Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0560

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali

    /* KUMM/2011/0560 finali - 2011/0242 (COD) */

    52011PC0560

    /* KUMM/2011/0560 finali - 2011/0242 (COD) */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-governanza Schengen - tisħiħ taż-żona mingħajr kuntrolli interni tal-fruntiera

    Rigward il-kuntest u r-razzjonal għall-emendi li hemm fil-proposta preżenti, u għal spjegazzjoni dettaljata dwar kif huma intenzjonati biex jiffunzjonaw fil-prattika, qed issir referenza għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni intitolata 'Il-governanza Schengen - tisħiħ taż-żona mingħajr kuntroll interni tal-fruntiera' , li hija adottata flimkien ma' din il-proposta.

    Tibdiliet leġiżlattivi

    Sabiex isir provvediment għall-qafas legali meħtieġ biex iwieġeb għat-talba tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ġunju biex jiġi provdut mekkaniżmu biex iwieġeb għal sitwazzjonijiet verament kritiċi, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 562/2006 li jistabbilixxi, fuq naħa waħda, ir-regoli dwar il-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri esterni, u fuq in-naħa l-oħra, jipprovdi għat-tneħħija tal-kuntroll fil-fruntieri fil-fruntieri interni u l-possibbiltà għall-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom f'każijiet limitati, irid jiġi emendat.

    Minħabba li l-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan iż-żona mingħajr fruntieri interni huwa kisba ewlenija tal-Unjoni, li l-benefiċċji tagħha jgawduhom il-persuni kollha li jgħixu f'din iż-żona, hemm il-bżonn ta' deċiżjoni li tittieħed fil-livell ta' Unjoni jekk dan il-moviment ħieles ikun se jiġi affettwat minn deċiżjoni unilaterali nazzjonali li xi drabi xejn ma tkun trasparenti.

    Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni għandha tkun bażata fuq deċiżjoni proposta u adottata mill-Kummissjoni bħala att implimentattiv wara l-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri fil-proċedura ta' analiżi stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[1]. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika fejn jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid bħala eċċezzjoni l-kontrolli fil-fruntieri interni u tkun bażata fuq perjodi ta' 30 ġurnata li jistgħu jiġu mġedda, b'massimu ta' sitt xhur. Huwa biss f'każijiet fejn l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni tirriżulta minn sejba negattiva taħt il-mekkaniżmu ta' valutazzjoni ta' Schengen minħabba nuqqas persistenti minn Stat Membru li jipproteġi l-parti tiegħu tal-fruntiera esterna li dan il-perjodu jista' jiġi estiż.

    Minkejja dan, għal avvenimenti imprevedibbli, l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li unilateralment jintroduċu mill-ġdid kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, jekk tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Tali deċiżjoni tidħol fis-seħħ immedjatament u tiġi notifikata lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri l-oħra. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'tali ċirkostanzi, madanakollu, hija limitata għal ħamest ijiem. F'każ simili, il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Istati Membri kollha sabiex tevalwa kemm il-miżura meħuda hija adatta. Tali konsultazzjoni ma tissospendix id-deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru. Jekk ikun hemm bżonn, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni tista' tittawwal, imma f'dak il-każ trid tkun bażata fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda bħala att ta' implimentazzjoni permezz tal-proċedura ta' urġenza stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 182/2011 imsemmi hawn fuq.

    Rispons koordinat, bażat fuq l-UE jippermetti li jitqiesu l-interessi Ewropej kollha. Tali rispons jindirizza sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jaffaċċja theddid għal żmien qasir, bażat fuq post partikolari għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna tiegħu, kif ukoll sitwazzjonijiet b'implikazzjonijiet usa' u għal aktar żmien. Fiż-żewġ każijiet, huwa meħtieġ rispons koordinat Ewropew, minħabba li huwa parti integrali minn kull deċiżjoni li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni – anke għal perjodu limitat ta' żmien u fi ħdan żona ġeografika limitata – li l-implikazzjonijiet umani u ekonomiċi jinħassu lil hinn mill-Istat Membru li jirrikorri għal tali miżuri. Il-każ għal strateġija Ewropea koordinata huwa aktar b'saħħtu fejn parti mill-fruntiera esterna tisfa taħt pressjoni qawwija mhux mistennija, jew fejn Stat Membru b'mod persistenti jkun naqas milli jikkontrolla l-parti tiegħu tal-fruntiera esterna, u fejn iċ-ċirkostanzi jkunu tali li jikkostitwixxu theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali. Kull deċiżjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni għandha impatt dirett fuq il-vjaġġaturi kollha u fuq l-interessi komuni tal-Istati Membri kollha.

    Il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni għandhom jintuża biss bħala miżura tal-aħħar f'dawn iċ-ċirkostanzi, u biss sakemm ikunu ttieħdu miżuri oħra biex is-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata fis-sezzjoni relevanti tal-fruntiera esterna jew f’livell Ewropew, fi spirtu ta' solidarjetà, u/jew f'livell nazzjonli, biex ikun hemm osservanza aħjar tar-regoli komuni.

    2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-migrazzjoni[2] il-Kummissjoni ssuġġeriet il-possibbiltà li tintroduċi mekkaniżmu li jippermetti deċiżjoni fil-livell Ewropew li jiddefinixxi liema Stati Membri jistgħu eċċezzjonalment jintroduċu kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni u t-tul tal-perjodu. Il-Komunikazzjoni kien fiha ideat rigward il-possibbiltà li jsir provvediment għal mekkaniżmu biex iwieġeb għal ċirkostanzi eċċezzjonali, inkluż il-possibbiltà tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni koordinata fuq il-bażi tal-UE bħala l-aħħar għażla.

    Dawn l-ideat intlaqgħu tajjeb mill-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-12 ta' Mejju 2011 u mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011, fejn għamel talba biex 'jiġi introdott mekkaniżmu sabiex jirreaġixxi għal ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali tal-kooperazzjoni Schengen f'riskju, mingħajr ma jitqiegħed f'periklu l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni.'

    3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 77(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa l-bażi legali għal din il-proposta.

    Din il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru. 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) li kien imsejjes fuq id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jiġifieri, l-Artikoli 62(1) (fruntieri interni) u (2)(a) (fruntieri esterni) rispettivament.

    4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.

    2011/0242 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(1) u (2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) Il-ħolqien ta' żona li fiha l-moviment ħieles tal-persuni bejn il-fruntieri interni huwa żgurat, hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea. F'tali żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, huwa neċessarju li jkun hemm rispons komuni għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b'mod serju l-politika pubblika jew is-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat Membru wieħed jew aktar billi jippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr ma jipperikola l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni. Huwa għalhekk meħtieġ rispons komuni tal-Unjoni, minħabba l-impatt li tali miżuri aħħarija jista' jkollhom fuq il-persuni kollha li għandhom id-dritt li jiċċirkolaw fi ħdan din iż-żona mingħajr il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni.

    (2) Il-moviment ħieles fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa kisba ewlenija tal-Unjoni. Minħabba li l-moviment ħieles huwa affettwat mill-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, kull deċiżjoni li jsir dan għandha tittieħed fil-livell tal-Unjoni. F'kwalunkwe każ, l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni għandha tkun l-aħħar għażla, għal skop u perjodu ta' żmien strettament limitati, bażata fuq kriterji oġġettivi speċifiċi u fuq valutazzjoni tan-neċessità tagħha li għandha ssir fil-livell tal-Unjoni. F'każijiet fejn theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna jeħtieġ azzjoni immedjata, Stat Membru għandu jkun jista' jintroduċi mill-ġdid il-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni tiegħu għal perjodu li ma jaqbiżx il-ħamest ijiem, fejn kull estensjoni ta' dan il-perjodu għandha tiġi deċiża fil-livell tal-Unjoni.

    (3) Meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-introduzzjonijiet mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura għandhom jiġu meqjusa meta mqabbla mat-theddida għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna li tikkawża t-talba biex jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, kif ukoll għandhom jiġu meqjusa miżuri alternattivi li jistgħu jittieħdu f'livell nazzjonali u/jew ta' Unjoni, u għandu jiġi meqjus ukoll l-impatt ta' tali miżura fuq il-moviment ħieles fi ħdan iż-żona mingħajr fruntieri interni.

    (4) L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni tista' eċċezzjonalment tkun neċessarja f'każ ta' theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali, b'mod partikolari wara inċidenti jew theddid terroristiku minħabba l-kriminalità organizzata.

    (5) Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Dawn jistgħu jwasslu għal movimenti sekondarji mhux mistennija u sinifikanti ta’ ċittadini ta' pajjiż terz li jinstabu joqogħdu b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor wieħed jew aktar. Meta wieħed iqis in-numru ta' Stati Membri affettwati minn żieda tant sinifikanti u mhux mistennija f'movimenti sekondarji, u l-impatt ġenerali ta' din iż-żieda fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni jew fi Stat Membru individwali, jista' jitqies neċessarju li temporanjament jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni fejn iċ-ċirkostanzi jkunu tali li jikkostitwixxu theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali. Il-qsim tal-fruntiera esterna minn numru kbir ta' ċittadini ta' pajjiż terz jista, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid immedjata ta' uħud mill-kontrolli fil-fruntieri interni, jekk tali miżura hija meħtieġa biex tissalvagwardja l-politika pubblika jew is-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali minn theddida serja u urġenti.

    (6) L-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' ċerti kontrolli fil-fruntieri interni tista' tkun ukoll tweġiba għal defiċjenzi serji identifikati fl-evalwazzjonijiet ta' Schengen skont l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni u monitoraġġ li jivverifika l-applikazzjoni tal- acquis ta' Schengen, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu tali li jikkostitwixxu theddida serja u urġenti għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali.

    (7) Qabel ma tittieħed xi deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' ċerti kontrolli fil-fruntieri interni, għandha ssir analiżi tal-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal miżuri mmirati biex jindirizzaw is-sitwazzjoni, inkluż għajnuna mill-korpi tal-Unjoni bħall-Frontex jew il-Europol, u miżuri ta' appoġġ tekniku jew finanzjarju fil-livell nazzjonali u/jew tal-Unjoni. Barra minn hekk, kull deċiżjoni biex jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni għandha tkun bażata fuq informazzjoni sostanzjata, li tista' tiġi provduta mill-Istat Membru li jitlob l-introduzzjoni, jew li tiġi minn sorsi oħra, inklużi żjarat ta' spezzjoni.

    (8) Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn il-poteri għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[3]. Ħlief f'każijiet ta' urġenza, u fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 2(2)(b) (iii) ta' dak ir-Regolament, il-proċedura ta' analiżi hija applikabbli.

    (9) Il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet ġustifikati sewwa relatati ma' theddid imminenti għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, dan ikun meħtieġ fuq raġunijiet ta' urġenza.

    (10) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l- acquis ta’ Schengen, skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (11) Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen, li fih ir-Renju Unit mhux jipparteċipa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu parti f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen[4]. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (12) Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen, li fih l-Irlanda mhix tipparteċipa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen[5]. L-Irlanda għaldaqstant mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (13) Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jiżviluppa dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen, kif dispost bil-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Irlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta' Schengen[6].

    (14) Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen , kif dispost bil-Ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen [7].

    (15) Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen, kif dispost bil-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta' Schengen[8].

    (16) Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l- acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, skont l-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

    (17) Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l- acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, skont l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

    (18) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż dak tal-moviment u r-residenza ħielsa. Dan ir-Regolament irid jiġi implimentat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1) L-Artikoli 23 sa 26 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    "Artikolu 23

    Qafas ġenerali għall-introduzzjonijiet mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni

    1. Fejn f'żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni jkun hemm theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali, il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid b'eċċezzjoni fil-fruntieri interni kollha jew f'partijiet speċifiċi ta' Stat Membru wieħed jew aktar għal perjodu limitat ta' mhux aktar minn 30 ġurnata jew għall-perjodu prevedibbli ta' theddid serju jekk il-perjodu jaqbeż it-30 ġurnata. Il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

    2. Il-kontroll fil-fruntieri fil-fruntieri interni jista' jiġi introdott mill-ġdid biss f'konformità mal-proċeduri previsti fl-Artikoli 24, 25 u 26 ta' dan ir-Regolament. Il-kriterji elenkati fl-Artikolu 23a jridu jiġu kkunsidrati f'kull każ fejn tiġi kontemplata deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni.

    3. Jekk it-theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali tkompli lilhinn mill-perjodu li hu provdut għalih fil-paragrafu 1, il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni jistgħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji elenkati fl-Artikolu 23a, jiġu estiżi fuq l-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u, filwaqt li jittieħed kont ta' xi elementi ġodda, għal perjodi sa massimu ta' 30 ġurnata li jistgħu jiġu mġedda.

    4. Il-perjodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, fuq il-bażi tal-perjodu inizjali skont il-paragrafu 1 u l-estensjonijiet skont il-paragrafu 3, m'għandux jaqbeż is-sitt xhur. F'każijiet fejn ikun hemm nuqqasijiet serji persistenti relatati mal-kontroll tal-fruntieri esterni jew mal-proċeduri tar-ritorn identifikati skont l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li testendi dan il-perjodu.

    Artikolu 23a

    Kriterji għall-introduzzjonijiet mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni

    1. Meta tiddeċiedi dwar l-introduzzjoni mill-ġdid b'mod temporanju tal-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni jew partijiet minnhom, il-Kummissjoni, jew l-Istat Membru konċernat f'każijiet imsemmija fl-Artikolu 25 paragrafu 1, għandhom jevalwaw sa liema grad tali miżura x'aktar li se tirrimedja t-theddid għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali, u għandhom jevalwaw il-proporzjonalità ta' dik il-miżura ma' dik it-theddida. Din il-valutazzjoni għandha tkun bażata fuq informazzjoni dettaljata sottomessa mill-Istat(i) Membru/i konċernat(i) u kull informazzjoni relevanti oħra, inkluż kull informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 2. Fit-tfassil ta' tali valutazzjoni, il-konsiderazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari:

    1. l-impatt probabbli ta' kwalunkwe theddid għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż wara aċċidenti terroristiċi jew theddid li jkun ġej minn kriminalità organizzata;

    2. id-disponibbiltà ta' miżuri ta' appoġġ tekniku jew finanzjarju li setgħu jiġu jew ġew invokati fil-livell nazzjonali u/jew fil-livell Ewropew, inkluż assistenza minn korpi tal-Unjoni bħall-Frontex, l-EASO jew l-Europol, u safejn tali miżuri x'aktarx se jirrimedjaw b'mod xieraq it-theddid għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali;

    3. l-impatt attwali u dak futur probabbli ta' kwalunkwe defiċjenzi serji relatati mal-kontroll tal-fruntieri esterni jew mal-proċeduri tar-ritorn identifikati permezz tal-valutazzjonijiet ta' Schengen f'konformità mar-Regolament dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal- acquis ta’ Schengen;

    4. l-impatt probabbli ta' tali miżura fuq il-moviment ħieles fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    2. Qabel ma tieħu deċiżjoni, il-Kummissjoni tista'

    5. titlob lill-Istati Membri, lill-Frontex, lill-Europol, lill-Eurojust, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jew lil xi korp ieħor tal-Unjoni biex jipprovdulha aktar informazzjoni.

    6. twettaq żjarat ta' spezzjoni, bl-appoġġ ta' esperti mill-Istati Membri, u mill-Frontex, il-Europol, jew xi korp relevanti Ewropew, sabiex tikseb jew tivverifika informazzjoni relevanti biex jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni.

    Artikolu 24

    Proċedura għall-introduzzjonijiet mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni

    1. Fejn Stat Membru jqis li l-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni għandu jiġi introdott mill-ġdid taħt l-Artikolu 23(1), huwa għandu jissottometti talba lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-introduzzjoni pjanata, jew fi żmien perjodu anqas fejn iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-bżonn li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni ma jkunux magħrufa sa qabel sitt ġimgħat qabel l-introduzzjoni pjanata, u għandu jipprovdi l-informazzjoni segwenti:

    7. ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta, inkluż id-dejta relevanti kollha li tagħti dettalji tal-avvenimenti li jikkostitwixxu theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali;

    8. il-kamp ta' applikazzjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid proposta, li jispeċifika f'liema parti jew partijiet tal-fruntieri interni se jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri;

    9. l-ismijiet tal-punti ta’ qsim awtorizzati;

    10. id-data u t-tul ta’ żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta;

    11. fejn ikun il-każ, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra.

    Tali talba tista' tiġi sottomessa wkoll b'mod konġunt minn żewġ Stati Membri jew aktar.

    2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa wkoll lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew fl-istess ħin li ssir it-talba.

    3. Wara talba minn Stat Membru skont il-paragrafu 1, jew fuq iniżjattiva tiegħu stess bażata fuq l-informazzjoni speċifikata fit-taqsimiet (a) sa (e) ta' dak il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 33a (2).

    4. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-estjoni tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 33a (2).

    5. Jekk ikun hemm raġunijiet ġustifikati tajjeb ta' urġenza, relatati ma' sitwazzjoni fejn iċ-ċirkostanzi jagħtu lok għall-bżonn li jiġu estiżi il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, f'konformità mal-paragrafu 4, fejn ma jsirux magħrufa sa qabel 10 ijiem qabel l-estensjoni pjanata, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33a (3).

    Artikolu 25

    Proċeduri speċifiċi għal każijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata

    1. Fejn ikun hemm theddid serju għall-politika pubblika jew sigurtà interna ta’ Stat Membru li jkun jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti, l-Istat Membru konċernat jista’ b’mod eċċezzjonali u immedjatament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntiera fil-fruntieri interni għal perjodu limitat ta' mhux aktar minn ħamest ijiem.

    2. L-Istat Membru li jerġa’ jintroduċi l-kontrolli tal-fruntiera fil-fruntieri interni tiegħu għandu fl-istess ħin jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u għandu jagħti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24 (1) u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-proċedura. Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra immedjatament wara li tirċievi n-notifika.

    3. Jekk it-theddid serju għall-politika pubblika jew sigurtà nazzjonali interna jdum aktar mill-perjodu li hu provdut għalih fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-estenjoni tal-kontroll tal-fruntiera fil-fruntieri interni. Minħabba l-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata wara l-iskadenza tal-perjodu previst fil-paragrafu 1, li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 33a (3).

    Artikolu 26

    Proċedura speċifika f'każijiet ta' defiċjenzi serji persistenti

    1. F'każijiet fejn il-Kummissjoni ssib li hemm nuqqasijiet serji persisteni relatati mal-kontroll tal-fruntieri esterni jew il-proċeduri tar-ritorn identifikati skont l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, u fejn dawn in-nuqqasijiet jikkostitwixxu theddida serja għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, il-kontroll tal-fruntieri jista' jiġi introdott mill-ġdid għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Dan il-perjodu jista' jiġi estiz b'perjodu ieħor ta' mhux aktar minn sitt xhur jekk in-nuqqasijiet serji ma jiġux rimedjati. Mhux possibli li jsiru aktar minn tliet estensjonijiet.

    2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll tal-fruntiera fil-fruntieri interni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 33a (2).

    3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 33a (2).

    4. Jekk ikun hemm raġunijiet ġustifikati tajjeb ta' urġenza, relatati ma' sitwazzjoni fejn iċ-ċirkostanzi jagħtu lok għall-bżonn li jiġu estiżi il-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, f'konformità mal-paragrafu 3, fejn ma jsirux magħrufa sa qabel 10 ijiem qabel l-estensjoni pjanata, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33a (3)."

    (2) L-Artikolu 27 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 27

    Informazzjoni lil-leġiżlaturi

    Il-Kummissjoni u l-Istat(i) Membru/i konċernati għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun b'kull raġunijiet li jistgħu jiskattaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 sa 26."

    (3) L-Artikolu 29 u 30 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    "Artikolu 29

    Rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli tal-fruntiera fil-fruntieri interni

    Mill-anqas erba' xhur wara t-tneħħija tal- kontrolli tal-fruntiera fil-fruntieri interni, l-Istati Membri li wettqu l-kontrolli tal-fruntiera fil-fruntieri interni għandhom jippreżentaw rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni, fejn jissottolineaw, b'mod partikolari, l-operazzjoni tal-verifiki u l-effettività tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni.

    Artikolu 30

    Informazzjoni lill-pubbliku

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pubbliku dwar deċiżjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni u tindika b'mod partikolari d-data tal-bidu u t-tmiem ta' tali miżura, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta' sigurtà aktar importanti biex dan ma jsirx.

    (4) Jiġi introdott Artikolu 33a ġdid:

    " Artikolu 33a

    Proċedura ta’ kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU L 55 tat-28.2.2011, p. 13.

    [2] COM (2011) 248 tal-4.5.2011

    [3] ĠU L 55 tal-28.2.2011, p. 13.

    [4] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    [5] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    [6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    [7] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    [8] ĠU L 160, tat-18.6.2011, p. 19.

    Top