Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE1767

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi” COM(2013) 44 final — 2013/0024 (COD) u dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu” COM(2013) 45 final — 2013/0025 (COD)

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi”

COM(2013) 44 final — 2013/0024 (COD)

u dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu”

COM(2013) 45 final — 2013/0025 (COD)

2013/C 271/05

Relatur: is-Sur ZEEB

Il-Kunsill, nhar it-28 u s-27 ta’ Frar 2013 b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Parlament, nhar it-12 ta’ Marzu 2013 b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu

COM(2013) 45 final – 2013/0025 (COD)

u

l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi

COM(2013) 44 final – 2013/0024 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’145 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“KESE”) jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni intiżi biex jadattaw il-qafas regolatorju Ewropew fid-dawl tal-bidliet li saru fl-istandards internazzjonali tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-kriminali li jabbużaw mis-sistema finanzjarja u l-faċilitajiet li joffri s-suq intern jipperikolaw is-sisien tas-soċjetà tagħna. Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom mezzi effikaċi biex isaħħu l-integrità u t-trasparenza tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. F’dan ir-rigward, m’hemmx dubju li l-proposti tal-Kummissjoni sejrin fid-direzzjoni t-tajba.

1.2

Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki li saru fl-obbligi ta’ diliġenza li jridu jimplimentaw il-professjonisti fir-rigward tal-benefiċjarji effettivi tal-kumpaniji minn naħa, biex b’hekk tinkiseb trasparenza akbar dwar il-persuni fiżiċi li jaġixxu minn wara l-kwinti li tista’ toħloq persuna ġuridika, kif ukoll fir-rigward tal-persuni politikament esposti li jista’ jkollhom riskju akbar li jirrikorru għall-korruzzjoni minħabba l-funzjonijiet tagħhom min-naħa l-oħra. Il-KESE japprova wkoll l-inklużjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-flus fil-lista tal-professjonisti obbligati peress li dan is-settur jista’ jintuża għall-finijiet tal-ħasil tal-flus.

1.3

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni Ewropea tkun fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Il-KESE jikkunsidra li wieħed mill-modi biex ikun żgurat li l-qafas regolatorju Ewropew il-ġdid ikun effettiv u għalhekk jippermetti lill-UE tmexxi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, huwa li l-partijiet interessati kollha jingħaqdu flimkien. Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki miżjudin fil-proposta biex tiġi żgurata l-proporzjonalità fir-rigward tal-SMEs. Il-KESE jħoss li huwa xieraq li l-entitajiet iż-żgħar jingħataw għajnuna teknika u professjonali permezz ta’ korpi intermedjarji bħall-kmamar tal-professjonisti, l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-obbligi stabbiliti fil-proposta.

1.4

Il-KESE jifraħ li l-Kummissjoni daħlet għall-kompitu delikat li ssib bilanċ bejn kwistjonijiet li a priori jidher li hu diffiċli li jiġu rikonċiljati, jiġifieri l-protezzjoni tad-data personali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-għan tal-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, inkluża d-data personali, minn firxa wiesgħa ta’ professjonisti hu biss li jiġu identifikati l-attivitajiet kriminali. Għalhekk, il-professjonisti jridu jipproteġu kemm jista’ jkun il-ħajja privata tal-klijenti tagħhom filwaqt li tkun il-prijorità tagħhom li jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

1.5

Il-KESE jilqa’ l-proposta għall-armonizzazzjoni Ewropea tas-sanzjonijiet li japplikaw fis-settur finanzjarju. Il-prevenzjoni tal-kriminalità għandha tkun kemm jista’ jkun effikaċi u l-professjonisti għandhom jingħataw sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati mal-ammonti tal-ħasil tal-flus. Il-KESE għalhekk jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti u korretta tal-pieni u s-sanzjonijiet amministrattivi.

2.   Il-kuntest

2.1

Il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva jheddu s-sigurtà dinjija u l-integrità tas-sistema finanzjarja. It-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force – FATF) huwa l-korp inkarigat fil-livell internazzjonali biex ifassal miżuri, imsejħin rakkomandazzjonjiet, għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u, dan l-aħħar, il-finanzjament tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva.

2.2

Matul kważi tliet snin ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF ġew riveduti sabiex isaħħu l-miżuri ta’ prevenzjoni u jipproteġu aħjar is-sistema finanzjarja billi lill-gvernijiet jipprovdulhom strumenti aktar qawwija biex jippenalizzaw il-każijiet ta’ ksur gravi. B’hekk l-FATF adotta rakkomandazzjonijiet ġodda fi Frar 2012 (1).

2.3

Il-bidliet essenzjali li saru fir-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tal-FATF huma dawn li ġejjin:

2.3.1

Ir-rakkomandazzjonijiet jispjegaw b’mod aktar ċar il-kunċett tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jridu jadottaw il-pajjiżi u l-entitajiet obbligati (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-professjonisti”) bil-għan li jifhmu aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (minn hawn ’il quddiem imsejħin “ĦF/FT”) li jiffaċċjaw, u li jadattaw is-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jallokaw ir-riżorsi tagħhom b’mod adegwat skont in-natura tar-riskji identifikati.

2.3.2

Ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu l-kjarifiki meħtieġa rigward in-natura tal-obbligi li għandhom il-professjonisti. Jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni (i) tal-obbligu li jkun hemm trasparenza rigward l-identità tal-benefiċjarji effettivi tal-kumpaniji u tal-benefiċjarji tat-trasferimenti elettroniċi kif ukoll (ii) tal-obbligu li jiġu identifikati l-persuni politikament esposti li jista’ jkollhom riskju akbar li jirrikorru għall-korruzzjoni minħabba l-funzjonijiet tagħhom.

2.3.3

Ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu mezzi aktar effikaċi biex l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom, u jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-inkjesti, il-monitoraġġ u l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta’ ksur gravi.

2.4

L-FATF ser jibda ċiklu ġdid ta’ evalwazzjoni reċiproka tal-membri tiegħu fl-2014, u ser jiffoka b’mod partikolari fuq l-effikaċja tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tiegħu.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta għar-raba’ Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ĦF/FT u dik dwar it-tieni Regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi jagħmlu parti mill-aġġornament tal-qafas regolatorju Ewropew u l-għan tagħhom hu li jirriflettu l-bidliet li saru fir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF.

3.2

Il-bidliet ewlenin li dawn il-proposti jagħmlu fil-qafas regolatorju Ewropew huma dawn li ġejjin:

3.2.1

Fil-lista tal-professjonisti jiġu inklużi (i) in-negozjanti li jikkonkludu tranżazzjoni bi flus kontanti f’ammont akbar minn EUR 7 500 (2), (ii) il-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-flus u tal-azzard, u (iii) l-aġenti tal-kiri.

3.2.2

Ir-reati fiskali jitniżżlu b’mod speċifiku bħala reati predikati tal-ħasil tal-flus.

3.2.3

Il-Proposta għal Direttiva tispeċifika li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, sew fil-livell sopranazzjonali, sew f’dak nazzjonali u sew f’dak ta’ kull professjonista, għandu jiġi implimentat abbażi ta’ livelli ta’ diliġenza stabbiliti f’lista minima ta’ fatturi li jridu jiġu kkunsidrati jew f’linji gwida mħejjija mill-awtoritajiet superviżorji Ewropej.

3.2.4

L-awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) huma mħeġġin jipparteċipaw fl-analiżi tar-riskji tal-ĦF/FT fi ħdan l-Unjoni Ewropea u jippubblikaw standards regolatorji tekniċi għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

3.2.5

Il-professjonisti jridu jiksbu informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi u jqisu l-persuni politikament esposti f’livell nazzjonali jew li jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħala kategorija ta’ klijenti b’riskju partikolari.

3.2.6

Ġiet stabbilita lista ta’ sanzjonijiet amministrattivi għall-każijiet meta l-professjonisti jiksru b’mod sistematiku r-rekwiżiti fundamentali tad-Direttiva.

3.3

Il-bidliet proposti huma bbażati l-aktar fuq studju (3) dwar l-applikazzjoni tat-tielet Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ĦF/FT imwettaq minn ditta tal-awditjar indipendenti kif ukoll fuq il-pożizzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni matul il-konsultazzjoni pubblika tagħha.

3.4

Il-Proposta għal Direttiva u l-Proposta għal Regolament huma maħsuba biex jieħdu post id-Direttiva u r-Regolament attwali, li ser jitħassru.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jiġi adattat il-qafas regolatorju Ewropew eżistenti dwar il-ġlieda kontra l-ĦF/FT fid-dawl tal-bidliet li saru fil-livell internazzjonali. Il-KESE huwa konxju li l-fenomenu tal-ĦF/FT jolqot is-setturi kollha tal-ekonomija u li għandu jiġi żgurat b’mod partikolari li l-qafas regolatorju jipprevjeni b’mod effikaċi l-użu tas-sistema finanzjarja għal finijiet kriminali.

4.2

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni Ewropea tkun fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Ifakkar fil-pożizzjoni li ħa diġà f’Opinjoni preċedenti tiegħu fejn jilqa’ l-iżvilupp kontinwu tar-regoli biex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bħala sinjal li juri li l-Unjoni Ewropea qed tiżgura standards għoljin ta’ integrità u mġiba pubblika u privata tajba. Id-Direttiva hi kemm pass prattiku fil-ġestjoni tal-affarijiet finanzjarji kif ukoll mezz biex tissaħħaħ l-Unjoni Ewropea (4).

4.3

Il-KESE jaħseb li jekk il-limitu li meta jinqabeż in-negozjanti jridu jimplimentaw l-obbligi previsti fil-Proposta għal Direttiva jonqos minn EUR 15 000 għal EUR 7 500, dan ikun pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex jiġu promossi l-pagamenti mhux bil-flus. Il-KESE diġà osserva f’Opinjoni preċedenti (5) li l-flus kontanti huma meqjusa bħala fattur li jiffaċilita l-ekonomija illeġittima u li l-pagamenti mhux bil-flus huma aktar trasparenti mil-lat fiskali u ekonomiku, irħas għas-soċjetà kollha, prattiċi, siguri u innovattivi.

4.4   L-appoġġ għall-“entitajiet iż-żgħar”

4.4.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-aġenti tal-kiri u l-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard huma soġġetti għall-obbligi tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT, filwaqt li dawn l-entitajiet mhumiex inklużi fir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF.

4.4.2

Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki miżjudin fil-proposta biex tiġi żgurata l-proporzjonalità fir-rigward tal-SMEs. Sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet iż-żgħar ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligi inklużi fid-Direttiva proposta, il-KESE jissuġġerixxi li fil-livell nazzjonali jiġu involuti b’mod formali korpi intermedjarji, pereżempju kmamar tal-professjonisti, assoċjazzjonijiet jew federazzjonijiet li jirrappreżentaw l-“entitajiet iż-żgħar”, u li dawn jingħataw setgħat ta’ gwida, appoġġ u medjazzjoni. L-appoġġ għall-“entitajiet iż-żgħar” huwa essenzjali sabiex dawn ma jispiċċawx il-mira ewlenija ta’ dawk li jaħslu l-flus.

4.5   L-adattament tar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni għall-era diġitali

4.5.1

L-obbligu tal-identifikazzjoni tal-persuni għandu jitwettaq fil-preżenza fiżika tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan, il-professjonisti jridu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza msaħħa minħabba r-riskju marbut mat-tranżazzjonijiet li jsiru mill-bogħod. Il-KESE jistaqsi jekk dan it-tip ta’ rekwiżit huwiex adegwat fid-dawl tal-mixja tas-soċjetà tagħna lejn soċjetà fejn kollox ikun diġitali.

4.5.2

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar miżuri li jadattaw l-obbligi tal-identifikazzjoni tal-klijenti għall-użu dejjem iżjed frekwenti tal-pagamenti u l-komunikazzjonijiet elettroniċi.

4.6   Il-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data personali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

4.6.1

Il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li jinsab bilanċ bejn l-interessi marbutin mal-protezzjoni tad-data personali minn naħa, u s-salvagwardja tal-integrità tas-sistema finanzjarja bis-saħħa tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT min-naħa l-oħra.

4.6.2

Peress li l-kunċett tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT jissejjes fuq il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, inkluża d-data personali, minn firxa wiesgħa ta’ professjonisti, il-KESE jemmen li hemm bżonn li l-proposti jissodisfaw fil-parti l-kbira r-rekwiżiti maħsubin sew għall-Istati Membri u sew għall-professjonisti bil-għan li jinsab bilanċ aħjar bejn kwistjonijiet li a priori hu diffiċli li jiġu rikonċiljati.

4.6.3

Fir-rigward tal-obbligu previst fl-Artikolu 39 tal-Proposta għal Direttiva li d-dokumenti u l-informazzjoni jinqerdu wara ħamsa jew għaxar snin li tispiċċa r-relazzjoni ta’ negozju, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġislazzjoni tagħhom tipprevedi sitwazzjonijiet (bħall-prosekuzzjoni kriminali, fallimenti jew suċċessjoni) fejn dan l-obbligu ma japplikax, bħala prevenzjoni biex dan ma jmurx kontra l-interess ġenerali.

4.6.4

Il-KESE jipproponi li d-Direttiva tipprevedi b’mod espliċitu l-obbligu li tinżamm b’mod strett in-natura kunfidenzjali tal-identità tal-persuni li jagħmlu stqarrijiet dwar tranżazzjoni suspettuża, ħlief jekk dawn il-persuni jaqblu li tinkixef l-identità tagħhom, jekk ikun essenzjali li tinkixef l-identità tagħhom biex tiġi garantita proċedura ġusta tal-qorti fil-kuntest ta’ każ kriminali.

4.7   Bażi għal-leġittimità tal-intervent tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej

4.7.1

Il-KESE jinnota li l-awtoritajiet superviżorji Ewropej ser jiġu involuti fl-analiżi tar-riskji tal-ĦF/FT fil-livell Ewropew u jistgħu joħorġu linji gwida u standards regolatorji għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Għalkemm il-KESE jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej b’rabta mal-ġlieda Ewropea kontra l-ĦF/FT, hu jinnota li dawn jistgħu biss jirrappreżentaw is-settur finanzjarju u jirregolawh b’mod limitat. Però għadd kbir ta’ professjonisti obbligati ma jagħmlux parti mis-settur finanzjarju u għaldaqstant mhumiex rappreżentati fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li fil-livell Ewropew il-Kummissjoni tkun involuta fl-analiżi tar-riskji u fil-ħruġ ta’ linji gwida f’isem il-professjonisti mhux finanzjarji li huma soġġetti għall-obbligi tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT.

4.7.2

Il-KESE hu konvint li hemm bżonn ta’ rakkomandazzjonijiet u standards ta’ interpretazzjoni armonizzati fil-livell Ewropew sabiex ir-regoli tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT jiġu applikati b’mod aktar uniformi fl-Istati Membri.

4.8   Sanzjonijiet amministrattivi

4.8.1

Il-proposti jistabbilixxu lista ta’ sanzjonijiet amministrattivi li tkompli mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-“Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji” li l-KESE ħareġ opinjoni (6) dwarha u li tinsab ukoll fi proposti reċenti oħra tal-Kummissjoni (7).

4.8.2

Il-KESE jinkoraġġixxi l-armonizzazzjoni Ewropea tas-sanzjonijiet li japplikaw fis-settur finanzjarju. Ta’ min jinnota li r-repressjoni tal-kriminalità ma twaqqafx il-kriminalità. Għalhekk huwa essenzjali li l-prevenzjoni tal-kriminalità tkun kemm jista’ jkun effikaċi u li jkunu jistgħu jingħataw sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati mal-ammonti tal-ħasil tal-flus lil dawk il-professjonisti li ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom marbuta mal-ġlieda kontra l-ĦF/FT.

4.8.3

Il-KESE jistaqsi jekk is-sanzjonijiet pjanati humiex ta’ natura purament “amministrattiva”, u jibża’ li dan jista’ jixħet dubju fuq is-severità tas-sanzjonijiet amministrattivi proposti fid-dawl tal-ġerarkija tal-istandards legali u tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet kriminali. Għalkemm is-sanzjonijiet amministrattivi pjanati huma dissważivi u għandhom l-għan li tinkiseb armonizzazzjoni Ewropea, huwa minnu wkoll li s-sanzjonijiet kriminali għall-ħasil tal-flus ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti u korretta tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq il-professjonisti minħabba li jonqsu milli jimplimentaw l-obbligi tagħhom relatati mal-ġlieda kontra l-ĦF/FT u l-pieni li japplikaw f’każ ta’ ħasil tal-flus.

4.8.4

Il-KESE jibża’ li jista’ jinxteħet dubju fuq il-konformità tal-iskema ta’ sanzjonijiet amministrattivi mal-Artikoli 6(1) u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u dan bir-riskju li ċerti sanzjonijiet amministrattivi jitqiesu bħala “pieni” li jistgħu jingħataw biss minn qorti indipendenti wara proċess ġust filwaqt li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ssib is-soluzzjonijiet legali adegwati sabiex tiżgura li ma jkun jista’ jinxteħet l-ebda dubju fuq l-iskema ta’ sanzjonijiet proposta.

4.8.5

Il-KESE jemmen li – fil-proposta – l-introduzzjoni ta’ regoli bbażati fuq il-prinċipju ta’ limiti minimi sabiex jiġu applikati miżuri u pieni amministrattivi, tirrappreżenta approċċ li jtejjeb ir-rispons tal-UE b’mod ġenerali.

5.   Kummenti partikolari

5.1

Il-KESE jirrakkomanda li titwessa’ d-definizzjoni ta’ finanzjament tat-terroriżmu mogħtija fl-Artikolu 1(4) tal-Proposta għal Direttiva sabiex tinkludi “kull att ieħor” minbarra r-reati msemmijin, b’konformità mal-formulazzjoni tar-rakkomandazzjoni 5 tal-FATF.

5.2

Il-KESE jinnota li l-annessi tal-Proposta għal Direttiva jistabbilixxu lista ta’ fatturi u elementi ta’ riskju li l-professjonisti jridu jivverifikaw fil-qafas tal-obbligi tagħhom b’rabta mal-ġlieda kontra l-ĦF/FT. Il-KESE jemmen li l-listi provduti fl-annessi mhumiex eżawrjenti u li l-professjonisti għandhom jikkunsidraw ukoll, b’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, fatturi oħra li huma marbuta mill-qrib mal-Istati Membri u ċ-ċirkostanzi differenti tat-tranżazzjonijiet li jikkonkludu.

5.3

Il-KESE jemmen li s-soluzzjoni għall-problemi tal-piraterija hi li jiġu traċċati u mrażżna l-flussi finanzjarji involuti. Fl-UE għandha tinħoloq “blacklist” ta’ istituzzjonijiet finanzjarji involuti fil-ħasil tal-flus tal-piraterija. Il-Bank Dinji, l-Interpol u l-Europol jistgħu jgħinu fil-ġlieda biex jiġu identifikati l-flus tal-fidwa (ransoms), li għandhom jiġu traċċati u konfiskati sabiex il-piraterija ma tibqax negozju attraenti (8).

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  www.fatf-gafi.org

(2)  Bħalissa l-limitu hu ta’ EUR 15 000.

(3)  http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/financial-crime/20110124_study_amld_en.pdf

(4)  ĠU C 267, 27.10.2005, p. 30-35 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 52.

(6)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 108.

(7)  COM(2011) 651 final, COM(2011) 656 final, COM(2011) 683 final.

(8)  ĠU C 76, 14.3.2013, p. 15.


Top