Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AP0212

    Il-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija ***I Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija (test kodifikat) (COM(2010)0717 – C7-0404/2010 – 2010/0348(COD))
    P7_TC1-COD(2010)0348 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil- 11 ta’ Mejju 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija (Kodifikazzjoni) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 237–239 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 377/237


    L-Erbgħa 11 ta’ Mejju 2011
    Il-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija ***I

    P7_TA(2011)0212

    Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija (test kodifikat) (COM(2010)0717 – C7-0404/2010 – 2010/0348(COD))

    2012/C 377 E/39

    (Proċedura leġislattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0717),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0404/2010),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2011 (1),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Diċembru 1994 – Metodu ta’ ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi (2),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 86 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0090/2011),

    A.

    billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali,

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


    (1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 74.

    (2)  ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


    L-Erbgħa 11 ta’ Mejju 2011
    P7_TC1-COD(2010)0348

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Mejju 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija (Kodifikazzjoni)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 86/415/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Id-Direttiva 86/415/KEE hija waħda mid-Direttivi separati tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip KE prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 74/150/KEE, kif sostitwita bid-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (5), u tistabbilixxi preskrizzjonijiet tekniċi dwar id-disinn u l-kostruzzjoni ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija f’dak li jirrigwarda l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli. Dawk il-preskrizzjonijiet tekniċi jikkonċernaw l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jippermettu l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip KE prevista mid-Direttiva 2003/37/KE għal kull tip ta’ trattur. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/37/KE dwar tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati, japplikaw għal din id-Direttiva.

    (3)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness VI, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1.   ‘Tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija’ tfisser kull vettura bil-mutur mgħammra bir-roti jew b'ċineg mingħajr tarf u li jkollha mill-inqas żewġ fusien, li l-funzjoni prinċipali tagħha tkun il-qawwa tal-ġbid u li tkun iddisinjata speċjalment sabiex tirmonka, timbotta, iġġorr jew tħaddem ċerti għodod, makkinarju jew karrijiet maħsuba għall-agrikoltura jew għall-forestrija. Tista’ tkun mgħammra sabiex iġorr tagħbija jew passiġġieri.

    2.   Din id-Direttiva għandha tapplika biss għat-tratturi definiti fil-paragrafu 1 li jkunu mgħammra b'tajers pnewmatiċi u li jkollhom veloċità massima skont id-disinn ta’ bejn 6 u 40 km/siegħa.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali fir-rigward ta’ trattur jew jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni tiegħu jew jipprojbixxu l-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew l-użu tiegħu għal raġunijiet ti mal-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli jekk dawn tal-aħħar jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Annessi I sa IV.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jispeċifikaw, b'osservazzjoni xierqa tat-Trattat, ir-rekwiżiti li jqisu li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti meta jużaw it-tratturi inkwistjoni, sakemm dan ma jfissirx li t-tratturi jiġu modifikati b'mod li mhuwiex speċifikat f'din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    L-emendi neċessarji sabiex l-Annessi I sa V jiġu adattati għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2003/37/KE.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 6

    Id-Direttiva 86/415/KEE, kif emendata bid-Direttivi mniżżla fl-Anness VI, Parti A, hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness VI, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VII.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi […],

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 74.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011.

    (3)  OJ L 240, 26.8.1986, p. 1.

    (4)  Ara l-Anness VI, Parti A.

    (5)  ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.


    Top