Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0308

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE

/* KUMM/2011/0308 finali */

52011DC0308

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE /* KUMM/2011/0308 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Monitoraġġ aktar qawwi tal-isforzi kontra l-korruzzjoni................................................... 5

2.1........ Il-mekkaniżmi li qed jintużaw bħalissa għall-moniteraġġ u għall-evalwazzjoni..................... 5

2.2........ Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni................................................... 6

3........... Twettiq aħjar tal-istrumenti eżistenti kontra l-korruzzjoni.................................................. 9

3.1........ Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat.. 9

3.2........ Strumenti oħrajn internazzjonali kontra l-korruzzjoni....................................................... 10

3.3........ Koperazzjoni bejn l-UE u l-istrumenti internazzjonali eżistenti kontra l-korruzzjoni.......... 10

4........... Enfasi aktar qawwija fuq il-korruzzjoni fil-linji politiċi interni tal-UE................................ 11

4.1........ L-infurzar tal-liġi, u l-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fl-UE.................................... 11

4.1.1..... Koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija............................................................................ 11

4.1.2..... Investigazzjonijiet finanzjarji u rkupru tal-assi................................................................. 12

4.1.3..... Protezzjoni tal-informaturi............................................................................................. 13

4.1.4..... It-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi............................................................................. 13

4.2........ L-akkwist pubbliku....................................................................................................... 13

4.3........ Linja politika dwar il-koeżjoni biex insostnu l-bini tal-kapaċità........................................ 14

4.4........ Standards tal-kontabilità u awditjar statutarju għall-kumpaniji tal-UE.............................. 14

4.5........ Ma nħallux li sseħħ il-korruzzjoni politika u nissieltu kontrieha......................................... 15

4.6........ Intejbu l-istatistiki.......................................................................................................... 15

4.7........ L-integrità fl-isport........................................................................................................ 15

4.8........ Nipproteġu l-flejjes tal-UE kontra l-korruzzjoni............................................................. 16

5........... Enfasi aktar qawwija fuq il-korruzzjoni fil-linji politiċi esterni tal-UE................................ 16

5.1........ Pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi tal-viċinat................................................. 16

5.2........ Linji politiċi dwar il-koperazzjoni u dwar l-iżvilupp......................................................... 17

5.3........ Il-linja politika dwar il-kummerċ.................................................................................... 18

6........... Konklużjoni.................................................................................................................. 18

Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE

1. Introduzzjoni

Erbgħa minn kull ħames ċittadini tal-UE iqisu l-korruzzjoni[1] bħala problema serja fl-Istat Membru tagħhom[2]. Minkejja l-fatt li fl-aħħar deċenni l-Unjoni Ewropea kkontribwixxiet b'mod sinifikanti biex l-Ewropa tinfetaħ u ssir aktar trasparenti, huwa evidenti li għad fadal ħafna xi jsir. Mhux aċċettabbli li, skont kif inhu stmat, kull sena 120 biljun Ewro, jew wieħed fil-mija tal-PDG tal-UE[3] jintilfu minħabba l-korruzzjoni. Din ċertament mhix problema ġdida għall-UE, u m'aħniex se nkunu kapaċi neradikaw il-korruzzjoni għal kollox mis-soċjetajiet tagħna, iżda l-fatt li l-valutazzjoni medja tal-UE27 fl-Indiċi tat-Transparency International dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni fl-aħħar għaxar snin tjiebet biss b'mod modest[4] għandu ċerta qawwa.

Għalkemm in-natura u l-kobor tal-korruzzjoni jvarjaw, din tagħmel ħsara lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-UE kollha kemm hi. Tagħmel ħsara finanzjarja billi tbaxxi l-livelli tal-investimenti, u b'hekk ixxekkel milli s-suq intern jaħdem b'mod ġust u tnaqqas il-finanzi pubbliċi. Tikkawża dannu soċjali minħabba li gruppi kriminali organizzati jużaw il-korruzzjoni biex iwettqu delitti serji, bħat-traffikar tad-droga u tal-bnedmin. Barra minn hekk, jekk ma tiġix indirizzata, il-korruzzjoni tista' timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi u ddgħajjef ir-responsabbiltà tat-tmexxija politika lejn il-poplu.

Fl-aħħar deċenn, saru xi sforzi fil-livelli internazzjonali, tal-UE u nazzjonali biex titnaqqas il-korruzzjoni[5]. Fil-livell tal-UE, il-qafas legali kontra l-korruzzjoni żviluppa bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar il-korruzzjoni fis-settur privat[6] u bl-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (United Nations Convention against Corruption, UNCAC)[7]. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħraf li l-korruzzjoni hija reat serju b'dimensjoni transkonfinali li l-Istati Membri mhumiex armati għal kollox biex jindirizzawh waħedhom[8]. F'firxa ta' linji politiċi tal-UE[9] ġew integrati, sa ċertu punt, miżuri kontra l-korruzzjoni.

Madanakollu, it-twettiq tal-qafas legali kontra l-korruzzjoni jibqa' mhux l-istess fost l-Istati Membri tal-UE u, kollox ma' kollox, mhux sodisfaċenti. Il-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni mhix trasposta fl-Istati Membri kollha[10]. Xi pajjiżi ma rratifikawx l-aktar strumenti internazzjonali importanti kontra l-korruzzjoni. Aktar importanti minn hekk, anki fejn hemm instituzzjonijiet u leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, l-infurzar tagħha spiss jibqa' mhux biżżejjed fil-prattika[11].

Dan jixhed nuqqas ta' impenn politiku sod min-naħa tal-mexxejja u ta' min jieħu d-deċiżjonijiet biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha – il-korruzzjoni politika, l-attivitajiet korrotti mwettqin minn gruppi kriminali organizzati u magħhom, il-korruzzjoni fis-settur privat u l-hekk imsejħa korruzzjoni żgħira. Dan juri li hemm ħtieġa evidenti li nistimulaw ir-rieda politika biex tiġi missielta l-korruzzjoni, u biex titjieb il-koerenza tal-linji politiċi u azzjonijiet kontra l-korruzzjoni meħudin mill-Istati Membri.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se toħloq mekkaniżmu ġdid, ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, biex tissorvelja u tivvaluta l-isforzi tal-Istati Membri kontra l-korruzzjoni u konsegwentement tħeġġeġ għal aktar involviment politiku. Ir-Rapport, li se jkun sostnut minn grupp ta' esperti u minn netwerk ta' korrispondenti tar-riċerka, kif ukoll permezz tal-baġit neċessarju mill-UE, se jkun ġestit mill-Kummissjoni u se jiġi ppubblikat kull sentejn, bl-ewwel wieħed joħroġ fl-2013. Dan se jippreżenta riflessjoni ġusta tal-kisbiet, il-vulnerabbiltajiet u l-impenji tal-Istati Membri kollha. Se jidentifika x-xejriet u d-dgħjufijiet li jkun meħtieġ li jiġu indirizzati, u se jistimula t-tagħlim u l-iskambu tal-aħjar prattiki bejn il-pari. Flimkien mal-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu, l-UE għandha tipparteċipa fil-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO)[12].

L-UE trid ukoll tagħmel enfasi aktar qawwi fuq il-korruzzjoni fil-linji politiċi rilevanti kollha tal-UE – kemm interni kif ukoll esterni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni b'mod partikulari se tipproponi regoli mmodernizzati tal-UE dwar il-konfiska tal-assi kriminali fl-2011, se tipproponi strateġija biex jitjiebu l-investigazzjonijiet finanzjarji kriminali fl-Istati Membri fl-2012, u fl-2011 se tadotta Pjan ta' Azzjoni dwar kif jittejbu l-istatistiki dwar il-kriminalità. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll ma' aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust u s-CEPOL, kif ukoll mal-OLAF, sabiex iżżid il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u ttejjeb it-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi. Se tissokta tħejji regoli mmodernizzati tal-UE dwar l-akkwist u dwar l-istandards tal-kontabilità u l-awditjar statutarju għall-kumpaniji fl-UE. Barra minn hekk, fl-2011 il-Kummissjoni se tadotta strateġija biex tiġġieled kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Id f'id ma' dan, il-Kummissjoni se titfa' enfasi aktar qawwija fuq kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni fil-proċess tat-tkabbir tal-UE u – flimkien mar-Rappreżentant Għoli – fil-linja politika tagħna dwar il-viċinat, filwaqt li se tagħmel użu akbar mill-kundizzjonalità fil-linji politiċi dwar il-koperazzjoni u l-iżvilupp. Jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati inizjattivi għas-settur privat u d-djalogu bejn is-settur privat u dak pubbliku fil-livell tal-UE dwar kif tista' titwaqqaf il-korruzzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-objettivi tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u kif se jaħdem fil-prattika, u tispjega kif jeħtieġ li l-UE titfa' enfasi akbar fuq il-korruzzjoni fil-linji politiċi interni u esterni. Magħha se jkun hemm Strateġija tal-Kummissjoni kontra l-Frodi. Filwaqt li tal-ewwel jiffoka fuq l-infurzar min-naħa tal-Istati Membri tal-linji politiċi kontra l-korruzzjoni, tal-aħħar se jkopri l-aktar il-miżuri li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

2. Monitoraġġ aktar qawwi tal-isforzi kontra l-korruzzjoni 2.1. Il-mekkaniżmi li qed jintużaw bħalissa għall-moniteraġġ u għall-evalwazzjoni

Sa llum il-ġurnata m'hemm l-ebda mekkaniżmu li, b'mod koerenti u trażversali, jimmoniterja l-eżistenza ta' linji politiċi kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-UE u f'dak tal-Istati Membri u jivvaluta l-effettività tagħhom[13]. Fil-livell internazzjonali, il-mekkaniżmi eżistenti ewlenin għall-moniteraġġ u għall-evalwazzjoni huma l-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (il-GRECO), il-Grupp ta' Ħidma tal-OECD dwar it-Tixħim, u l-mekkaniżmu ta' valutazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (l-UNCAC). Dawk il-mekkaniżmi jipprovdu impetus għall-Istati li huma parti biex jimplimentaw u jinfurzaw l-istandards kontra l-korruzzjoni. Madanakollu, kull wieħed minnhom għandu diversi karatteristiċi li jillimitaw il-potenzjal tiegħu li jindirizza b'mod effettiv il-problemi assoċjati mal-korruzzjoni fil-livell tal-UE.

L-aktar strument eżistenti inklużiv li hu rilevanti għall-UE hu l-GRECO, minħabba li fih jipparteċipaw l-Istati Membri kollha. Permezz tal-GRECO, il-Kunsill tal-Ewropa jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li jkun hemm standards minimi fi spazju legali pan-Ewropew. Madanakollu, meta wieħed iqis il-viżibbiltà limitata tal-proċess intergovernattiv ta' evalwazzjoni tal-GRECO u l-mekkaniżmu ta' segwitu tiegħu, s'issa ma ġġenerax fl-Istati Membri r-rieda politika meħtieġa biex il-korruzzjoni tiġi indirizzata b'mod effettiv. Aktar minn hekk, il-GRECO jimmoniterja l-konformità ma' firxa ta' standards kontra l-korruzzjoni stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa[14] u minħabba f'hekk jiffoka inqas fuq oqsma speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħall-akkwist pubbliku. Is-sistema tal-GRECO, barra minn hekk, ma tippermettix li ssir analiżi komparattiva u minħabba f'hekk ma tippermettix li jiġu identifikati x-xejriet rigward il-korruzzjoni fl-UE; lanqas ma tistimula b'mod attiv l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim bejn il-pari.

Il-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Barranin fi Tranżazzjonijiet Internazzjonali ta' Negozju (il-Konvenzjoni Kontra t-Tixħim)[15] tiffoka fuq il-kwistjoni speċifika tat-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet internazzjonali ta' negozju, u ma tistax tiġi estiża għal oqsma oħrajn ta' importanza għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE. Is-seba' Rapport annwali ta' Progress imħejji minn Transparency International[16] indika li l-infurzar tal-Konvenzjoni Kontra t-Tixħim ma kienx l-istess kullimkien: kien biss f'erba' Stati Membri tal-UE li kien hemm infurzar attiv, filwaqt li fi 12-il Stat Membru ieħor tal-UE kien hemm ftit li xejn infurzar, jekk mhux ukoll xejn. Minkejja sistema ta' evalwazzjoni bir-reqqa fil-forma tal-Grupp ta' Ħidma tal-OECD dwar it-Tixħim, baqa' ma kienx hemm biżżejjed impenn politiku biex il-Konvenzjoni tal-OECD Kontra t-Tixħim tiġi implimentata b'mod effettiv.

Il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (l-UNCAC) daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2005, u l-UE daħlet fiha f'Settembru 2008[17]. F'Novembru 2009 l-Konferenza tal-istati li huma Parti fl-UNCAC adottat it-termini ta' referenza tal-Mekkaniżmu għar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni tal-UNCAC. L-UE tappoġġa l-involviment tas-soċjetà ċivili u t-trasparenza fis-sejbiet tal-evalwazzjonijiet li saru bil-Mekkaniżmu. Madanakollu, hemm diversi karatteristiċi li x'aktarx se jillimitaw il-potenzjal tal-mekkaniżmu tar-reviżjoni tal-UNCAC li jindirizza problemi assoċjati mal-korruzzjoni fil-livell tal-UE: huwa strument intergovernattiv, is-sistema ta' reviżjoni bejn il-pari x'aktarx tħalli barra oqsma li għandhom rilevanza partikulari għall-UE, tinkludi Stati parti li jista' jkollhom standards kontra l-korruzzjoni li huma aktar baxxi minn dawk tal-UE, iċ-ċikli ta' reviżjoni se jkunu relattivament twal, u r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati partijiet li ma jiġux implimentati tista' tittieħed azzjoni ta' segwitu dwarhom għal għadd limitat ta' drabi biss.

2.2. Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni

Minħabba l-limitazzjonijiet spjegati hawn fuq tal-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti għall-moniteraġġ u għall-evalwazzjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu speċifiku tal-UE għall-moniteraġġ u għall-valutazzjoni, ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, sabiex iqanqal rieda politika aktar qawwija fl-Istati Membri u jwassal għall-infurzar tal-għodod legali u istituzzjonali eżistenti. Jeħtieġ li dak il-mekkaniżmu jkun imżewweġ mal-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO[18]. Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni se jinħareġ mill-Kummissjoni kull sentejn, u l-ewwel wieħed se joħroġ fl-2013.

L-istabbiliment tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni huwa r-rispons tal-Kummissjoni għal sejħa li saret mill-Istati Membri, fil-Programm ta' Stokkolma[19], biex "tiżviluppa indikaturi, abbażi tas-sistemi eżistenti u l-kriterji komuni, biex jitkejlu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni", u mill-Parlament Ewropew biex timmoniterja l-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri fuq bażi regolari[20].

L-istabbiliment tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni jitlaq mill-prinċipju li għalkemm fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni m'hemm l-ebda soluzzjoni waħda li taħdem dejjem, il-korruzzjoni hija fattur ta' tħassib fl-Istati Membri kollha tal-UE. Permezz tal-valutazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' kultant ta' rapporti oġġettivi msejsin fuq il-fatti, ir-Rapport se joħloq impetus addizzjonali biex l-Istati Membri jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod effettiv, notevolment billi jimplimentaw u jinfurzaw standards maqbulin internazzjonalment kontra l-korruzzjoni. Il-mekkaniżmu, li japplika bl-istess mod għall-Istati Membri kollha, se jipprovdi stampa ġenerali iktar ċara tal-eżistenza tal-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-UE u tal-effettività tagħhom, se jgħin biex jiġu identifikati l-kawżi speċifiċi tal-korruzzjoni, u b'hekk jipprovdi s-sisien għal tħejjija bis-serjetà għal azzjonijiet permezz ta' linji politiċi fl-UE fil-ġejjieni. Barra minn hekk, se jservi bħala 'allert f'każ ta' possibbiltà ta' kriżi" sabiex jittaffew ir-riskji potenzjali ta' problemi li rabbew għeruq fil-fond u li jistgħu jevolvu fi kriżi.

Meta tkun qed tħejji r-Rappot tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni l-Kummissjoni se tikkopera mal-mekkaniżmi eżistenti tal-moniteraġġ u tal-evalwazzjoni sabiex tevita li jkun hemm piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-Istati Membri u xogħol doppju. Se tirrikorri għall-istandards minimi kontra l-korruzzjoni stabbiliti mill-istrumenti internazzjonali eżistenti bħall-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa[21], il-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni[22], l-Għoxrin prinċipju gwida għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni[23], l-UNCAC[24] u l-Konvenzjoni tal-OECD Kontra t-Tixħim[25].

Minħabba li kważi s-suriet kollha tal-koruzzjoni jista' jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ir-Rapport mhux se jkun limitat għal lista eżawrijenti tal-oqsma prijoritarji. Kull Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, madanakollu, se jiffoka fuq għadd ta' kwistjonijiet trażversali li għandhom rilevanza partikulari fil-livell tal-UE, kif ukoll fuq kwistjonijiet speċifiċi magħżulin b'rabta ma' kull Stat Membru. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu vvalutati skont għadd ta' indikaturi li se jkunu msejsin fuq l-istandards li jeżistu diġà fl-oqsma rispettivi, u skont oħrajn li se jiġu żviluppati mill-bidu fil-proċess tat-tħejjija tar-Rapport. Indikaturi ġodda se jiġu żviluppati fejn għadhom ma ġewx stabbiliti standards rilevanti fi strument eżistenti jew fejn hemm bżonn ta' standards ogħla fil-livell tal-UE. Fl-għażla tal-indikaturi eżistenti u fl-iżvlupp ta' oħrajn ġodda, il-Kummissjoni se tikkonsulta ma' awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri. L-indikaturi jistgħu jkunu jinkludu: il-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni, l-imġiba ta' dawk li jieħdu sehem rigward attivitajiet korrotti, u statistika dwar il-ġustizzja kriminali, inkluż dwar sekwestri u konfiski tar-rikavat mill-kriminalità relatata mal-korruzzjoni. Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni se jkun jinkludi valutazzjoni kwantitattiva ta' dawk l-indikaturi u analiżi kwalitattiva dwar ix-xejriet u r-riżultati tal-korruzzjoni.

Ir-Rapport dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni se jkun fih:

· Taqsima tematika, li titfa' d-dawl fuq aspetti speċifiċi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, li se tkun ibbażata fuq ir-riċerka u se tkun tinkludi studji tematiċi ta' każijiet, eżempji tal-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet.

· Analiżijiet tas-sitwazzjoni f'pajjiżi partikulari, inklużi rakkomandazzjonijiet imfasslin apposta għal Stati Membri individwali, ibbażati fuq ir-riżultati tal-mekkaniżmi eżistenti tal-moniteraġġ u fuq reviżjonijiet ta' evidenza disponibbli minn għejun rilevanti. Din it-taqsima jista' jkollha magħha rakkomandazzjonijiet għal azzjoni xierqa fil-livell tal-UE.

· Ix-xejriet fil-livell tal-UE, inkużi r-riżultati ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-korruzzjoni li jsir kull sentejn, u li jkejjel il-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-UE dwar il-korruzzjoni f'diversi oqsma, kif ukoll għejun rilevanti oħrajn ta' informazzjoni dwar l-esperjenzi relatati mal-korruzzjoni fil-livell tal-UE.

Biex tfassal ir-Rapport, il-Kummissjoni se sserraħ fuq diversi għejun ta' informazzjoni, inklużi l-mekkaniżmi eżistenti tal-moniteraġġ (il-GRECO, l-OECD, l-UNCAC), esperti indipendenti, is-sejbiet ta' xogħlijiet ta' riċerka, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF), l-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE bħall-Europol u l-Eurojust, in-Netwerk Ewropew Kontra l-Korruzzjoni, l-istħarriġiet tal-Ewrobarometru u s-soċjetà ċivili[26].

Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni se jiġi ġestit mill-Kummissjoni, li se tkun assitita minn:

· Grupp ta' esperti li jagħti pariri dwar: (1) il-ħolqien tal-indikaturi, (2) il-valutazzjoni ta' kif ikunu sejrin l-Istati Membri, (3) l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki, (4) l-identifikazzjoni tax-xejriet fl-UE, (5) it-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet, u (6) is-suġġeriment ta' miżuri tal-UE fejn ikun xieraq. Il-grupp se jinħoloq mill-Kummissjoni, wara proċedura ta' sejħa miftuħa għal min jixtieq ikun fih. L-esperti li se jintgħażlu jistgħu jkunu ġejjin minn firxa wiesgħa ta' oqsma (l-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, is-soċjetà ċivili, ir-riċerka eċċ.), irid ikollhom speċjalizzazzjoni li mhemm l-ebda dubju dwarha fil-ħidma kontra l-korruzzjoni, irid ikollhom fama tajba bħala nies integri u jridu jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fil-kapaċità professjonali personali tagħhom.

· Netwerk ta' korrispondenti lokali tar-riċerka stabbilit mill-Kummissjoni u li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tad-dinja tal-akkademiċi, li se jiġbor l-informazzjoni rilevanti f'kull Stat Membru sabiex jipprovdi l-materjal għall-ħidma tal-grupp ta' esperti u jikkumplimentaha.

Jista' jiġi kkunsidrat li jiġi żviluppat programm ta' qsim ta' esperjenzi li jkun marbut direttament mar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, biex jgħin lill-Istati Membri, lill-ONG lokali u lil partijiet oħra interessati jidentifikaw in-nuqqasijiet fil-linji politiċi u fl-aħjar prattiki kontra l-korruzzjoni, joħolqu għarfien jew jipprovdu t-taħriġ.

Il-Kummissjoni se tieħu fuqha l-ispejjeż kollha assoċjati mar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, inklużi dawk tal-grupp indipendenti ta' esperti, tan-netwerk ta' korrispondenti lokali tar-riċerka u, jekk jiġi stabbilit, tal-programm ta' qsim ta' esperjenzi.

Il-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO, għalkemm ma tissodisfax għal kollox il-ħtiġijiet tal-UE għal rappurtaġġ perjodiku dwar l-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-UE kollha kemm hi, toħloq sinerġiji bejn iż-żewġ mekkaniżmi[27]. Il-GRECO jista', b'mod partikulari, jipprovdi input għall-mekkaniżmu tal-UE għall-moniteraġġ fis-sura ta' analiżijiet komparattivi tal-evalwazzjoni eżistenti tal-GRECO u tar-rapporti dwar il-konformità tal-Istati Membri tal-UE, u indikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin li jkunu għadhom ma twettqux u li jkunu jeħtieġu azzjoni addizzjonali ta' segwitu.

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi mekkaniżmu tal-UE għal rappurtaġġ dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni sabiex kultant żmien jivvaluta l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u se titlob l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tinnegozja mal-Kunsill tal-Ewropa l-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO. Fuq medda medja u twila ta' żmien, u fuq il-bażi tas-sejbiet tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa ta' inizjattivi min-naħa tal-UE permezz ta' linji politiċi, inkluża l-approssimazzjoni tal-liġi kriminali fil-qasam tal-korruzzjoni.

3. Twettiq aħjar tal-istrumenti eżistenti kontra l-korruzzjoni

Diġà għandna għadd ta' strumenti legali kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak Ewropew u internazzjonali. Dan jinkludi l-Konvenzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fejn huma involuti uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ fit-28 ta' Settembru 2005[28]. Bl-eċċezzjoni ta' dik il-Konvenzjoni, madanakollu, l-istrumenti eżistenti s'issa għadhom ma ġewx irratifikati u trasposti fil-liġi tal-Istati Membri kollha tal-UE. Jeħtieġ li, bħala minimu sabiex jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod effettiv, l-Istati Membri jieħdu passi sabiex ilestu l-proċess tar-ratifikazzjoni u tat-traspożizzjoni.

3.1. Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat

Id-Deċiżjoni kwadru 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat[29], li ġiet adottata f'Lulju 2003, għandha l-għan li tikkriminalizza kemm it-tixħim attiv kif ukoll dak passiv, billi tistabbilixxi regoli aktar iddettaljati dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi u dwar is-sanzjonijiet ta' deterrent. L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni[30], li nħareġ fl-2007, wera li bosta Stati Membri ftit li xejn kienu għamlu biex japplikawha. Instabu nuqqasijiet fil-kriminalizzazzjoni tal-elementi kollha tat-tixħim attiv u passiv u fid-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-persni ġuridiċi. It-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni juri li diversi Stati Membri għadhom ma ttrasponewx l-aktar dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-kriminalizzazzjoni tal-elementi kollha tat-tixħim attiv u passiv[31]. Barra minn dan, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi għadha rregolata b'modi differenti fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/ĠAI minnufih u biex jiżguraw li tkun implimentata b'mod effettiv. Skont il-progress li jsir, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi Direttiva li tieħu post id-Deċiżjoni Kwadru.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir l-adozzjoni min-naħa ta' ċerti Stati Membri ta' regoli aktar stretti biex ma jitħalliex li sseħħ il-korruzzjoni fis-settur privat u biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva għal reati ta' korruzzjoni. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tappoġġa d-djalogu bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam. L-impriżi privati huma mħeġġin jiżviluppaw u jimplimentaw regoli komuni standard ċari għall-oqsma rispettivi tagħhom dwar il-kontabilità, l-awditjar intern, il-kodiċi tal-kondotta u l-ħarsien tal-informaturi.

3.2. Strumenti oħrajn internazzjonali kontra l-korruzzjoni

Diversi Stati Membri tal-UE rratifikaw l-istrumenti internazzjonali eżistenti kontra l-korruzzjoni kollha, jew il-biċċa l-kbira tagħhom. Madanakollu, tliet Stati Membri tal-UE[32] ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa[33], tnax ma rratifikawx il-Protokoll addizzjonali tagħha[34] u sebgħa ma rratifikawx[35] il-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni[36]. Tliet Stati Membri għadhom ma rratifikawx l-UNCAC[37]. Ħames Stati Membri[38] ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-OECD Kontra t-Tixħim.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li ma rratifikawx dawk l-istrumenti biex jagħmlu dan minnufih, b'mod li fejn ikun xieraq jagħtu kas tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, u biex jimplimentawhom b'mod sħiħ. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar il-passi li ħadu bil-għan li jirratifikaw dawn l-istrumenti u bi kwalunkwe raġunijiet li minħabba fihom ma rratifikawhomx. F'dan il-kuntest, ir-ratifikazzjoni u l-infurzar effettiv mill-Istati Membri kollha tal-UE tal-Konvenzjoni tal-OECD Kontra t-Tixħim għandha importanza partikulari. Il-Kummissjoni se tanalizza d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom waqt il-proċess tar-ratifikazzjoni l-Istati Membri tal-UE li mhumiex fl-OECD, kif ukoll id-defiċjenzi fl-implimentazzjoni u fl-infurzar.

3.3. Koperazzjoni bejn l-UE u l-istrumenti internazzjonali eżistenti kontra l-korruzzjoni

Il-Programm ta' Stokkolma jagħmel sejħa għal aktar kordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tax-xogħol tal-UNCAC, tal-GRECO u tal-OECD. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se taġixxi, b'mod partikuari, fl-oqsma li ġejjin:

Rigward l-UNCAC, il-Konvenzjoni fiha obbligu legali li jsiru awtovalutazzjonijiet. Fil-każ tal-UE, dak il-proċess huwa wieħed kumpless minħabba li jinvolvi l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, kif ukoll mal-Istati Membri fil-materji li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża. Madanakollu, il-Kummissjonitat tat bidu għall-proċess[39] u qed tanalizza l-impatt tal-bidliet li ġab miegħu t-Trattat ta' Lisbona fuq l-ambitu tal-obbligi tal-UE fi ħdan l-UNCAC. Ladarba dik l-analiżi titlesta, jiġu ddeterminati l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-reviżjoni, inkluża l-ħatra tal-esperti.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-koperazzjoni mal-OECD, possibbilment permezz tal-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim. Is-sejbiet tal-Grupp ta' Ħidma tal-OECD dwar it-Tixħim se jintużaw bħala input għar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni.

Il-Kummissjoni analizzat il-modalitajiet li jistgħu jintużaw għall-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO u se tagħti bidu, fil-limiti tal-kompetenza tal-UE, għall-proċeduri neċessarji f'dan ir-rigward[40]. Jeħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw, fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-applikazzjoni tal-UE biex tipparteċipa fil-GRECO.

Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll l-isforzi kontra l-korruzzjoni li qed isiru fil-kuntest tal-G-20 u se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-G-20 kontra l-korruzzjoni li ġie approvat fil-Laqgħa Għolja ta' Seoul f'Novembru 2010[41].

4. Enfasi aktar qawwija fuq il-korruzzjoni fil-linji politiċi interni tal-UE

Minbarra moniteraġġ u implimentazzjoni aktar b'saħħithom tal-istrumenti legali eżistenti jeħtieġ li, bħala parti minn mod komprensiv kif isiru l-affarijiet, il-kunsiderazzjonijiet kontra l-korruzzjoni jiġu integrati fil-linji politiċi rilevanti kollha tal-UE – kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni. Jeħtieġ li jsir enfasi aktar qawwi fuq il-korruzzjoni, b'mod partikulari fl-oqsma tal-linji politiċi li ġejjin.

4.1. L-infurzar tal-liġi, u l-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fl-UE

Jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw is-sejbien effettiv, il-prosekuzzjoni u preċedenti stabbli ta' pwieni dissważivi u ta' rkupru ta' assi miksubin kriminalment f'każijiet ta' korruzzjoni. F'dan il-kuntest, il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija bejn l-Istati Membri tal-UE, l-investigazzjonijiet finanzjarji, it-taħriġ tal-persunal li jinforza l-liġi, u l-protezzjoni tal-informaturi għandhom importanza partikulari.

4.1.1. Koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija

Bħala parti mill-istrateġija tagħha għall-perjodu bejn l-2010 u l-2014, il-Europol hija impenjata li tipprovdi aktar sostenn għall-operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u li sservi bħala ċ-ċentru tal-UE għall-informazzjoni dwar il-kriminalità kif ukoll bħala ċ-ċentru ta' speċjalizzazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Europol biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tiġġieled kontra l-korruzzjoni bħala fattur li jiffaċilita l-attivita kriminali organizzata. Dan għandu jkun jinkludi l-produzzjoni ta' valutazzjonijiet regolari dwar it-theddid.

Mill-2004 'l hawn, l-Eurojust kienet involuta f'għadd li żdied bi ftit ta' każijiet ta' korruzzjoni. Għalkemm fl-2010 dawn il-każijiet kienu jirrappreżentaw biss 2% tat-tagħbija totali tax-xogħol tagħha, iż-żieda fin-numru ta' Stati Membri wasslet għal ħtieġa ikbar għall-koperazzjoni ġudizzjarja f'każijiet ta' korruzzjoni b'dimensjoni transkonfinali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Eurojost issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar każijiet ta' korruzzjoni b'implikazzjonijiet transkonfinali.

Finalment, mill-2008 'l hawn, in-netwerk ta’ punti ta’ kuntatt tal-UE kontra l-korruzzjoni (EU contact-point network against corruption, EACN)[42] ġabret flimkien lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kontra l-korruzzjoni, flimkien mal-Kummissjoni, l-OLAF, l-Europol u l-Eurojust. L-EACN huwa ġestit min-netwerk tas-Sħab Ewropej kontra l-Korruzzjoni (European Partners against Corruption, EPAC), immexxi mill-Awstrija. Il-Kummissjoni se taħdem mal-EACN biex jipproduċi aktar riżultati konkreti, biex ikun hemm enfasi aktar qawwi fuq kwistjonijiet operazzjonali li huma rilevanti għall-investigaturi tal-korruzzjoni, u favur delimitazzjoni aktar ċara tal-irwoli rispettivi tal-EPAC u tal-EACN. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tħejji proposta biex timmodifika d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-EACN.

4.1.2. Investigazzjonijiet finanzjarji u rkupru tal-assi

Erba' rapporti li ħarġet il-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni[43] indikaw dewmien fl-isforzi min-naħa ta' bosta Stati Membri biex jadottaw miżuri rigward il-konfiska tar-rikavati mill-kriminalità. Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi qafas legali rivedut tal-UE dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi sabiex jiġi żgurat li l-qrati fl-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonfiskaw b'mod effettiv assi kriminali jew imċappsin bil-kriminalità u jirkupraw għal kollox il-valuri korrispondenti, inkluż f'każijiet li jinvolvu l-korruzzjoni.

It-tielet Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus[44] issemmi l-korruzzjoni bħala wieħed mir-reati marbutin mal-ħasil tal-flus. Evalwazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Ħidma tal-OECD dwar it-Tixħim jissuġġerixxu li ftit ħafna mill-każijiet barranin ta' tixħim jinqabdu permezz tas-sistemi nazzjonali ta' kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni tisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja[45], l-aġenziji speċjalizzati fil-ħidma kontra l-korruzzjoni u l-korpi tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-investigazzjonijiet finanzjarji f'każijiet ta' korruzzjoni jsiru b'mod effettiv u konsistenti u li tiġi kkunsidrata dejjem kwalunkwe rabta potenzjali mal-kriminalità organizzata u mal-ħasil tal-flus. Fl-2012 il-Kummissjoni se tadotta strateġija biex issaħħaħ il-kwalità tal-investigazzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri u l-iżvilupp ta' intelligence finanzjarja biex tiġi kondiviża bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE u fil-livell internazzjonali.

4.1.3. Protezzjoni tal-informaturi

Il-protezzjoni effettiva tal-informaturi mir-ritaljazzjoni hija element ewlieni tal-linji politiċi kontra l-korruzzjoni. Il-qafas legali rilevanti tal-UE mhux l-istess kullimkien, u dan joħloq diffikultajiet biex jiġu indirizzati każijiet b'dimensjoni transkonfinali. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni dwar il-protezzjoni ta' min jirrapporta delitti finanzjarji li se tkun tkopri wkoll il-protezzjoni lill-informaturi, kif ukoll kwistjonijiet relatati ta' protezzjoni tad-dejta, bħala bażi għal azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE.

4.1.4. It-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta' programmi immirati ta' taħriġ dwar il-korruzzjoni għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi permezz tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL). Dawk il-programmi għandhom ikopru aspetti speċifiċi ta' kif jiġu indirizzati każijiet ta' korruzzjoni b'implikazzjonijiet transkonfinali, ngħidu aħna l-ġbir u l-iskambju tal-evidenza, ir-rabta mal-investigazzjonijiet finanzjarji, u r-rabta mal-investigazzjonijiet ta' reati tal-kriminalita organizzata.

4.2. L-akkwist pubbliku

In-nefqa pubblika fuq ix-xogħlijiet, il-prodotti u s-servizzi tirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 19% tal-PDG tal-UE (2009). Kważi parti minn ħamsa ta' din in-nefqa taqa' fl-ambitu tad-Direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (i.e. madwar EUR 420 biljun, jew 3.6% tal-PDG tal-UE).

Il-qafas legali ta' bħalissa tal-UE dwar l-akkwist pubbliku[46] ma jinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-prevenzjoni u l-issanzjonar tal-kunflitti ta' interess, u fih biss ftit regoli speċifiċi dwar l-issanzjonar tal-favoritiżmu u tal-korruzzjoni.

F'Jannar 2011, il-Kummissjoni tat bidu għal konsultazzjoni[47] dwar il-modernizzazzjoni tal-linja politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Dan iqajjem id-dubju dwar jekk hemmx bżonn ta' definizzjoni komuni ta' kunflitt ta' interess u salvawgwardji possibbli kontra tali sitwazzjonijiet fil-livell tal-UE, inklużi l-pubblikazzjoni tal-kuntratti konklużi sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, l-estensjoni tar-raġunijiet għal esklużjoni u miżuri ta' 'awtotindif'. Waqt it-tħejjija ta' leġiżlazzjoni mmodernizzata tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni se tqis dawn il-kwistjonijiet bir-reqqa. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tipproponi leġiżlazzjoni dwar konċessjonijiet bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar biex dawn il-kuntratti jingħataw b'mod ġust u kompetittiv, u b'hekk jitnaqqsu r-riskji tal-korruzzjoni.

4.3. Linja politika dwar il-koeżjoni biex insostnu l-bini tal-kapaċità

Il-linja politika tal-UE dwar il-koeżjoni tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali fl-Istati Membri biex is-servizzi u amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru aktar effiċjenti. Il-kapaċità amministrattiva u l-governanza tajba huma inklużi bħala prijoritajiet ewlenin fil-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni 2007-2013. Ġew allokati total ta' 3.5 biljun Ewro taħt dawk il-linji gwida sabiex tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, li 2 biljun Ewro minnhom ġejjin mill-Fond Soċjali Ewropew. Ir-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew 2007-2013 introduċa prijorità speċifika għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva f'reġjuni u Stati Membri inqas żviluppati. Tali appoġġ għall-kapaċita amministrattiva se jkollu impatt pożittiv fuq il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, billi jagħmel lis-servizzi u amministrazzjonijiet pubbliċi aktar effiċjenti u trasparenti. Xi Stati Membri inkludew miżuri biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fil-programmi operazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibqa' tagħti l-appoġġ tagħha għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u li tagħmlu disponibbli għall-Istati Membri u r-reġjuni kollha[48].

4.4. Standards tal-kontabilità u awditjar statutarju għall-kumpaniji tal-UE

L-użu tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju għar-rapporti finanzjarji konsolidati ta' kumpaniji elenkati fis-swieq tal-ishma tal-UE sar mandatarju fl-2005[49]. Il-proċeduri dwar l-awditjar statutorju ġew armonizzati[50], u introduċew rekwiżit għall-garanzija tal-kwalità esterna, dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni pubblika, u dwar id-doveri tal-awdituri statutarji u l-indipendenza tagħhom, u l-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali. Dawn il-miżuri kabbru l-kredibbiltà, il-kwalità u t-trasparenza tar-rappurtaġġ finanzjarju, u b'hekk naqqsu r-riskji tal-korruzzjoni.

Fl-2010 l-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-kriżi finanzjarja fir-rigward tal-linji politiċi[51]. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jassistu lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar miżuri futuri bil-għan li jiġi żgurat li fil-kumpaniji tal-UE jkun hemm sistemi kkonsolidati ta' ċċekkjar u kontrolli sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' imbrolji u intrigi. Dawn jistgħu jkopru kwistjonijiet bħal: kjarifiki dwar l-irwol tal-awdituri, il-governanza u l-indipendenza tad-ditti tal-awditjar, is-superviżjoni tal-awdituri, il-ħolqien ta' suq uniku għall-provvediment tas-servizzi tal-awditjar, u s-simplifikazzjoni tar-regoli għall-SMEs.

4.5. Ma nħallux li sseħħ il-korruzzjoni politika u nissieltu kontrieha

Kif urewna ripetutament l-iskandli politiċi, xi drabi jinħolqu rabtiet kumplessi bejn l-atturi politiċi, l-impriżi privati, il-midja, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u l-fondazzjonijiet[52]. Dawn il-konnessjonijiet huma xprunati minn benefiċċji reċiproċi li jinkisbu mill-influwenzar ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi importanti, b'mod li jpoġġi lill-istituzzjonijiet u proċeduri demokratiċi fil-periklu u li jagħmilha aktar diffiċli li jinqabdu l-imbrolji u l-intrigi. Taħt l-impetus tal-proċess ta' moniteraġġ tal-GRECO, rajna xi progress fl-ambjent legali u istituzzjonali għall-finanzjament tal-partiti politiċi f'diversi Stati Membri. Sfortunatament, l-infurzar tar-regoli dwar it-trasparenza u s-superviżjoni f'xi Stati Membri għadha mhix sodisfaċenti. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri, lill-Parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew biex jiżguraw li jkun hemm aktar trasparenza u biex jippermettu li ssir superviżjoni effettiva tal-finanzjament tal-partiti politiċi u ta' gruppi oħrajn ta' interess. Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tirrispetta l-obbligi tagħha li tiddefendi l-interess ġenerali tal-Unjoni, skont l-obbligi preskritti mit-Trattati, fil-Kodiċi ta' kondotta tagħha stess u f'regoli rilevanti oħrajn.

Il-midja għandha sehem ewlieni x'tagħti biex jiżdiedu t-trasparenza tal-politiċi u r-responsabbilta tagħhom lejn il-poplu, u spiss hija għodda inġenjuża biex tiġi missielta l-korruzzjoni politika. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali eżistenti li jiggarantixxi l-indipendenza u l-ħelsien tal-midja, inkluż dwar il-finanzjament tal-midja. Il-Kummissjoni se tappoġġa, permezz tal-programmi eżistenti tagħha, it-taħriġ tal-midja sabiex tissaħħaħ il-konoxxenza f'oqsma speċifiċi li huma rilevanti biex tinqabad il-korruzzjoni (e.g. il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tal-partiti politiċi, l-operazzjonijiet bankarji, is-swieq finanzjarji). Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll b'modi oħrajn azzjoni li tillimita l-korruzzjoni politika, inkluż permezz ta' finanzjament ta' inizjattivi tas-soċjetà ċivili[53].

4.6. Intejbu l-istatistiki

Bħalissa fl-UE ma teżistix sistema statistika uniformi biex jitkejlu n-natura u l-gravità tal-korruzzjoni jew l-effettività tal-miżuri kontra l-korruzzjoni. Bħala azzjoni ta' segwitu għall-Pjan ta' Azzjoni tal-UE biex tiżviluppa strateġija komprensiva u koerenti tal-UE biex tkejjel il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali[54], qed jitħejja Pjan ġdid ta' Azzjoni (2011-2015). Il-Kummissjoni se tistabbilixxi sottogrupp ta' esperti fl-istatistiki, bħala l-ewwel pass ta' ħidma bil-għan li tiġi stabbilita sistema statistika unformi tal-UE dwar il-korruzzjoni.

4.7. L-integrità fl-isport

Il-korruzzjoni fl-isport hija problema li kulma jmur qed issir aktar viżibbli li għandha dimensjoni transkonfinali, li hi relatata l-aktar mal-opaċità tat-trasferimenti u mal-logħbiet miftehmin. Il-Kummissjoni se tanalizza s-soluzzjonijiet li jistgħu jinstabu sabiex il-problema tal-logħbiet miftehmin tiġi indirizzata b'mod aktar effettiv[55]. Dan se tagħmlu billi l-ewwel tvara studju dwar kif il-korruzzjoni fl-isport qed tiġi koperta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jista' joffri bażi għal aktar azzjonijiet permezz tal-linji politiċi f'dan il-qasam, bħall-possibbiltà li jiġu stabbiliti regoli minimi rigward id-definizzjoni ta' reati kriminali f'dan il-qasam.

4.8. Nipproteġu l-flejjes tal-UE kontra l-korruzzjoni

Aktar minn għaxar snin ilu, akkużi ta' korruzzjoni wasslu għar-riżenja tal-Kummissjoni kollha kemm hi u għall-ħolqien tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Wieħed mill-kompiti bażiċi tal-OLAF huwa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li jiġu missiltin il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li tolqot lill-interessi finanzjarji tal-UE[56].

Fl-2011, se jittieħdu diversi inizjattivi sabiex titħarrax il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni li jolqtu l-flejjes pubbliċi tal-UE. Il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u tal-investigazzjonijiet amministrattivi[57] tippreżenta l-mod kif il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tissalvagwardja l-flus tal-kontribwenti fil-livell tal-UE kontra attivitajiet illegali, inkluż kontra theddidiet ippreżentati mill-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE u barra minnhom. Il-Komunikazzjoni tindika opportunitajiet għal titjib tal-qafas tal-liġi kriminali, tal-għodod proċedurali għall-investigaturi u għall-prosekuturi, kif ukoll żviluppi istituzzjonali li jistgħu jsiru bħall-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha wkoll il-ħsieb li tadotta strateġija ġdida kontra l-frodi li ssaħħaħ il-linji politiċi finanzjarji tal-Unjoni bil-għan li tipproteġi aħjar l-interessi finanzjarji tal-UE. L-istrateġija se tidentifika l-prijoritajiet u oqsma speċifiċi ta' attività sabiex issaħħaħ il-qafas ta' bħalissa tal-Kummissjoni kontra l-korruzzjoni, b'enfasi fuq il-prevenzjoni.

B'mod li jikkumplimenta dwak l-inizjattivi, il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat il-qafas legali tal-OLAF[58] għandha t-tir li żżid l-effiċjenza u l-ħeffa tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, li ssaħħaħ il-garanziji proċedurali, kif ukoll li tirrinforza l-koperazzjoni tal-OLAF mal-Istati Membri u li ttejjeb il-governanza tiegħu.

5. Enfasi aktar qawwija fuq il-korruzzjoni fil-linji politiċi esterni tal-UE 5.1. Pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi tal-viċinat

Il-proċess tat-tkabbir tal-UE kien mutur ewleini biex saru riformi importanti kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u f'pajjiżi li jistgħu jkunu kandidati. L-aktar adeżjonijiet riċenti kellhom impatt konsiderevoli fuq il-piż reali tal-linji politiċi kontra l-korruzzjoni fl-UE. Urew ukoll li fil-mument tal-adeżjoni kien għadu diffiċli ħafna biex pajjiż jippreżenta preċedenti ta' implimentazzjoni u juri l-irriversibbiltà tar-riformi kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, wara l-adeżjoni, l-isforzi biex tiġi missielta l-korruzzjoni kellhom jibqgħu jiġu mmoniterjati.

L-oqfsa tal-2005 għan-negozjati fil-każ tal-Kroazja u tat-Turkija introduċew kapitolu speċifiku[59] li jkopri firxa ta' kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt, inklużi r-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-konsensus imġedded dwar it-tkabbir[60] kompla jsaħħaħ l-enfasi fuq l-istat tad-dritt.

Il-Kummissjoni, li taf li mingħajr rieda politika qawwija l-investiment tal-fondi tal-UE fil-bini tal-istituzzjonijiet waħdu ma jistax jiggarantixxi li l-linji politiċi kontra l-korruzzjoni jirnexxu, fl-2010 intensifikat id-djalogu tagħha dwar l-istat tad-dritt mal-pajjiżi kandidati u ma' dawk li jistgħu jkunu kandidati. Id-djalogu msaħħaħ jibni fuq l-esperjenza li nkisbet waqt il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża. Irriżulta li l-pjanijiet direzzjonali li kien fihom il-parametri referenzjarji li l-pajjiżi jridu jikkonformaw magħhom biex jiksbu l-liberalizzazzjoni tal-viża kienu għodda effiċjenti biex tiġi mmotivata r-riforma u biex tiġi pprijoritizzata. L-għan tad-djalogu dwar l-istat tad-dritt huwa li tali valutazzjoni komparattiva tissaħħaħ fi stadji aktar bikrin tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni.

L-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-Albanija u tal-Montenegro għas-sħubija fl-UE diġà ffissaw rakkomandazzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma jinfetħu n-negozjati.Id-djalogu se jkun akkumpanjat minn missjonijiet esperti annwali li għandhom isiru bil-parteċipazzjoni ta' esperti mill-Istati Membri tal-UE, li b'dan il-mod se jkunu assoċjati b'mod aktar mill-qrib mal-proċess.

Fuq il-bażi ta' dawn l-għodod, il-Kummissjoni se tissokta tagħti importanza kbira lill-moniteraġġ tal-linji politiċi kontra l-korruzzjoni u se tinforza skrutinju bir-reqqa sa mill-istadji bikrin tat-tħejjijiet għall-adeżjoni bil-għan li tikseb garanziji dwar is-sostenibbiltà tar-riformi. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-kordinazzjoni mill-qrib tad-donaturi internazzjonali sabiex jiġi evitat kwalunkwe xogħol doppju u sabiex ir-riżorsi investiti jiġu inkanalati aħjar.

Taħt l-umbrella tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jippromwovu r-rinfurzar tal-kapaċità biex tiġi missielta l-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-viċinat bħala aspett ewlieni tal-appoġġ mogħti[61]. Dan huwa importanti b'mod speċjali meta wieħed iqis l-avvenimenti ta' dan l-aħħar fl-Afrika ta' Fuq, fejn il-qawmien tal-popli kontra r-reġimi kienu mqanqlin ukoll mix-xenqa li tiġi eradikata kultura ta' korruzzjoni fil-pajjiżi tagħhom.

5.2. Linji politiċi dwar il-koperazzjoni u dwar l-iżvilupp

L-appoġġ għat-tisħiħ tal-governanza tajba u tad-demokratizzazzjoni mogħti mill-UE bħala parti mil-linja politika dwar il-koperazzjoni u l-iżvilupp ikopri wkoll il-linji politiċi kontra l-korruzzjoni[62]. Il-Kummissjoni f'dan il-kuntest timxi b'metodu msejjes fuq is-sħubija, b'mod li jinvolvi djalogu mal-gvernijiet u s-soċjetà ċivili tal-pajjiżi sħab, mal-Istati Membri tal-UE u ma' donaturi oħrajn. Filwaqt li tagħraf li jekk ma jkunx hemm rieda politika fil-pajjiż, l-appoġġ minn barra x'aktarx ma jwassalx għar-riżultati, il-Kummissjoni tqis li metodi bbażati fuq l-inċentivi jistgħu jħallu l-frott[63]. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ssaħħaħ id-djalogu mal-pajjiżi sħabha dwar il-ġlieda kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni u l-appoġġ tagħha għall-bini tal-kapaċità, b'mod li jwassal għall-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali biex tiġi missielta l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha. Fil-perjodu tal-ipprogrammar, kif ukoll matul il-proċess tal-implimentazzjoni kollu kemm hu, se tingħata attenzjoni partikulari lil strateġiji bħal dawn u lill-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

B'konformità ma' dak l-objettiv, il-Kummissjoni se tippromwovi użu akbar tal-prinċipju tal-kundizzjonalità fil-qasam tal-iżvilupp sabiex tinkuraġġixxi l-konformità mal-istandards internazzjonali minimi kontra l-korruzzjoni kif preskritti mill-UNCAC u minn konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħrajn li dawn il-pajjiżi huma parti għalihom. Fl-istess vena, il-Kummissjoni se tippromwovi użu aktar qawwi tad-dispożizzjonijiet li jkopru l-materji relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni li diġà jeżistu fil-bażijiet legali għall-koperazzjoni ma' pajjiżi sħab, se twettaq konsultazzjonijiet speċifiċi b'rispons għal każijiet serji ta' korruzzjoni, u se tapplika s-sanzjonijiet jekk ma jkunux ittieħdu l-miżuri xerqin.

Finalment, il-Kummissjoni stabbiliet oqfsa globali bit-tir li jiġu stabbiliti sistemi trasparenti għall-estrazzjoni u l-kummerċ tar-riżorsi naturali u tal-materja prima, bħall-Infurzar tal-Liġi dwar il-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ[64] u l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi, u se tkompli tappoġġahom.

5.3. Il-linja politika dwar il-kummerċ

Il-linja politika tal-UE dwar il-kummerċ tikkontribwixxi biex il-pajjiżi terzi jiġu mħeġġin jirrispettaw, inter alia, jeddijiet il-bniedem u l-governanza tajba permezz ta' relazzjonijiet kummerċjali bilaterali u permezz ta' għodod bħalma hija s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi. Dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet tfassil mill-ġdid tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi[65], b'mod li jissaħħu l-inċentivi biex jiġu rrispettati standards tajbin tal-governanza permezz tal-aderenza ma' konvenzjonijiet internazzjonali ewlenjin bħall-UNCAC u l-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni se tissokta tippromwovi l-inklużjoni, fil-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles, ta' dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trasparenza fl-akkwist internazzjonali governattiv, u fil-kontenut tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ l-estensjoni għal partijiet oħrajn għad-WTO tal-Ftehima dwar l-Akkwist Pubbliku, li fiha dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza mtejba fl-akkwist internazzjonali, b'mod li jillimita l-periklu tal-korruzzjoni.

6. Konklużjoni

Il-korruzzjoni għadha sors ta' tħassib fl-UE, kif inhu l-każ ukoll fil-bqija tad-dinja. Għalkemm in-natura u l-gravità tal-korruzzjoni jvarjaw, din teżisti fl-Istati Membri kollha u tikkawża dannu ekonomiku, soċjali u demokratiku serju.

L-istrumenti internazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni diġà qegħdin hemm, iżda l-implimentazzjoni għadha mhix biżżejjed. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-istrumenti legali rilevanti kollha jiġu trasposti għal kollox fil-leġiżlazzjoni tagħhom u, kruċjalment, li ssir azzjoni effettiva ta' segwitu għalihom u li jiġu infurzati permezz tas-sejbien u tal-prosekuzzjoni ta' reati ta' korruzzjoni, u li jkunu sostnuti minn dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali u minn preċedenti sistematiċi ta' pwieni li jiskuraġġixxu u ta' rkurpu tal-assi.

Biex naslu għal dan, hemm bżonn ta' impenn politiku aktar b'saħħtu min-naħa ta' dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE. Il-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti għall-moniteraġġ u għall-evalwazzjoni s'issa ma pproduċewx il-momentum meħtieġ. Għaldaqstant, hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE sabiex tissaħħaħ ir-rieda politika, fl-Istati Membri kollha tal-UE, biex il-korruzzjoni tiġi indirizzata vigorożament.

Għal dak il-fini, il-Kummissjoni se toħloq ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni sabiex, mill-2013 'il quddiem, tivvaluta perjodikament l-isforzi tal-Istati Membri. Fl-istess waqt, jeħtieġ li l-UE tinnegozja l-parteċipazzjoni tagħha fil-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO).

Jeħtieġ ukoll li l-UE tkompli, bħala parti minn metodu komprensiv, tindirizza l-korruzzjoni permezz tal-linji politiċi rilevanti kollha tal-UE – kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni. Għandu jintefa' enfasi akbar fuq il-korruzzjoni fl-oqsma tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, fuq regoli mmodernizzati tal-UE dwar il-konfiska tal-assi kriminali, fuq leġiżlazzjoni rriveduta tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, fuq statistika aħjar tal-UE dwar il-kriminalità, fuq linja politika aħjar kontra l-frodi sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE, fuq il-proċess tat-tkabbir tal-UE, u fuq użu akbar tal-kundizzjonalità fil-linji politiċi tal-UE dwar il-koperazzjoni u l-iżvilupp. Fl-istess ħin jeħtieġ li, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jiġi żviluppat aktar id-djalogu bejn is-settur privat u dak pubbliku fil-livell tal-UE dwar kif nistgħu nwaqqfu l-korruzzjoni milli sseħħ fis-settur tan-negozju.

Realistikament, dawn l-inizjattivi mhumiex se jeradikaw il-korruzzjoni, la fl-UE u lanqas barra minnha. Meta jitqiesu flimkien, iżda, se jgħinu biex titnaqqas il-problema u minn dan se jgawdi kulħadd.

[1]               Din il-Komunikazzjoni tuża d-definizzjoni wiesgħa tal-kelma korruzzjoni li ġiet adottata mill-Programm Globali kontra l-Korruzzjoni li huma inkarigati minnu n-Nazzjonijiet Uniti. 'abbuż mill-poter għall-gwadann personali', li għalhekk tkopri l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat.

[2]               78 %, skont l-Ewrobarometru tal-2009 dwar il-korruzzjoni. Dan l-istħarriġ isir kull sentejn. Skont riċerka li saret mit-Transparency International, 5% taċ-ċittadini tal-UE jxaħħmu kull sena, ara http://www.transparency.org/policy_research/surveys_indices/gcb. Studju minnhom jissuġġerixxi li jista' jkun li l-koruzzjoni żżid b'bejn 20 u 25% l-ispiża totali tal-kuntratti ta' akwist pubbliku, http://www.nispa.org/files/conferences/2008/papers/200804200047500.Medina_exclusion.pdf.

[3]               Il-kost ekonomiku totali tal-korruzzjoni ma jistax jiġi kkalkulat malajr. Iċ-ċifra ċċitata hija msejsa fuq stimi magħmulin minn istituzzjonijiet u korpi speċjalizzati, bħall-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, it-Transparency International, il-Patt Globali tan-NU, il-Forum Ekonomiku Dinji, il-Clean Business is Good Business, 2009, li jissuġġerixxu li l-korruzzjoni tammonta għal 5% tal-PDG fil-livell dinji.

[4]               Minn 6.23 fis-sena 2000 għal 6.30 fl-2010, minn massimu ta' 10. Fl-Indiċi tal-2010, għalkemm disa' Stati Membri ġew ikklassifikati fost l-20 pajjiż l-inqas korrotti fid-dinja, tmien Stati Membri ġew ikklassifikati taħt il-5. Is-sejbiet u tendenzi ewlenin tal-Indiċi fil-każ tal-UE ġew ikkonfermati mill-indikaturi tal-Bank Dinji dwar il-governanza madwar id-dinja kollha kemm hi, i.e. li hemm differenzi ċari bejn Stati Membri individwali, b'disa' Stati Membri tal-UE kklassifikati bħala li kisbu l-aħjar riżultati kontra l-korruzzjoni u għaxra bħala li marru l-agħar. Ara wkoll http://info.worldbank.org/governance/wgi/worldmap.asp

[5]               Il-Kummissjoni fl-2003 għamlet sejħa biex isiru tali sforzi, COM(2003) 317 finali.

[6]               Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 19 Volume 06 P. 182 - 184).

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE (ĠU L 287, 29.10.2008, p. 1).

[8]               L-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jelenka l-korruzzjoni fost dawk ir-reati li għalihom jistgħu jiġu stabbiliti direttivi li jipprovdu regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet, minħabba li l-korruzzjoni spiss ikollha implikazzjonijiet li jaqsmu l-fruntieri interni tal-UE u li jmorru lil hinn minnhom. It-tixħim transkonfinali, kif ukoll suriet oħrajn ta' korruzzjoni bħall-korruzzjoni tal-ġudikanti, jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-flussi tal-investiment.

[9]               Ara t-taqsimiet 4 u 5.

[10]             Il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li tipproċedi bil-liġi kontra l-Istati Membri talli jkunu naqsu milli jittrasponu miżuri adottati taħt it-Tielet Pilastru tat-Trattat, qabel id-dħul fis-seħħ tat-TFUE. Tali proċeduri se jkunu possibbli mill-1 ta' Diċembru 2014 'il quddiem, skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tat-Trattat ta' Lisbona.

[11]             Ara t-taqsima 3.

[12]             Ara t-taqsima 2.2 u r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO, COM(2011) 307.

[13]             Mekkaniżmu speċifiku ta' moniteraġġ applikabbli għal żewġ Stati Membri, il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifikazzjoni (il-Cooperation and Verification Mechanism, CVM) għar-Rumanija u l-Bulgarija, ilu jeżisti sa mill-2006 (Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, pp. 56, 58). Is-CVM tfaċċa bħala soluzzjoni ad hoc għan-nuqqasijiet pendenti li nstabu lejlet l-adeżjoni mal-UE. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tagħmel verifikazzjonijiet ma' għadd ta' parametri referenzjarji ddefiniti minn qabel fil-qasam tar-riformi tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll, fil-każ tal-Bulgarija, tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

[14]             Il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni (STE 173, adottata fis-27 ta' Jannar 1999) u l-Protokoll addizzjonali tagħha (ETS 191, adottat fil-15 ta' Mejju 2003); Il-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni (STE 174, adottata fl-4 ta' Novembru 1999) u l-Għoxrin Prinċipju Gwida kontra l-Korruzzjoni (Riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (97) 24).

[15]             http://www.oecd.org/document/12/0,3343,en_2649_34859_35692940_1_1_1_1,00.html .

[16]             http://www.transparency.org/global_priorities/international_conventions

[17]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE (ĠU L 287, 25.9.2008, p. 1).

[18]             Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO, COM(2011) 307.

[19]             Id-dokument tal-Kunsill 17024/09, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10/11 ta' Diċembru 2009. (ĠU C 115, p. 1). Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 6902/05, adottata fl-14.4.2005, li appellat lill-Kummissjoni biex tikkunsidra wkoll l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u moniteraġġ reċiproku.

[20]             Dikjarazzjoni bil-Miktub Nru 2/2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni, li ġiet adottata mill-Parlament Ewropew fit-18 ta' Mejju 2010.

[21]             SET 173, tas-27.1.1999.

[22]             SET 174, 4.11.1999.

[23]             Riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (97) 24.

[24]             Riżoluzzjoni 58/4 tal-31 ta’ Ottubru 2003 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

[25]             Adottata mill-Konferenza tan-Negozjar fil-21 ta' Novembru 1997.

[26]             Se jingħata kas ta' valutazzjonijiet rilevanti magħmulin mis-soċjetà ċivili. Dan jista' jinkludi l-istudju li għaddej bħalissa tat-Transparency International dwar is-Sistemi Nazzjonali tal-Integrità fl-UE.

[27]             Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO, COM(2011) 307.

[28]             ĠU C 195, 25.06.1997, p. 2-11.

[29]             ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 19 Volume 06 P. 182 – 184.

[30]             COM(2007) 328 finali.

[31]             COM(2011) 309 finali. Ir-Rapport sab li kienu biss 9 l-Istati Membri (i.e. il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Irlanda, Ċipru, il-Portugall, il-Finlandja u r-Renju Unit) li ttrasponew tajjeb l-elementi kollha tar-reat kif preskritt fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru.

[32]             L-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja.

[33]             SET 173, 27.1.1999.

[34]             L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, Spanja.

[35]             Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Renju Unit.

[36]             SET 174, 4.11.1999.

[37]             Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda.

[38]             Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, ir-Rumanija. Dawn l-Istati Membri mhumiex membri tal-OECD. Il-Bulgarija hija l-uniku Stat Membru li mhux membru tal-OECD u li adotta din il-Konvenzjoni.

[39]             L-OLAF beda analiżi sistematika tal-każijiet ta' korruzzjoni sabiex jidentifika t-theddidiet u l-vulnerabbiltajiet li huwa espost għalihom il-baġit tal-UE.

[40]             Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO, COM(2011) 307.

[41]             L-Anness III tad-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja waqt il-Laqgħa Għolja tal-G-20 f'Seoul, 11-12 ta' Novembru 2010.

[42]             Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/852/ĠAI (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 38).

[43]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (COM(2011) 176 finali); Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (COM(2010) 428); Rapport mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta' rikavati, mezzi strumentali u proprjetà konnessi mal-kriminalità (COM(2007) 805 final); Rapport mill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (COM(2008) 885 finali).

[44]             Direttiva 2005/60/KE (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

[45]             Skont l-Artikolu 21(2)(b) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, "l-FIU għandha titwaqqaf bħala unità nazzjonali ċentrali u tkun responsabbli sabiex tirċievi (u safejn ikun permess), titlob, tanalizza u tqassam lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni żvelata dwar ħasil ta' flus jew finanzjament terroristiku potenzjali jew li tkun meħtieġa mil-liġi nazzjonali jew minn regolamenti nazzjonali. Din għandha tingħata r-riżorsi adegwati sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha".

[46]             Id-Direttiva 2004/18/KE fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114) u d-Direttiva 2004/17 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).

[47]             Green Paper dwar il-modernizzazzjoni tal-Politika tal-Akkwist Pubbliku tal-UE. Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti, COM(2011) 15 finali.

[48]             Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta' koeżjoni, COM(2010) 642 final.

[49]             Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

[50]             Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

[51]             Ktiba Ħadra dwar il-Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi, COM(2010) 561 finali.

[52]             F'dawn l-aħħar snin saru ripetutament allegazzjonijiet dwar rabtiet bejn politiċi u negozji influwenti jew sidien tal-midja, notevolment rigward il-finanzjament ta' kampanji elettorali.

[53]             Dan l-appoġġ huwa żgurat permezz tal-programm speċifiku dwar 'Il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġlieda Kontrieha'.

[54]             COM(2006) 437 finali.

[55]             COM(2011) 12 finali

[56]             Kull sena l-OLAF jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu, ara http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/olaf_en.html.

[57]             Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u tal-investigazzjonijiet amministrattivi: Linja politika integrata sabiex nissalvagwardjaw flus il-kontribwenti, COM(2011) 293 finali.

[58]             COM(2011) 135 finali.

[59]             Il-Kapitolu 23.

[60]             Konsensus imġedded dwar it-tkabbir, approvat fl-14 u l-15 ta' Diċembru 2006.

[61]             Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rispons ġdid għal Viċinat li qed jinbidel, COM(2011) 303.

[62]             Komunikazzjoni dwar il-Governanza u l-Iżvilupp, COM(2003) 615 finali, u Komunikazzjoni dwar il-Governanza fil-konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp: lejn approċċ armonizzat fl-Unjoni Ewropea, COM (2006) 421 finali.

[63]             E.g. l-inizjattiva tal-governanza għall-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku li ħadet is-sura ta' 'porzjon ta' inċentiv' ta' 2.7 biljun Ewro sabiex tiġi inkuraġġita r-rieda politka favur ir-riforma.

[64]             Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ, COM(2003) 251 finali.

[65]             COM(2011) 241 finali.

Top