Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE0963

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nilliberaw il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 76, 14.3.2013, pp. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nilliberaw il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 76/01

Relatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Nilliberaw il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Diċembru 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’131 vot favur, l-ebda vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa konxju tal-fatt li l-kwistjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar ġiet eżaminata relattivament tajjeb bis-saħħa tar-riċerka li ilha ssir f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin u l-ammont kbir ta’ letteratura xjentifika speċjalizzata li teżisti (1). Madanakollu, minħabba l-importanza ta’ dan is-suġġett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jappoġġjaw it-twettiq ta’ studji u riċerki addizzjonali u li jadottaw għadd ta’ miżuri adegwati li jiffavorixxu l-attenzjoni għad-diversità tal-persuni kollha inġenerali, inklużi programmi li jwasslu biex jiġi lliberat il-potenzjal tat-tfal u taż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar, biex dawn ikunu jistgħu jintużaw f’oqsma differenti. L-għanijiet ta’ din l-azzjoni huma, fost oħrajn, li jiġu ffaċilitati l-impjieg u l-impjegabbiltà fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, u, f’kuntest ta’ kriżi ekonomika, li jiżdied il-valur tal-għarfien speċjalizzat u li jiġi evitat l-eżodu ta’ nies b’kapaċitajiet kbar lejn partijiet oħra tad-dinja.

1.2

Il-Kumitat jipproponi li jiġu mħeġġa l-iżvilupp u l-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar matul il-fażijiet u l-forom differenti tal-edukazzjoni tagħhom, billi tiġi evitata l-ispeċjalizzazzjoni f’fażijiet bikrin wisq u billi titħeġġeġ l-attenzjoni għad-diversità fl-iskejjel, billi jiġu sfruttati l-possibbiltajiet li joffru t-tagħlim kooperattiv u l-edukazzjoni mhux formali.

1.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li jitħeġġu l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, billi jitqies li għal kull persuna l-potenzjal intellettwali mhuwiex statiku, iżda jinbidel b’mod differenti fil-fażijiet differenti tal-ħajja.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-ġejjieni tingħata aktar attenzjoni lill-mudelli u l-esperjenzi tax-xogħol li jeżistu f’kull Stat Membru għall-ħidma ma’ studenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar, speċjalment dawk il-mudelli li jibbenefikaw lis-soċjetà kollha kemm hi, li jiffaċilitaw il-koeżjoni tagħha, inaqqsu l-falliment skolastiku u jiffavorixxu t-titjib fl-edukazzjoni b’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.5

Il-Kumitat ifakkar fil-ħtieġa li, fil-post tax-xogħol, jiġu identifikati dawk il-ħaddiema, speċjalment żgħażagħ, li jkollhom il-kapaċità u l-interess li jiżviluppaw il-kapaċitajiet intellettwali tagħhom u li jikkontribwixxu għall-innovazzjoni, u li jingħataw il-possibbiltà li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fil-qasam li jaqbel mal-ambizzjonijiet u ċ-ċentri ta’ interess tagħhom.

1.6

Il-Kumitat jipproponi li tittejjeb l-attenzjoni li tingħata fl-edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom kapaċitajiet kbar, fl-aspetti li ġejjin:

it-taħriġ inizjali u permanenti tal-għalliema dwar il-profil u l-karatteristiċi tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, kif ukoll l-identifikazzjoni tagħhom u l-attenzjoni edukattiva li jeħtieġu;

proċeduri li jinġabru flimkien għall-identifikazzjoni bikrija tal-eżistenza ta’ kapaċitajiet intellettwali kbar fl-istudenti inġenerali u speċjalment f’dawk li jkunu ġejjin minn setturi u ambjenti soċjali żvantaġġati;

it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri edukattivi maħsubin għall-istudenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu azzjonijiet kemm fi ħdan l-istabbilimenti edukattivi ordinarji kif ukoll barra minnhom;

li fit-taħriġ tal-għalliema jiġu integrati l-valuri tal-umaniżmu, ir-realtà tal-multikulturaliżmu, l-użu edukattiv tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u, fl-aħħarnett, it-tħeġġiġ tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kapaċità li wieħed jieħu inizjattiva.

1.7

It-titjib tal-attenzjoni edukattiva għat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar għandu jinkludi l-edukazzjoni emozzjonali, li hija importanti b’mod speċjali waqt l-adoloxxenza, il-kisba ta’ ħiliet soċjali sabiex dawn jiffaċilitaw l-integrazzjoni u l-inklużjoni fis-soċjetà, l-inklużjoni fid-dinja tax-xogħol u t-tħeġġiġ tal-kapaċità tagħhom li jaħdmu f’tim.

1.8

Hemm bżonn li jiġu sfruttati l-mekkaniżmi u l-proċeduri ta’ skambji u żjarat għal ftit żmien ta’ studenti f’pajjiżi oħra sabiex l-istudenti b’kapaċitajiet kbar ikunu jistgħu jieħdu sehem fihom, speċjalment dawk li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati.

1.9

Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet għall-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajbin bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar u tal-attenzjoni li tingħatalhom.

1.10

Għandu jitħeġġeġ spirtu intraprenditorjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar, minn perspettiva ta’ responsabbiltà u solidarjetà għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi.

2.   Kuntest ġenerali

2.1

Waħda mit-tliet prijoritajiet ewlenin tal-programm “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, approvat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2010, hija “Tkabbir intelliġenti: l-iżviluppar ta’ ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni”. Minn din il-perspettiva, l-edukazzjoni taċ-ċittadini kollha ssir riżorsa importanti biex jiġi garantit il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, u dan jinkludi, fost affarijiet oħrajn, it-titjib tal-identifikazzjoni u l-attenzjoni edukattiva tal-persuni b’kapaċitajiet kbar.

2.2

Il-politiki tal-edukazzjoni attwali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħtu importanza kbira lill-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti, u dan isarraf f’impenn sabiex kull wieħed u waħda mill-istudenti jirċievu l-attenzjoni edukattiva li jeħtieġu biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom kemm jista’ jkun. Bħala parti mill-isforz immirat lejn l-istudenti kollha li jeħtieġu appoġġ edukattiv speċifiku, hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi li bħalissa huma ddedikati lil dawk li għandhom kapaċitajiet intellettwali kbar.

2.3

L-analiżi tas-sitwazzjoni attwali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea turi li hemm eteroġeneità kbira rigward l-identifikazzjoni u l-attenzjoni edukattiva li tingħata lil studenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar. Joħroġ ċar ukoll il-bżonn li jittejbu l-prattiki u l-attivitajiet edukattivi maħsubin għal dawn it-tipi ta’ studenti, aspett li huwa influwenzat mill-fatt li ma tantx jeżisti taħriġ speċifiku għall-għalliema dwar dan is-suġġett.

3.   Kapaċitajiet intellettwali kbar

3.1   Kunċett

3.1.1

L-istudji u r-riċerki internazzjonali jaqblu li jeżistu persuni b’kapaċitajiet kbar fil-gruppi soċjali kollha (2). Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-popolazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Mil-lat soċjali, politiku u edukattiv, l-identifikazzjoni tal-persuni b’kapaċitajiet kbar u l-attenzjoni li tingħatalhom huwa suġġett relattivament reċenti u li bla dubju ser tiżdied l-importanza tiegħu matul is-snin li ġejjin. Dawn l-istudji jaqblu bejniethom li t-titjib tal-identifikazzjoni u tal-attenzjoni edukattiva tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar teħtieġ l-involviment tas-soċjetà kollha kemm hi: politiċi, għalliema, xjentifiċi u riċerkaturi, familji u msieħba soċjali.

3.1.2

Il-letteratura xjentifika speċjalizzata fil-qasam tal-kapaċitajiet kbar tuża diversi termini marbutin mal-kapaċità kbira: prekoċità (riżultati ogħla minn dawk mistennijin għal dik l-età), talent (abbiltà speċifika f’oqsma speċifiċi ħafna bħall-matematika, il-mużika, eċċ.) u fl-aħħarnett, il-fatt li persuna tkun mogħnija ħafna intellettwalment jew ikollha kapaċitajiet kbar. Dan il-kunċett li persuna tkun mogħnija ħafna intellettwalment jew ikollha kapaċitajiet kbar bħalissa huwa definit permezz tal-karatteristiċi li ġejjin:

kapaċità intellettwali ikbar mill-medja, meta mqabbla kemm ma’ ħiliet ġenerali kif ukoll speċifiki; minkejja li tradizzjonalment intużat ir-referenza ta’ kwozjent tal-intelliġenza ogħla minn 130 (il-medja hija 100), matul dawn l-aħħar snin dan il-kriterju twessa’ u sar aktar flessibbli biex sar jinkludi l-valutazzjoni ta’ indikaturi oħra importanti bl-istess mod:

livell għoli ta’ dedikazzjoni u impenn fil-ħidma: perseveranza, interess, reżistenza, kunfidenza fihom infushom, eċċ.;

livelli għoljin ta’ kreattività, flessibbiltà u oriġinalità biex jistaqsu, iwieġbu u jsolvu l-problemi u d-diffikultajiet li jiġu ppreżentati lilhom.

Minkejja li l-kapaċità kbira fil-qasam skolastiku u akkademiku normalment tmur id f’id ma’ riżultati tal-iskola tajbin, jiġri relattivament ta’ sikwit li jkun hemm każijiet ta’ falliment skolastiku fost l-istudenti b’kapaċitajiet kbar. Il-profil ta’ persuni b’kapaċitajiet kbar m’għandux jitqies bħala sitwazzjoni statika, iżda bħala potenzjal li biex jintuża jrid jiġi identifikat, rikonoxxut u megħjun mis-soċjetà peress li jekk dan ma jseħħx, jista’ jintilef.

3.1.3

Il-letteratura xjentifika taqbel ukoll li l-kapaċità kbira hija multidimensjonali, jiġifieri li hija qasam wiesa’, li jista’ jkollha tifsiriet differenti, ma tistax tiġi limitata għall-valutazzjoni tal-kwozjent tal-intelliġenza, li trid tinkludi wkoll il-valutazzjoni tal-aspetti bħall-oriġinalità u l-kreattività tal-ħsieb, u li ta’ sikwit tkun kundizzjonata u influwenzata minn elementi familjari u soċjokulturali. Xi drabi, kif jiġri f’persuni li huma awtistiċi jew li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà motorja, persuna b’kapaċitajiet kbar jista’ jkollha wkoll xi diżabbiltà.

3.1.4

L-istudenti u l-persuni b’kapaċitajiet kbar huma preżenti fil-gruppi u l-livelli soċjali kollha, huma x’inhuma s-sess jew il-kundizzjoni soċjali tagħhom; madankollu, fil-prattika, fil-proċessi ta’ identifikazzjoni normalment joħorġu l-fenomeni li ġejjin li jridu jitqiesu sabiex ikunu jistgħu jiġu kkumpensati:

l-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar hija aktar frekwenti f’livelli soċjali medji u għoljin minħabba li l-familji jkollhom livell ta’ għarfien ogħla dwar dan is-suġġett iżda wkoll minħabba l-influwenza ta’ ambjenti familjari stimolanti fil-qasam edukattiv u akkademiku. Xi kultant, il-fatt li l-iskejjel ikollhom stennijiet baxxi dwar il-kapaċitajiet tal-istudenti tagħhom stess jista’ jinfluwenza wkoll b’mod negattiv l-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar f’ambjenti soċjali żvantaġġati;

minkejja li hemm tendenza ġenerali lejn id-diskrezzjoni u l-anonimat fost studenti u persuni b’kapaċitajiet kbar, statistikament l-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar hija aktar komuni fost l-irġiel milli fost in-nisa minħabba fatturi kulturali u psikoevoluttivi li jindikaw probabbiltà ogħla ta’ anonimat fost l-istudenti nisa li possibbilment għandhom kapaċitajiet kbar (3);

3.1.5

L-istess bħalma jiġri għall-bqija ta’ dawk li jmorru l-iskola, meta nirreferu għal studenti u żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar għandna nqisu li dan huwa grupp varjat ħafna.

3.1.6

Huwa possibbli li jinstabu studenti li minkejja li jkollhom kapaċitajiet intellettwali kbar, ikollhom diffikultajiet jirnexxu fl-iskola u jiffurmaw parti mill-grupp ta’ studenti li ma jirnexxux fl-iskola minħabba raġunijiet bħan-nuqqas sħiħ jew parzjali ta’ attenzjoni edukattiva speċifika jew problemi ta’ nuqqas ta’ adattament. Ta’ sikwit jiġri wkoll li jkun hemm studenti b’kapaċitajiet kbar bi problemi ta’ marġinalizzazzjoni jew rifjut mill-grupp tagħhom, u dan jikkontribwixxi wkoll għaż-żieda fil-possibbiltà ta’ falliment fl-iskola. L-identifikazzjoni adegwata u l-attenzjoni għal studenti b’kapaċitajiet kbar huma fatturi li jistgħu u li għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda fil-persentaġġ tal-persuni b’edukazzjoni ogħla, li huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin dwar l-edukazzjoni tal-Programm Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.2   Identifikazzjoni u segwitu edukattiv tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar

3.2.1

It-titjib fl-attenzjoni mogħtija lill-kapaċitajiet kbar jimplika diversi elementi separati: l-identifikazzjoni bikrija, il-valutazzjoni psikopedagoġika u soċjali fil-fond biex tiġi kkonfermata jew le l-preżenza ta’ kapaċitajiet kbar, u fl-aħħarnett it-tweġiba jew l-attenzjoni edukattiva fit-tifsira stretta tal-kelma, li tista’ sseħħ kemm permezz tal-edukazzjoni formali kif ukoll dik mhux formali.

3.2.2

Normalment jiġi aċċettat il-fatt li għadd konsiderevoli ta’ persuni b’kapaċitajiet kbar ma jinqabdux fil-proċess ta’ identifikazzjoni. Il-proċess ta’ identifikazzjoni jista’ jseħħ wara t-tmiem tal-edukazzjoni preprimarja (kindergarden) jew fil-bidu tal-edukazzjoni primarja. L-istess bħalma jiġri għal kull student ieħor bi ħtiġijiet ta’ appoġġ edukattiv speċifiku, l-identifikazzjoni bikrija tal-kapaċitajiet kbar tiffaċilita r-rispons u l-attenzjoni edukattiva adegwati u timpedixxi l-possibbiltajiet ta’ falliment skolastiku jew tluq mill-iskola bikri fil-futur. Minkejja li l-identifikazzjoni ta’ kapaċitajiet kbar hija possibbli anke f’fażijiet tal-edukazzjoni jew tal-ħajja aktar avvanzati, dan il-fatt jagħti importanza speċjali lill-proċess ta’ identifikazzjoni inizjali u ta’ valutazzjoni psikopedagoġika tal-istudenti li jista’ jkollhom kapaċitajiet kbar.

3.2.3

L-identifikazzjoni inizjali tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar normalment tibda meta l-ġenituri jew l-għalliema josservaw li jibdew juru biċ-ċar li qed imorru aħjar mit-tfal tal-età tagħhom, jew li f’ċerti okkażjonijiet juru sinjali li ma jkunux qed jintegraw. Din l-identifikazzjoni bikrija, li wara trid tiġi kkonfermata jew imwarrba mill-ispeċjalisti, tista’ tkun ibbażata fuq l-indikaturi li ġejjin:

l-użu tal-lingwaġġ: vokabularju wiesa’, preċiżjoni fit-termini użati, kumplessità tal-istruttura tas-sentenzi tagħhom;

fehim għoli ta’ ideat kumplessi u astratti; xi kultant, il-kapaċità li jiżviluppaw jew jelaboraw ideat f’livell mhux mistenni mill-età tagħhom;

il-kwalità tal-mistoqsijiet tagħhom. Dawn jistgħu jkunu mhux tas-soltu, oriġinali, kumplikati jew mimlijin maturità u jkunu jafu eżattament dwar xiex qed jitkellmu;

kapaċità li jfasslu strateġiji sistematiċi u multipli biex isolvu l-problemi;

possibbiltà li jitgħallmu malajr ħafna u b’faċilità meta jkunu interessati;

imġiba kreattiva ħafna fil-produzzjoni ta’ ideat, objettivi u soluzzjonijiet għal problemi partikolari.

3.2.4

B’mod speċjali għal tfal ta’ etajiet żgħar (sa 4-5 snin), hemm bżonn li jintuża l-galbu fl-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar peress li l-fenomenu tal-prekoċità jew il-preżenza ta’ ambjenti familjari li jistimolaw ħafna l-attività skolastika, jista’ jwassal għal dijanjożi prematura u li tista’ ma tkunx stabbli jew eżatta. F’dawn il-każijiet ikun opportun li jsiru reviżjonijiet f’mumenti li fihom jintwerew il-kapaċitajiet kbar jew jiġi ċċekkjat jekk, għall-kuntrarju, l-istudent ikunx qed joqrob lejn il-livelli meqjusa normali.

3.2.5

F’ambjenti soċjali żvantaġġati ta’ sikwit jiġri li l-kapaċitajiet kbar ikunu moħbija minħabba diffikultajiet jew nuqqasijiet soċjoekonomiċi jew saħansitra mill-istennijiet baxxi tal-iskejjel li jattendu, u b’hekk joħorġu fid-dieher b’inqas faċilità. Huwa importanti li dan jittieħed inkunsiderazzjoni u li tingħata attenzjoni speċjali għall-iżvilupp u l-progress tat-tfal u ż-żgħażagħ li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati bil-għan li dawn jingħataw l-attenzjoni edukattiva li jeħtieġu, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dawk li jista’ jkollhom kapaċitajiet kbar.

3.2.6

Dawn huma xi kwistjonijiet jew stennijiet li jridu jiġu evitati b’rabta mal-istudenti u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar:

li wieħed jaħseb li t-tfal b’kapaċitajiet kbar ser jibbrillaw fl-oqsma kollha tal-iżvilupp tagħhom, li ser ikunu maturi emozzjonalment, b’kontroll għoli tagħhom infushom, indipendenti, responsabbli u li jixtiequ jogħġbu lill-għalliema tagħhom;

li wieħed jaħseb li ser jibbrillaw fl-oqsma kollha tal-kurrikulu tal-iskola. L-għalliema ġeneralment jistennew li l-istudenti intelliġenti ħafna jwettqu xogħol brillanti fl-oqsma kollha;

li wieħed jistenna li t-tfal b’kapaċitajiet kbar huma motivati ħafna biex jirnexxu ħafna fl-iskola u jagħmlu sforz u juru interess f’kull biċċa xogħol li tingħatalhom.

3.2.7

Ladarba l-ġenituri u l-għalliema jkollhom is-suspett li tifel jew tifla jew żagħżugħ jew żagħżugħa jista’ jkollha kapaċitajiet kbar, l-identifikazzjoni inizjali titlob l-użu ta’ strumenti ta’ valutazzjoni speċifiċi u għandha ssir mill-professjonisti speċjalizzati fil-valutazzjoni psikopedagoġika, bil-kooperazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel. Din il-valutazzjoni għandha tkun varjata u sħiħa kemm jista’ jkun u tinkludi ambjenti (ambjent tal-iskola, soċjali u tal-familja) u strumenti differenti għall-ġbir tal-informazzjoni differenti bil-għan li jkunu jistgħu jiġu applikati għal kull student, ikun x’ikun l-oriġini familjari jew soċjali tiegħu jew tagħha. Permezz ta’ din il-valutazzjoni wiesgħa u varjata jkun jista’ jitfassal rapport psikopedagoġiku li għandu jikkonferma jew jirrifjuta l-preżenza ta’ kapaċitajiet kbar.

3.3   Attenzjoni edukattiva tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar

3.3.1

Ladarba jiġi kkonfermat li l-istudent jew studenta jkollha kapaċitajiet kbar, il-fatturi u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jiffaċilitaw rispons edukattiv adegwat għal dawn it-tfal u ż-żgħażagħ huma li ġejjin:

ambjent stimolanti li jħeġġeġ il-potenzjal tagħhom;

l-awtonomija u l-awtokontroll;

sentiment ta’ appartenenza għall-grupp ta’ ħbieb u ta’ studenti ta’ mparhom;

li l-persuni ta’ madwarhom jaċċettawhom u jemmnu fihom;

tagħlim adattat għall-ħtiġijiet tagħhom u ritmu personali għat-tagħlim;

kurrikulu flessibbli li jħallihom jidħlu aktar fil-fond fis-suġġetti;

aċċess u riżorsi edukattivi addizzjonali li jikkomplementaw l-offerta edukattiva ordinarja;

flessibbiltà meta jkunu qed jiġu mgħallma f’aspetti bħal ħinijiet, attivitajiet, riżorsi, materjali u raggruppamenti;

sehem tal-istudenti fl-ippjanar tal-proċess tat-tagħlim speċifiku tagħhom.

3.3.2

Fid-diversi mudelli pedagoġiċi u sistemi edukattivi jeżistu approċċi differenti dwar il-mod kif għandhom jintlaqgħu l-ħtiġijiet edukattivi ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar. Il-miżuri adottati f’dan ir-rigward jistgħu jinqasmu f’żewġ tendenzi differenti:

a)

edukazzjoni differenzjata: meta fi ħdan l-istess skola jiġu stabbiliti gruppi omoġenji ta’ studenti skont il-kapaċità u l-livell ta’ tagħlim rispettivi tagħhom;

b)

edukazzjoni inklużiva: meta l-gruppi ta’ studenti jkunu eteroġenji u ċ-ċentru ta’ tagħlim joffri rispons edukattiv adattat għad-diversità tal-istudenti li jeżistu fi ħdan kull grupp;

3.3.3

Bħalissa l-edukazzjoni inklużiva hija l-approċċ l-aktar mifrux fis-sistemi edukattivi differenti fl-Unjoni Ewropea. Dan jirrifletti l-intenzjoni li l-istudenti li jinsabu fl-ewwel fażijiet tal-edukazzjoni tagħhom jiġu offruti edukazzjoni komuni f’ambjent skolastiku attent għad-diversità u li jevita li jsiru raggruppamenti omoġenji f’fażi bikrija wisq. Dan l-approċċ jaqbel mal-fatt li, matul il-fażijiet edukattivi mhux obbligatorji, jew meta l-istudenti jkunu kważi temmew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom u jkunu qed joqorbu lejn il-bidu tal-fażi universitarja tagħhom, f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea qed jiġu żviluppati esperjenzi maħsubin għall-iżvilupp ta’ talenti konkreti jew esperjenzi ta’ gruppi aktar omoġenji maħsubin għal studenti b’kapaċitajiet kbar u/jew studenti b’riżultati akkademiċi tajbin ħafna. L-analiżi tar-realtà attwali tindika t-tendenza li x’aktarx fil-ġejjieni ser naraw: iż-żamma tal-edukazzjoni inklużiva fl-ewwel fażijiet tal-edukazzjoni u l-ftuħ ta’ possibbiltajiet għal esperjenzi konkreti ta’ gruppi omoġenji fil-fażijiet edukattivi aktar avvanzati jew wara l-edukazzjoni obbligatorja.

3.3.4

B’rabta mal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, il-miżuri edukattivi konkreti li jistgħu jiġu adottati fiċ-ċentri ta’ tagħlim huma dawn li ġejjin: Xi wħud minnhom, jiġifieri il-miżuri ordinarji, huma applikabbli għall-istudenti kollha inġenerali:

Miżuri ordinarji:

kontenuti b’livelli ta’ diffikultà differenti, gruppi flessibbli, varjetà ta’ attivitajiet u t-twessigħ tal-kurrikulu ordinarju;

tisħiħ tat-tagħlim iffukat fuq il-motivazzjoni u l-interess tal-istudenti skont suġġetti speċifiċi u organizzat mill-istudenti stess;

Miżuri inqas komuni: dawn jinvolvu l-adattament tal-kurrikulu permezz tat-twessigħ u/jew iż-żieda fil-kurrikulu għal studenti speċifiċi: adattamenti tal-kurrikulu individwali;

Miżuri ta’ eċċezzjoni: jinvolvu l-fatt li l-fażijiet u l-livelli ta’ tagħlim differenti jkunu flessibbli billi jitnaqqas it-tul tagħhom: l-istudenti jistgħu jmorru l-iskola ma’ studenti ikbar minnhom fl-età. Dan ftit li xejn jiġi applikat – f’madwar 3 % tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar.

3.3.5

Barra mill-iskejjel, l-istudenti b’kapaċitajiet kbar jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet ipprogrammati iżda inqas regolati mill-attività skolastika u li jwasslu għall-kuntatt ma’ studenti b’kapaċitajiet kbar f’ċentri ta’ tagħlim oħrajn. Dawn it-tipi ta’ attivitajiet ekstrakurrikulari huma pjuttost mifruxa u huma varjati ħafna. Dawn jistgħu jiġu appoġġjati mill-Istati, l-awtoritajiet pubbliċi u l-Unjoni Ewropea.

3.3.6

Dawn iż-żewġ tipi ta’ attenzjoni edukattiva, edukazzjoni formali u edukazzjoni mhux formali ma jeskludux lil xulxin. It-titjib tal-attenzjoni lil studenti b’kapaċitajiet kbar għandu jinkludi ż-żewġ aspetti: l-attenzjoni fiċ-ċentru ta’ tagħlim tagħhom stess u fil-ħin tal-iskola, b’mod simili għal dik li jeħtieġu l-istudenti bi ħtiġijiet ta’ appoġġ speċifiku, u attenzjoni komplementarja u ekstrakurrikulari barra jew fi ħdan iċ-ċentru tat-tagħlim.

3.3.7

Bħalissa, l-ikbar kwistjoni pendenti hija t-titjib sostanzjali tal-attenzjoni edukattiva li jirċievu l-istudenti b’kapaċitajiet kbar fiċ-ċentri ta’ tagħlim tagħhom li jeħtieġ titjib fit-taħriġ inizjali u permanenti tal-għalliema rigward l-identifikazzjoni u l-attenzjoni edukattiva tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar fi ħdan il-kuntest ġenerali tal-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti.

3.3.8

Il-fatt li nilliberaw il-potenzjal taż-żgħażagħ kollha tal-Unjoni Ewropea, u speċjalment taż-żgħażagħ intelliġenti ħafna, mhijiex kwistjoni li tolqot biss lis-settur tal-edukazzjoni. Huwa importanti wkoll li npoġġu fil-prattika politika ekonomika u soċjali li permezz tagħha dawn il-persuni, minn età żgħira, ikunu jistgħu jiġu offruti impjiegi u opportunitajiet biex jisfruttaw il-kapaċità tagħhom. F’dan il-każ, l-Ewropa għandha missjoni kruċjali: trid timpedixxi l-eżodu tal-persuni l-aktar kapaċi li jitilqu jfittxu fejn jużaw il-kapaċitajiet tagħhom f’postijiet oħra fid-dinja.

4.   Il-monitoraġġ tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar fil-kuntest Ewropew

4.1   Kuntest ġenerali

4.1.1

Matul dawn l-aħħar snin, diversi studji ħadu l-interess ipinġu s-sitwazzjoni tal-kapaċitajiet intellettwali kbar fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi (4). Is-sejbiet urew l-informazzjoni li ġejja:

B’mod ġenerali, l-istudji jidentifikaw u joħorġu fid-dieher il-ħtieġa li jinbidlu l-prattiki taċ-ċentri ta’ tagħlim sabiex titjieb l-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti li tinkludi l-istudenti b’kapaċitajiet kbar.

Il-leġislazzjoni dwar l-edukazzjoni tal-pajjiżi differenti tqis l-eżistenza tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, iżda jeżistu varjazzjonijiet kbar meta jiġi biex jitqies jekk dawn l-istudenti jeħtiġux jew le miżuri speċifiċi ta’ attenzjoni edukattiva.

Il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ kapaċitajiet kbar qed jiżdiedu bil-mod il-mod, u qed imorru lil hinn mill-approċċ tradizzjonali marbut esklużivament mal-valutazzjoni tal-intelliġenza, u ġeneralment qed jinkludu wkoll testijiet speċifiċi biex tiġi valutata l-kreattività u l-oriġinalità, kif ukoll kontributi minn rapporti tal-iskola, soċjali u tal-familja mill-għalliema u l-membri tal-familja.

Rigward l-attenzjoni għal studenti b’kapaċitajiet kbar, b’mod ġenerali jiddominaw l-attivitajiet barra mill-iskola fil-qafas tal-edukazzjoni mhux formali aktar milli l-attivitajiet kurrikulari jew li jseħħu fiċ-ċentru ta’ tagħlim ordinarju fil-ħin tal-iskola. Il-kompetizzjonijiet jew konkorsi speċifiċi marbutin ma’ talenti partikolari (xjentifiċi, teknoloġiċi, sportivi, mużikali, eċċ.) huma aktar frekwenti minn inizjattivi maħsubin għall-attenzjoni għall-kapaċitajiet kbar inġenerali.

Hemm lok wiesa’ għat-titjib fit-taħriġ tal-għalliema, kemm dak inizjali kif ukoll permanenti, fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet kbar u l-attenzjoni li tingħatalhom.

4.2   Leġislazzjoni u rispons edukattiv

4.2.1

Fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jeżistu assoċjazzjonijiet privati ta’ għalliema u familji li jwettqu attivitajiet barra mill-iskola maħsubin biex jużaw il-potenzjal tal-ħiliet tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar. Barra minn hekk, f’uħud minnhom l-attivitajiet jiġu promossi jew isiru bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet edukattivi rispettivi.

4.2.2

Il-firxa tar-risponsi edukattivi għall-istudenti b’kapaċitajiet kbar tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija din li ġejja:

Fil-leġislazzjoni tal-pajjiżi tista’ tgħid kollha tal-Unjoni Ewropea jeżistu xi tipi ta’ miżuri edukattivi rigward dawn l-istudenti. F’xi pajjiżi jeżistu miżuri edukattivi ġenerali għall-istudenti kollha, iżda mingħajr ma ssir differenza bejn l-istudenti intelliġenti ħafna jew b’ħafna talent u l-bqija: jimmiraw għall-eċċellenza fl-istudenti kollha.

Il-maġġoranza tal-pajjiżi għandhom gruppi eteroġenji ta’ studenti b’kapaċitajiet differenti, billi jippruvaw jagħtu attenzjoni lill-istudenti fi ħdan kull grupp. Xi pajjiżi għandhom gruppi omoġenji skont il-kapaċitajiet u l-prestazzjoni tagħhom fl-iskola, għalkemm xi wħud minnhom jużaw din il-possibbiltà biss għal talenti sportivi jew artistiċi.

Rigward il-miżuri ta’ flessibbiltà u ta’ aċċellerazzjoni, jiġifieri l-possibbiltà li l-istudenti jkunu jistgħu jistudjaw f’livell ogħla minn dak normali għall-età tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jinkludu din il-possibbiltà fil-leġislazzjoni tagħhom iżda ma jeżisti l-ebda kriterju uniformi għall-implimentazzjoni. Xi wħud mill-Istati Membri jippermettu s-sehem bikri ta’ studenti minn skejjel sekondarji b’kapaċitajiet kbar fi proġetti jew korsijiet speċifiċi fl-universitajiet.

4.3   Taħriġ tal-għalliema

4.3.1

Minkejja l-klima ekonomika diffiċli ta’ bħalissa li qed taffettwa wkoll lis-sistema edukattiva, u l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-għalliema fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, hemm bżonn jitjieb it-taħriġ speċjalizzat tal-għalliema dwar dan is-suġġett speċifiku, kemm fl-ambitu tat-taħriġ inizjali kif ukoll f’dak tat-taħriġ permanenti.

4.3.2

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fil-pjani ta’ studju uffiċjali għall-għalliema futuri jinkludu xi tip ta’ taħriġ speċifiku biex tingħata attenzjoni lill-istudenti b’kapaċitajiet kbar, jew bħala suġġett speċifiku jew bħala parti mit-taħriġ ġenerali dwar kif wieħed jindirizza l-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti.

4.3.3

Huma biss nofs il-pajjiżi li joffru taħriġ kontinwu għall-għalliema pprovdut minn korpi pubbliċi fi ħdan il-pjani ta’ taħriġ kontinwu tagħhom għall-għalliema. Dan it-taħriġ kontinwu uffiċjali jeżisti b’mod parallel għat-taħriġ li joffru xi entitajiet privati.

4.3.4

Fi ftit kliem, mill-analiżi tal-kwistjoni fl-Unjoni Ewropea joħroġ li l-aspetti li ġejjin jeħtieġu titjib konsiderevoli:

It-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema biex tittejjeb il-perċezzjoni li għandhom l-għalliema tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, jiġi faċilitat l-għarfien tagħhom ta’ dawn it-tipi ta’ studenti kif ukoll il-metodi li għandhom jintużaw għall-identifikazzjoni tagħhom u l-attenzjoni edukattiva speċifika.

Fit-taħriġ tal-għalliema għandhom jiġu integrati l-valuri tal-umaniżmu, ir-realtà tal-multikulturaliżmu, l-użu edukattiv tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u, fl-aħħarnett, it-tħeġġiġ tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kapaċità li wieħed jieħu inizjattiva.

It-tlaqqigħ flimkien tal-proċeduri għall-valutazzjoni psikopedagoġika kif ukoll tal-fatturi soċjali u familjari użati biex jiġu identifikati l-istudenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar. Din l-identifikazzjoni għandha sseħħ ta’ età żgħira iżda għandha tinkludi l-possibbiltà li sseħħ f’fażijiet aktar tard tal-ħajja, anke f’postijiet tax-xogħol għal dawk il-persuni li diġà jkunu daħlu fid-dinja tax-xogħol.

It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-attenzjoni edukattiva maħsubin għall-istudenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar jew li għandhom karatteristiċi eċċezzjonali oħrajn kemm fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ordinarji kif ukoll barra minn dawn fil-qafas tal-edukazzjoni mhux formali: programmi ta’ tisħiħ tal-edukazzjoni.

It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi u proċeduri biex tiġi faċilitata l-edukazzjoni tul il-ħajja tal-persuni b’kapaċitajiet intellettwali kbar, u speċifikament meta jiġu biex jidħlu l-università u matul iż-żmien li jkunu qed jattendu l-università.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Fost l-istudji dwar il-kapaċitajiet kbar u l-miżuri dwar dan fil-qasam tal-edukazzjoni nsibu dawn li ġejjin:

 

Martinez Torres, Mercé. u Guirado, Angel (koordinaturi), “Altas capacidades intelectuales. Pautas de actuación, orientación, intervención y evaluación en el período escolar” (Kapaċitajiet intellettwali kbar. Linji gwida għall-implimentazzjoni, l-orjentazzjoni, l-intervent u l-valutazzjoni fil-perjodu tal-iskola), Barċellona, Editorial Graó, 2012.

 

Torrego, Juan Carlos (koordinatur), “Alumnos con altas capacidades y aprendizaje cooperativo. Un modelo de respuesta educativa” (Studenti b’kapaċitajiet kbar u tagħlim kooperattiv), Madrid, Fondazzjoni SM, 2012.

 

Pfeiffer, Stephen: Current perspectives on the identification and assessment of gifted students (Perspettivi attwali dwar l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ studenti intelliġenti ħafna), fil-Journal of Psychoeducational assessment, 2011.

 

Wallace, B. u Erikson, G.: Diversity in Gifted Education. International perspectives on global issues (Id-diversità fl-edukazzjoni ta’ tfal intelliġenti ħafna. Perspettivi internazzjonali dwar kwistjonijiet globali), New York, Routledge, 2006.

 

Sternberg, R.J. u Davidson, J.E.: Conceptions of giftedness (Kunċetti differenti tal-intelliġenza), Cambridge University Press, 2005.

 

Sternberg, R J. (ed.) Definitions and conceptions of giftedness (Definizzjonijiet u kunċetti tal-intelliġenza), Thousand Oaks, Corwin Press, 2004.

(2)  Abbażi tal-grupp soċjali li huwa studjat l-aktar, il-popolazzjoni fl-età li tmur l-iskola, l-istimi dwar il-persentaġġ tan-nies bi profil ta’ kapaċitajiet kbar ivarja bejn it-2 u l-15 % tal-popolazzjoni skont l-indikaturi li jintużaw biex issir din l-istima. Il-kriterju l-aktar tradizzjonali, dak tal-valutazzjoni tal-kwozjent tal-intelliġenza, normalment kien juża r-referenza tal-kwozjent tal-intelliġenza ogħla jew inqas minn 130, li jinkludi madwar 2 % tal-popolazzjoni. Illum il-ġurnata huwa aċċettat li dan il-kriterju huwa restrittiv ħafna u li l-valutazzjoni tal-kapaċità intellettwali hija biss waħda mill-fatturi li jridu jitqiesu biex jiġu determinati l-kapaċitajiet kbar. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ kapaċitajiet kbar twessa’ biex jinkludi fatturi oħra bħall-kreattività, l-oriġinalità u l-kapaċità li wieħed jirrelata, jiddeduċi u jasal għal konklużjonijiet. Minn perspettiva aktar attwali, huwa kkalkulat li l-persentaġġ tal-persuni b’kapaċitajiet kbar jista’ jilħaq l-10 %, saħansitra l-15 % tal-popolazzjoni inġenerali, minkejja li l-istimi l-aktar komunement aċċettati jagħtu l-5 u l-10 % tal-popolazzjoni. Bħala tkomplija fuq is-suġġett, jistgħu jiġu kkonsultati l-istudji li issa saru klassiċi ta’ Joseph Renzulli kif ukoll dawk aktar reċenti ta’ Borland, J.H. “Myth 2. The gifted constitute 3 % to 5 % of the population” (Leġġenda 2. Il-persuni b’kapaċitajiet kbar jikkostitwixxu minn 3 sa 5 % tal-popolazzjoni), f’“Gifted child quarterly”, 53, 2009, Miraca, G.: “Exceptionally gifted children” (Tfal b’talenti eċċezzjonali), New York, Routledge, 2004, u Robson D., “High IQ kids: collected insights, information and personal stories from the experts” (Tfal b’IQ għoli: ġabra ta’ ħsibijiet, tagħrif u stejjer personali mill-esperti), Free spirit publishing, 2007.

(3)  Pereżempju, bejn l-1999 u l-2012, il-“Programa de Enriquecimiento Educativo para Alumnos con Altas Capacidades de la Comunidad de Madrid” (Programm għat-tisħiħ edukattiv tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar tal-Komunità ta’ Madrid, Spanja) irreġistra, mingħajr kważi l-ebda tibdil, rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 70 % ta’ studenti rġiel u 30 % ta’ studenti nisa. F’dan il-kuntest, ara wkoll Pérez, L. Domínguez P. u Alfaro, E. (koordinaturi). “Actas del Seminario: situación actual de la mujer superdotada en la sociedad” (Rapport dwar is-seminar dwar il-qagħda attwali tan-nisa intelliġenti ħafna fis-soċjetà), Madrid, Consejería de Educación, 2002.

(4)  Għad-dettalji tal-firxa attwali tal-attenzjoni edukattiva għall-istudenti b’kapaċitajiet kbar fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu kkonsultati:

 

“La atención a los alumnos con altas capacidades en la Unión Europea” (L-attenzjoni mogħtija lill-istudenti b’kapaċitajiet għoljin fl-Unjoni Ewropea), f’“De todo un poco”, edizzjoni numru 11, pubblikazzjoni annwali tal-Programm għat-tisħiħ edukattiv tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar tal-Komunità ta’ Madrid, pp. 21-29, Madrid, 2009.

 

“Gifted Learners. A survey of educational policy and provision” (Studenti intelliġenti ħafna. Stħarriġ dwar il-politika u d-dispożizzjonijiet edukattivi). Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp tal-Edukazzjoni ta’ Studenti bi Bżonnijiet Edukattivi Speċjali, 2009.

 

Eurydice (2006), “Specific Educations Measures to promote all Forms of Giftedness at School in Europe” (Miżuri edukattivi speċifiċi għall-promozzjoni tal-forom kollha ta’ talent fl-iskola fl-Ewropa, dokument ta’ ħidma). Brussell: Unità Eurydice.

 

Monks, F.J., Pflüger, R.: “Gifted Education in 21 European Countries: Inventory and Perspective” (L-edukazzjoni ta’ studenti intelliġenti ħafna f’21 pajjiż Ewropew: is-sitwazzjoni preżenti u perspettivi), Università ta’ Nimega, 2005.


Top