħal Coreso, il-bidu ta' sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku Ewropea. |
Sorsi ta' enerġija rinnovabbli u adegwatezza tal-ġenerazzjoni
3.5 |
Barra minn hekk, il-KESE ppromova b'mod konsistenti l-għan li jiżdied l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (2). Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-pjan direzzjonali 2050. |
3.6 |
L-arranġamenti ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli ddaħħlu fis-seħħ meta s-sehem rinnovabbli tal-enerġija kien baxx u t-teknoloġija kienet għadha fi stadju bikri. Illum il-ġurnata s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika kiber b'mod konsiderevoli u ser ikompli jikber fuq terminu twil. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-intervent pubbliku jrid jiġi evalwat, b'rispett kif xieraq għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, fid-dawl tal-livell ta' maturità tas-sorsi tal-enerġija u t-teknoloġiji. Il-KESE jikkunsidra, madankollu li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi definizzjoni ċara ta' x'inhi enerġija matura u għandha terġa' tirrevediha fid-dawl tal-progress teknoloġiku futur. Il-KESE jindika wkoll li l-evalwazzjoni u l-aġġustament tal-arranġamenti ta' appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom isiru b'tali mod li jiġi żgurat li l-konsumaturi, u b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq Ewropew tal-elettriku. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li dan l-aġġustament tal-appoġġ ma jagħmilhiex aktar diffiċli biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni lil dan l-aspett meta tabbozza l-Linji Gwida tal-Unjoni l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija. |
3.7 |
Bl-istess mod, l-appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jitneħħa progressivament għat-teknoloġiji li qed jimmaturaw, iżda wkoll għandu jiġi kkoordinat sew mal-iżvilupp ta' suq tal-emissjonijiet li jiffunzjona. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jkun flessibbli, proporzjonat, rigressiv u kompetittiv, waqt li jippermetti li s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jirrispondu aktar għas-sinjali tas-suq u jikkompetu ma' unitajiet konvenzjonali. L-appoġġ dirett għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jiġi ssostitwit gradwalment minn suq tal-ETS (skema għan-negozjar ta' emissjonijiet) li jiffunzjona, u b'hekk jitneħħa progressivament. |
3.8 |
Il-KESE jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li l-appoġġ tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jsir aktar Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita aktar il-mekkaniżmi għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġi promoss appoġġ transkonfinali, li ftit jintuża fil-preżent. L-“Ewropizzazzjoni” tal-appoġġ x'aktarx ma ssirx realtà sakemm l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw politiki individwali, ma jagħtux sehemhom (“free riding”) jew jimponu limiti negattivi fuq pajjiżi ġirien (eż. l-appoġġ għal żvilupp malajr ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-Ġermanja jiġġenera trasferimenti f'ċirku fil-Polonja u r-Repubblika Ċeka, li jfisser spejjeż tal-elettriku addizzjonali f'dawn il-pajjiżi għall-bilanċ u s-sigurtà tal-provvista). Huwa aktar faċli li tali problemi jiġu indirizzati issa, meta s-sistema għadha relattivament fil-bidu tagħha, pjuttost milli aktar tard, meta l-effetti tad-dipendenza storika jsiru aktar b’saħħithom. |
3.9 |
Tħassib partikolari għall-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli huwa l-fatt li l-produzzjoni tagħhom hija intermittenti u teħtieġ kapaċitajiet ta' bbilanċjar, supplimentari jew riżerva. Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-riskju li l-appoġġ tal-Istati Membri għall-kapaċitajiet supplimentari jista' fil-fatt jappoġġja impjanti ineffiċjenti jew jissussidja karburanti fossili. Il-problema għandha l-ewwel tiġi mmitigata billi jiġu żviluppati swieq ta' servizzi fl-istess jum, ta' bbilanċjar u anċillari li jkunu effettivi. Jekk dawn ikunu tassew effettivi, transkonfinali u jagħtu sinjali ta' prezzijiet korretti, dawn jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, jirregolaw is-suq b'mod tajjeb biżżejjed biex jeliminaw il-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' kapaċità addizzjonali. Il-mekkaniżmi kollha ta' remunerazzjoni ta' riżerva jew ta' kapaċità jridu jkunu bbażati fuq is-suq, teknoloġikament newtrali, mhux diskriminatorji u miftuħa għal parteċipazzjoni transkonfinali (3). |
3.10 |
L-istandards u l-mekkaniżmi li jiżguraw ġenerazzjoni adegwata bħalissa jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, peress li l-problemi bil-bilanċ tal-provvista u d-domanda huma differenti minn Stat Membru għal ieħor. L-intervent pubbliku huwa neċessarju biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u biex jinbnew riżervi li jkunu ta' natura nazzjonali. Madankollu, peress li s-swieq qed ikunu dejjem aktar interkonnessi u interdipendenti, u sabiex jiġi evitat li l-eżistenza konġunta ta' sistemi differenti frammentati, għandhom jitħeġġu l-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi b'mod partikolari fil-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar l-Enerġija, u l-Kummissjoni għandha tħares lejn il-fattibbiltà ta' suq għall-kapaċità Ewropea ta' ġenerazzjoni abbażi tal-esperjenza pożittiva sa issa. |
Intervent pubbliku
3.11 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-intervent pubbliku għandu rwol importanti sabiex jinkisbu l-għanijiet Ewropej tal-politika tal-enerġija u l-klima. Huwa jemmen li l-aħjar użu tal-intervent pubbliku m'għandux sistematikament ifisser li dan jitnaqqas jew jiżdied, iżda pjuttost li jiġu ottimizzati l-isforzi pubbliċi. Huwa jikkunsidra li l-intervent ta' dan it-tip għandu jaqdi rwol aktar importanti fl-isforzi sabiex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku. Huwa jħoss li għandu jsir użu aħjar mill-intervent pubbliku f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi proposti u inizjattivi dwar dawn l-aspetti. |
3.12 |
Madankollu, huwa jenfasizza kemm huwa importanti li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-intervent pubbliku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali jkun konsistenti mal-Ewropa kollha; taħt ċerti ċirkustanzi intervent bħal dan jista' jkun kontroproduttiv fil-livell Ewropew. |
3.13 |
Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li t-taħlita enerġetika hija parti mis-sovranità nazzjonali sakemm din ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod sinifikanti u tikkonforma mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Peress li dan it-tip ta' intervent iħalli impatt fuq pajjiżi Ewropej oħra, il-KESE jemmen li għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar l-Enerġija bil-għan li tinkiseb konsistenza akbar fil-livell Ewropew. |
3.14 |
Il-KESE jinnota f'dan ir-rigward li jkun xieraq li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni ċara bejn intervent pubbliku u għajnuna mill-Istat. |
3.15 |
L-intervent pubbliku għandu impatt fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-elettriku. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa diffiċli biex tiġi ddeterminata n-nefqa ta' kull teknoloġija tal-enerġija fuq bażi kumparabbli u għalhekk biex jiġi vvalutat il-livell ta' intervent pubbliku meħtieġ. F'opinjoni, il-KESE ser janalizza bir-reqqa r-rapport u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa li ġew ippubblikati fit-22 ta' Jannar 2014. Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapport analiżi tal-faqar enerġetiku fl-Unjoni u tipproponi strateġija u pjan direzzjonali Ewropej biex dan jiġi miġġieled. |
3.16 |
Aktar ma s-suq tal-elettriku jkun kbir, profond u fluwidu, aktar tkun żgurata l-istabbiltà tiegħu u tonqos il-ħtieġa għal diversi forom ta' intervent pubbliku puntwali jew temporanju li bħalissa joħolqu problemi ta' koordinazzjoni. |
Kompetittività
3.17 |
Il-Kummissjoni nnutat sew il-kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista jew it-telf tal-kompetittività tal-prezzijiet għall-ekonomija tal-UE li mhux dejjem huma kumpatibbli mal-għanijiet “20-20-20”, jew mal-miri għall-2050. Għalhekk, il-ksib tal-għanijiet tal-pakkett dwar il-klima jżid l-ispejjeż tal-enerġija għall-individwi u l-industrija, u b'hekk tixxekkel il-kompetittività. Min-naħa l-oħra, l-appoġġ għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli jista' jwassal għal prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa baxxi ħafna u jgħawweġ is-sinjali ta' investiment fil-kapaċitajiet ta' riżerva. L-istrumenti għall-ksib tal-għanijiet “20-20-20” iridu jiġu mmonitorjati sew biex jiġi żgurat li d-distorsjonijiet ma jeċċedux il-benefiċċji. |
3.18 |
Fl-istess ħin, il-proposta tal-Kummissjoni li tippromovi kuntratti fit-tul biex jinbnew impjanti ġodda, li għandhom jiġu konklużi bejn il-produtturi tal-elettriku u l-konsumaturi finali futuri sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv, tqajjem tħassib addizzjonali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm riskji ta' esklużjoni mis-swieq u kuntratti bħal dawn għandhom jiġu analizzati bir-reqqa sabiex wieħed jara jekk il-benefiċċji humiex akbar mill-ispejjeż jew jekk fil-fatt dawn jostakolaw il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-konsumaturi li jużaw l-enerġija b'mod intensiv għandhom it-tendenza li jkunu aktar interessati f'impjanti tal-fjuwil konvenzjonali li jipprovdu l-enerġija b'mod affidabbli. Dan l-appoġġ jista' jfixkel politiki oħra tal-UE, minn appoġġ ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli għal konformità mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. F'sitwazzjonijiet estremi, huwa partikolarment imbarazzanti għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jekk il-konsumatur industrijali fl-aħħar jiddeċiedi li jmur f'post ieħor, tkun xi tkun ir-raġuni. |
Is-setgħa lill-konsumaturi/il-ġlieda kontra l-faqar
3.19 |
Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li s-suq intern tal-elettriku mhuwiex għan fih innifsu. Is-suq tal-elettriku għandu jkun ta' benefiċċju għal kulħadd, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli. Hemm bżonn ta' sforzi biex dan jiġi kkompletat peress li s-suq attwalment huwa wisq frammentat. Dan għandu impatt negattiv fuq il-libertà li l-konsumaturi Ewropej jagħżlu l-fornituri u fuq il-baġits (il-prezzijiet huma għoljin ħafna), fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u fuq l-isforzi biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-politika Ewropea tal-enerġija għandha ssaħħaħ l-isforz tagħha li jinqered il-faqar enerġetiku. |
3.20 |
Ir-risposta għad-domanda u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija joffru potenzjal enormi biex jitnaqqas il-konsum fl-eqqel sigħat. Dawn jibqgħu mhux sfruttati biżżejjed minkejja l-progress teknoloġiku. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li l-konsumaturi jitħeġġu biex jingħataw is-setgħa fit-tfassil tal-“ħajja” enerġetika tagħhom u jsiru “konsumaturi-atturi”. It-teknoloġiji bħall-meters intelliġenti jridu jkunu mfassla b'mod ġenwin għall-konsumaturi kollha, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, u jkunu effettivi u utli bis-sħiħ billi jipprovdu informazzjoni trasparenti li tinftiehem b'mod faċli mingħajr spejjeż addizzjonali, u b'hekk jiffaċilitaw l-adattament intelliġenti tad-domanda għall-enerġija (u jiżguraw is-sigurta/il-kunfidenzjalità tad-data). Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-enerġija (prinċipalment fl-għodda intelliġenti u l-ħżin tal-enerġija). |
3.21 |
L-intervent pubbliku huwa kritiku wkoll peress li r-rispons fuq in-naħa tad-domanda (DSR)/il-ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda (DSM) għandhom it-tendenza li jkunu ta' piż bla bżonn fuq il-konsumaturi vulnerabbli. It-tip ta' appoġġ offrut lill-konsumaturi vulnerabbli jrid għaldaqstant ikun adattat għas-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom u l-kriterji għall-eliġibbiltà għandhom ikunu ġusti u prevedibbli. |
3.22 |
Il-KESE jikkunsidra li t-teknoloġiji tal-ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda u tar-rispons fuq in-naħa tad-domanda mhumiex suffiċjenti biex waħedhom jadattaw u jnaqqsu d-domanda. Il-KESE jappoġġja li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u jingħataw is-setgħa fil-livell Ewropew permezz ta' diversi inizjattivi appoġġjati minn fond ta' solidarjetà fil-qasam tal-enerġija (4). Il-KESE jappoġġja titjib li jżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini (b'ċertifikazzjoni professjonali tal-enerġija) biex jiġu indirizzati l-binjiet li jaħlu l-enerġija u biex b'mod gradwali ma jibqax ikun hemm bejgħ jew kiri ta' binjiet bħal dawn. |
3.23 |
Il-konsumaturi Ewropej tal-enerġija huma fost l-anqas sodisfatti bis-suq tagħhom. Il-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati min-naħa tal-konsumaturi sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' suq tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb jinkludu: aċċess għall-enerġija; informazzjoni oġġettiva u affidabbli dwar l-offerti inkluż paragun indipendenti; trasparenza dwar it-termini kuntrattwali; protezzjoni kontra prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni aggressivi u li jfixklu; punt ta' kuntatt uniku għall-informazzjoni; informazzjoni li tinftiehem għall-konsumaturi; implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija; tibdil faċli; mezzi effettivi ta' rimedju f'każ ta' lmenti ġġustifikati (5); u miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Hemm bżonn ukoll monitoraġġ indipendenti tas-swieq tal-enerġija sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jibbenefika il-konsumatur. Progress dwar dawn id-dimensjonijiet jista' jixpruna appoġġ soċjali u politiku usa' għall-politiki tal-enerġija tal-UE. |
3.24 |
Il-KESE jappoġġja produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli mill-konsumaturi (prosumaturi (6)). F'ħafna pajjiżi dan il-fenomenu qed jiżviluppa b'mod rapidu, b'mod partikolari fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Dan huwa kruċjali għall-bilanċ tal-enerġija fl-Ewropa, għal provvista tal-enerġija orħos, u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Ir-rwol tal-prosumaturi fis-suq tal-enerġija huwa marbut mal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Permezz tal-grilji intelliġenti u meters intelliġenti, prosumatur jista' jipprovdi skambju ta' servizzi ta' enerġija ġġenerata minn impjant żgħir. Sa tmiem l-2020 fir-Renju Unit ser ikun hemm madwar 8 miljun installazzjoni ta' dan it-tip li jipproduċu madwar 40 GW ta' elettriku. In-numru ta' nies impjegati ser jiżboq il-1 00 000. Il-prosumaturi għandhom jirċievu appoġġ pubbliku għat-tneħħija tal-ostakoli leġislattivi u appoġġ finanzarju/operattiv fil-forma ta' servizzi ta' assemblaġġ u manutenzjoni, partikolarment fil-qasam tal-investiment. Madankollu għandu jkun hemm ukoll fis-seħħ regolamentazzjoni effettiva sabiex jiġi żgurat li l-prosumaturi jinżammu responsabbli b'mod tajjeb għal kwalunkwe żbilanċi li jistgħu jiġġeneraw meta jipprovdu l-enerġija lis-sistema u sabiex jinħolqu strumenti bbażati fuq is-suq u mekkaniżmi għall-ipprezzar li jinċentivawhom inaqqsu dawn l-iżbilanċi. |
3.25 |
L-elettriku mhuwiex kommodità bħall-oħrajn. Huwa kommodità komuni essenzjali u jrid jiġi ġestit bħala tali. Fl-interess ekonomiku ġenerali, Stat Membru jista' jorbot miegħu ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. Il-Kumitat talab b'mod ripetut sabiex l-aċċess universali għall-enerġija jiġi inkluż fost l-għanijiet tal-politika ta' enerġija tal-UE u biex jitnaqqax fit-Trattat. Il-KESE għaldaqstant jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li, meta jiġu implimentati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/72/KE, l-obbligi ta' servizz pubbliku relatati mal-interess ġenerali (b'mod partikolari s-sigurtà, l-aċċess għall-enerġija u għall-enerġija affordabbli, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-elettriku, kif ukoll il-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-protezzjoni tal-klima, kif definiti fl-Artikoli 3(2) u 3(3) ta' din id-Direttiva) ma jitnaqqsux fil-proċess ta' razzjonalizzazzjoni tal-intervent pubbliku, b'konformità mal-prinċipju tal-kompetizzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tkun ferm viġilanti dwar dan il-punt u jitlobha li kull sena toħroġ rapport dwar dan l-aspett essenzjali billi, fir-rapport annwali tagħha dwar is-suq intern, tinkludi mhux biss valutazzjoni aktar speċifika u dettaljata dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi ta' servizz pubbliku iżda billi titlob inizjattivi speċifiċi sabiex dawn l-obbligi jkunu salvagwardjati aħjar, u anke msaħħa, fil-livell Ewropew. |
Governanza
3.26 |
Fl-aħħar mill-aħħar it-trasparenza u l-integrità fin-negozjar tal-enerġija bl-ingrossa huma kruċjali għall-protezzjoni tal-interessi ta' kulħadd biex jiġi evitat li l-konsumaturi finali jħallsu żżejjed u biex tiġi appoġġjata governanza tajba tal-kumpaniji tal-enerġija, kemm jekk dawn il-kumpaniji huma tal-Istat kif ukoll jekk huma privati. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tar-Regolament REMIT u tipproponi soluzzjonijiet jekk hemm bżonn. It-trasparenza fl-innegozjar bl-ingrossa tippermetti li jiġu skoperti malajr kwistjonijiet bħal abbuż tas-suq jew imġiba antikompetittiva u tappoġġja l-intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. |
Brussell, 25 ta' Marzu 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 133, 9.5.2013, pp. 27-29; ĠU C 68, 6.3.2012, pp. 15-20; ĠU C 341, 21.11.2013, pp. 21-26.
(2) ĠU C 77, 31.3.2009, pp. 43-48; ĠU C 44, 15.2.2013, pp. 133-139; ĠU C 229, 31.7.2012, pp. 126-132.
(3) Eurelectric, 17 ta' Jannar 2014.
(4) ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21-26.
(5) Id-drittijiet tal-konsumatur fis-swieq tal-elettriku u l-gass – dokument dwar il-pożizzjoni tal-BEUC, Diċembru 2013.
(6) Il-prosumaturi huma produtturi żgħar u indipendenti tal-elettriku ġġenerat ħafna drabi f'installazzjonijiet żgħar għall-użu personali (eż. turbini tar-riħ żgħar, pannelli solari, irkupru tas-sħana bl-użu ta' pompi tas-sħana, eċċ.). Il-karatteristika li tiddefinixxi lill-prosumaturi hija li l-produzzjoni tagħhom tista' tkun għall-użu tagħhom stess jew biex ibigħuha lura fin-netwerks l-kbar.