This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0117
Proposal for a COUNCIL DECISION on the signing of the Framework Agreement on Comprehensive Partnership and Cooperation between the European Union and its Member States, of the one part, and Mongolia, of the other part
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Mongolja, fuq in-naħa l-oħra
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Mongolja, fuq in-naħa l-oħra
/* KUMM/2011/0117 finali - NLE 2011/0052 */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Mongolja, fuq in-naħa l-oħra /* KUMM/2011/0117 finali - NLE 2011/0052 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 14.3.2011 KUMM(2011) 117 finali 2011/0052 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL ta’ […] dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Mongolja, fuq in-naħa l-oħra MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mal-Mongolja. In-negozjati mal-Mongolja tnedew f'Ulaanbaatar f'Jannar tal-2010 u ntemmu f'Ottubru tal-2010. Iż-żewġ naħat inizjalaw l-FSK f'Ulaanbaatar fl-20 ta' Diċembru tal-2010 wara li l-COASI approva r-riżultat tan-negozjati. L-FSK mal-Mongolja se jħassar il-qafas legali kurrenti tal-Ftehim tal-1993 dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Mongolia. Dan il-Ftehim mal-Mongolja jikkostitwixxi pass ieħor 'il quddiem lejn involviment politiku u ekonomiku msaħħaħ min-naħa tal-UE fil-Lvant tal-Asja. Huwa jkopri l-klawsoli politiċi standard tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-Armi għall-Qerda tal-Massa (AQM), il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), l-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u jippromowovi l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali. Il-FSK jipprovdi l-bażi għal impenn aktar effettiv min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha mal-Mongolja fl-oqsma tal-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Huwa jkopri oqsma bħall-kooperazzjoni fuq il-prinċipji, normi u standards, materji primi, migrazzjoni, korruzzjoni u kriminalità organizzata, il-politika industrijali u l-kooperazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, turiżmu, enerġija, edukazzjoni u kultura, ambjent, bidla fil-klima u riżorsi naturali, agrikoltura, saħħa, soċjetà ċivili u modernizzazzjoni tal-istat u amministrazzjoni pubblika. 2011/0052 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL ta’ […] dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Mongolja, fuq in-naħa l-oħra IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Billi: 1. Fis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ 'il-Ftehim', mal-Mongolja. 2. Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat suġġett għall-konkluzjoni possibbli tiegħu li ser isseħħ f'data aktar tard. 3. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala partijiet tal-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jinnotifikawx b'mod konġunt lill-Mongolja li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandhom jinfurmaw minnufih lill-Mongolja bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħhom, li f'dan il-każ ikunu ser jibqgħu marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim f'isimhom stess. L-istess japplika għad-Danimarka, f'konformità mal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma' dawk it-Trattati. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Mongolja, fuq in-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill b'dan qed jiġi awtorizzat biex jaħtar il-persuna li jkollha s-setgħa li tiffirma l-Ftehim f'isem l-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President […] ANNESS FTEHIM QAFAS DWAR SĦUBIJA U KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA, U L-MONGOLJA, MIN-NAĦA L-OĦRA L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem 'l-Unjoni' u IR-RENJU TAL-BELĠJU, IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA, IR-REPUBBLIKA ĊEKA, IR-RENJU TAD-DANIMARKA, IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA, L-IRLANDA, IR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IR-RENJU TA’ SPANJA, IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA, IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU, IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA, IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA, IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU, IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA, MALTA, IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI, IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA, IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA, IR-RUMANIJA, IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA, IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA, IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA, IR-RENJU TAL-ISVEZJA, IR-RENJUUNIT TAL-GRANBRITTANJA U TAL-IRLANDA TA’ FUQ, Il-Partijiet Kontraenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘Istati Membri’, minn naħa waħda, u IL-GVERN TAL-MONGOLJA, minn hawn 'il quddiem imsejha ‘il-Mongolja’ min-naħa l-oħra, Minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt il-‘Partijiet’, WAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet tradizzjonali ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet u r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi mill-qrib li jgħaqqduhom, BILLI l-Partijiet jagħtu importanza partikolari lin-natura komprensiva tar-relazzjoni reċiproka tagħhom, BILLI l-Partijiet jikkunsidraw li dan il-Ftehim jifforma parti minn relazzjoni aktar wiesgħa u koerenti bejniethom permezz ta’ ftehimiet li fihom jipparteċipaw it-tnejn li huma flimkien, FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW l-impenn tal-Partijiet, u x-xewqa tagħhom li jsaħħu, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-bnedmin li huma partijiet mill-minoritajiet, kif stabbiliti, fost l-oħrajn, fil-Karta tan-Nazzjoniet Uniti u d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali oħra relevanti, FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, ir-rispett lejn il-liġi internazzjonali, il-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, waqt li jikkunsidraw il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali, FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW ix-xewqa tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, fuq il-bażi ta' dawn il-valuri komuni, FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW ix-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW l-impenn tagħhom biex jippromwovu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u li jieħdu sehem f'multilateraliżmu effettiv u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, partikolarment billi jikkooperaw għal dak l-għan fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW ix-xewqa tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet politiċi u ekonomiċi, kif ukoll fuq stabbiltà, ġustizzja u sigurtà internazzjonali bħala prekundizzjoni bażika biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku, il-qerda tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, BILLI l-Partijiet jaraw it-terroriżmu bħala theddida għas-sigurtà globali u jixtiequ jintensifikaw id-djalogu u l-koperazzjoni ta' bejniethom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, skont l-istrumenti relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment ir-Riżoluzzjoni KSNU 1373. L-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru tal-2003, tidentifika t-terroriżmu bħala theddida ewlenija għas-sigurtà. F'dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea implimentat miżuri ewlenin, inkluż il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu adottat fl-2001 u aġġornat fl-2004, u Dikjarazzjoni maġġuri dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-25 ta' Marzu 2004 ftit wara l-attakki f'Madrid. L-Unjoni Ewropea adottat ukoll l-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu f'Diċembru tal-2005, FILWAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra kull forma ta' terroriżmu u li jżidu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, BILLI l-Partijiet jirriaffermaw li l-miżuri effettivi għal kontra t-terroriżmu u li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin, FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali għandhom jiġu kkastigati u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom għandha tiġi żgurata billi jittieħdu l-miżuri fil-livell nazzjonali u billi tissaħħaħ il-kollaborazzjoni globali, FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li t-twaqqif u l-funzjonament effettiv tal-Qorti Kriminali Internazzjonali hi żvilupp importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali u li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Ġunju 2003 u Pożizzjoni Komuni fuq il-QKI li ġiet segwita bi Pjan ta' Azzjoni, adottat fl-4 ta' Frar 2004, BILLI l-Partijiet jaqblu li l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom joħolqu theddida kbira għas-sigurtà internazzjonali u jixtiequ li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom f’dan il-qasam. L-adozzjoni b’kunsens tar-Riżoluzzjoni 1540 tal-KSNU hija l-bażi tal-impenn tal-komunità internazzjonali kollha fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis-17 ta' Novembru 2003, politika tal-UE ta' simplifikazzjoni tal-politiku ta' nonproliferazzjoni tar-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew adotta wkoll, fit-12 ta' Diċembru 2003, Strateġija ta' ġlieda kontra l-proliferazzjoni, BILLI l-Kunsill Ewropew esprima l-fehma li l-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) jikkostitwixxu theddida dejjem tikber għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp u fit-13 ta' Jannar 2006 adotta Strateġija biex jiġġieled l-akkumulazzjoni illeċta tal-SALW u l-munizzjon tagħhom. F'din l-Istrateġija, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa biex jiġi żgurat approċċ komprensiv u konsistenti ta' politika ta' sigurtà u żvilupp, WAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom biex jippromwovu l-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż il-protezzjoni ambjentali u l-kooperazzjoni effettiva biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima kif ukoll il-promozzjoni effettiva u l-implimentazzjoni ta’ standards tax-xogħol u dawk soċjali rikonoxxuti internazzjonalment, JENFASIZZA l-importanza li jidħol aktar fil-fond fir-relazzjonijiet u l-koperzzjoni f'oqsma bħar-riammissjoni, l-asil u l-politika tal-viżi, u biex jindirizza b'mod konġunt il-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, JISĦAQ fuq l-importanza tal-kummerċ għar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u b'mod partikolari l-kummerċ fil-materja prima u jenfasizza r-rieda tagħhom li jaqblu ma' regoli speċifiċi dwar il-materja prima fis-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment, JINNOTA li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala partijiet tal-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jinnotifikawx b'mod konġunt lill-Vjetnam li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandhom jinfurmaw minnufih lill-Mongolja bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħhom, li f'dan il-każ ikunu ser jibqgħu marbutin bid-diżpozzjonijiet tal-Ftehim f'isimhom stess. L-istess jgħodd għad-Danimarka skont il-Protokoll mehmuż ma’ dawk it-Trattati fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka; WAQT LI JIKKONFERMAW l-impenn tagħhom li tissaħħaħ ir-relazzjoni eżistenti sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom, kif ukoll ir-rieda komuni tagħhom sabiex jikkonsolidaw, iżidu u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom f’oqsma ta’ interess fuq il-bażi ta’ ugwaljanza, non-diskriminazzjoni, ir-rispett lejn l-ambjent naturali u l-ġid reċiproku, FTEHMU KIF ĠEJ: TITOLU I NATURA U AMBITU Artikolu 1 Prinċipji ġenerali 1. Ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, u għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, huwa l-bażi tal-politiki interni u internazzjonali taż-żewġ Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim. 2. Il-Partijiet jikkonfermaw il-valuri komuni tagħhom kif imfissra fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. 3. Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli, li jikkooperaw sabiex jindirizzaw l-isfida tal-bidla fil-klima u li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp miftiehma internazzjonalment, inklużi dawk li jinsabu fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Il-Partijiet jirriaffermaw ir-rabta tagħhom ma' protezzjoni ambjentali u strutturi soċjali inlużivi ta' livell għoli. 4. Il-Partijiet jirriaffermaw l-impenn tagħhom lejn id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005 dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jtejbu aktar l-andament tal-iżvilupp. 5. Il-Partijiet jirriaffermaw ir-rabta tagħhom lejn il-prinċipji ta’ governanza tajba, inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Artikolu 2 Għanijiet tal-kooperazzjoni Bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjoni bilaterali tagħhom, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu djalogu komprensiv u jippromwovu aktar kooperazzjoni bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess reċiproku. L-isforzi tagħhom ikunu b’mod partikolari mmirati biex: (a) jistabbilixxu kooperazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi, u ekonomiċi fil- fora u fl-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha; (b) jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra delitti serji ta' tħassib internazzjonali; (c) jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva u l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir; (d) jiżviluppaw kummerċ u investiment bejn il-Partijiet għall-vantaġġ reċiproku tagħhom; c) jistabbilixxu kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku li huma marbuta mal-kummerċ u mal-investiment, sabiex jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment u sabiex jiġu evitati u mneħħija l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment; (e) jistabbilixxu kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà, inkluż l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni legali, il-protezzjoni tad-dejta, il-migrazzjoni, l-ittraffikar tal-bnedmin, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali, il-ħasil tal-flus u d-drogi illeċiti; (f) jistabbilixxu kooperazzjoni fis-setturi l-oħra kollha ta' interess reċiproku, partikolarment fil-politika makroekonomika u s-servizzi finanzjarji, it-tassazzjoni u d-dwana, inkluża l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, politika industrijali u l-SMEs, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-awdjoviżiv u l-midja, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-enerġija, it-trasport, l-edukazzjoni u l-kultura, l-ambjent u r-riżorsi naturali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-saħħa, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali u l-istatistika; (g) isaħħu l-parteċipazzjoni taż-żewġ Partijiet fi programmi ta’ kooperazzjoni subreġjonali u reġjonali miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Parti l-oħra; (h) jgħollu r-rwoli u l-profili taż-żewġ Partijiet fir-reġjuni ta’ xulxin; (i) jippromwovu l-fehma minn poplu għal ieħor bil-kooperazzjoni ta’ diversi entitajiet mhux governattivi bħalma huma t-think-tanks, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, u l-midja, fil-forma ta’ seminars, konferenzi, l-interazzjoni taż-żgħażagħ u attivitajiet oħrajn. (j) jippromwovu l-qerda tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni progressiva tal-Mongolja fl-ekonomija dinjija. Artikolu 3 Il-ħidma kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom 1. Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni ta’ armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, kemm għand atturi statali u mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-akbar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali. 2. Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw u li jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom b’konformità sħiħa mal-obbligi eżistenti u bl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw iż-żarmar tal-armi u n-nonproliferazzjoni tagħhom u obbligi internazzjonali oħrajn rilevanti bħar-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim. 3. Il-Partijiet qed jaqblu wkoll li jikkoperaw u jikkontribwixxu sabiex jikkumbattu l-proliferazzjoni ta’ armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom billi: - jieħdu passi biex jiffirmaw, jirratifikaw, jew jaderixxu, kif meħtieġ, u jimplimentaw b’mod sħiħ l-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħrajn kollha; - jistabbilixxu sistema effettiva ta’ kontrolli nazzjonali fuq l-esportazzjonijiet, li tikkontrolla l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ oġġetti relatati mal-armi tal-qerda massiva, inkluż kontroll fuq l-użu finali tal-armi tal-qerda massiva f'teknoloġiji ta' użu doppju u li jkun fiha sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni. 4. Il-Partijiet qed jaqblu li jistabbilixxu djalogu politiku regolari li għandu jakkumpanja u jikkonsolida dawn l-elementi. Dan id-djalogu jista’ jsir fuq bażi reġjonali. Artikolu 4 Armi żgħar u armi ħfief 1. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illegali ta’ armi u armamenti żgħar u ħfief, inkluż il-munizzjoni tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet mhux assigurati sewwa u l-firxa mhux ikkontrollata tagħhom, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. 2. Il-Partijiet jaqblu li jsegwu u jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom li jittrattaw man-negozju illegali tal-armi żgħar u l-armi ħfief, inkluż il-munizzjon tagħhom, kif ukoll l-impenji tagħhom fi ħdan il-qafas ta' strumenti internazzjonali oħra li huma applikabbli għal dan il-qasam, bħalma hu l-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex jipprevjeni, jikkombatti u jeradika n-negozju illegali tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-aspetti kollha tagħhom. 3. Il-Partijiet jobbligaw ruħhom li jikkoperaw u jiżguraw il-koordinazzjoni, il-komplimentarjetà u s-sinerġija fl-isforzi tagħhom biex jiffaċċaw il-kummerċ illegali tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, fuq livelli globali, reġjonali u nazzjonali u jaqblu li jistabilixxu djalogu politiku regolari li se takkumpanja u tikkonsolida din l-impriża. Artikolu 5 Delitti serji ta' tħassib internazzjonali (Il-Qorti Kriminali Internazzjonali) 1. Il-Partijiet jirriaffermaw li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali b’mod ġenerali ma jistgħux ma jiġux puniti u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell internazzjonali, kif hu xieraq, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Il-Partijiet iqisu li t-twaqqif ta' Qorti Kriminali Internazzjonali li tiffunzjona b'mod effettiv tikkostitwixxi żvilupp sinifikanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali. 2. Il-partijiet jaqblu li jikkooperaw u li jieħdu l-mizuri meħtieġa, kif inhu xieraq, sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ l-universalità u l-integrità tal-Istatut ta' Ruma u l-istrumenti relatati u jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-QKI. Il-partijiet se jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jirratifikaw l-istrumenti relatati (bħall-Ftehim fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-QKI). 3. Il-Partijiet jaqblu li djalogu bejniethom fuq dawn il-kwistjonijiet ikun ta’ benefiċċju. Artikolu 6 Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu 1. Il-Partijiet, filwaqt li jirriaffermaw l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u b’mod konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali u id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti rispettivi tagħhom, u, waqt li jikkunsidraw l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, li hemm fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 60/288 tat-8 ta’ Settembru 2006, qed jaqblu li jikkooperaw sabiex jiġu evitati u mrażżna atti terroristiċi. 2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu dan b’mod partikolari: (a) fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1373 u 1267 u r-riżoluzzjonijiet li ġew wara. Inkluża l-1822, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet relevanti l-oħra tan-NU u l-obbligi rispettivi tagħhom taħt konvezjonijiet u strument internazzjonali relevanti oħra; (b) bi skambju ta’ informazzjoni dwar terroristi, gruppi terroristiċi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom, skont il-liġi internazzjonali u nazzjonali; (c) fi skambji ta’ opinjonijiet dwar mezzi u metodi użati sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu, inkluż f’oqsma u taħriġ tekniku, u bi skambju ta’ esperjenzi dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu; (d) billi jikkooperaw sabiex jissaħħaħ il-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu li jinkludi d-definizzjoni legali ta’ atti terroristiċi u b’mod partikolari billi jaħdmu favur ftehim dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali; (e) billi jaqsmu l-aħjar prattiċi rilevanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. (f) bl-implimentazzjoni u t-tisħiħ effettiv tal-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-qafas ASEM TITOLU II KOOPERAZZJONI BILATERALI, REĠJONALI U INTERNAZZJONALI Artikolu 7 Kooperazzjoni bejn il-Mongolja u l-UE fuq prinċipji, normi u standards 1. Il-Partijiet jaqblu li jiksbu prinċipji, normi u standards komuni Ewropej fil-Mongolja, u li jikkooperaw u jippromwovu l-iskambju tal-informazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza bil-ħsieb tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni. 2. Il-Partijiet jagħmlu sforz biex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet dwar kwistjonijiet ta' Standardizzazzjoni li, kif qablu l-Partijiet, jistgħu jinkludu l-ħolqien ta' qafas ta' kooperazzjoni li jista' jiffaċilita l-iskambju ta' esperti, informazzjoni u kompetenza. Artikolu 8 Kooperazzjoni f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali 1. Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom biex jiskambjaw opinjonijiet u jikkooperaw fil-fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji, programmi u korpi relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), it-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni (TAC) u l-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) 2. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn dawk li joħorġu bl-ideat, l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-midja fl-oqsma koperti b'dan il-Ftehim. Din il-kooperazzjoni tista’, b’mod partikolari, tinkludi l-organizzazzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ, workshops u seminars, skambji ta’ esperti, studji, u azzjonijiet oħrajn miftiehma mill-Partijiet. Artikolu 9 Kooperazzjoni reġjonali u bilaterali 1. Għal kull qasam ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, u filwaqt li jagħtu l-importanza mistħoqqa għal dawk il-materji li jaqgħu taħt kooperazzjoni bilaterali, iż-żewġ naħat se jaqblu li jwettqu attivitajiet relatati fuq livell bilaterali jew reġjonali jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ oqfsa. Waqt l-għażla tal-aħjar qafas, il-Partijiet ser ifittxu li jimmassimizzaw l-impatt fuq u jsaħħu l-involviment tal-partijiet kollha interessati, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli u jqisu l-fattibilità politika u istituzzjonali, u jiżguraw il-koerenza ma’ attivitajiet oħra li jinvolvu l-Unjoni Ewropea u l-ASEM. 2. Il-Partijiet jistgħu, kif ikun xieraq, jiddeċiedu li jestendu l-appoġġ finanzjarju lejn attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma koperti mill-Ftehim jew relatati miegħu, skont il-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom. TITOLU III KOOPERAZZJONI DWAR L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI Artikolu 10 Il-Prinċipji Ġenerali 1. L-objettivi ċentrali tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp huma t-tnaqqis tal-faqar u biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija. Il-Partijiet qablu li jżommu djalogu regolari dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp f’konformità mal-prijoritajiet rispettivi tagħhom u l-oqsma ta’ interess reċiproku. 2. L-istrateġiji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Partijiet għandhom jimmiraw biex, inter alia: a) jippromwovu l-iżvilupp uman u soċjali; b) jiksbu tkabbir ekonomiku sostnut; c) jippromwovu s-sostenibbiltà, ir-riġenerazzjoni u l-aħjar prattiki ambjentali, u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali; d) jipprevjenu u jittrattaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; e) jagħtu appoġġ lill-politiki u l-istrumenti mmirati għall-integrazzjoni ulterjuri fl-ekonomija u s-sistema ta' kummerċ internazzjonali; (f) l-insegwiment ta’ proċessi li huma konformi mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni, u impenji internazzjonali oħrajn immirati lejn it-titjib tal-għoti tal-għajnuna u l-effikaċja tagħha. Artikolu 11 L-Iżvilupp ekonomiku 1. Il-Partijiet fi ħsiebhom jippromwovu tkabbir ekonomiku bbilanċjat, tnaqqis tal-faqar u t-tnaqqis tal-iżbilanċi soċjoekonomiċi. 2. Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jiksbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju u għandhom jirriaffermaw l-impenn tagħhom lejn id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna. 3. Il-Ftehim għandu jkollu wkoll l-għan li jinkludi impenji dwar aspetti soċjali u ambjentali tal-kummerċ, li jikkonferma mill-ġdid li l-kummerċ għandu jippromwovi żvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu u għandu jippromwovi l-valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu. Artikolu 12 L-Iżvilupp Soċjali 1. Il-partijiet għandhom l-għan li jisħqu fuq il-ħtieġa ta' politiki ekonomiċi u soċjali li jsaħħu lil xulxin, jiffukaw fuq ir-rwol ewlieni li jiġġeneraw xogħol deċenti u jimpenjaw lill-Partijiet li jappoġġjaw id-djalogu soċjali. 2. Il-Partijiet għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-istandards ewlenin dwar ix-xogħol tal-ILO u jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-impjiegi u dawk soċjali. 3. Il-Partijiet ulterjorment għandhom l-għan li jippromwovu politiki maħsuba biex jiggarantixxu d-disponibbiltà u l-forniment tal-ikel għall-popolazzjoni u l-għalf għall-bhejjem, b'mod li ma jgħamilx ħsara lill-ambjent u sostenibbli. Artikolu 13 L-ambjent 1. Il-Partijiet jirriaffermaw il-ħtieġa għal livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika, inklużi l-foresti, fi sforz lejn żvilupp sostenibbli. 2. Il-Partijiet għandhom l-għan li jippromwovu r-ratifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-konformità mal-ftehimiet ambjentali multilaterali fil-qasam tal-ambjent. 3. Il-Partijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni fuq il-kwistjonijiet ambjentali globali, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima. TITOLU IV KOOPERAZZJONI FUQ KWISTJONIJIET TA’ KUMMERĊ U INVESTIMENT Artikolu 14 Prinċipji ġenerali 1. Il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu dwar kummerċ bilaterali u multilaterali kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjonijiet tal-kummerċ bilaterali u li jtejbu s-sistema tal-kummerċ multilaterali. 2. Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-iskambji kummerċjali reċiproċi tagħhom sal-ogħla livell possibbli u għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Huma jidħlu li jiksbu kundizzjonijiet imtejba ta’ aċċess għas-suq billi jaħdmu lejn it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ, b’mod partikolari permezz tat-tneħħija f’waqtha tal-ostakli mhux tariffarji u billi jieħdu miżuri sabiex itejbu t-trasparenza, waqt li jikkunsidraw ix-xogħol imwettaq minn organizzazzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam. 3. Waqt li jagħrfu li l-kummerċ għandu rwol indispensabbli fl-iżvilupp, u li l-għajnuna fil-forma ta’ skemi ta’ preferenzi kummerċjali kienet ta’ ġid għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Partijiet jaħdmu li jsaħħu l-konsultazzjoni tagħhom dwar din l-għajnuna f’konformità sħiħa mal-WTO. 4. Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin informati fir-rigward tal-iżvilupp tal-kummerċ u ta’ politiki relatati mal-kummerċ bħall-politika agrikola, il-politika dwar is-sigurtà tal-ikel, il-politika dwar il-konsumatur u l-politika ambjentali. 5. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni sabiex jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom fil-kummerċ u l-investiment, inkluża s-soluzzjoni tal-problemi kummerċjali, fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 10 sa 27 fost affarijiet oħra. Artikolu 15 Il-Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) 1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fis-sikurezza tal-ikel u fil-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji sabiex jipproteġu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, l-annimali u l-pjanti fit-territorju tal-Partijiet. 2. Il-Partijiet għandhom jiddiskutu u jiskambjaw informazzjoni dwar il-miżuri rispettivi tagħhom kif iddefinit fil-Ftehim tad-WTO dwar Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji (SPS), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u l-Codex Alimentarius Commission (Codex). 3. Il-Partijiet ftiehmu li jsaħħu l-ftehim u l-kooperazzjoni reċiproka fuq kwistjonijiet SPS u l-benesseri tal-annimali. Bini ta' kapaċità bħal dan għandu jkun speċifiku għall-ħtiġijiet ta' kull Parti u jsir bl-għan li jassisti lill-Parti biex tikkonforma mal-qafas legali tal-Parti l-oħra. 4. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu f’waqtu dwar il-kwistjonijiet tal-SPS fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet sabiex jiġu kkunsidrati kwistjonijiet relatati mal-SPS u kwistjonijiet urġenti oħrajn relatati skont dan l-Artikolu. Artikolu 16 L-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta’ standards internazzjonali u jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar standards, proċeduri ta’ valutazzjoni ta' konformità u regolamenti tekniċi, b’mod speċjali fi ħdan il-qafas tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT). Artikolu 17 Il-Kooperazzjoni Doganali 1. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari sabiex iżidu d-dimensjoni ta' sigurtà u sikurezza tal-kummerċ internazzjonali, inklużi s-servizzi tat-trasport, sabiex jiżguraw infurzar doganali effettiv u effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u sabiex jiżguraw li jkun hemm approċċ ibbilanċjat bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet. 2. Mingħajr ħsara għal forom oħra ta’ kooperazzjoni, ipprovduti taħt dan il-Ftehim, il-Partijiet jistqarru l-interess tagħhom billi fil-futur jikkonsidraw il-konklużjoni ta' protokolli dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza reċiproka, fil-qafas istituzzjonali stabbilit f’dan il-Ftehim. Artikolu 18 Il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ Il-Partijiet għandhom jaqsmu l-esperjenzi u jeżaminaw il-possibbiltajiet sabiex jissimplifikaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tranżitu u proċeduri doganali oħrajn, huma għandhom jiżguraw it-trasparenza tad-dwana u tar-regolamenti dwar il-kummerċ, jiżviluppaw il-kooperazzjoni doganali u mekkaniżmi effettivi ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka, u jfittxu li jkun hemm konverġenza ta’ opinjonijiet u azzjoni konġunta fil-kuntest ta’ inizjattivi internazzjonali rilevanti inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ. Artikolu 19 Investiment Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu fluss akbar ta’ investiment bl-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u stabbli għall-investiment reċiproku billi jinħoloq djalogu konsistenti mmirat lejn it-tisħiħ tal-fehma u tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet marbuta mal-investiment, li jiġu esplorati mekkaniżmi amminstrattivi sabiex jiffaċilitaw il-flussi tal-investiment, u li jitmexxew ’il quddiem regoli għall-investituri stabbli, trasparenti, miftuħa u mhux diskriminatorji. Artikolu 20 Politika dwar il-Kompetizzjoni Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-istabbiliment effettiv u l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll it-tixrid ta’ informazzjoni sabiex jitkattru t-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-intrapriżi li joperaw fis-swieq ta’ xulxin. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-opinjonijiet fuq kwistjonijiet marbuta ma' prattiki antikompetittivi li jistgħu jolqtu ħażin il-kummerċ bilaterali u l-flussi tal-investiment. Artikolu 21 Servizzi Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu konsistenti mmirat l-aktar lejn l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom, li jitħaffef l-aċċess għas-swieq ta’ xulxin, li jitħaffef l-aċċess għas-sorsi ta’ kapital u ta’ teknoloġija, li jitmexxa ’l quddiem l-kummerċ fis-servizzi bejn iż-żewġ reġjuni u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Artikolu 22 Movimenti tal-Kapital Il-Partijiet għandhom jaqdfu biex jiffaċilitaw il-moviment tal-kapital sabiex jippromwovu l-objettivi tal-Ftehim Artikolu 23 L-akkwist pubbliku Il-Partijiet għandu jkollhom l-għan li jiffissaw regoli proċedurali, inklużi trasparenza adegwata u dispożizzjonijiet ta' sfida li jappoġġjaw it-twaqqif ta' sistema effettiva tal-akkwisti li tippromwovi l-aħjar valur għall-flus fl-akkwisti pubbliċi u tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali. Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiksbu ftuħ reċiproku tas-suq tal-akkwisti tagħhom tal-gvern, bl-għan li jiksbu benefiċċju reċiproku. Artikolu 24 Trasparenza Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u tal-proċess dovut fl-amministrazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom marbuta mal-kummerċ, u għal dan l-għan huma jirriaffermaw l-impenji tagħhom kif stipulati fl-Artikolu X tal-GATT 1994 u l-Artikolu III tal-GATS. Artikolu 25 Materja Prima 1. Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-promozzjoni tal-fehim reċiproku bejn iż-żewġ naħat fil-qasam tal-materja prima. 2. Din il-kooperazzjoni u l-promozzjoni tal-fehim reċiproku għandha tindirizza suġġetti bħall-qafas regolatorju għas-setturi tal-materja prima (inkluża l-governanza tad-dħul mix-xogħol tal-minjieri għall-iżvilupp soċjoekonomiku; u protezzjoni ambjentali u r-regolamenti tas-sikurezza b'relazzjoni mas-setturi tax-xogħol tal-minjieri u l-materja prima) u l-kummerċ tal-materja prima. Bil-ħsieb li tiġi indukrata kooperazzjoni u fehim reċiproku aktar, kull Parti għandha titlob laqgħat ad hoc marbuta mal-materja prima. 3. Il-Partijiet jirrikonoxxu li ambjent trasparenti, nondiskriminatorju, mhux ta' tfixkil u bbażat fuq ir-regoli, hu l-aħjar mod kif wieħed joħloq ambjent favorevoli għall-investiment barrani dirett fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-materja prima. 4. Il-Partijiet, filwaqt li jikkunsidraw il-politiki u l-objettivi ekonomiċi rispettivi u bil-ħsieb li jindokraw il-kummerċ, jaqblu li jippromwovu kooperazzjoni fit-tneħħija tal-barrieri għall-kummerċ tal-materja prima. 5. Fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet, kwalunkwe materja li tirrigwarda l-kummerċ tal-materja prima għandha tiġi mqajma u diskussa waqt il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u dawk tas-Sottokumitat, li għandu jkollhom il-poter li jieħdu deċiżjoni dwarhom skont l-Artikolu 56 b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi t'hawn fuq. Artikolu 26 Politika Reġjonali Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-politika ta' żvilupp reġjonali. Artikolu 27 Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali 1. Il-Partijiet jirriaffermaw l-importanza kbira li huma jagħtu lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jaħdmu biex jistabbilixxu l-miżuri xierqa bil-ħsieb li jiżguraw protezzjoni adegwata u effettiva tal-infurzar ta' tali drittijiet, notevolment marbuta mal-ksur tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali. Barra minn hekk, il-Partijiet jiftiehmu li jikkonkludi malajr kemm jista' jkun il-Ftehim bilaterali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. 2. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenza dwar kwistjonijiet bħall-prattika, il-promozzjoni, it-tixrid, is-simplifikazzjoni, il-ġestjoni, l-armonizzazzjoni, il-protezzjoni u l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, il-prevenzjoni tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija u l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ organizzazzjonijiet għall-kontroll u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin biex itejbu l-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali, l-utilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni bbażati fuq l-esperjenza Ewropea, u jsaħħu t-tixrid tal-għarfien dwarha. Artikolu 28 Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment 1. B'dan qed jitwaqqaf Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment. 2. Dan is-Sottokumitat għandu jgħin lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq tal-ħidmiet tiegħu , billi jitratta l-oqsma kollha koperti minn dan il-Kapitoli. 3. Is-sottokumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. TITOLU V IL-KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA, IL-LIBERTÀ U S-SIGURTÀ Artikolu 29 L-Istat tad-dritt u l-kooperazzjoni legali 1. Fil-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari għall-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b'mod partikolari. 2. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet se tinkludi wkoll l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni rigward l-aħjar prassi fil-qasam ta' sistemi legali u ta' leġiżlazzjoni. Il-Partijiet għandhom jirsistu biex jiżviluppaw assistenza legali reċiproka fi ħdan il-qafas legali eżistenti. Artikolu 30 Protezzjoni ta’ dejta personali 1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex itejbu l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali sal-ogħla standards internazzjonali, bħal dawk li jinsabu, fost affarijiet oħra, fil-Linji Gwida tan-NU għall-Kontroll tal-Fajls Kompjuterizzati b’Dejta Personali (ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 45/95 tal-14 ta’ Diċembru 1990). 2. Il-koperazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tista’ tinkludi, fost l-oħrajn, l-assistenza teknika fl-iskambju ta’ informazzjoni u kompetenza. Artikolu 31 Il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni 1. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni mmirata biex tipprevjeni l-immigrazzjoni illegali u l-preżenza illegali tal-persuni fiżiċi tan-nazzjonalità tagħhom fuq it-territorji rispettivi tagħhom. 2. Fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, il-Partijiet jaqblu li jerġgħu jilqgħu lura, mingħajr dewmien bla bżonn, iċ-ċittadini tagħhom, li m'ghadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet fis-seħħ biex jidħlu, ikunu jew jgħixu fit-territorju tal-Parti l-oħra. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom, dokumenti xierqa għal tali finijiet. Meta l-persuna li tkun ser tiġi aċċettata lura ma jkollha l-ebda dokument jew provi oħra tan-nazzjonalità tagħha l-awtoritajiet kompetenti, inklużi rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari, tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Mongolja għandhom, fuq talba tal-Mongolja jew tal-Istat Membru kkonċernat, jagħmlu arranġamenti biex tiġi intervistata l-persuna sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tagħha. 3. L-UE se tgħin finanzjarjament bl-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim permezz ta' strumenti ta' kooperazzjoni bilaterali. 4. Il-Partijiet qablu li jinnegozjaw, fuq talba tal-Parti l-oħra, ftehim bejn l-UE u l-Mongolja li jirregola l-obbligi speċifiċi biex jaċċettaw lura ċ-ċittadini tagħhom, li jinkludi obbligu għaċ-ċittadini ta' pajjiżi oħra u persuni mingħajr stat. Artikolu 32 Kooperazzjoni kontra drogi illeċiti 1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw approċċ ibbilanċjat permezz ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti inkluż mis-setturi tas-saħħa, il-ġustizzja, id-dwana u dak tal-intern u minn setturi relevanti oħrajn, bl-għan li jitnaqqsu l-forniment, it-traffikar u d-domanda għad-drogi illeċti, u bir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem. Din il-kooperazzjoni għandha timmira wkoll biex tnaqqas id-dannu relatat mad-droga, li tindirizza l-produzzjoni it-traffikar u l-użu tad-dogi sintetiċi, u biex tikseb prevenzjoni aktar effettiva ta' żvijar tal-prekursuri tad-drogi użati għall-produzzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. 2. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-mezzi ta’ koperazzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji miftiehma b’mod komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, id-dikjarazzjoni politika u d-Dikjarazzjoni Speċjali dwar il-prinċipji ta’ gwida rigward it-tnaqqis fid-domanda tad-drogi, approvati mill-Għoxrin Sessjoni Speċjali dwar id-Drogi tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġunju 1998 u d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni adottati waqt it-52 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi f’Marzu 2009. 3. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tinkludi għajnuna teknika u amministrattiva b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: l-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni u politiki nazzjonali; it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet u ċentri ta’ informazzjoni nazzjonali; l-appoġġ għall-isforzi tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-drogi u l-isforzi għat-tnaqqis tad-domanda u l-ħsara tad-drogi; taħriġ ta’ personal; ir-riċerka relatata mad-drogi; u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' prekursuri tad-droga li jintużaw għall-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jinkludu oqsma oħra. Artikolu 33 Il-kooperazzjoni kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-korruzzjoni. Kooperazzjoni bħal din timmira b'mod partikolari biex tippromwovi l-istandards u l-istrumenti internazzjonali relevanti, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata u l-Protokolli supplimentari tagħha u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni. Artikolu 34 Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 1. Il-Partijiet qed jaqblu dwar il-ħtieġa li jaħdmu flimkien u li jikkooperaw sabiex jiġi evitat l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom u n-negozju u l-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula sabiex isir ħasil mill-qligħ fuq l-attivitajiet kriminali kollha bħalma huma t-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni. 2. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu għajnuna teknika u amministrattiva bil-għan li jiġu żviluppati u implimentati r-regolamenti u l-iffunzjonar effettiv ta’ mekkaniżmi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjonijiet rispettivi u l-adozzjoni ta’ standards xierqa sabiex jiġu miġġielda l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu liema standards ikunu ekwivalenti għal dawk adottati mill-Unjoni u mill-entitajiet internazzjonali li jaħdmu f’dan il-qasam, bħalma hi t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF). TITOLU VI IL-KOOPERAZZJONI F’SETTURI OĦRAJN Artikolu 35 Kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem 1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tar-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. 2. Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, inter alia: (a) l-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; (b) il-promozzjoni tad-drittijiet umani u tal-edukazzjoni; (c) it-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem; (d) it-twaqqif ta' djalogu bis-sens u mifrux fuq bażi wiesgħa dwar id-drittijiet tal-bniedem; (e) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Artikolu 36 Kooperazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji 1. Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jiksbu regoli u standards komuni u aktar mill-qrib, u li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jtejbu s-sistemi tal-kontabilità, dawk superviżorji u regolatorji tal-banek, l-assigurazzjoni, u oqsma oħrajn fis-settur finanzjarju. 2. Il-partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw qafas legali regolatorju, infrastruttura u riżorsi umani kif ukoll li jintroduċu governanza korporattiva u standards internazzjonali dwar il-kontabilità fis-suq kapitali tal-Mongolja fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali b'konformità mal-Impenn tal-GATS u d-WTO dwar id-Dokument ta' Fehim Reċiproku tas-servizzi Finanzjarji. Artikolu 37 Djalogu dwar il-politika ekonomika 1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-tendenzi u l-politiki ekonomiċi rispettivi tagħhom, u tal-qsim tal-esperjenza fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni ekonomika reġjonali. 2. Il-Partijiet se jippruvaw japprofondixxu d-djalogu bejn l-awtoritajiet tagħhom dwar kwistjonijiet ekonomiċi li, kif miftiehem mill-Partijiet, jistgħu jinkludu oqsma bħall-politika monetarja, il-politika fiskali, inkluża t-tassazzjoni tan-negozju, il-finanzi pubbliċi, u l-istabilizzazzjoni makroekonomika u d-dejn estern. 3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jippromwovu fehim reċiproku bejn iż-żewġ naħat fl-oqsma tad-diversifikazzjoni ekonomika u l-iżvilupp industrijali. Artikolu 38 Governanza tajba fil-qasam tat-taxxa Bil-għan li jsaħħu u jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas regolatorju xieraq, il-Partijiet jirrikonoxxu u għandhom jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif huma marbuta li jagħmlu l-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni. F’dan is-sens, mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa, jiffaċilitaw il-ġbir ta’ dħul leġittimu tat-taxxa, u jiżviluppaw miżuri għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji msemmija hawn fuq. Artikolu 39 Politika industrijali u kooperazzjoni ma’ SMEs Il-partijiet, filwaqt li jqiesu l-politiki u l-objettivi ekonomiċi rispettivi tagħhom, jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-politika industrijali fl-oqsma kollha meqjusa bħala adattati, bil-ħsieb li jtejbu l-kompetittività ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, fost l-oħrajn, permezz ta’: (a) l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza dwar il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet qafas għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju sabiex dawn itejbu l-kompetittività tagħhom; (b) il-promozzjoni ta’ kuntatti bejn l-operaturi ekonomiċi, waqt li jinkoraġġixxu l-investimenti konġunti u jistabbilixxu impriżi konġunti u netwerks ta’ informazzjoni l-aktar permezz tal-programmi orizzontali eżistenti tal-Unjoni Ewrppea, li jistimulaw b’mod partikolari t-trasferimenti ta’ soft u hard technology bejn l-imsieħba; (c) il-forniment ta’ informazzjoni u l-istimulazzjoni tal-innovazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin dwar l-aċċess għall-finanzi, inkluż għall-intrapriżi ż-żgħar u dawk mikro; (d) jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-attivitajiet rilevanti stabbiliti mis-setturi privati taż-żewġ naħat; (e) il-promozzjoni ta' xogħol deċenti, responsabbiltà soċjali korporattiva u l-kontabilità u l-inkoraġġiment ta’ prattiki tan-negozju responsabbli inkluż il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Din il-kooperazzjoni għandha tikkunsidra wkoll id-dimensjoni tal-konsumatur bħall-informazzjoni ta’ fuq il-prodott u r-rwol tal-konsumatur fis-suq; (f) proġetti konġunti ta’ riċerka f’oqsma industrijali magħżula u bil-kooperazzjoni fejn jikkonċerna standards u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u regolamenti tekniċi, skont kif jiġi miftiehem b’mod reċiproku. (g) assistenza permezz ta' informazzjoni fuq it-tekniki u t-teknoloġiji tal-immodernizzar tal-faċilitajiet tat-tindif bl-ilma tal-iskart tal-ipproċessar tal-ġilda, (h) skambju ta' informazzjoni u rakkomandazzjoni tal-imsieħba u opportunitajiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment permezz ta' netwerks eżistenti aċċessibbli b'mod reċiproku; (i) jappoġġjaw il-kooperazzjoni ta' bejn in-negozju privat taż-żewġ naħat, speċjalment ta' bejn l-SMEs; (j) jikkunsidraw li jinnegozjaw ftehim addizzjonali dwar skambji ta' informazzjoni, gruppi ta' ħidma dwar l-intensifikar tal-kooperazzjoni u avvenimenti promozzjonali oħra bejn l-SMEs taż-żewġ naħat; (k) jipprovdu informazzjoni dwar assistenza teknika għall-esportazzjoni ta' ikel u prodotti agrikolu lejn is-suq Ewropew fi ħdan l-ambitu tas-sistema preferenzjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 40 Turiżmu 1. Iggwidati mill-Kodiċi ta’ Etika Globali għat-Turiżmu tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, u bil-prinċipji tas-sostenibbiltà bbażati li jirfdu l-“Proċess lokali tal-Aġenda 21”, il-Partijiet għandhom jimmiraw biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni u jistabbilixxu l-aħjar prattika sabiex jiżguraw żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu. 2. Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw kooperazzjoni għas-salvagwardjar u l-immassimizzar tal-potenzjal tal-patrimonju naturali u kulturali, sabiex jittaffew l-impatti negattivi tat-turiżmu, u sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni pożittiva tal-industrija tat-turiżmu għall-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet lokali, inter alia, billi jiġi żviluppat l-ekoturiżmu, waqt li jiġu rispettati l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali u indiġeni, u billi jittejjeb it-taħriġ fl-industrija tat-turiżmu. Artikolu 41 Is-soċjetà tal-informazzjoni 1. Billi jirrikonoxxu li t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni hija element ewlieni tal-ħajja moderna u hija ta’ importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiskambjaw opinjonijiet dwar il-politiki rispettivi tagħhom f’dan il-qasam bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku. 2. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tiffoka, fost affarijiet oħra, fuq: (a) parteċipazzjoni fi djalogu reġjonali komprensiv dwar aspetti differenti tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-politiki u r-regolamenti dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi inkluż is-servizz universali, il-liċenzjar u l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, il-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali, kif ukoll l-indipendenza u l-effiċjenza tal-awtorità regolatorja; (b) l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-netwerks u s-servizzi tal-Partijiet u tal-Asja; (c) l-istandardizzazzjoni u t-tixrid ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni ġodda; (d) il-promozzjoni tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka bejn il-Partijiet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; (e) kooperazzjoni dwar it-televiżjoni diġitali li tinkludi l-iskambju tal-esperjenzi dwar il-mobilizzazzjoni, aspetti regolatorji u b'mod partikolari il-ġestjoni tal-ispektrum u r-riċerka; (f) kooperazzjoni fi proġetti ta’ riċerka konġunta fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; (g) l-aspetti tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; (h) il-valutazzjoni tal-konformità tat-telekomunikazzjonijiet, inkluż it-tagħmir tar-radju. (i) Kooperazzjoni dwar żvilupp ta' netwerk broadband, (j) Skambju ta' informazzjoni dwar politika ta' kompetizzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Artikolu 42 L-awdjoviżiv u l-midja Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti rilevanti tagħhom fl-oqsma tal-awdjoviżiv u l-midja. Huma jaqblu li jistabbilixxu djalogu politiku regolari f’dawn l-oqsma. Artikolu 43 Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika 1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma tar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku (RTD) fl-oqsma ta' interess u benefiċċju reċiproku. 2. Il-finijiet ta’ din il-kooperazzjoni għandhom ikunu biex: (a) jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, inkluż l-implimentazzjoni ta’ politiki u ta’ programmi; (b) jippromwovu sħubijiet ta' riċerka bejn il-komunitajiet xjentifiċi, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-universitajiet u l-industrija tal-Partijiet; (c) jippromwovu t-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi; (d) jinkoraġixxu s-sehem tal-istituzzjonijiet rispettivi tal-edukazzjoni ogħla, ċentri ta' riċerka u industriji, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji fil-programmi RTD rispettivi. 3. Il-kooperazzjoni tista' tieħu l-forma ta’ proġetti konġunti ta’ riċerka u skambji, laqgħat u taħriġ tar-riċerkaturi permezz ta’ skemi ta’ mobbiltà u ta' taħriġ internazzjonali u programmi ta’ skambju, li jipprovdu għall-akbar tixrid possibbli tar-riżultati tar-riċerka, tat-tagħlim u tal-aħjar prassi. 4. Dawn l-attivitajiet ta' kooperazzjoni għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti taż-żewġ partijiet. Huma bbażati fuq il-prinċipji tar-reċiproċità, it-trattament ġust u l-benefiċċju reċiproku, u jiżguraw protezzjoni effettiv tal-proprjetà intelletwali. 5. Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu kull sforz sabiex iżidu l-għarfien pubbliku dwar il-possibbiltajiet offruti mill-programmi rispettivi tagħhom għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika. Artikolu 44 Enerġija 1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex itejbu l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija sabiex: (a) isaħħu s-sigurtà tal-enerġija billi jiddiversifikaw il-forniment tal-enerġija, u jiżviluppaw forom ġodda sostenibbli, innovattivi u rinnovabbli tal-enerġija, inkluż, fost l-oħrjan, bijofjuwils u bijomassa, l-enerġija mir-riħ u solari kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija idro u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ oqfsa xierqa tal-politika biex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment u kundizzjonijiet indaqs għall-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni f’oqsma tal-politika rilevanti; (b) jiksbu l-użu razzjonali tal-enerġija b’kontribuzzjonijiet kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda bil-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija fil-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu aħħari tal-enerġija; (c) jippromwovu l-applikazzjoni ta' standards rikonoxxuti internazzjonalment ta' sikurezza, sigurtà, nonproliferazzjoni u salvagwardji fil-qasam tan-nukleari, (d) jindokraw t-trasferiment tat-teknoloġija mmirat lejn il-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-enerġija; (e) isaħħu l-bini ta’ kapaċità u l-faċilitazzjoni tal-investiment fil-qasam fuq il-bażi ta’ regoli kummerċjali trasparenti u mhux diskriminatorji. 2. Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kuntatti u r-riċerka konġunta għall-benefiċċju reċiproku tal-Partijiet, b’mod partikolari permezz ta’ oqsfa reġjonali u internazzjonali rilevanti. B’referenza għall-Artikolu 43 u l-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD), li sar f’Johannesburg fl-2002, il-Partijiet jinnotaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-rabtiet bejn l-aċċess bi prezz raġonevoli għas-servizzi tal-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu promossi f’kooperazzjoni mal-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Enerġija, imnedija waqt il-WSSD. 3. Il-kummerċ f'materjali nukleari jsir skont id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. Jekk meħtieġ, kummerċ f'materjali nukleari għandu jkun suġġett għad-disposizzjonijiet ta' Ftehim speċifiku li għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Mongolja. Artikolu 45 Trasport 1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma rilevanti tal-politika dwar it-trasport sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ investiment u l-moviment ta’ merkanzija u passiġġieri, jippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, jiġġieldu kontra l-piraterija, jipproteġu l-protezzjoni ambjentali u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi ta’ trasport tagħhom. 2. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f’dan il-qasam għandha tfittex li tippromwovi: (a) l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki tat-trasport rispettivi tagħhom, speċjalment f'dak li jikkonċerna t-trasport urban u rurali, it-trasport bl-ajru, il-loġistika tat-trasport, u l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks ta’ trasport multimodali kif ukoll l-immaniġġjar tat-toroq, tal-linji tal-ferrovija, tal-portijiet u tal-ajruporti; (b) kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' navigazzjoni bis-satellita b'enfasi fuq kwistjonijiet ta' żvilupp regolatorju, industrijali u tas-suq ta' benefiċċju reċiproku. F'dan ir-rigward, se tingħata konsiderazzjoni lis-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni globali bis-satellita EGNOS u Galileo; (c) djalogu fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bil-ħsieb li jkun hemm eżami tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet f'oqsma bħas-sikurezza fl-avjazzjoni, is-sigurtà, l-ambjent, il-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru, l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-regolazzjoni ekonomika tal-industrija tat-trasport bl-ajru, bil-ħsieb li tiġi appoġġjata l-approssimizzazzjoni regolatorja u t-tneħħija tax-xkiel meta jsir in-negozju. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili ta’ interess reċiproku għandhom ikunu promossi aktar. Fuq din il-bażi, il-Partijiet għandhom jesploraw l-ambitu possibbli għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili; (d) tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi-settur tat-trasport; (e) l-implimentazzjoni ta' standards ta' sigurtà, sikurezza u dawk ambjentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-avjazzjoni, b'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti. (f) kooperazzjoni fil-fora internazzjonali adattati bil-mira li jkun żgurat infurzar aħjar tar-regolamenti internazzjonali u biex ikun hemm sforz lejn il-kisba tal-objettivi stabbiliti f'dan l-Artikolu. Artikolu 46 L-edukazzjoni u l-kultura 1. Il-Partijiet qed jaqblu li jippromwovu l-edukazzjoni u l-kooperazzjoni kulturali li tirrispetta kif xieraq id-diversità tagħhom, sabiex jiżdied il-fehim reċiproku u l-għarfien dwar il-kulturi rispettivi tagħhom. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jappoġġjaw u jippromwovu l-attivitajiet tal-istituti kulturali u s-soċjetà ċivili. 2. Il-Partijiet jaħdmu biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-iskambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali inkluża l-kooperazzjoni fil-konservazzjoni tal-wirt kulturali fir-rigward tad-diversità kulturali. 3. Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw u jikkooperaw f’fora internazzjonali rilevanti, bħall-UNESCO, sabiex isegwu l-objettivi komuni u jippromwovu d-diversità kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali. Fir-rigward tad-diversità kulturali, il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata fl-20 ta’ Ottubru 2005. 4. Il-Partijiet għandhom barra minn hekk jenfasizzaw miżuri mfassla biex jinħolqu rabtiet bejn l-aġenziji speċjalizzati rispettivi tagħhom u li jinkoraġġixxu skambji ta’ informazzjoni, tagħrif, studenti, esperti, żgħażagħ u ħaddiema żgħażagħ u riżorsi tekniċi, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-faċilitajiet offruti minn programmi tal-Unjoni Ewropea fl-Asja fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura kif ukoll l-esperjenza li ż-żewġ Partijiet kisbu f’dan il-qasam. Iż-żewġ naħat jaqblu wkoll li jippromwovu l-implimentazzjoni tal-programmi relevanti għall-edukazzjoni ogħla bħall-programm Erasmus Mundus bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-modernizzazzjoni fl-edukazzjoni ogħla, u għall-inkoraġġiment tal-mobilità akkademika. Artikolu 47 Ambjent, Tibdil fil-Klima u riżorsi naturali 1. Il-Partijiet qed jaqblu dwar il-ħtieġa li jikkonservaw u jamministraw b’manjiera sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika bħala bażi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-futur. 2. Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tippromwovi l-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent bil-għan li jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. L-eżitu tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali relevanti multilaterali għandhom jitqiesu fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim. 3. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tat-tibdil fil-klima sabiex jadattaw għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-kilma, biex inaqqsu l-emmissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra u biex iqabbdu l-ekonomiji tagħhom mogħdijiet sostenibbli ta' tkabbir b'użu baxx tal-karobonju. F'dan il-kuntest, il-Partijiet se jesploraw l-użu tal-mekkaniżmi tas-suq tal-karbonju. 4. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jtejbu l-effettività reċiproka tal-politiki kummerċjali u ambjentali, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fis-setturi kollha tal-kooperazzjoni. 5. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex ikomplu u sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-programmi reġjonali dwar il-protezzjoni tal-ambjent, b'mod speċifiku fir-rigward ta’: (a) il-promozzjoni ta’ għarfien ambjentali u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni lokali, inklużi l-parteċipazzjoni ta' komunitajiet indiġeni u lokali fl-isforzi tal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli; (b) l-ittrattar tat-tibdil fil-klima b'mod partikolari fir-rigward tal-impatti fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali; c) il-bini tal-kapaċità għall-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali, inkluż il-bijodiversità, il-bijosikurezza u CITES; (d) il-promozzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji, prodotti u servizzi ambjentali, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti regolatorji u ekoloġiċi; (e) it-titjib tal-governanza tal-foresti li jinkludi l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat miegħu, u l-promozzjoni tal-ġestjoni tal-foresti; (f) il-prevenzjoni ta' moviment transkonfinali illegali ta’ skart solidu u perikoluż u ta' prodotti ta' organiżmi modifikati ħajjin; (g) it-titjib tal-kwalità tal-arja tal-ambjent, il-ġestjoni ambjentali tajba tal-iskart, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u tal-kimiċi, u l-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli; (h) il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-art sostenibbli; (i) il-ġestjoni effettiva tal-parks nazzjonali u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta' żoni ta' bijodiversità u ta' ekosistemi fraġli, b’attenzjoni dovuta għall-komunitajiet lokali u indiġeni li jgħixu f’dawk iż-żoni jew qribhom. 6. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku għall-programmi tagħhom f’dan il-qasam, f’konformità mat-termini speċifiċi ta’ programmi bħal dawn. - It-twaqqif ta' netwerk ta' monitoraġġ għar-riżerva tal-ilma u l-modernizzazzjoni tiegħu; - L-introduzzjoni tat-teknoloġija għad-desalinizzazzjoni tal-ilma u l-użu mill-ġdid tiegħu, - L-iżvilupp tal-ekoturiżmu Artikolu 48 L-agrikultura, il-bhejjem, is-sajd u l-iżvilupp rurali Il-Partijiet qed jaqblu li jinkoraġġixxu d-djalogu dwar l-agrikoltura, il-bhejjem, is-sajd u l-iżvilupp rurali. Il-Partijiet sejrin jiskambjaw informazzjoni u sejrin jiżviluppaw kuntatti dwar: (a) il-politika agrikola u l-prospetti internazzjonali ġenerali tal-ikel u l-agrikoltura; (b) il-possibbiltajiet għall-iffaċilitar tal-kummerċ fil-pjanti, l-annimali, il-bhejjem u l-prodotti tagħhom, fid-dawl ta' żvilupp ulterjuri tal-industrija ħafifa fis-settur rurali; (c) Il-benesseri tal-annimali u l-bhejjem; (d) Il-politika tal-iżvilupp rurali; (e) skambju ta' esperjenza u netwerks ta' kooperazzjoni bejn l-aġenti lokali u l-operaturi ekonomiċi f'oqsma partikolari bħar-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija; (f) politika tas-saħħa u l-kwalità fuq il-pjanti, l-annimali u l-bhejjem, b'mod partikolari l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti; (g) proposti u inizjattivi ta' kooperazzjoni imressqa quddiem organizzazzjonijiet agrikoli internazzjonali; (h) l-iżvilupp ta’ agrikultura sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, li tinkludi l-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba, il-bijofjuwils u t-trasferiment tal-bijoteknoloġiji; (i) il-protezzjoni tal-varjetà tal-pjanti, it-teknoloġija taż-żrieragħ, il-bijoteknoloġija agrikola; (j) l-iżbilupp ta' bażijiet ta' dejta u netwerk ta' informazzjoni fuq l-agrikoltura u l-bhejjem; (k) taħriġ fuq l-agrikoltura u l-qasam veterinarju Artikolu 49 Saħħa 1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fis-settur tas-saħħa li jkopri oqsma bħar-riforma fis-sistema tas-saħħa, il-mard li jittieħed u theddid ieħor għas-saħħa, il-mard li ma jitteħidx, u ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa bil-ħsieb ta' titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u t-tqajjim ta' kuxjenza dwar is-saħħa pubblika. 2. Il-kooperazzjoni għandha ssir l-aktar permezz ta’: (a) programmi komprensivi immirati lejn riforma sistemika tas-settur tas-saħħa, inkluż it-titjib tas-sistemi tas-saħħa, is-servizzi tas-saħħa, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-informazzjoni dwar is-saħħa; (b) attivitajiet konġunti dwar l-epidemjoloġija, inklużi kollaborazzjoni fil-prevenzjoni bikrija ta' theddidiet għas-saħħa bħall-influwenza avjarja u pandemika u mard prinċipali ieħor li jittieħed; (c) il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li ma jittiħidtx permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajba, il-promozzjoni ta' stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, l-indirizzar ta’ elementi prinċipali li jiddeterminaw is-saħħa bħan-nutrizzjoni, id-dipendenza fuq id-droga, l-alkoħol u t-tabakk. (d) il-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa, bħall-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk u r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa. Artikolu 50 Ix-xogħol u l-affarijiet soċjali 1. Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, inkluża l-kooperazzjoni fil-koeżjoni reġjonali u soċjali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi u x-xogħol deċenti, bil-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni. 2. Il-Partijiet jirriaffermaw il-ħtieġa li jappoġġjaw il-proċess tal-globalizzazzjoni li hija ta’ benefiċċju għal kulħadd u li jippromwovu l-impjieg sħiħ u produttiv u x-xogħol deċenti bħala element ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u tat-tnaqqis tal-faqar, kif approvat mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 60/1 tal-24 ta’ Ottubru 2005 (l-Eżitu tas-Samit Dinji) u d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-segment ta’ livell għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU ta’ Lulju 2006 (il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU E/2006/L.8 tal-5 ta’ Lulju 2006). Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi rispettivi u n-natura diversa tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom. 3. Il-Partijiet itennu l-impenn tagħhom li jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw b'mod effettiv l-istandards ewlenin tax-xogħol u dawk soċjali rikonoxxuti internazzjonalment, kif stabbiliti b'mod partikolari fid-dijarazzjoni tal-ILO dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Prinċipji tax-Xogħol tal-1998 u d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-2008. L-implimentazzjoni tal-ftehimiet soċjali u tax-xogħol multilaterali relevanti għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jipprovdu assistenza teknika kif inhu xieraq in vista tal-irratifikar u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet tal-ILO koperti bid-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-1998 u konvenzjonijiet relevanti oħra. 4. Il-forom ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, programmi u proġetti speċifiċi, kif sar qbil fuqhom reċiprokament, kif ukoll djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta’ interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali. Artikolu 51 Statistika 1. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu, l-armonizzazzjoni ta’ metodi u prattika statistika inkluż il-ġbir u t-tixrid tal-istatistika, li tippermettilhom jużaw, fuq bażi reċiproka aċċettabbli, statistika dwar il-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi u, b’mod aktar ġenerali, dwar kwalunkwe qasam ieħor kopert b’dan il-Ftehim li huwa adatt għall-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u d-disseminazzjoni tal-istatistika. 2. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu t-twaqqif ta' kuntratt dirett bejn l-awtoritajiet relevanti bil-ħsieb li: jsaħħu kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-istatistika; isaħħu l-bini ta' kapaċità tal-korpi tal-istatistika billi jimmodernizzaw u jtejbu l-kwalità tas-sistema tal-istatistika; isaħħu r-riżorsi umani; taħriġ fl-oqsma relevanti kollha; u jappoġġjaw is-Sistemi Nazzjonali tal-Istatistika organizzati b'konformità mal-prattiċi stabbiliti internazzjonalment, inklużi l-infrastrutturi meħtieġa. 3. Il-kooperazzjoni għandha tkopri oqsma ta' interess reċiproku b'enfasi fuq I. Statistiċi Ekonomiċi: a. Il-Kontijiet Nazzjonali b. Statistika tan-negozju u reġistrazzjoni c. Statistika tal-agrikoltura / farming, trobbija tal-annimali, żvilupp rurali d. Riżerva ambjentali u minerali e. L-Industrija f. Kummerċ ma' barra f'oġġetti u servizzi g. Statistika ta' kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut h. Politika ta' reviżjoni i. Sigurtà alimentari j. Bilanċ tal-pagamenti II. Statistika soċjali: a. Statistika tal-ġeneru b. Statistika tal-migrazzjoni. c. Stħarriġ tal-familji III. Teknoloġija tal-informazzjoni a. Skambju ta' esperjenzi dwar it-teknoloġija elettronika u l-metodoloġija għall-forniment tas-sigurtà tal-informazzjoni, il-ħarsien, il-ħażna u l-privatezza u l-introduzzjoni ta' dawn l-esperjenzi. b. Skambju ta' esperjenzi dwar it-twaqqif ta' bażi tad-dejta onlajn għall-konsumaturi bbażat fuq websajt faċli biex tużaha u t-taħriġ f'dan il-qasam c. Appoġġ lill-ispeċjalisti tal-IT mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-Mongolja fit-twaqqif ta' din il-bażi tad-dejta d. Kooperazzjoni fl-involviment tal-utenti fl-edukazzjoni tagħhom dwar il-bażi tad-dejta informattiva. Artikolu 52 Is-soċjetà ċivili 1. Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol u l-kontribuzzjoni potenzjali ta’ soċjetà ċivili organizzata, speċjalment tal-akkademiċi, fil-proċess ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim u qed jaqblu li jippromwovu djalogu effettiv mas-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva tagħha. 2. Is-soċjetà ċivili organizzata, suġġetta għad-disposizzjonijiet legali u amministrattivi ta' kull Parti, tista: (a) tieħu sehem fil-proċess tat-tfassil ta' politika fil-livell ta' pajjiż, skont il-prinċipji demokratiċi; (b) ikunu informati dwar u jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet dwar strateġiji tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni u politiki settorjali, partikolarment f’oqsma li jikkonċernawhom, inklużi l-istadji kollha tal-proċess tal-iżvilupp; (c) jirċievu riżorsi finanzjarji, safejn ir-regoli interni ta’ kull Parti jippermettu, u appoġġ għall-bini ta’ kapaċità f’oqsma kritiċi; (d) jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni fl-oqsma li jikkonċernawhom. Artikolu 53 Kooperazzjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Istat u dik pubblika Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika. Il-Koperazzjoni f'dan il-qasam se tiffoka fuq: (a) it-titjib tal-effiċjenza organizzazzjonali; (b) iż-żieda tal-effettività tal-istituzzjonijiet fl-għoti tas-servizzi; (c) jiżguraw l-amministrazzjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi u r-responsabbiltà; (d) it-titjib tal-qafas legali u istituzzjonali; (e) il-bini tal-kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika (għoti ta’ servizz pubbliku, kompożizzjoni u eżekuzzjoni tal-baġit, politika kontra l-korruzzjoni); (f) it-tisħiħ tas-sistemi ġudizzjarji; u (g) r-riforma tas-sistema ta' sigurtà Artikolu 54 Kooperazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riskju ta' Diżastri (DRM) 1. Il-Partijiet jaqblu li jżidu l-kooperazzjoni dwar id-DRM fl-iżvilupp kontinwu u l-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex jitnaqqas ir-riskju għall-komunitajiet u jiġu ġestiti l-konsegwenzi ta’ diżastri naturali f’kull livell tas-soċjetà. Azzjonijiet ta’ prevenzjoni u approċċ proattiv biex jiġu ttrattati l-perikli u r-riskji għat-tnaqqis tar-riskji jew tal-vulnerabbiltajiet għad-diżastri naturali, għandhom jingħataw enfasi. 2. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tiffoka fuq dawn l-elementi ta’ programmi li ġejjin: a. it-Tnaqqis jew il-Prevenzjoni u l-Mitigazzjoni tar-Riskju ta’ Diżastri; b. il-ġestjoni tal-għarfien, l-innovazzjoni, ir-riċerka, u l-edukazzjoni għall-bini ta’ kultura ta’ sigurtà u ta’ reżistenza fil-livelli kollha; c. It-Tħejjija għad-Diżastri, d. il-Politika, l-Iżvilupp tal-Kapaċità Istituzzjonali u tal-Kunsens għall-Ġestjoni tad-Diżastri; e. ir-Rispons għad-Diżastri; f. l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji ta' diżastri. TITOLU VII IL-MEZZI TA’ KOOPERAZZJONI Artikolu 55 Riżorsi għall-kooperazzjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji 1. Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu disponibbli r-riżorsi xierqa, inklużi mezzi finanzjarji, sa fejn jippermettu r-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom, sabiex jilħqu l-għanijiet tal-kooperazzjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim. 2. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' assistenza teknika u amministrattiva reċiproka sabiex tipproteġi b'mod effettiv l-interessi finanzjarji tagħhom fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp u attivitajiet oħra ta' kooperazzjoni ffinanzjati. Il-Partijiet għandhom jirrispondu minnufih għal talbiet ta' għajnuna amministrattiva reċiproka li jsiru mill-ġudikatura u/jew mill-awtoritajiet investigattivi ta' xi waħda mill-Partijiet bil-ħsieb li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet. 3. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikompli bl-operazzjonijiet tiegħu fil-Mongolja, skont il-proċeduri u l-kriterji tal-finanzjament tiegħu. 4. Il-Partijiet għandhom jimplimentaw għajnuna finanzjarja f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u jikkooperaw fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u tal-Mongolja. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, inter alia, permezz ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka u għajnuna legali reċiproka fl-oqsma koperti bil-Ftehim preżenti. Kwalunkwe ftehim ieħor jew strument ta’ finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Partijiet għandu jipprovdi għal klawżoli speċifiċi ta’ kooperazzjoni finanzjarja li jkopru kontrolli fuq il-post, spezzjonijiet, kontrolli, u miżuri ta’ kontra l-frodi, inklużi, inter alia, dawk li jsiru mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). TITOLU VIII QAFAS ISTITUZZJONALI Artikolu 56 Kumitat Konġunt 1. Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu taħt dan il-Ftehim Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat fuq livell għoli addattat, li l-kompiti tiegħu għandhom ikunu li: (a) jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; (b) jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim; (c) jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim. 2. Il-Kumitat Konġunt, u s-Sottokumitat stabbilit fl-Artikolu 28, għandu, għall-finijiet li jilħaq l-objettivi ta' dan il-Ftehim, għandu l-poter li jieħu d-deċiżjonijiet fil-każijiet li hemm ipprovdut għalihom fih. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu mfassla bi qbil bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi meħtieġa biex tiġi stabbilita pożizzjoni fuqu miż-żewġ partijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iwettquhom. 3. Il-Kumitat Konġunt għandu normalment jiltaqa' kull sena f"Ulaanbaatar u fi Brussell alternattivament f'data stabbilita bi ftehim reċiproku. Jistgħu jiġu konvenuti wkoll laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun ippresedut alternattivament minn kull waħda mill-Partijiet. L-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi determinata bi qbil bejn il-Partijiet. 4. Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jgħinuh fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jagħmlu rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom li jiġu sottomessi lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu. 5. Il-Partijiet jaqblu li għandu jkun ukoll il-kompitu tal-Kumitat Konġunt li jiżgura l-funzjonament xieraq ta’ kwalunkwe ftehim settorjali jew protokoll li ġie konkluż jew li jkun se jiġi konkluż bejn il-Partijiet. 6. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. TITOLU IX DISPOŻIZZJONIJIET FINALI Artikolu 57 Klawżola dwar żviluppi futuri 1. Il-Partijiet jistgħu b’kunsens reċiproku jespandu dan il-Ftehim bil-ħsieb li jkabbru l-livell ta’ kooperazzjoni, inkluż billi jissumplimentawh permezz ta' ftehimiet jew protokolli dwar setturi jew attivitajiet speċifiċi. 2. Rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, iż-żewġ Partijiet jistgħu jressqu suġġerimenti sabiex iwessgħu l-ambitu tal-koperazzjoni, waqt li jikkunsidraw l-esperjenza li tkun inkisbet fl-applikazzjoni tiegħu. Artikolu 58 Ftehimiet oħra Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, la dan il-Ftehim u lanqas l-azzjoni li tittieħed taħtu ma għandha tolqot is-setgħat tal-Istati Membri li jwettqu attivitajiet ta’ kooperazzjoni bilaterali mal-Mongolja jew li jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet ġodda ta’ sħubija u kooperazzjoni mal-Mongolja. Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-obbligi li jkunu ttieħdu mill-Partijiet rispettivi f’relazzjoni ma’ partijiet terzi. Artikolu 59 L-issodisfar tal-obbligi 1. Kull Parti tista’ tirreferi kwalunkwe diverġenza fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim lill-Kumitat Konġunt. 2. Jekk xi Parti tikkunsidra illi l-Parti l-oħra naqset milli tissodifa xi waħda mill-obbligi taħt dan il-Ftehim tista' tieħu miżuri addattati. 3. Qabel ma tagħmel hekk, ħlief f’każijiet ta’ urġenza partikolari, din għandha tippreżenta lill-Kumitat Konġunt bl-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni fid-dettall, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet. 4. Fl-għażla tal-miżuri, għandha tingħata prijorità lil dawk li jfixklu l-inqas il-funzjonament ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati immedjatament lill-Parti l-oħra u għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt jekk il-Parti l-oħra titlob hekk. 5. Il-Partijiet jaqblu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni korretta u tal-applikazzjoni prattika ta’ dan il-Ftehim, li t-terminu “każi ta’ urġenza partikolari” fil-paragrafu 3 ifisser każ ta’ ksur materjali tal-Ftehim minn waħda mill-Partijiet. Ksur materjali tal-Ftehim jikkonsisti minn: (i) nuqqas ta’ rikonoxximent tal-Ftehim li ma jkunx sanzjonat mir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali, jew (ii) vjolazzjoni tal-elementi essenzali tal-Ftehim kif stabbiliti fl-Artikolu 1 (1) u (3) tiegħu. Artikolu 60 Il-Faċilitajiet Biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, iż-żewġ Partijiet jaqblu li jagħtu l-faċilitajiet neċessarji lill-uffiċjali u lill-esperti involuti fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, skont ir-regoli u r-regolamenti interni taż-żewġ Partijiet. Artikolu 61 Applikazzjoni territorjali Dan il-Ftehim għandu jgħodd min-naħa, għat-territorju li fih japplikaw it-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dawn it-Trattati, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Mongolja min-naħa l-oħra. Artikolu 62 Definizzjoni tal-Partijiet Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, 'il-Partijiet' għandha tfisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, b’mod konformi mas-setgħat rispettivi tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Mongolja, min-naħa l-oħra. Artikolu 63 Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità 1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-oħra dwar il-konklużjoni tal-proċeduri legali meħtieġa għal dan il-għan. 2. Dan il-Ftehim jibqa’ validu għal perjodu ta’ ħames snin. Għandu jiġi awtomatikament estiż għal aktar perjodi suċċessivi ta’ sena, sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim sitt xhur qabel it-tmiem ta’ kwalunkwe perjodu ta’ sena sussegwenti. 3. Kwalunkwe emendi għal dan il-Ftehim għandhom isiru bi ftehim bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda għandha ssir effettiva biss wara li l-Parti tal-aħħar tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li l-formalitajiet kollha neċessarji jkunu ġew konklużi. 4. Jekk Parti tintroduċi reġim kummerċjali aktar restrittiv rigward l-esportazzjoni tal-materja prima, bħall-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet ġodda, restrizzjonijiet, dazji jew imposti ta' kull xorta li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli VII, XI, XX jew XXI tal-GATT 1994, jew ma jkunux awtorizzati taħt tneħħija tad-WTO jew ma jkunx hemm qbil fuqhom mill-Kumitat Konġunt jew is-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment taħt l-Artikolu 56, barra minn dak li diġà jkun fis-seħħ fid-data meta jkun ġie inizjalat il-Ftehim, il-Parti l-oħra tista' tadotta miżuri xierqas skont l-Artikolu 59(3) u 4. 5. Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minn waħda mill-Partijiet permezz ta’ avviż bil-miktub tar-rinunzja lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-irċevuta tan-notifika mill-Parti l-oħra. Artikolu 64 Notifiki Notifiki magħmula skont l-Artikolu 63 għandhom isiru lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lid-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin tal-Mongolja, rispettivament. Artikolu 65 Test awtentiku Dan il-Ftehim ġie mitkub bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovena, Spanjola, Żvediża, Slovakka u Mongola, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkunu ugwalment awtentiċi. Magħmul f’żewġ oriġinali fi ………………… [il-post] f’dan …………………………….. il-jum ta’ [ix-xahar] fis-sena Elfejn u … L-Unjoni Ewropea | Il-Gvern tal-Mongolja | Ir-Repubblika tal-Bulgarija Ir-Renju tal-Belġju Ir-Repubblika Ċeka Ir-Renju tad-Danimarka Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja Ir-Repubblika tal-Estonja L-Irlanda Ir-Repubblika Ellenika Ir-Renju ta’ Spanja Ir-Repubblika Franċiża Ir-Repubblika Taljana Ir-Repubblika ta’ Ċipru Ir-Repubblika tal-Latvja Ir-Repubblika tal-Litwanja Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu Ir-Repubblika tal-Ungerija Malta Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi Ir-Repubblika tal-Awstrija Ir-Repubblika tal-Polonja Ir-Repubblika Portugiża Ir-Rumanija Ir-Repubblika tas-Slovenja Ir-Repubblika Slovakka Ir-Repubblika tal-Finlandja Ir-Renju tal-Isvezja Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq [1] ĠU C […], […], p. […]