Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0536

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 fir-rigward tar-regoli għall-implimentazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti skont il-politika agrikola komuni” COM(2010) 772 finali – 2010/0372 (COD)

    ĠU C 132, 3.5.2011, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 132/87


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 fir-rigward tar-regoli għall-implimentazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti skont il-politika agrikola komuni”

    COM(2010) 772 finali – 2010/0372 (COD)

    2011/C 132/16

    Relatur uniku: is-Sur MIRA

    Nhar it-18 ta' Jannar 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 fir-rigward tar-regoli għall-implimentazzjoni ta' modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti skont il-politika agrikola komuni

    COM(2010) 772 finali – 2010/0372 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta' Frar 2011.

    Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Marzu 2011 (seduta tal-15 ta' Marzu 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'176 voti favur, 2 voti kontra u 14-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   L-allinjament tar-Regolament Nru 378/2007 (modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti skont il-PAK) mat-Trattat ta' Lisbona jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat delegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali biex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta' atti leġislattivi (atti delegati), u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' atti tal-Unjoni li jorbtu bil-liġi (atti ta' implimentazzjoni). Il-KESE jemmen bis-sħiħ fil-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-Istati Membri matul it-tħejjija tal-leġislazzjoni Komunitarja, u jenfasizza l-bżonn li titkompla.

    1.2   Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti netti li jirriżultaw mill-modulazzjoni volontarja permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr l-għajnuna ta' kumitat, bil-għan li l-proċeduri jkunu rapidi u effettivi.

    1.3   Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni bl-għajnuna tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali bil-għan li jiġi żgurat li l-modulazzjoni volontarja tiġi inegrata fil-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali.

    1.4   Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni bl-għajnuna tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli bil-għan li tiġi żgurata l-ġestjoni finanzjarja tal-modulazzjoni volontarja.

    2.   Kummenti

    2.1   Il-modulazzjoni volontarja hija strument fakultattiv li jinvolvi trasferiment sa massimu ta' 20 % tas-somma totali tal-għajnuna diretta fil-qafas tal-ewwel pilastru direttament lill-iżvilpp rurali, mingħar il-bżonn ta' ridistribuzzjoni. Fi kliem ieħor, is-somma modulata (meħuda mill-ewwel pilastru) hija eżattament l-istess bħas-somma li “tidħol” fit-tieni pilastru f'kull Stat Membru: ma hemm l-ebda obbligu ta' kofinanzjament. L-uniċi Stati Membri li talbu li jużaw din id-dispożizzjoni kienu l-Portugall u r-Renju Unit, għalkemm il-Portugall qatt ma applikaha fil-fatt għax diġà għandu bilanċ bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK.

    2.2   Ir-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li juża l-modulazzjoni volontarja biex jittrasferixxi persentaġġ tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-ewwel pilastru għal skopijiet ta' zvilupp rurali. Dan it-trasferiment iżid l-ammont li għandu r-Renju Unit biex jiffinanzja l-iżvilupp rurali.

    2.3   Il-proposti tal-Kummissjoni li jemendaw ir-Regolament Nru 378/2007 (modulazzjoni volontarja tal-pagamenti direeti skont il-PAK) jinvolvu dawn it-tipi ta' emendi:

    Emendi marbuta mal-allinjament mat-Trattat ta' Lisbona

    L-għoti ta' setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tiżgura li l-modulazzjoni volontarja tiġi applikata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha

    L-għoti ta' setgħat lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, mingħajr l-għajnuna ta' kumitat.

    2.4   It-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi żewġ kategoriji ġodda ta' atti ġudizzjarji: atti delegati u atti ta' implimentazzjoni.

    2.5   Fil-każ tal-atti delegati, il-leġislatur jiddelega s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti li jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' att leġisattiv. L-atti delegati jistgħu jippreċiżaw ċerti dettalji tekniċi jew jikkonsistu f'emenda sussegwenti ta' ċerti elementi ta' att leġislattiv. Għalhekk, il-leġislatur jista' jiffoka fuq id-direzzjoni u l-għanijiet tal-politiki mingħajr ma jidħol f'dibattiti tekniċi żżejjed. Iżda, din id-delega għandha restrizzjonijiet stretti għax il-Kummissjoni biss tista' tiġi awtorizzata tadotta atti delegati. Barra minn hekk, il-leġislatur jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tad-delega. Għalhekk, l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Kunsill jew il-Parlament Ewropew jista' jirtira delega jew jillimita l-perjodu ta' applikazzjoni tagħha.

    2.6   Fil-każ tal-atti ta' implimentazzjoni, it-Trattat ta' Lisbona jsaħħaħ ukoll is-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-prinċipju, l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Iżda, ċerti miżuri tal-UE jridu jiġu applikati b'mod uniformi fl-UE, u f'dawn iż-żewġ każi l-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni fuq l-applikazzjoni tagħhom.

    Qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, is-setgħa ta' implimentazzjoni kienet f'idejn il-Kunsill, li ddelega l-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. L-Artikolu 291 TFUE issa jirrikonoxxi s-setgħa mogħtia lill-Kummissjoni. Għalhekk, f'każ li jeħtieġ li l-miżuri tal-UE jiġu applikati b'mod uniformi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha l-awtorizzazzjoni diretta li tadotta atti ta' implimentazzjoni.

    3.   Kummenti finali

    3.1   Għalkemm dan mhuwiex direttament marbut mal-allinjament mat-Trattat ta' Lisbona, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-forums rappreżentati minn gruppi konsultattivi fil-konsultazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili. Ma għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar ir-rwol ta' dawn il-forums, peress li jaqdu rwol essenzjali fit-trażmissjoni tal-għarfien speċjalizzat u l-pożizzjonijiet lill-Kummissjoni kif ukoll biex il-partijiet interessati jsiru midħla tal-leġislazzjoni li tkun qed titħejja f'fażi bikrija.

    3.2   Il-KESE jinnota li d-distinzjoni bejn l-atti ta' delega u l-atti ta' implimentazzjoni hija interpretata b'mod differenti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Minħabba f'hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-għażla tal-proċedura għal kull att trid issir fuq il-bażi ta' kriterji ċari.

    3.3   Deċiżjonijiet oħra jistgħu jeħtieġu konsultazzjoni minn qabel mal-Istati Membri sabiex tinħoloq komprensjoni reċiproka tajba. Dan jippermetti wkoll li l-Kummissjoni tibbenefika mill-għarfien speċjalizzat tal-Istati Membri.

    3.4   Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti netti li jirriżultaw mill-modulazzjoni volontarja permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr l-għajnuna ta' kumitat, bil-għan li l-proċeduri jkunu rapidi u effettivi.

    3.5   Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni bl-għajnuna tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali bil-għan li jiġi żgurat li l-modulazzjoni volontarja tiġi integrata fil-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali.

    3.6   Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni għanu jkollha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni bl-għajnuna tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli bil-għan li tiġi żgurata l-ġestjoni finanzjarja tal-modulazzjoni volontarja.

    Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top